Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat eżentati min-notifika

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2015/1588 — l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tadotta regolamenti li jeżentaw ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat mill-obbligu ġenerali li l-ewwel jinnotifikaw lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha.
  • Dan jissostitwixxi — mill-14 ta’Ottubru 2015 — ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (jiġifieri għajnuna mill-Istat li tapplika għall-industriji kollha pjuttost milli għal waħda speċifika).

PUNTI EWLENIN

  • B’mod ġenerali, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-pajjiżi tal-UE lill-kumpaniji għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni minn qabel.
  • Dan ir-regolament jippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolamenti — magħrufa bħala regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija — li jiddikjaraw ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE u għalhekk eżentati mir-rekwiżit normali li jinnotifikaw.
  • Il-kategoriji ta’ għajnuna eżentata jinkludu finanzjament ipprovdut mill-istrumenti u proġetti finanzjarji amministrati ċentralment tal-UE appoġġjati minn programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali tal-UE.
  • Għal kull kategorija ta’ għajnuna eżentata, ir-regolament għandu jinkludi ċerta informazzjoni bażika inkluża l-fini tal-għajnuna u l-benefiċjarji.
  • Ċerti tipi ta’ għajnuna jistgħu jkunu eżentati wkoll mir-rekwiżiti ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat tas-soltu sakemm, matul perjodu ta’ żmien partikolari, l-għajnuna lill-kumpanija inkwistjoni ma taqbiżx ammont fiss speċifiku — l-hekk imsejħa regola de minimis.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiggarantixxu t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-għajnuna eżentata. Dan jinkludi l-pubblikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni fuq is-sit web tal-Kummissjoni u s-sottomissjoni mill-pajjiż tal-UE lill-Kummissjoni ta’ rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-għajnuna.
  • Ir-regolament li jippermetti l-eżenzjoni għandu japplika għal perjodu speċifiku biss. Dan jista’ jiġi emendat jekk xi waħda miċ-ċirkostanzi li tagħti lok għall-eżenzjoni tkun inbidlet b’mod sinifikanti.
  • Qabel ma l-Kummissjoni tadotta regolament li jagħti eżenzjoni, din għandha l-ewwel tippubblika abbozz biex il-partijiet interessati jitħallew jissottomettu l-kummenti.
  • Ir-regolament jipprovdi għall-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE u presedut mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat meta tippubblika abbozz ta’ regolament li jeżenta kwalunkwe kategorija ta’ għajnuna kif ukoll qabel l-adozzjoni finali tar-regolament.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-14 ta’ Ottubru 2015.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, pp. 1-8)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2015/1588 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 21.06.2019

Top