EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/276/09

Sejħa għall-offerti maħruġa mill-Italja skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 għall-ġestjoni ta' servizzi tal-ajru skedati bejn Crotone u Roma Fiumicino u viċiversa Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU C 276, 31.10.2008, p. 90–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 276/90


Sejħa għall-offerti maħruġa mill-Italja skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 għall-ġestjoni ta' servizzi tal-ajru skedati bejn Crotone u Roma Fiumicino u viċiversa

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 276/09)

PREMESSA

Il-Gvern Taljan (Il-Ministeru tal-Infrastrutturi u tat-Trasport), skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 u f'konformità mad-deċiżjonijiet meħuda fil-konferenza tas-servizzi li saret fi ħdan ir-reġjun tal-Calabria, approva din is-sejħa għall-offerti għall-għoti ta' konċessjoni tas-servizz ta' trasport bl-ajru skedat bejn Crotone-Roma Fiumicino u viċiversa.

L-istandards mitluba mill-impożizzjoni ta' dawn l-obbligi ta' servizz pubbliku ġew ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 241 tal-20 ta' Settembru 2008.

Jekk fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-obbligi msemmija hawn fuq, l-ebda trasportatur tal-ajru ma jkun ressaq applikazzjoni biex jibda servizzi bl-ajru skedati fuq ir-rotta msemmija, skont l-obbligi imposti u mingħajr ma jintalab kumpens finanzjarju, il-Gvern Taljan (il-Ministeru tal-Infrastrutturi u tat-Trasport), fl-ambitu tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92, iddeċieda li jillimita l-aċċess għal trasportatur tal-ajru uniku li jintgħażel permezz ta' sejħa għall-offerti sabiex jipprovdi s-servizz bl-ajru kkonċernat skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-istess Regolament.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Din is-sejħa għall-offerti tiddefinixxi s-suġġett tas-sejħa, il-modalitajiet għall-parteċipazzjoni fis-sejħa, ir-regoli dwar it-tul ta' żmien, il-modifika u l-iskadenza tal-kuntratt, il-penali f'każ ta' nuqqas ta' osservanza tad-dispożizzjonijiet preskritti u l-garanziji li jakkumpanjaw l-offerta u l-eżekuzzjoni tal-ftehim.

Id-dritt għall-operar tas-servizz fuq ir-rotta kkonċernata jingħata permezz ta' sejħa pubblika fuq il-bażi tal-offerta l-aktar vantaġġuża mil-lat ekonomiku billi jitqies l-ammont tal-kumpens finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 6 ta' din is-sejħa.

1.   Suġġett tas-sejħa

L-operar ta' servizzi bl-ajru skedati fuq ir-rotta Crotone-Roma Fiumicino u viċiversa, bħala parti mill-obbligi ta' servizz pubbliku imposti u ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 241 tal-20 ta' Settembru 2008, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

2.   Parteċipazzjoni

It-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji kollha, hekk kif huma definiti mill-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 jistgħu jressqu applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sejħa. Dawn għandhom ikollhom ir-rekwiżiti li ġejjin:

Rekwiżiti ġenerali

1.

ma jkunux fi stat ta' falliment jew likwidazzjoni mandatorja, fi ftehim preventiv mal-kredituri jew jinsabu fi proċedimenti ta' din in-natura;

2.

ma jkunux ġew ipprojbiti skont l-Artikolu 9(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001, jew soġġetti għal kwalunkwe projbizzjoni oħra fuq in-negozjar ta' kuntratti mal-amministrazzjoni pubblika;

3.

ikunu onoraw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ħlas ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;

4.

ma jkunux għamlu dikjarazzjonijiet foloz fir-rigward tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-parteċipazzjoni f'sejħiet għall-offerti oħra għall-operar ta' servizzi bl-ajru skedati skont l-obbligi ta' servizz pubbliku.

Bil-għan li jiġi ppruvat li huwa jissodisfa r-rekwiżiti msemmija hawn fuq, l-applikant għandu jiċċertifika l-qagħda tiegħu fil-konfront tal-punt 3 b'ċertifikat li jixhed il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet maħruġ mill-INPS jew mill-INAIL, u biċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 68 tat-12 ta' Marzu 1999 dwar “Norme per il diritto al lavoro dei disabili” (Regoli rigward id-dritt għax-xogħol għal persuni b'diżabbiltà); għall-punti 1, 2 u 4 b'dikjarazzjoni ekwivalenti għal ċertifikat (“dichiarazione sostitutiva di certificazione”) skont l-Artikoli 46 u 47 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445 tat-28 ta' Diċembru 2000.

Għall-kandidati minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea barra l-Italja, iċ-ċertifikati u l-attestati tal-applikanti għandhom jinħarġu mill-Amministrazzjonijiet u l-Organi tal-pajjiż tal-oriġini, flimkien ma' traduzzjoni bit-Taljan iċċertifikata mill-Konsulat Taljan bħala konformi mal-oriġinal.

Rekwiżiti tekniċi

1.

liċenzja tal-operatur tal-ajru maħruġa skont ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92;

2.

assigurazzjoni obbligatorja f'każ ta' inċidenti, partikolarment fir-rigward ta' passiġġieri, bagalji, tagħbija ta' merkanzija u partijiet terzi, skont ir-Regolament (KE) Nru 785/2004;

3.

ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC) konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

4.

il-kandidat ma jkunx imniżżel fl-hekk imsejħa “lista sewda” tal-kumpaniji tal-ajru li ma jissodisfawx l-istandards Ewropej tas-sikurezza, hekk kif ippubblikata fuq is-sit tal-internet: http://ec.europa.eu/transport/air-ban;

5.

id-disponibbiltà ta' sistema ta' kontabbiltà analitika li tidentifika t-tqassim tal-ispejjeż rilevanti (inklużi l-ispejjeż fissi u d-dħul).

Fil-każ li trasportatur ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti msemmija hawn fuq wara li jkun ressaq l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sejħa, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi eskluża awtomatikament mill-valutazzjoni tal-offerti.

Fil-każ li r-rekwiżiti msemmija hawn fuq ma jibqgħux ikunu sodisfatti f'mument wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 5, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 14 u tas-subparagrafu ta' qabel ta' l-aħħar tal-paragrafu 15 ta' din is-sejħa għall-offerti.

3.   Proċedura

Din is-sejħa għall-offerti hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-punti (d), (e), (f), (h) u (i) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

4.   Dossier tal-offerti

Id-dossier tal-offerti komplut, li fih ir-regoli speċifiċi applikabbli għas-sejħa, il-limitu ta' żmien tal-validità tas-sejħa u kull informazzjoni oħra meqjusa utli, jikkostitwixxi, fil-każijiet kollha, parti integranti minn din is-sejħa għall-offerti flimkien mal-mudell ta' ftehim imsemmi fit-taqsima 5, u jista' jintalab bla ħlas lil dan l-indirizz: ENAC, Direzione Trasporto Aereo, viale del Castro Pretorio, n. 118, I-00185 Roma jew bil-posta elettronika lil dan l-indirizz: trasporto.aereo@enac.rupa.it.

5.   Ftehim li jirregola s-servizz

Is-servizz għandu jkun irregolat minn ftehim bejn it-trasportatur u l-ENAC, imfassal skont mudell li jagħmel parti mid-dossier tal-offerta.

6.   Kumpens finanzjarju

L-ammont massimu tal-kumpens finanzjarju li għandu jintuża bħala bażi għas-sejħa għall-għoti tas-servizz tat-trasport bl-ajru għar-rotta kkonċernata, jammonta għal EUR 1 724 666 (VAT inkluża) fis-sena.

L-offerti, imfassla skont il-modalitajiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, għandhom jindikaw espliċitament, fil-parti tal-formola dwar l-offerta ekonomika bi tqassim annwali, l-ammont massimu meħtieġ bħala kumpens, fil-limitu msemmi hawn fuq, għall-operar tas-servizz ikkonċernat.

L-ammont eżatt tal-kumpens għandu jiġi ddeterminat retroattivament kull sena, abbażi tal-ispejjeż effettivament imġarrba u d-dħul effettivament iġġenerat mis-servizz, bil-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' sostenn u fil-limitu massimu tal-ammont indikat fl-offerta, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta.

It-trasportatur tal-ajru fl-ebda każ ma għandu jitlob bħala kumpens finanzjarju somma ogħla mil-limitu massimu stabbilit mill-ftehim, minħabba n-natura tal-pagament li ma jikkostitwixxix kunsiderazzjoni iżda kumpens għall-provvista ta' servizz suġġett għal obbligu ta' servizz pubbliku.

Il-pagamenti annwali għandhom isiru bin-nifs u b'kalkolu tal-bilanċ finali, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, bla ħsara għal kwalunkwe kontroll possibbli mill-ENAC bil-għan li jivverifika d-destinazzjoni effettiva tal-kumpens mogħti u li r-rekwiżiti meħtieġa jibqgħu sodisfatti mit-trasportatur tal-ajru benefiċjarju. Il-bilanċ finali għandu jitħallas wara r-riżultati tal-verifika tal-kontabbiltà analitika mressqa mit-trasportatur għar-rotta kkonċernata u l-verifika tal-konformità tas-servizzi mwettqa u dawk miftiehma.

7.   Tariffi

L-offerti mressqa għandhom jispeċifikaw it-tariffi previsti, skont kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar l-impożizzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku, ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 241 tal-20 ta' Settembru 2008.

8.   Ftuħ tar-rotta

Ir-rotta għandha tinfetaħ sa mhux aktar tard minn 15-il jum mid-data li fiha ġie konkluż il-ftehim, u dan il-ftuħ għandu jiġi ċċertifikat permezz ta' rapport ta' bidu tas-servizz, iffirmat mit-trasportatur li jkun intgħażel u mill-ENAC.

9.   Tul ta' żmien tal-ftehim

Il-Ftehim huwa validu għal sentejn, li jibdew mid-data tal-ftuħ effettiv tas-servizz bl-ajru skedat fuq ir-rotta kkonċernata.

It-trasportatur jintrabat li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ENAC il-persunal, id-dokumentazzjoni teknika u kontabbli, l-apparat u dak kollu li jista' jkun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-attività ta' sorveljanza u kontroll tal-eżekuzzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tad-digriet ta' impożizzjoni, ta' din is-sejħa, tal-ftehim u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta.

In-nuqqas ta' qadi tal-obbligi msemmija fis-subparagrafu preċedenti jwassal għal ksur li jista' jiġi sanzjonat skont kif previst fit-taqsima 11 ta' din is-sejħa.

10.   Kanċellazzjoni tal-ftehim

Kull waħda mill-partijiet tista' tikkanċella l-ftehim qabel l-iskadenza normali tiegħu jekk jingħata avviż minn sitt xhur qabel mingħajr obbligi ta' kumpens jew indennità, u f'kull każ mhux qabel 12-il xahar mill-ftuħ tas-servizz.

Jekk it-trasportatur jinterrompi s-servizz, jitqies li jkun irtira mill-ftehim mingħajr avviż minn qabel, sakemm ma jerġax jibda jopera skont l-obbligu ta' servizz pubbliku sa 30 jum minn meta jirċievi avviż mingħand l-ENAC biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligu msemmi.

F'każ ta' terminazzjoni tal-ftehim min-naħa tat-trasportatur, l-ENAC tirriżerva d-dritt li tagħmel il-valutazzjonijiet xierqa bil-għan li tipproponi lill-Ministeru tat-Trasport il-konklużjoni ta' ftehim ġdid mat-trasportatur li jmiss fil-klassifika tal-applikanti. Il-kundizzjonijiet tal-operar tas-servizz kif ukoll il-livell proporzjonali tal-kumpens dovut għandhom ikunu dawk stabbiliti qabel ma ngħata l-obbligu ta' servizz pubbliku.

11.   Nuqqas ta' konformità u penali

L-interruzzjoni tas-servizz minħabba r-raġunjiet li ġejjin ma tikkostitwix ksur tal-obbligi tat-trasportatur:

kundizzjonijiet tat-temp perikolużi;

l-għeluq ta' wieħed mill-ajruporti indikati fil-programm operattiv;

problemi ta' sikurezza;

azzjoni industrijali;

każijiet ta' forza maġġuri.

L-interruzzjoni tas-servizz għal dawn ir-raġunijiet twassal għat-tnaqqis fl-ammont tal-kumpens proporzjonali għat-titjiriet li ma jsirux.

F'każ li ma jitwettqux is-servizzi u l-obbligi stipulati fil-ftehim, l-ENAC għandha d-dritt li timponi penali lit-trasportatur. Il-livell tal-penali jogħla skont l-għadd ta' infrazzjonijiet li jkunu saru, kif deskritti fil-mudell ta' ftehim.

Madankollu, l-ammont tal-penali fl-ebda każ ma jista' jaqbeż il-50 % tal-ammont massimu ta' kumpens finanzjarju stipulat fit-taqsima 6 tas-sejħa għall-offerti. Jekk dan il-limitu jinqabeż, l-ENAC għandha d-dritt li ttemm il-ftehim minħabba l-ksur tal-obbligi, u jiġi revokat minnufih kull kumpens li jkun għadu ma tħallasx.

L-għadd ta' titjiriet ikkanċellati għal raġunjiet li għalihom ikun direttament responsabbli t-trasportatur ma għandux ikun ogħla minn 2 % tal-għadd ta' titjiriet ippjanati fl-istess sena.

Jekk dan il-limitu jinqabeż, it-trasportatur għandu jħallas lill-ENAC penali li tammonta għal EUR 3 000 għal kull kanċellazzjoni lil hinn mill-limitu msemmi tat-2 %, wara li tkun intbagħtet twissija formali lit-trasportatur sa għaxart ijiem minn meta l-ENAC tkun saret taf bil-kwistjoni. Lit-trasportatur jingħatalu terminu ta' mhux iktar minn sebat ijiem biex jiġġustifika ruħu.

Barra minn hekk, l-ENAC għandha tirrevedi l-ammont tal-kumpens finanzjarju b'mod proporzjonali għat-titjiriet li jkunu saru. L-ammonti miġburin għandhom jiġu allokati għat-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport minn u lejn il-belt ta' Crotone.

Jekk ma jintbagħatx l-avviż imsemmi fit-taqsima 10, għandha tiġi imposta penali kkalkolata abbażi tal-kumpens annwali u tal-perjodu taż-żmien li tulu ma ntbagħatx l-avviż, b'bidu mid-data ta' meta ġie interrott is-servizz, skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-taqsima 10, u skont il-formola li ġejja:

P = CA/GG x gg

fejn:

P

=

penali

CA

=

kumpens annwali

GG

=

għadd ta' jiem fis-sena kkonċernata (365 jew 366)

gg

=

jiem fil-perjodu taż-żmien li tulu ma ntbagħatx l-avviż

Il-penali msemmijin f'dan l-Artikolu jistgħu jiżdiedu mal-penali previsti fir-regolamenti Komunitarji u skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali.

12.   Garanziji li jakkumpanjaw l-offerta

Biex tiġi żgurata s-serjetà u l-affidabbiltà tal-offerta, it-trasportatur li jieħu sehem f'din is-sejħa għandu jressaq garanzija xierqa li tammonta għal 2 % tal-ammont massimu ta' kumpens finanzjarju msemmi fit-taqsima 6, permezz ta' depożitu jew garanzija bankarja jew tal-assigurazzjoni, skont l-għażla tal-applikant.

Il-modalitajiet għat-tressiq tal-garanzija msemmija jkunu stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, u jistgħu jidhru wkoll fil-ftehim.

Il-garanzija għandha tkun valida għal tal-anqas 180 jum mid-data tal-għeluq tat-tressiq tal-offerti, u t-trasportatur għandu jintrabat li jġedded il-garanzija, fuq talba tal-ENAC matul l-istess proċedura, f'każ li sal-iskadenza tal-garanzija ma jkunx ingħata l-kuntratt.

Meta l-ENAC tgħarraf lit-trasportaturi li ma ntgħażlux fil-proċedura tal-għotja, għandha tirrilaxxa l-garanzija tagħhom.

13.   Garanziji ta' eżekuzzjoni u kopertura tal-assigurazzjoni

It-trasportatur li jingħatalu l-kuntratt ta' operar tas-servizzi bl-ajru msemmija f'din is-sejħa bħala obbligu ta' servizz pubbliku għandu jagħti garanzija bankarja jew tal-assigurazzjoni ta' EUR 700 000 favur l-ENAC, li żżomm id-dritt li tużaha biex tiggarantixxi t-tkomplija tas-servizz ikkonċernat.

Ir-rilaxx tal-garanzija għandu jkun awtomatiku, mingħajr ħtieġa ta' approvazzjoni mill-ENAC, u bil-kundizzjoni li r-riżultati tal-verifika msemmija fl-aħħar paragrafu tat-taqsima 6 ta' hawn fuq huma pożittivi.

14.   Telf u revoka tal-kumpens finanzjarju

It-telf fi kwalunkwe mument wara l-Ftehim tar-rekwiżiti ġenerali u tekniċi msemmijin fit-taqsima 2 ta' din is-sejħa kif ukoll dawk previsti mill-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta jwassal għat-telf ta' l-għoti tar-rotta, ir-revoka tal-benefiċċju tal-kumpens finanzjarju u l-irkupru ta' rati eventwali mħallsa u mhux dovuti, biż-żieda ta' l-interessi statutorji.

Wara t-telf tad-dritt ta' operar tar-rotta, l-ENAC tista' tiġi awtorizzata mill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport biex tiffirma ftehim ġdid, għall-kumplament tal-perjodu tas-servizzi bl-ajru skedati, mat-trasportatur li jmiss fil-klassifika tal-applikanti.

F'dak il-każ, it-tul ta' żmien tal-ftehim għandu jibda mid-data li fiha jibda s-servizz u jintemm fid-data ta' skadenza prevista fil-ftehim revokat, skont il-programm operattiv approvat waqt il-valutazzjoni tal-offerta mressqa mit-trasportatur li kien rebaħ il-kuntratt.

15.   Revoka tal-ftehim

Jekk it-trasportatur jonqos milli jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-avviż ippubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 241 tal-20 ta' Settembru 2008, fid-Digriet korrispondenti, fil-ftehim, f'din is-sejħa għall-offerti u fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa, l-ENAC tista', skont l-Artikolu 1454 tal-Kodiċi Ċivili, tibgħat twissija formali lit-trasportatur li tagħtih 15-il jum mill-wasla tagħha biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imsemmija.

Jekk wara dan il-perjodu ta' żmien it-trasportatur għadu ma jikkonformax, l-ENAC għandha d-dritt li tqis il-ftehim awtomatikament revokat, kif ukoll li żżomm l-ammont tal-garanzija msemmi fit-taqsima 13 ta' hawn fuq, u li titlob kumpens mit-trasportatur għad-danni mġarrba.

Barra minn hekk, jekk it-trasportatur ma jwettaqx l-obbligi u s-servizzi stipulati fil-ftehim, f'din is-sejħa għall-offerti u fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa, l-ENAC, skont l-Artikolu 1456 tal-Kodiċi Ċivili, għandha d-dritt li ttemm il-ftehim, wara notifika bil-miktub lit-trasportatur.

F'każ li l-ftehim jiġi revokat, l-ENAC tista' tiġi awtorizzata mill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport biex tiffirma ftehim ieħor, għall-kumplament tal-perjodu tas-servizzi bl-ajru skedati, mat-trasportatur li jmiss fil-klassifika tal-applikanti għas-sejħa għar-rotta kkonċernata.

F'dak il-każ, it-tul ta' żmien tal-ftehim għandu jibda mid-data li fiha jibda s-servizz u jintemm fid-data ta' skadenza prevista fil-ftehim revokat, skont il-programm operattiv approvat waqt il-valutazzjoni tal-offerta mressqa mit-trasportatur li kien rebaħ il-kuntratt.

16.   Tressiq tal-offerti

L-offerti, imħejjija skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti, għandhom jaslu sal-indirizz li ġej sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din is-sejħa fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sew b'ittra rreġistrata b'notifika tal-wasla, sew bl-idejn soġġett għall-ħruġ ta' rċevuta: ENAC, Direzione generale, viale del Castro Pretorio 118, I- 00185 Roma.

Biex ma jiġux esklużi, l-offerti għandhom jitressqu fi tliet envelops magħluqin u ssiġillati.

L-envelop ta' barra, magħluq, issiġillat u inizjalat fuq iż-żewġ naħat, għandu jkun fih żewġ envelopps, dawn ukoll issiġillati u inizjalati fuq iż-żewġt naħat. Fuq l-envelop ta' barra għandu jidher il-kliem: “Offerta per la gara in oneri di servizio pubblico sulla rotta CrotoneRoma Fiumicino e viceversa”.

Id-dokumenti li għandhom jiddaħħlu f'dawn it-tliet envelops jingħataw fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta msemmija fit-taqsima 4 ta' din is-sejħa.

Importanti li wieħed jinnota li min jibgħat l-offerta jitqies totalment responsabbli f'każ li l-pakkett, għal kwalunkwe raġuni, ma jasalx għad-destinazzjoni tiegħu sad-data tal-għeluq imsemmija hawn fuq.

Jekk titressaq offerta valida waħda biss, il-proċedura ta' għotja tista' tkompli xorta waħda.

17.   Perjodu ta' validità tal-offerti

180 jum mid-data tal-għeluq tat-tressiq tal-offerti.

18.   Għoti tal-kuntratt

Il-kuntratt jingħata mill-ENAC, permezz ta' kumitat imwaqqaf apposta, magħmul minn direttur tal-ENAC maħtur mid-Direttur Ġenerali, espert fil-qasam tat-trasport bl-ajru maħtur mir-Reġjun tal-Calabria, u president maħtur bi qbil bejn l-ENAC u r-Reġjun tal-Calabria. L-appoġġ segretarjali jiġi pprovdut minn uffiċjal tal-ENAC.

19.   Trattament tad-dejta personali

Kull dejta personali se tintuża u tiġi pproċessata esklussivament għall-finijiet istituzzjonali, filwaqt li jiġu garantiti l-protezzjoni u l-kunfidenzjalità skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Għal dan il-għan, it-trasportatur li jintgħażel għandu jiffirma l-awtorizzazzjoni relatata ma' l-ipproċessar tad-data personali, skond kif u stabbilit fid-D.Lgs. 196/2003 u emendi u żidiet sussegwenti.

20.   Trattament tad-dejta sensittiva

Id-dejta sensittiva inkluża fl-offerti mressqa mit-trasportaturi għandha tiġi pproċessata skont ir-“Regolamento per il trattamento dei dati sensibili e giudiziari” (Regolament għall-ipproċessar tad-dejta sensittiva u ġudizzjarja), approvat mill-bord eżekuttiv tal-ENAC fit-2 ta' Marzu 2006, u disponibbli fuq il-websajt tal-ENAC enac-italia.it.


Top