Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-agrikoltura fl-UE — ir-regoli dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan ir-regolament, li huwa wieħed mill-atti bażiċi tal-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE, jistabbilixxi r-regoli għall-finanzjament, għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ taħt iż-żewġ fondi ewlenin tal-PAK.

Ir-regolament ġie emendat diversi drabi, l-aktar reċenti bir-Regolament (UE) 2020/2220.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli li jkopru:

  • il-finanzjament tan-nefqa taħt il-PAK, inkluż in-nefqa fuq l-iżvilupp rurali;
  • is-sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli;
  • is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-pajjiżi tal-UE;
  • is-sistema ta’ kondizzjonalità;
  • l-approvazzjoni tal-kontijiet.

Fondi li jiffinanzjaw il-PAK

Struttura ta’ governanza

  • Iż-żewġ fondi jiġu operati f’ġestjoni kondiviża bejn l-UE u l-pajjiżi tal-UE.
  • Aġenziji tal-pagamenti:
    • dipartimenti jew korpi tal-pajjiżi tal-UE;
    • huma responsabbli għall-ġestjoni u għall-kontroll tan-nefqa;
    • għandhom jikkonformaw mar-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea.
  • Korpi taċ-ċertifikazzjoni:
    • korpi pubbliċi jew privati maħtura mill-pajjiżi tal-UE;
    • jipprovdu opinjoni, imfassla skont standards tal-awditjar aċċettati fil-livell internazzjonali, dwar:
      • il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet annwali tal-aġenzija tal-pagamenti;
      • il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll intern tal-aġenzija tal-pagamenti;
      • il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li għaliha ġie mitlub rimborż mill-Kummissjoni.

Sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli

Biex jagħtu pariri lill-benefiċjarji dwar il-ġestjoni ta’ artijiet u l-ġestjoni tal-azjendi agrikoli, il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli.

Is-sistema tkopri għadd ta’ elementi, li jinkludu:

  • ir-rekwiżiti u l-istandards tal-kundizzjonalità;
  • il-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima, għall-ambjent u għaż-żamma taż-żona agrikola;
  • miżuri fil-livell tal-azjendi agrikoli meħtieġa fi programmi ta’ żvilupp rurali għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, għall-bini tal-kompetittività, għall-integrazzjoni settorjali, għall-innovazzjoni u għall-orjentazzjoni tas-suq, u għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;
  • jiġi żgurat li l-konsulenti huma kwalifikati u mħarrġa sew.

Ġestjoni finanzjarja

Ir-regolament jistabbilixxi regoli għall-ġestjoni finanzjarja taż-żewġ fondi, inkluż:

  • għall-FAEG
    • il-finanzjament tan-nefqa — inkluż il-limitu massimu tal-baġit u l-proċedura għall-pagamenti ta’ kull xahar;
    • il-ġestjoni tal-baġit — inkluż il-proċedura ta’ dixxiplina finanzjarja, id-dixxiplina tal-baġit u sistema ta’ twissija bikrija u ta’ monitoraġġ ta’ kull xahar;
  • għall-FAEŻR
    • il-finanzjament ta’ programmi tal-iżvilupp rurali — inklużi kontribuzzjonijiet finanzjarji lil u mill-FAEŻR u impenji baġitarji;
    • il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-programmi tal-iżvilupp rurali — inklużi arranġamenti ta’ prefinanzjament, pagamenti interim u pagamenti tal-bilanċ;
  • il-mezzi għall-Kummissjoni biex tiżgura li n-nefqa tkun twettqet skont ir-regoli tal-UE — inkluż is-setgħa li tnaqqas u li tissospendi pagamenti.

Approvazzjoni tal-kontijiet

  • Verifiki mill-Kummissjoni fil-pajjiżi tal-UE, inkluż il-verifika:
    • li l-prattiki amministrattivi jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni;
    • li d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa jeżistu u li jikkorrispondu għall-operazzjonijiet iffinanzjati mill-fondi;
    • li l-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-FAEG jew mill-FAEŻR ġew rispettati u verifikati;
    • l-akkreditament tal-aġenziji tal-pagamenti.
  • L-aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti — il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa disponibbli għall-Kummissjoni.
  • Proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet — il-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jinkludu d-deċiżjoni tagħha dwar il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet annwali ppreżentati mill-aġenziji tal-pagamenti akkreditati.
  • Approvazzjoni tal-konformità — meta n-nefqa ma tkunx konformi mal-liġi tal-UE applikabbli (u, fir-rigward tal-FAEŻR, dik nazzjonali wkoll), il-Kummissjoni se tiddetermina l-ammont li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-UE.
  • Irregolaritajiet — meta jkun sar pagament mhux dovut minħabba irregolarità jew negliġenza, il-pajjiżi tal-UE għandhom jitolbu l-irkupru tal-pagament mill-benefiċjarju fi żmien 18-il xahar mill-identifikazzjoni tal-irregolarità.

Kontrolli

  • Biex jiġi żgurat li l-appoġġ jiġi allokat b’mod korrett lill-benefiċjarji, il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jistabbilixxu sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll effiċjenti. Għal ċerti pagamenti, il-pajjiżi tal-UE għandhom joperaw sistema għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ pagamenti lill-bdiewa, is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll.
  • Ir-rekwiżiti ta’ kontroll jitnaqqsu f’reġjuni fejn il-kontrolli preċedenti wrew riżultati tajbin, u jiżdiedu f’reġjuni fejn hemm il-problemi.
  • Skrutinju tat-tranżazzjonijiet. Ir-regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iskrutinju tad-dokumenti kummerċjali ta’ dawk l-aġenziji jew l-entitajiet li qed iħallsu (jew ir-rappreżentanti tagħhom) direttament jew indirettament relatati mas-sistema finanzjarja tal-FAEG sabiex jiġi verifikat jekk it-tranżazzjonijiet fis-sistema verament twettqux u ġewx eżegwiti b’mod korrett. L-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet mhux se japplika għall-miżuri koperti mis-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll.

Penali

Ir-regolament jipprovdi li, minbarra n-nuqqas ta’ ħlas jew l-irtirar ta’ pagament lill-benefiċjarji li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-eliġibilità, impenji jew obbligi oħra, il-pajjiżi tal-UE għandhom, jekk rilevanti, jimponu penali amministrattivi fuqhom.

Kundizzjonalità

Il-pagamenti diretti kollha, ċerti pagamenti għall-iżvilupp rurali u ċerti pagamenti għad-dwieli huma marbuta mal-konformità ma’ għadd ta’ rekwiżiti legali minimi relatati ma’:

  • l-ambjent;
  • it-tibdil fil-klima;
  • il-kundizzjonijiet agrikoli tal-art;
  • l-istandards dwar is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, u
  • t-trattament xieraq tal-annimali

Regoli komuni

Ir-regolament jistabbilixxi wkoll għadd ta’ regoli komuni li jkopru kwistjonijiet bħalma huma:

  • l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mill-pajjiżi tal-UE u kif tintuża;
  • l-użu tal-euro u r-rata tal-kambju użata;
  • l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex ikejjel il-prestazzjoni tal-PAK;
  • ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jiġu pubblikati l-benefiċjari, għajr dawk li jirċievu ammonti żgħar ħafna (EUR 1,250 jew inqas, skont il-pajjiż tal-UE).

Il-pandemija tal-COVID-19

Wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2020/531 jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jħallsu livell ogħla ta’ avvanzi lill-benefiċjarji għas-sena 2020. Dan biex jikkumpensa għad-dewmien potenzjali fil-pagamenti tal-għajnuna minħabba d-diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali li rriżultaw u li wasslu biex jiddewwem it-twettiq tal-verifiki.

Regoli trażizzjonali għas-snin 2021 u 2022

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/2220, adottat f’Diċembru 2020, jippermetti l-applikazzjoni kontinwa tar-regoli taħt il-qafas tal-PAK 2014-2020 u jiżgura l-kontinwità tal-pagamenti lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħra tal-appoġġ mill-FAEG u l-FAEŻR fis-snin 2021 u 2022, sad-data tal-applikazzjoni tal-qafas legali l-ġdid li jkopri l-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2023.

Għal kull waħda mis-snin 2021 u 2022, l-ammont tar-riżerva huwa stabbilita għal EUR 400 miljun (skont il-prezzijiet tal-2011) u jaqa’ taħt l-Intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2093 (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/2220 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 549-607)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni soġġetti għal liċenzji u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-depożitu ta’ garanziji fl-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji (ĠU L 185, 12.6.2020, pp. 1-23)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/761 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti tariffarji bil-liċenzji (ĠU L 185, 12.6.2020, pp. 24-252)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/531 tas-16 ta’ April 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-pagamenti diretti kif ukoll għal miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pagamenti diretti (ĠU L 119, 17.4.2020, pp. 1-2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, pp. 59-124)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, pp. 69-124)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, pp. 48-73)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku (ĠU L 255, 28.8.2014 pp. 1-17)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, pp. 18-58)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 487-548)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 608-670)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 01.01.2023

Top