This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0442
Judgment of the Court (First Chamber) of 19 December 2019.#European Central Bank v Espírito Santo Financial (Portugal), SGPS, SA.#Appeal — Refusal to grant access to decisions of the Governing Council of the European Central Bank (ECB) — Protocol on the Statute of the European System of Central Banks and of the ECB — Article 10.4 — Confidentiality of the proceedings of meetings — Outcome of deliberations — Possibility of disclosure — Decision 2004/258/EC — Access to ECB documents — Article 4(1)(a) — Confidentiality of proceedings — Undermining of the protection of the public interest.#Case C-442/18 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) vs Espírito Santo Financial (Portugal), SGPS, SA.
Appell – Rifjut li jingħata l-aċċess għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE – Artikolu 10(4) – Kunfidenzjalità tal-laqgħat – Riżultat tad-deliberazzjonijiet – Possibbiltà ta’ żvelar – Deċiżjoni 2004/258/KE – Aċċess għad-dokumenti tal-BĊE – Artikolu 4(1)(a) – Kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet – Preġudizzju għall-protezzjoni tal-interess pubbliku.
Kawża C-442/18 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) vs Espírito Santo Financial (Portugal), SGPS, SA.
Appell – Rifjut li jingħata l-aċċess għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE – Artikolu 10(4) – Kunfidenzjalità tal-laqgħat – Riżultat tad-deliberazzjonijiet – Possibbiltà ta’ żvelar – Deċiżjoni 2004/258/KE – Aċċess għad-dokumenti tal-BĊE – Artikolu 4(1)(a) – Kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet – Preġudizzju għall-protezzjoni tal-interess pubbliku.
Kawża C-442/18 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1117
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Appell – Rifjut li jingħata l-aċċess għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE – Artikolu 10(4) – Kunfidenzjalità tal-laqgħat – Riżultat tad-deliberazzjonijiet – Possibbiltà ta’ żvelar – Deċiżjoni 2004/258/KE – Aċċess għad-dokumenti tal-BĊE – Artikolu 4(1)(a) – Kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet – Preġudizzju għall-protezzjoni tal-interess pubbliku”
Fil-Kawża C‑442/18 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑5 ta’ Lulju 2018
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn F. Malfrère u M. Ioannidis, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, Rechtsanwalt,
appellant
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Espírito Santo Financial (Portugal), SGPS, SA, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), irrappreżentata minn L. Soares Romão, J. Shearman de Macedo u D. Castanheira Pereira, advogados,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Safjan, L. S. Rossi, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2019,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ottubru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ April 2018, Espírito Santo Financial (Portugal) vs BĊE (T‑251/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:234), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-BĊE tal‑1 ta’ April 2015 li tirrifjuta parzjalment l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati mad-deċiżjoni tal-BĊE tal‑1 ta’ Awwissu 2014 dwar Banco Espírito Santo SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258/KE tal‑4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2015/529 tal‑21 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 84, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2004/258”), hija redatta kif ġej: “Għandu jingħata aċċess aktar wiesa’ għad-dokumenti tal-ECB, filwaqt li fl-istess ħin jiġu protetti l-indipendenza tal-ECB u tal-banek ċentrali nazzjonali (NCB) previżta bl-Artikolu 108 tat-Trattat u l-Artikolu 7 ta’ l-Istatut, u l-kunfidenzjalita’ ta’ ċerti kwistjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-ħidmiet tal-ECB. Biex tiġi salvagwardjata l-effettivita’ tal-proċess li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ECB, inklużi l-konsultazzjonijiet u l-preparazzjonijiet interni tiegħu, il-proċedimenti tal-laqgħat tal-korpi tal-ECB responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma kunfidenzjali, sakemm il-korp relevanti jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-dibattiti tiegħu.” |
3 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni jistipula: “1. Il-ECB għandu jiċħad l-aċċess għal dokument meta l-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta’:
|
4 |
Konformement mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija deċiżjoni, “[i]d-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat tal-ECB għandu jew jagħti aċċess għad-dokument mitlub u jipprovdi aċċess skond l-Artikolu 9 jew, jgħid f’risposta bil-miktub, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda totali jew parzjali u jinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu biex jagħmel applikazzjoni ta’ konferma skond il-paragrafu 2, fi żmien għoxrin ġurnata ta’ xogħol mir-riċevuta ta’ l-applikazzjoni, jew tal-kjarifikazzjonijiet mitluba skond l-Artikolu 6(2).” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
5 |
Espírito Santo Financial (Portugal) SGPS SA (iktar ’il quddiem “ESF”) hija kumpannija holding irregolata skont id-dritt Portugiż, li kienet waħda mill-azzjonisti prinċipali ta’ Banco Espírito Santo SA (iktar ’il quddiem “BES”). |
6 |
Mix-xahar ta’ Mejju 2014, BES użat l-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema u, mis‑17 ta’ Lulju 2014, bdiet tirċievi likwidità f’urġenza pprovduta minn Banco de Portugal (il-Bank tal-Portugall). |
7 |
Fit‑23 ta’ Lulju 2014, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Gvernaturi”) iddeċieda li ma jopponix, sal-laqgħa ordinarja sussegwenti, għall-għoti ta’ likwidità f’urġenza lil BES sa ċertu massimu. |
8 |
Fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tat‑28 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem il-“Proposta tat‑28 ta’ Lulju 2014”), il-Bord tal-Gvernaturi ddeċieda, fl-istess jum, li jżomm l-aċċess ta’ BES għall-istrumenti ta’ kreditu tal-politika monetarja (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2014”). L-ammont tal-kreditu pprovdut lil BES, lill-fergħat tagħha u lis-sussidjarji tagħha permezz tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema ġie llimitat għal-livell tat‑28 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“ammont tal-kreditu kkonċernat”). Din id-deċiżjoni ġiet irreġistrata fi proċess verbal, li fih kien hemm ukoll dan l-ammont. |
9 |
Fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tal‑1 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem il-“Proposta tal‑1 ta’ Awwissu 2014”), il-Bord tal-Gvernaturi ddeċieda, fl-istess jum, b’mod partikolari, li jissospendi l-aċċess ta’ BES għall-istrumenti ta’ kreditu tal-politika monetarja minħabba riskju u ordna li BES jirrimborsa l-kreditu kollu mogħti fil-kuntest tal-Eurosistema (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2014”). Din id-deċiżjoni ġiet irreġistrata wkoll fi proċess verbali, li fih kien hemm ukoll il-massimu tal-provvista ta’ likwidità f’urġenza li setgħet tingħata mill-Bank tal-Portugall lil BES. |
10 |
F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Portugiżi ddeċidew li jissuġġettaw lil BES għal proċedimenti ta’ riżoluzzjoni u, fis‑27 ta’ Ottubru 2014, infetħet proċedura ta’ insolvenza kontra ESF. |
11 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Novembru 2014, ESF talbet lill-BĊE għall-aċċess għad-Deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2014 kif ukoll għad-dokumenti kollha fil-pussess tiegħu marbuta ma’ din id-deċiżjoni. |
12 |
Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Jannar 2015, il-BĊE wieġeb għal din it-talba u ta lil ESF l-aċċess, sħiħ jew parzjali, għal ċertu numru tad-dokumenti mitluba minn din tal-aħħar, fosthom, b’mod partikolari, aċċess parzjali għall-estratti mill-proċessi verbali li jivvalidaw id-deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014 kif ukoll għall-proposti tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014. |
13 |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Frar 2015, ESF indirizzat talba konfermattiva lill-BĊE, li fiha hija qieset li l-motivazzjoni pprovduta mill-BĊE intiża li tiġġustifika l-aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti mitluba kienet wisq vaga u ġenerali. |
14 |
Barra minn hekk, hija talbet l-aċċess, b’mod partikolari, għall-ammonti li tħallew barra fl-estratti tal-proċessi verbali li jivvalidaw id-deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014 impoġġija fid-dispożizzjoni tagħha, jiġifieri l-ammont tal-kreditu kkonċernat u l-limitu tal-provvista ta’ likwidità f’urġenza li setgħet tingħata mill-Bank tal-Portugall lil BES, kif ukoll għal ċerta informazzjoni li ġiet mgħottija fil-proposti tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014. |
15 |
Fil‑5 ta’ Frar 2015, il-BĊE indika li kienet ser tingħata tweġiba għat-talba konfermattiva tagħha sal‑4 ta’ Marzu 2015. Madankollu, fil‑5 ta’ Marzu 2015, il-BĊE estenda t-terminu għat-tweġiba għal din it-talba. |
16 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża tiegħu tal‑1 ta’ April 2015, il-BĊE żvela lil ESF informazzjoni addizzjonali li tinsab fil-proposti tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014. Għall-kumplament, huwa kkonferma r-rifjut ta’ għoti ta’ aċċess għall-ammonti mgħottija fl-estratti tal-proċessi verbali li jivvalidaw id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014 kif ukoll għal ċerti siltiet imħassra tal-proposti tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
17 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2015, ESF ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita meħuda mill-BĊE fl‑4 ta’ Marzu 2015 u tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għall-kundanna tal-BĊE għall-ispejjeż. |
18 |
It-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet ibbażata fuq erba’ motivi. L-ewwel tliet motivi kienu jirrigwardaw l-ammonti li ma ġewx inklużi fl-estratti tal-proċessi verbali li jivvalidaw id-deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014 mibgħuta lill-appellanti u kienu bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq ksur tal-ewwel, tat-tieni u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 kif ukoll fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni, rispettivament. Ir-raba’ motiv kien jirrigwarda l-informazzjoni li ġiet mgħottija fil-proposti tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014 ipprovduti lir-rikorrenti f’dik il-kawża. |
19 |
Il-BĊE talab li dan ir-rikors jiġi miċħud u li ESF tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
20 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita. Fit-tieni lok, hija ċaħdet l-ilmenti mqajma kontra r-rifjut tal-BĊE li jagħti l-aċċess għal-limitu tal-provvista ta’ likwidità f’urġenza billi qies dan ir-rifjut iġġustifikat abbażi tat-tieni u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. Fit-tielet lok, fir-rigward tar-rifjut tal-BĊE li jagħti l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni dwar l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u kkonkludiet li t-tieni u t-tielet motiv ibbażati fuq ksur tat-tieni u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 kif ukoll tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni, rispettivament, kienu fondati sa fejn dawn kienu jirrigwardaw l-imsemmi ammont. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tar-raba’ motiv dwar l-informazzjoni mgħottija fil-proposti tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014. |
21 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-BĊE rrifjuta l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat kif ukoll għall-informazzjoni mgħottija fil-proposti tat-28 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Awwissu 2014. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors u ddeċidiet li ESF u l-BĊE għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
22 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
23 |
ESF titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
24 |
Insostenn tal-appell tiegħu, il-BĊE jinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”) kif ukoll tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. |
L-argumenti tal-partijiet
25 |
Il-BĊE jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 124 u 161 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien mal-punti 54 sa 56 u 75 sa 81 tagħha, li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-Bord tal-Gvernaturi fir-rigward tad-diffużjoni tal-proċessi verbali tiegħu għandu jiġi eżerċitat fil-kundizzjonijiet u l-limiti tad-Deċiżjoni 2004/258. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant qieset b’mod żbaljat li l-BĊE kellu jipprovdi motivazzjoni li tispjega kif l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-proċessi verbali tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi u li jivvalidaw id-deċiżjonijiet tiegħu, konkretament u effettivament, ippreġudikat l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE. |
26 |
Skont il-BĊE, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 għandu jiġi interpretat konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ kunfidenzjalità tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi, liema kunfidenzjalità tkopri l-proċessi verbali kollha tal-Bord tal-Gvernaturi, inkluż sa fejn dawn jirriflettu r-riżultat tad-deliberazzjonijiet. |
27 |
Il-BĊE jargumenta wkoll li t-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE tagħmel eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali ta’ kunfidenzjalità, billi tippermetti lill-Bord tal-Gvernaturi, permezz ta’ deċiżjoni pożittiva u diskrezzjonali, jagħmel pubbliku r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu. Din il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-Bord tal-Gvernaturi ma tistax tiġi llimitata bid-Deċiżjoni 2004/258, li sempliċement tafferma, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tagħha, il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità. |
28 |
Il-BĊE jargumenta, barra minn hekk, li l-Artikolu 10(4) ta’ dan il-protokoll jipprevedi espressament li huwa biss il-Bord tal-Gvernaturi nnifsu li jista’ jiddeċiedi li jiżvela l-proċessi verbali rispettivi tiegħu, filwaqt li d-Deċiżjoni 2004/258 tpoġġi l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tal-BĊE f’idejn id-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat u tal-Bord Eżekuttiv. |
29 |
Il-BĊE jqis li huwa ma għandux l-obbligu jipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar għaliex l-iżvelar tal-proċessi verbali tal-Bord tal-Gvernaturi jista’, konkretament u effettivament, jippreġudika l-interess pubbliku fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi. Ċertament, il-BĊE huwa suġġett għall-obbligu ġenerali li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu. Għaldaqstant huwa obbligat jispjega li ċerta informazzjoni mitluba tinsab f’dawn il-proċessi verbali u taqa’, konsegwentement, taħt l-Artikolu 10(4) tal-imsemmi protokoll u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. Madankollu, teżisti preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità stabbilita fl-Artikolu 10(4) tal-istess protokoll, skont liema l-iżvelar tal-proċessi verbali jippreġudika l-indipendenza u l-effikaċità tal-proċess deċiżjonali tal-BĊE. |
30 |
ESF targumenta li l-appell huwa, essenzjalment, riproduzzjoni tal-argumenti mqajma mill-BĊE quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, huwa jippreċiża li l-pożizzjoni tiegħu hija l-istess bħal dik li huwa kien diġà esprima quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 71). |
32 |
Minkejja li l-BĊE qiegħed jitlob l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, skont liema d-deċiżjoni kontenzjuża hija annullata sa fejn din irrifjutat l-aċċess, minn naħa, għall-ammont tal-kreditu kkonċernat, u, min-naħa l-oħra, għall-informazzjoni mgħottija fil-proposti tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014, huwa ma jiżviluppa ebda aggravju jew argument dwar l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni mgħottija f’dawn il-proposti tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Għaldaqstant, din il-parti tal-appell għandha titqies bħala inammissibbli. |
33 |
Fir-rigward tal-parti tal-appell li tirrigwarda l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi jagħmel pubbliku r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu. Sussegwentement hija qieset li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi u, konsegwentement, il-proċessi verbali li jivvalidawhom ma jgawdux minn protezzjoni assoluta f’dak li jirrigwarda d-diffużjoni tagħhom u li l-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu f’dan ir-rigward għandu jiġi eżerċitat fil-kundizzjonijiet u l-limiti previsti mid-Deċiżjoni 2004/258. |
34 |
Barra minn hekk, fil-punti 122 u 123, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkonstatat li l-ammont tal-kreditu kkonċernat kien imsemmi fil-proċess verbali li jivvalida d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2014 u li l-BĊE kien għamel riferiment, sabiex jirrifjuta l-iżvelar ta’ dan l-ammont, għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u għall-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE. |
35 |
Fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-BĊE ma kienx immotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kontenzjuża għaliex huwa kien imissu, minn naħa, jispjega r-raġunijiet li għalihom l-ammont mhux żvelat lir-rikorrenti f’dik il-kawża fil-kuntest ta’ aċċess parzjali għad-dokument mitlub minn din tal-aħħar kien jaqa’ fil-qasam kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u, min-naħa l-oħra, jipprovdi motivazzjoni li tippermetti li wieħed jifhem u jivverifika kif, konkretament u effettivament, l-aċċess għal din l-informazzjoni kien jippreġudika l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE. |
36 |
Għandu jiġi rrilevat li tali rekwiżit ta’ motivazzjoni jirriżulta neċessarjament minn interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, skont liema l-kunfidenzjalità tar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi hija żgurata biss jekk l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku. |
37 |
Ċertament, il-formulazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-deċiżjoni tidher miftuħa għal interpretazzjoni bħal dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali sa fejn din tipprevedi li l-BĊE għandu jirrifjuta l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE, li fosthom hemm il-Bord tal-Gvernaturi. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija deċiżjoni jagħti lid-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat tal-BĊE l-għażla bejn l-għoti tal-aċċess għad-dokument mitlub u l-komunikazzjoni lill-applikant tal-motivi tar-rifjut totali jew parzjali tiegħu. |
39 |
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuqha timplika li hija r-responsabbiltà ta’ dan id-direttur li jivverifika jekk l-iżvelar tar-riżultat tad-deliberazzjonijiet jippreġudikax l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità ta’ dawn id-deliberazzjonijiet u, fin-nuqqas, li jagħti l-aċċess għad-dokument li jivvalida dan ir-riżultat. |
40 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li test ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Bħalma rrileva l-BĊE, it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE tipprevedi li huwa l-obbligu tal-Bord tal-Gvernaturi li jiddeċiedi jekk hemmx lok li r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu jsir pubbliku, filwaqt li, bħalma jirriżulta mill-punt 38 ta’ din s-sentenza, l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 jagħti lid-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat tal-BĊE l-għażla bejn l-għoti tal-aċċess għad-dokument mitlub u l-komunikazzjoni lill-applikant tal-motivi tar-rifjut totali jew parzjali li jagħti dan l-aċċess. |
42 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, dan id-direttur jingħata l-possibbiltà li jiddeċiedi jekk hemmx lok li jagħti l-aċċess għar-riżultat tad-deliberazzjonijiet u b’dan il-mod jidħol fuq il-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Bord tal-Gvernaturi bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-imsemmi protokoll. |
43 |
Għaldaqstant, sabiex tiġi protetta din il-kompetenza, għandu jitqies li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi l-kunfidenzjalità tar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi, mingħajr ma jkun meħtieġ li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu dan ir-riżultat ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku. |
44 |
Konsegwentement, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija deċiżjoni, id-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat tal-BĊE għandu jirrifjuta l-aċċess għar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi, ħlief jekk dan tal-aħħar ikun iddeċieda li jagħmlu, totalment jew parzjalment, pubbliku. |
45 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni hija kkorroborata mid-dikjarazzjoni tal-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2004/258, skont liema l-laqgħat tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE huma kunfidenzjali, ħlief jekk il-korp ikkonċernat ikun iddeċieda li jagħmel ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu pubbliku. |
46 |
Għaldaqstant, il-motivazzjoni tar-rifjut li jingħata l-aċċess għar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiġi llimitat billi jiġi invokat l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 għal dokumenti li jirriflettu r-riżultat ta’ dawn id-deliberazzjonijiet. |
47 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li l-BĊE kien imissu, minn naħa, spjega r-raġunijiet li għalihom l-ammont mhux żvelat lir-rikorrenti f’dik il-kawża fil-kuntest ta’ aċċess parzjali għad-dokument mitlub minn din tal-aħħar kien jaqa’ taħt il-qasam kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u, min-naħa l-oħra, ipprovda motivazzjoni li tippermetti li jinftiehem u li jiġi vverifikat kif, konkretament u effettivament, l-aċeess għal din l-informazzjoni kien jippreġudika l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE. Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
48 |
Għaldaqstant, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat, sa fejn, permezz ta’ dan il-punt, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża peress li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-BĊE rrifjuta l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat. |
Fuq il-kawża fl-ewwel istanza
49 |
Konformenent mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, hija tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża definittivament hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
50 |
Dan huwa l-każ fil-kawża odjerna. |
51 |
Sa fejn, bħalma jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 47 tas-sentenza odjerna, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, fil-parti tiegħu dwar ir-rifjut li jingħata l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, għandhom jiġu analizzati dan il-motiv kif ukoll it-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza fl-ilment tagħha bbażat fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. |
52 |
Permezz tal-ewwel motiv tagħha mqajjem fl-ewwel istanza, fil-parti tiegħu dwar ir-rifjut li jingħata l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza tikkritika lill-BĊE li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni meta huwa rrifjuta dan l-aċċess abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. |
53 |
Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza tikkontesta l-fondatezza tal-invokazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija deċiżjoni sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut li jingħata l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat. B’mod partikolari, hija targumenta li dan l-ammont ma setax jitqies bħala li jagħmel parti mid-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE u li l-informazzjoni mitluba ma kinitx tidher ta’ natura kunfidenzjali għaliex il-Bank tal-Portugall kien żvela ammont li l-komunikazzjoni tal-estratti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi tippermetti li jiġi kkonfermat. |
54 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni, meħtieġa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li din tispeċifika l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt rilevanti kollha. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 31 u 33, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Fid-dawl tal-punt 46 tas-sentenza odjerna, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni pprovduta mill-BĊE kienet tippermetti lir-rikorrenti fl-ewwel istanza tifhem li l-BĊE kien qiegħed jinvoka l-kunfidenzjalità li jgawdi minnu r-riżultat tad-deliberazzjonijiet sabiex jirrifjuta l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat u li inkwistjoni kien hemm dokument li jirrifletti dan ir-riżultat. Għaldaqstant, għandu jitqies li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjentement immotivata fid-dritt. |
56 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilmenti fil-mertu, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li mill-punt 43 tas-sentenza odjerna jirriżulta li l-kunfidenzjalità tar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi hija żgurata mingħajr ma jkun meħtieġ li dan ir-riżultat jirrifletti dawn id-deliberazzjonijiet. Barra minn hekk, minkejja li l-kunfidenzjalità tar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tista’ tiġi invokata sa fejn dan ir-riżultat ma jkunx sar pubbliku mill-BĊE, iċ-ċirkustanza li ammont approssimattiv tal-ammont tal-kreditu kkonċernat kien ġie ppubblikat mill-Bank tal-Portugall ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li tobbliga lill-BĊE jikkomunika dan l-ammont. Minn dan isegwi li l-BĊE ma kisirx l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 meta huwa bbaża r-rifjut tiegħu li jagħti l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat fuq din id-dispożizzjoni. |
57 |
Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni motiv invokati fl-ewwel istanza għandhom jiġu miċħuda, sa fejn dawn jirrigwardaw ir-rifjut tal-BĊE, ibbażat fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, li jagħti l-aċċess għall-ammont tal-kreditu kkonċernat. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
59 |
L-Artikolu 138(3) ta’ dawn l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprevedi, barra minn hekk, li jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
60 |
F’dan il-każ, l-appell tal-BĊE ntlaqa’ parzjalment u parzjalment ġie ddikjarat inammissibbli u peress li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn ESF intlaqa’, wara l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, biss f’dak li jirrigwarda r-rifjut li jingħata l-aċċess għall-informazzjoni mgħottija fil-proposti tal-Bord Eżekuttiv tat‑28 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Awwissu 2014, hemm lok li ESF tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, terz minn dawk sostnuti mill-BĊE kemm għall-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll għall-proċedura tal-appell. Il-BĊE għandu jbati l-kumplament tal-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.