This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Garanzija għaż-Żgħażagħ
L-impenn tal-Istati Membri sabiex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha li għandhom inqas minn 25 sena jirċievu offerta ta' kwalità ta' impjieg tajjeb, edukazzjoni kontinwata, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn mindu jisfaw qiegħda jew minn mindu jitilqu mill-edukazzjoni formali.
ATT
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (Ġurnal Uffiċjali C 120 tas-26.4.2013)
SOMMARJU
7.5 miljun żagħżugħ/żagħżugħa fl-UE ma għandhomx xogħol, mhux qegħdin f'edukazzjoni u lanqas f'taħriġ. Dan jirrappreżenta 12.9% taż-żgħażagħ Ewropej kollha li għandhom bejn 15 u 24 sena. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ iżżomm liż-żgħażagħ f'kuntatt mas-suq tax-xogħol u tikkontribwixxi għas-sigurtà fl-impjieg fit-tul tagħhom. L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jistabbilixxu Garanziji għaż-Żgħażagħ sabiex jipprovdu liż-żgħażagħ b'offerta ta' kwalità tajba - adatta għall-ħtiġijiet tal-individwu - ta' xogħol, apprendistat, traineeship, jew edukazzjoni kontinwata fi żmien erba' xhur minn meta jisfaw bla xogħol jew jitilqu mill-edukazzjoni formali.
Skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ
Il-pajjiżi tal-UE qegħdin jistabbilixxu skemi nazzjonali biex iwasslu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ.
L-iżvilupp u t-twassil tal-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ jeħtieġu kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-atturi kollha involuti: l-awtoritajiet pubbliċi, is-servizzi tal-impjiegi, il-fornituri ta' gwida għall-karrieri, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, negozji, impjegaturi, trade unions, eċċ.
Intervent u attivazzjoni bikrin huma fundamentali u, f'bosta każijiet, hemm bżonn ta' riformi, bħal titjib fl-edukazzjoni vokazzjonali u sistemi ta' taħriġ.
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tgħin lil kull pajjiż jistabbilixxi l-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ malajr kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni tiffaċilita wkoll il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn il-gvernijiet.
“Offerta ta' kwalità tajba”
Jekk offerta tkun ta' kwalità tajba, il-persuna li tibbenefika minna għandha tikseb konnessjoni sostenibbli mas-suq tax-xogħol, jiġifieri, ma tmurx lura għal sitwazzjoni ta' qgħad jew ta' inattività minn hemm 'il quddiem.
“Offerta ta' kwalità tajba” tfisser b'mod partikolari: l-offerta ta' gwida personalizzata u l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni individwalizzat li jirriżulta f'offerta xierqa għall-individwu (impjieg, edukazzjoni kontinwata, apprendistat jew traineeship).
Punt ta' tluq
Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija għaż-żgħażagħ kollha - kemm jekk reġistrati kif ukoll jekk le mas-Servizzi tal-Impjiegi Pubbliċi.
Il-punt ta' tluq għat-twassil tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ lil persuna żagħżugħa għandu jkun ir-reġistrazzjoni ma' servizz tal-impjiegi, u għal dawk in-NEETs (żgħażagħ li la huma f'impjieg, la f'edukazzjoni u lanqas f'taħriġ) li mhumiex irreġistrati ma' servizz tal-impjiegi, Stati Membri għandhom jiddefinixxu punt ta' tluq korrespondenti sabiex iwasslu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fi ħdan l-istess qafas ta' żmien ta' erba' xhur.
Storja ta' suċċess
Il-Finlandja żviluppat skema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ komprensiva. Evalwazzjoni ta' Eurofound sabet li, fl-2011, 83.5% ta' dawk iż-żgħażagħ li kienu qed ifittxu xogħol irċevew offerta fi żmien 3 xhur minn mindu rreġistraw bħala qiegħda u li huma aċċettawha. L-iskema Finlandiża waslet sabiex pjanijiet personalizzati għaż-żgħażagħ jitfasslu aktar malajr, u fl-aħħar mill-aħħar dan baxxa l-ammont ta' qgħad.
Għal ħarsa ġenerali lejn inizjattivi nazzjonali simili, ara http://ec.europa.eu/social/youthguarantee
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Ġurnal Uffiċjali |
- |
- |
ĠU C 120 tas-26.4.2013 |
l-aħħar aġġornament 13.01.2014