EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1623 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?

Dawn għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-iżvilupp billi jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u s-sitt pajjiżi kkonċernati.

PUNTI EWLENIN

Il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) tikkonsisti fi:

  • il-Botswana
  • il-Lesoto
  • il-Mozambique
  • in-Namibja
  • l-Afrika t’Isfel u
  • l-Eswatini (li qabel kienet is-Swaziland).

Orjentazzjoni favur l-żvilupp

  • Il-ftehim huwa wieħed asimetriku. L-UE tiggarantixxi lill-Botswana, lil-Lesoto, lill-Mozambique, lin-Namibja, u lill-Eswatini aċċess għas-suq tal-UE mingħajr dazju* u mingħajr kwoti.* Hija wkoll tagħti lill-Afrika t’Isfel aċċess imtejjeb għas-suq lil hinn mill-ftehim preċedenti.
  • Dan il-Ftehim ma jeħtieġx li l-pajjiżi SADC jibbilanċjaw l-aċċess għas-suq mogħti lilhom mill-UE. L-SADC tista’ żżomm it-tariffi fuq ċerti prodotti biex tipproteġihom mill-kompetizzjoni internazzjonali.
  • Il-pajjiżi tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) jistgħu jżidu d-dazji fuq l-importazzjoni jekk l-importazzjonijiet mill-UE tant jiżdiedu jew jiżdiedu tant malajr li jheddu li jfixklu l-produzzjoni domestika.
  • L-UE ma tistax tuża sussidji fuq l-esportazzjoni agrikola.
  • Il-ftehim jippromwovi d-diversifikazzjoni ekonomika billi jnaqqas id-dazji fuq l-importazzjoni ta’ prodotti “intermedji” bħaż-żrieragħ, il-fertilizzanti u l-makkinarju, bil-għan li jagħmel dawn il-prodotti aktar aċċessibbli għall-intraprendituri Afrikani.

Indikazzjonijiet ġeografiċi

  • Produtturi tal-UE ta’ prodotti tradizzjonali li għandhom reputazzjoni dinjija, eż. inbejjed u prodotti tal-ikel, għandhom id-dritt esklussiv li jużaw l-ismijiet tradizzjonali tagħhom fl-Afrika t’Isfel.
  • Diversi indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Afrika t’Isfel huma protetti fis-suq tal-UE, bħal tipi differenti ta’ nbid u te rooibos.

Żvilupp sostenibbli

  • Jeħtieġ li l-partijiet kollha jżommu standards soċjali u ambjentali.
  • Il-ftehim jistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni għal kwistjonijiet ambjentali jew tax-xogħol u jiddefinixxi lista komprensiva ta’ oqsma għall-kooperazzjoni bejn is-sħab biex irawmu l-iżvilupp sostenibbli.

Eċċezzjonijiet (derogi) għar-regoli tal-oriġini

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/882 dwar id-deroga mir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-EPA bejn is-SADC u l-UE dwar l-alonga ppreparata jew ippreservata tal-intestatura HS 1604, immanifatturata minn alonga mhux oriġinarja tal-Intestaturi HS 0302 jew 0303, mogħtija lin-Namibja bi kwota annwali ta’ 800 tunnellata metrika.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

Sakemm jidħol fis-seħħ il-ftehim bejn l-UE u l-SADC kollha, il-ftehim japplika b’mod provviżorju mill-10 ta’ Ottubru 2016 bejn l-UE u l-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Afrika t’Isfel u l-Eswatini kif indikat fl-avviż (ara d-dokumenti relatati hawn taħt) u mill-4 ta’ Frar 2018 bejn l-UE u l-Mozambique (ara l-avviżi rilevanti taħt id-“dokumenti relatati” hawn taħt).

L-applikazzjoni provviżorja teskludi l-Artikolu 12(4), li jittratta l-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-EPA SADC li kien diġà applikabbli.

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1623 ilha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Mingħajr dazju. Eżenti mill-ħlas tad-dazju.
Mingħajr kwoti. Mingħajr l-ebda limitu fuq il-kwantitajiet tal-prodotti importati jew esportati.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1623 tal-1 ta’ Ġunju 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (ĠU L 250, 16.9.2016, pp. 1–2).

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (ĠU L 250, 16.9.2016, pp. 3–2120).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/882 tat-23 ta’ Mejju 2017 dwar id-derogi mir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Istati EPA SADC min-naħa l-oħra, li japplikaw fi kwota għal ċerti prodotti min-Namibja (ĠU L 135, 24.5.2017, pp. 15–17).

Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (ĠU L 38, 10.2.2018, p. 1).

Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (ĠU L 274, 11.10.2016, p. 1).

Avviż dwar l-applikazzjoni fl-UE tal-kumulazzjoni prevista skont il-paragrafi 3 u 7 tal-Artikolu 7 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn is-SADC u l-UE, mal-Istati EPA ACP l-oħra u mal-pajjiżi u t-territorji barranin tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 407, 12.11.2018, p. 8).

Avviż dwar il-lista ta’ materjali li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel u li ma jistgħux jiġu importati fl-UE mingħajr dazju u mingħajr kwoti, li l-kumulazzjoni prevista skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn is-SADC u l-UE m’għandux japplika (ĠU C 407 , 12.11.2018, pp. 5–7).

l-aħħar aġġornament 09.09.2021

Top