EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0653

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-3 ta’ Mejju 2018.
Ir-Repubblika ta’ Malta vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Dokumenti skambjati fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd – Artikolu 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 – Aċċess tal-pubbliku bħala riżultat ta’ applikazzjoni ppreżentata minn organizzazzjoni mhux governattiva – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kooperazzjoni leali – Għażla tal-bażi legali.
Kawża T-653/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:241

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

3 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Dokumenti skambjati fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd – Artikolu 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 – Aċċess tal-pubbliku bħala riżultat ta’ applikazzjoni ppreżentata minn organizzazzjoni mhux governattiva – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kooperazzjoni leali – Għażla tal-bażi legali”

Fil-Kawża T‑653/16,

Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn A. Buhagiar, bħala aġent,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2016 dwar applikazzjoni konfermatorja ppreżentata minn Greenpeace għal aċċess għal dokumenti dwar kunsinna allegatament irregolari ta’ tonn ħaj mit-Tuneżija lejn fish farm għat-tkabbir tat-tonn li jinsab f’Malta, sa fejn tagħti lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

F’Marzu 2010, l-organizzazzjoni ambjentali Greenpeace bagħtet lill-Kummissjoni Ewropea informazzjoni dwar kunsinna allegatament irregolari ta’ tonn ħaj, mit-Tuneżija lejn fish farm għat-tkabbir tat-tonn li jinsab f’Malta.

2

Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni C(2010) 7791 finali tat-12 ta’ Novembru 2010, informat lir-Repubblika ta’ Malta dwar irregolaritajiet li kienu identifikati fil-qasam tal-kontrolli tal-attivitajiet marbuta mat-tonn u talbitha tiftaħ investigazzjoni amministrattiva taħt l-Artikolu 102(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1).

3

Meta ntemmet l-investigazzjoni amministrattiva mwettqa mir-Repubblika ta’ Malta (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni amministrattiva”), il-Kummissjoni stabbilixxiet, flimkien ma’ dan l-Istat Membru, permezz tad-Deċiżjoni C(2011) 6257 finali tat-12 ta’ Settembru 2011, u fuq il-bażi tal-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009, pjan ta’ azzjoni sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet fis-sistema Maltija tal-kontroll tas-sajd (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni”). Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika ta’ Malta implimentat dan il-pjan ta’ azzjoni b’mod sodisfaċenti b’effett minn Frar 2013.

4

Fil-frattemp, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2010, Greenpeace talbet lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), tagħtiha aċċess għad-dokumenti dwar il-kunsinna ta’ tonn imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, inklużi d-dokumenti skambjati dwar dan is-suġġett bejn ir-Repubblika ta’ Malta u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni tal-14 ta’ April 2010”). Dan l-aċċess ġie rrifjutat, fl-aħħar lok, mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni konfermatorja tat-3 ta’ Marzu 2011. Għalhekk, fit-23 ta’ Mejju 2012, Greenpeace ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew.

5

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ April 2012, Greenpeace talbet lill-Kummissjoni tagħtiha aċċess għal diversi dokumenti li ġew wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha tal-14 ta’ April 2010 u, b’mod partikolari, għall-korrispondenza bejn ir-Repubblika ta’ Malta u l-Kummissjoni redatta jew irċevuta minn din tal-aħħar wara t-3 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni tad-19 ta’ April 2012”). Il‑Kummissjoni ċaħdet, fl-aħħar lok, l-aċċess lil Greenpeace għal dawn id-dokumenti permezz ta’ deċiżjoni konfermatorja tal-25 ta’ Settembru 2012. Għalhekk, fis-26 ta’ April 2013, Greenpeace ressqet ilment ieħor quddiem l-Ombudsman.

6

Permezz ta’ rakkomandazzjoni tad-29 ta’ Ġunju 2015, l-Ombudsman ikkonkluda li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikat b’mod suffiċjenti r-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-dokumenti koperti mill-applikazzjonijiet tal-14 ta’ April 2010 u tad-19 ta’ April 2012 u stieden lill-Kummissjoni tagħti aċċess għad-dokumenti inkwistjoni jew tipprovdi raġunijiet validi għar-rifjut.

7

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni inizjali”), Greenpeace tenniet l-applikazzjonijiet tagħha tal-14 ta’ April 2010 u tad-19 ta’ April 2012, filwaqt li għamlet riferiment għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u filwaqt li talbet mill-ġdid aċċess għad-dokumenti kollha koperti minn dawn iż-żewġ applikazzjonijiet kif ukoll miż-żewġ ilmenti ttrattati mill-Ombudsman, jiġifieri:

kull dokument miktub dwar it-trasferiment ta’ tonn […] mit-Tuneżija lejn Malta, kif ukoll it-tqegħid tiegħu f’gaġeġ u/jew il-qtil tiegħu iktar tard f’Malta fl-20, fil-21 u fit-22 ta’ Marzu [2010], inklużi, pereżempju, il-kopji tad-dikjarazzjonijiet ta’ qbid u ta’ trasferiment, ir-rapporti tal-osservaturi, eċċ.;

kull kontenut f’format ta’ video li jiddokumenta t-trasport, it-tqegħid f’gaġeġ u, jekk ikun il-każ, il-qtil ta’ dan it-tonn […];

kull komunikazzjoni bil-miktub dwar is-suġġetti msemmija bejn il-Kummissjoni u l-[Gvern] Malti […];

id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7791 [finali] tat-12 ta’ Novembru 2010 […], inklużi l-annessi kollha tagħha;

ir-rapport redatt mill-awtoritajiet Maltin bi tweġiba għal din it-talba [konformement mal-]Artikolu 102(3) tar-Regolament [Nru 1224/2009];

kull dokument dwar l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-rapport imsemmi [fl-inċiż] preċedenti;

il-pjan ta’ azzjoni […], u

kull korrispondenza bejn [ir-Repubblika ta’] Malta u l-Kummissjoni [dwar l-]irregolaritajiet identifikati fil-qasam tal-kontrolli tal-attivitajiet marbuta mat-tonn f’Malta redatta jew irċevuta wara t-3 ta’ Marzu 2011”.

8

Permezz ta’ ittra elettronika tat-28 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika ta’ Malta dwar l-applikazzjoni inizjali u talbitha tgħidilha, f’terminu ta’ ħamest’ijiem ta’ xogħol, jekk kinitx qiegħda toġġezzjona għall-iżvelar tad-dokumenti li joriġinaw minnha u identifikati mill-Kummissjoni sa dak l-istadju.

9

Fit-30 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika ta’ Malta talbet estensjoni tat-terminu għat-tweġiba tagħha.

10

Fil-5 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni estendiet bi ħmistax-il jum ta’ xogħol it-terminu għal tweġiba mogħti lir-Repubblika ta’ Malta. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni informatha li hija kienet iddeċidiet, minn naħa, li tagħti lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li tkompli bil-konsultazzjoni li kienet għaddejja mar-Repubblika ta’ Malta fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin.

11

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika ta’ Malta kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni, filwaqt li esponiet ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tagħha d-dokumenti li joriġinaw kemm minnha u kemm mill-Kummissjoni ma setgħux jiġu żvelati.

12

Fit-23 ta’ Diċembru 2015, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Affarijiet marittimi u sajd” tal-Kummissjoni rrifjuta li jagħti lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika ta’ Malta u li kienu identifikati sa dak l-istadju, għar-raġuni li din tal-aħħar kienet oġġezzjonat għall-iżvelar tad-dokumenti kollha li joriġinaw minnha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”).

13

Fl-20 ta’ Jannar 2016, Greenpeace ppreżentat applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”).

14

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2016, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika ta’ Malta li kienet ġiet ippreżentata l-applikazzjoni konfermatorja. F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni speċifikat li, wara eżami mill-ġdid tal-portata tal-applikazzjoni inizjali, hija kienet identifikat dokumenti oħra, li joriġinaw kemm mid-dipartimenti tagħha u kemm mill-awtoritajiet Maltin, li kienu koperti minn din l-applikazzjoni. Għaldaqstant, dejjem fl-istess ittra, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika ta’ Malta tgħidilha, f’terminu ta’ ħamest’ijiem ta’ xogħol, jekk kinitx għadha qiegħda toġġezzjona għall-iżvelar totali jew parzjali tad-dokumenti li joriġinaw minnha, inklużi d-dokumenti identifikati reċentement.

15

Fit-18 ta’ April 2016, ir-Repubblika ta’ Malta talbet estensjoni tat-terminu għat-tweġiba tagħha.

16

Fis-27 ta’ April 2016, il-Kummissjoni estendiet b’għaxart’ijiem ta’ xogħol it-terminu għal tweġiba mogħti lir-Repubblika ta’ Malta.

17

Fit-3 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika ta’ Malta informat lill-Kummissjoni li hija kienet qiegħda toġġezzjona għall-iżvelar tad-dokumenti kollha li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin, inklużi dawk identifikati fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja.

18

Fid-19 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika ta’ Malta tispeċifika, f’terminu ta’ għaxart’ijiem ta’ xogħol, ir-raġunijiet u l-portata tal-oġġezzjoni tagħha għall-komunikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni.

19

Ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet fis-27 ta’ Mejju 2016, filwaqt li kkonfermat kompletament il-pożizzjoni li hija kienet espremiet, fil-fehma tagħha b’mod suffiċjentement speċifiku, fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Mejju 2016.

20

Fit-13 ta’ Lulju 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni adotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni konfermatorja ta’ Greenpeace (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika ta’ Malta dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

21

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, tat lil Greenpeace aċċess, f’forma li minnha tneħħiet id-data personali, għal diversi dokumenti li joriġinaw kemm mid-dipartimenti tagħha u kemm mill-awtoritajiet Maltin. Fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-Kummissjoni, id-dokumenti li ġie deċiż li kellhom jiġu żvelati kienu jikkorrispondu jew għal dokumenti identifikati fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni inizjali iżda li bi żball ma kinux sussegwentement intbagħtu lil Greenpeace (dokumenti elenkati fl-Anness F tad-deċiżjoni kkontestata), jew dokumenti li kienu identifikati biss fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja (dokumenti elenkati fl-Anness D tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika ta’ Malta, id-dokumenti li ġie deċiż li kellhom jiġu żvelati kienu jinkludu kemm id-dokumenti identifikati fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni inizjali (dokumenti elenkati fl-Anness B tad-deċiżjoni kkontestata bin-numri 112 sa 230, iktar ’il quddiem id-“dokumenti bin-numri 112 sa 230”), kif ukoll id-dokumenti identifikati fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja (dokumenti elenkati fl-Anness B tad-deċiżjoni kkontestata bin-numri 1 sa 111 u 231 sa 240, iktar ’il quddiem id-dokumenti bin-numri 1 sa 111 u 231 sa 240”).

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2016, ir-Repubblika ta’ Malta ppreżentat ir-rikors ineżami.

23

Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika ta’ Malta ressqet, minn naħa, talba għal miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-pubbliku ta’ ċerta data li tinsab fir-rikors u fit-talba għal miżuri provviżorji, kif ukoll fl-annessi tagħhom.

24

Il‑Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fit-12 ta’ Diċembru 2016.

25

Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fit-30 ta’ Marzu 2017 u l-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fid-19 ta’ Mejju 2017.

26

Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Awwissu 2017, Malta vs Il‑Kummissjoni (T‑653/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:583), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

27

Ir-Repubblika ta’ Malta titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni tagħti aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il‑Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Repubblika ta’ Malta għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

29

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta tinvoka, fir-rikors, erba’ motivi bbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq l-iskadenza tat-termini proċedurali previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 u fuq ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, it-tieni wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-portata tal-applikazzjoni inizjali u fuq it-trattament żbaljat tagħha bħala applikazzjoni ġdida għal aċċess għal dokumenti, it-tielet wieħed, fuq l-estensjoni irregolari tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009. Barra minn hekk, fir-replika r-Repubblika ta’ Malta tqajjem motiv ieħor, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

A. Fuq l-ammissibbiltà

30

Il‑Kummissjoni ssostni li t-talbiet tar-Repubblika ta’ Malta u, fi kwalunkwe każ, il-motivi kollha invokati minnha insostenn ta’ dawn it-talbiet, huma inammissibbli.

1.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet tar-Repubblika ta’ Malta u tal-ewwel erba’ motivi invokati insostenn ta’ dawn it-talbiet

31

Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors tar-Repubblika ta’ Malta huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annulament ta’ “deċiżjoni konfermatorja f’sens wiesa’”, u mhux ta’ “deċiżjoni distinta” tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin minkejja l-oġġezzjoni magħmula minn dawn tal-aħħar taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel erba’ motivi mressqa mir-Repubblika ta’ Malta insostenn tar-rikors tagħha huma inammissibbli sa fejn “ma humiex […] ibbażati fuq l-eċċezzjonijiet sostantivi [għall-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti] previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament […] Nru 1049/2001”.

32

Ir-Repubblika ta’ Malta tikkontesta din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

33

Għandu jitfakkar li l-Unjoni Ewropea hija unjoni tad-dritt li fiha kull att tal-istituzzjonijiet tal-imsemmija unjoni huwa suġġett għal stħarriġ tal-konformità, b’mod partikolari, mat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, it-Trattati stabbilixxew sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-missjoni li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23).

34

Dan il-prinċipju huwa espress b’mod partikolari fl-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Kummissjoni, għajr ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u għal dan il-għan għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi minħabba nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ kull dispożizzjoni legali marbuta mal-applikazzjoni tiegħu, jew użu ħażin ta’ poter.

35

Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu jikkontestaw, permezz tar-rikors għal annullament, kull att deċiżjonali tal-Kummissjoni, ta’ natura regolamentari jew individwali, u jistgħu jinvokaw f’dan il-kuntest, insostenn tat-talbiet tagħhom, kull motiv ibbażat, b’mod partikolari, fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali jew fuq ksur tad-dispożizzjonijiet legali adottati fl-applikazzjoni tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1985, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, 41/83, EU:C:1985:120, punt 30).

36

Fl-ewwel lok, minn dan jirriżulta li Stat Membru jista’ jikkontesta, permezz tar-rikors għal annullament, deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 li tawtorizza lil persuna fiżika jew ġuridika jkollha aċċess għal dokumenti miżmuma minn din tal-aħħar u li joriġinaw minn dan l-Istat Membru, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi identifikata deċiżjoni distinta tal-Kummissjoni, li tkun l-unika deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata, li tinjora l-oġġezzjoni tal-imsemmi Stat Membru fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.

37

Fit-tieni lok, Stat Membru jista’ jinvoka, insostenn tar-rikors tiegħu ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-aċċess minn terzi għal dokumenti, kull motiv li jkun marbut ma’ wieħed mill-erba’ każijiet għall-preżentata ta’ rikors għal annullament previsti fl-Artikolu 263 TFUE u, b’mod partikolari, kull motiv ibbażat fuq ksur ta’ regola proċedurali jew sostantiva li fil-fehma tiegħu tkun rilevanti, bla ħsara għan-natura effettiva jew le ta’ dan il-motiv. B’hekk, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ motiv invokat kontra tali deċiżjoni, ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk ir-regola li l-ksur tagħha jkun qiegħed jiġi allegat hijiex prevista fir-Regolament Nru 1049/2001 jew fi strument legali ieħor.

38

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati permezz tal-argument tal-Kummissjoni li, essenzjalment, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirregola u jillimita d-dritt tal-Istati Membri li joġġezzjonaw għall-iżvelar tad-dokumenti li jkunu għaddew lil istituzzjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel”.

40

Huwa minnu li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġie interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat joġġezzjona għall-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu fuq il-bażi biss tal-eċċezzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament, filwaqt li jagħti debitament ir-raġunijiet għaliex ikun qiegħed jieħu din il-pożizzjoni (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 99, u tal-21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 59).

41

Madankollu, din id-delimitazzjoni tas-setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni tal-Unjoni mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat permezz tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tipprekludi lil dan l-Istat Membru milli jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għad-dokumenti inkwistjoni u milli jinvoka f’dan ir-rigward illegalitajiet oħra għajr dawk li joħorġu minn ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-interpretazzjoni kuntrarja proposta mill-Kummissjoni tfisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jillimita l-portata tad-dritt ta’ azzjoni legali mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 263 TFUE u, b’hekk tiġi ppreġudikata s-sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri stabbilita mit-Trattati li tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-missjoni li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet.

42

Għandu jingħad ukoll li huwa minnu li l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 15(3) TFUE, li ssemmew mill-Kummissjoni, jistabbilixxu d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni kif ukoll ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru li jkollhom aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Madankollu, il-fatt li Stat Membru jitħalla jippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal dokumenti u li jqajjem f’dan il-kuntest kull motiv li jikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni ma jwassalx għall-konsegwenza li jiġi llimitat indebitament id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, iżda jippermetti biss lill-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni fid-dawl tar-regoli proċedurali u sostantivi kollha li jistgħu jkunu applikabbli u b’hekk tkun tista’ tiżgura d-dritt tal-Istat Membru kkonċernat għal rimedju effettiv.

43

Minn dan isegwi li t-talbiet tar-Repubblika ta’ Malta, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, u l-ewwel erba’ motivi invokati insostenn ta’ dawn it-talbiet, min-naħa l-oħra, huma ammissibbli.

44

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tat-talbiet tar-Repubblika ta’ Malta kif ukoll tal-ewwel erba’ motivi invokati insostenn ta’ dawn it-talbiet għandha tiġi miċħuda.

2.   Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

45

Il‑Kummissjoni ssostni li l-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tqajjem għall-ewwel darba fir-replika u għalhekk huwa inammissibbli, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

46

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li huwa minnu li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

47

Madankollu, skont ġurisprurdenza stabbilita, in-nuqqas jew in-natura insuffiċjenti ta’ motivazzjoni jammontaw għal ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Marzu 1959, Nold vs L-Awtorità Għolja, 18/57, EU:C:1959:6, p. 115; ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni tal-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li teżamina jekk dan il-motiv, imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il-Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 43).

49

Għaldaqstant, il-fondatezza tal-ħames motiv ser tiġi eżaminata fil-punti 51 sa 65 iktar ’il quddiem.

B. Fuq il-mertu

50

Il-Qorti Ġenerali tqis li fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li mbagħad, fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel tliet motivi, dwar il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni u, fl-aħħar lok, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009.

1.   Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

51

Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-Kummissjoni ma speċifikatx b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata jew inkella fl-ittra tat-13 ta’ Lulju 2016 li tinforma lill-awtoritajiet Maltin bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet għaliex kienet iddeċidiet li ma timxix mal-prassi preċedenti tagħha, l-ewwel nett, dwar ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni fl-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti, it-tieni nett, dwar l-inammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet konfermatorji li jmorru lil hinn mill-portata tal-applikazzjonijiet inizjali u, it-tielet nett, dwar in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti li ma jkunux identifikati b’mod speċifiku fl-applikazzjoni għal aċċess, b’mod partikolari meta dawn joriġinaw minn terzi. Ir-Repubblika ta’ Malta tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma tatha ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex qieset li diversi dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin kienu jaqgħu fil-portata tal-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti u kellhom, għalhekk, jiġu żvelati, u dan minkejja li r-Repubblika ta’ Malta kienet staqsiet lill-Kummissjoni dwar dan diversi drabi matul il-fażi ta’ konsultazzjoni.

52

Il‑Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika ta’ Malta.

53

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl biss tal-formulazzjoni tal-att iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tal-att u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni, meta tmur kunsiderevolment lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti u meta titbiegħed minn prassi deċiżjonali stabbilita, għandha tippreżenta r-raġunament tagħha b’mod espliċitu (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il‑Kummissjoni, 73/74, EU:C:1975:160, punt 31, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 155).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li r-Repubblika ta’ Malta ma hijiex qiegħda tikkontesta l-eżistenza u n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn teżamina jekk id-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin identifikati mill-Kummissjoni humiex koperti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk jistgħux, għalhekk, jiġu żvelati fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Malta lanqas ma tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni speċifikat ukoll, b’mod iddettaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tagħha l-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika ta’ Malta ma targumentax li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u li tikkontesta r-raġunijiet tagħha fil-kuntest tar-rikors ineżami.

56

Għall-kuntrarju, ir-Repubblika ta’ Malta essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li ma mxietx, mingħajr motivazzjoni partikolari, mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fil-qasam tat-trattament tal-applikazzjonijiet għal aċċess li ma jkunux preċiżi, tal-identifikazzjoni tad-dokumenti koperti minn applikazzjoni għal aċċess, u tat-trattament tal-applikazzjonijiet konfermatorji li jmorru lil hinn mill-portata tal-applikazzjonijiet inizjali.

57

Madankollu, għandu jingħad li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali prassi deċiżjonali, ir-Repubblika ta’ Malta sempliċement tirreferi għas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il‑Kummissjoni (T‑214/13, EU:T:2015:448, punt 13), filwaqt li ssemmi każ wieħed fejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kien ċaħad applikazzjoni konfermatorja sa fejn kienet tikkonċerna aspett li ma kienx kopert mill-applikazzjoni inizjali korrispondenti. Issa, il-fatt li tiġi invokata din is-sentenza biss ma jistax jistabbilixxi l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali stabbilita dwar it-trattament tal-applikazzjonijiet għal aċċess li ma jkunux preċiżi, dwar l-identifikazzjoni tad-dokumenti koperti minn applikazzjoni għal aċċess jew inkella dwar it-trattament ta’ applikazzjonijiet konfermatorji li jmorru lil hinn mill-portata tal-applikazzjonijiet inizjali. Għalhekk, fl-assenza ta’ prassi preċedenti stabbilita kkonfermata, li allegatament il-Kummissjoni ma mxietx magħha, ir-Repubblika ta’ Malta ma tistax tikkritika lil din l-istituzzjoni li ma tatx ir-raġunijiet għaliex allegatament bidlet l-approċċ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punti 118158, u tal-20 ta’ Settembru 2012, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑333/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:449, punt 92).

58

Ir-Repubblika ta’ Malta tikkritika wkoll lill-Kummissjoni, fit-tieni lok, li ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata jew fi stadju preċedenti, il-konnessjoni ta’ ċerti dokumenti mal-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti, u dan minkejja t-talbiet tagħha għal spjegazzjonijiet f’dan is-sens matul il-fażi ta’ konsultazzjoni, b’mod partikolari fl-ittri tagħha tat-30 ta’ Settembru 2015, tat-30 ta’ Novembru 2015 u tas-27 ta’ Mejju 2016.

59

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa minnu li, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika ta’ Malta staqsiet lill-Kummissjoni għaliex din tal-aħħar kienet bidlet il-pożizzjoni li kienet ħadet preċedentement u kienet rabtet mal-applikazzjoni inizjali dokumenti skambjati bejniethom, b’mod partikolari ittri elettroniċi u minuti ta’ laqgħat. It-tieni nett, jirriżulta li, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika ta’ Malta indikat li, fil-fehma tagħha, diversi dokumenti li tqiesu li huma rilevanti mill-Kummissjoni ma kinux koperti mill-applikazzjoni għal aċċess. Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika ta’ Malta oġġezzjonat għall-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ diversi dokumenti fl-istadju tal-applikazzjoni konfermatorja, prassi din li, skont ir-Repubblika ta’ Malta, kienet tikkostitwixxi estensjoni tal-portata tal-applikazzjoni li ma hijiex awtorizzata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

60

Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-ittra tat-30 ta’ Settembru 2015 kienet titlob speċifikament spjegazzjonijiet mingħand il-Kummissjoni, din l-ittra kienet preċedenti għad-deċiżjoni inizjali, li laqgħet l-oġġezzjoni tar-Repubblika ta’ Malta u rrifjutat lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti bin-numri 112 sa 230. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika ta’ Malta ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li ma weġbitx għat-talba tagħha għal spjegazzjonijiet fid-deċiżjoni inizjali u, minħabba li ma tennietx l-imsemmija talba għal spjegazzjonijiet iktar tard, lanqas ma tista’ tilmenta li l-Kummissjoni ma weġbitx għal din it-talba fid-deċiżjoni kkontestata.

61

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-ittra tat-30 ta’ Novembru 2015, li wkoll tippreċedi d-deċiżjoni inizjali, ma kienet tinkludi ebda preċiżazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati d-dokumenti indirizzati minn din l-ittra u li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex id-dokumenti inkwistjoni allegatament ma kinux koperti mill-applikazzjoni għal aċċess. Barra minn hekk, din l-ittra ma kienet titlob ebda spjegazzjoni mingħand il-Kummissjoni u, għalhekk, ma kienet teħtieġ ebda tweġiba min-naħa ta’ din tal-aħħar.

62

It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika ta’ Malta ma kkontestatx il-konnessjoni konkreta mal-applikazzjoni għal aċċess ta’ kull wieħed mid-dokumenti identifikati mill-Kummissjoni fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja u lanqas ma talbet spjegazzjonijiet dwar dan il-punt mingħand il-Kummissjoni. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika ta’ Malta sempliċement ikkontestat fuq livell ta’ prinċipju l-konnessjoni mal-applikazzjoni għal aċċess, fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja, ta’ dokumenti li ma kinux ġew identifikati fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni inizjali.

63

Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret fid-deċiżjoni kkontestata li, wara eżami mill-ġdid tal-applikazzjoni għal aċċess, hija kienet identifikat dokumenti oħra li jaqgħu fil-portata tagħha (id-dokumenti bin-numri 1 sa 111 u 231 sa 240). Huwa minnu li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex qieset li setgħet torbot dokumenti mal-applikazzjoni għal aċċess fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja meta ma kinitx iddeċidiet dwar l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni inizjali. Madankollu, għandu jingħad li, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ April 2016, il-Kummissjoni kienet diġà spjegat lir-Repubblika ta’ Malta li l-funzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kienet li jeżamina mill-ġdid, b’mod indipendenti, id-deċiżjoni inizjali meħuda mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Affarijiet marittimi u sajd” u li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, is-Segretarju Ġenerali kellu jivverifika jekk id-dokumenti kollha li jaqgħu fil-portata tal-applikazzjoni kinux effettivament identifikati fl-istadju tad-deċiżjoni inizjali, b’mod partikolari f’dawk il-każijiet fejn, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-awtur tal-applikazzjoni għal aċċess ikun qiegħed jikkontesta l-kompletezza tal-lista tad-dokumenti identifikati fl-istadju tad-deċiżjoni inizjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx indispensabbli li l-Kummissjoni tesponi mill-ġdid, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex kienet awtorizzata torbot, mal-applikazzjoni għal aċċess, dokumenti ġodda li kienu identifikati għall-ewwel darba fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata bid-difett ta’ motivazzjoni allegat mir-Repubblika ta’ Malta.

65

Għaldaqstant, il-ħames motiv, eżaminat mill-Qorti Ġenerali bis-saħħa tas-setgħa tagħha li tqajjem ex officio motivi ta’ ordni pubbliku, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.   Fuq l-ewwel tliet motivi, dwar il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

66

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta essenzjalment issostni li l-Kummissjoni ma ttrattatx l-applikazzjoni inizjali kif ukoll l-applikazzjoni konfermatorja fit-termini previsti fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, f’din l-okkażjoni, naqset milli tonora l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tagħha mal-awtoritajiet Maltin. Fid-dawl tal-argumenti tar-Repubblika ta’ Malta, dan il-motiv jista’ jinqasam fi tliet ilmenti bbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq il-komunikazzjoni tardiva, għal konsultazzjoni, lill-awtoritajiet Maltin tal-applikazzjoni inizjali u tal-applikazzjoni konfermatorja, it-tieni wieħed, fuq l-għoti ta’ termini għal tweġiba qosra wisq lill-awtoritajiet Maltin u, it-tielet wieħed, fuq in-natura tardiva tad-deċiżjoni inizjali u tad-deċiżjoni kkontestata, deċiżjonijiet dawn li ġew adottati wara l-iskadenza tat-termini previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata, barra minn hekk, kienet ġiet adottata wara t-tnissil ta’ deċiżjoni impliċita li tiċħad l-applikazzjoni konfermatorja.

67

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta essenzjalment issostni li l-Kummissjoni ma osservatx il-portata tal-applikazzjoni inizjali billi ttrattatha bħala applikazzjoni ġdida għal aċċess li tkopri diversi dokumenti li ma kellhomx konnessjoni maż-żewġ applikazzjonijiet preċedenti jew li ma kinux identifikati speċifikament minn Greenpeace. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika ta’ Malta tikkritika b’mod partikolari lill-Kummissjoni li inkludiet, fil-portata tal-applikazzjoni għal aċċess, dokumenti ta’ natura ġeneralment iktar reċenti li, minn naħa, ma kinux espliċitament koperti mill-applikazzjonijiet tal-14 ta’ April 2010 u tad-19 ta’ April 2012 u, min-naħa l-oħra, ma kinux, minħabba l-kontenut tagħhom, marbuta mal-irregolaritajiet iddenunzjati minn Greenpeace fl-2010 jew mal-investigazzjoni amministrattiva.

68

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta essenzjalment issostni li l-Kummissjoni estendiet b’mod irregolari l-portata tal-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta identifikat, fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja u fuq il-bażi ta’ applikazzjoni mhux preċiża biżżejjed, dokumenti ġodda li sa dak l-istadju ma kinux ġew identifikati bħala dokumenti li jaqgħu fil-portata ta’ din l-applikazzjoni. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika ta’ Malta tikkritika b’mod partikolari lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, li ma stednitx lil Greenpeace sabiex tikkjarifika l-applikazzjoni tagħha għal aċċess għal dokumenti, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, li ma wettqitx eżami fil-fond tal-applikazzjoni inizjali għal aċċess għal dokumenti, it-tielet nett, li eżaminat ċerti dokumenti biss fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja, bi ksur tal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li organizzat proċedura ta’ eżami fuq żewġ fażijiet tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti, u, ir-raba’ nett, li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett u tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti.

69

Mill-argumenti magħmula mir-Repubblika ta’ Malta insostenn tal-ewwel tliet motivi jirriżulta li hija qiegħda tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli tosserva diversi regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 u li jirriżultaw ukoll, uħud minnhom, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

70

Għall-finijiet tal-eventwali eżami tal-fondatezza tal-ewwel tliet motivi, għandu jiġi ddeterminat qabel kollox jekk u sa fejn dawn il-motivi huma effettivi.

a)   In-natura effettiva tal-ewwel tliet motivi

71

Sabiex jiġi evalwat jekk, u sa fejn, l-ewwel tliet motivi huma effettivi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa meħtieġ li jiġu ppreżentati, preliminarjament, il-modalitajiet u l-għanijiet tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 4(4) u (5) tal-istess regolament jew li jirriżultaw mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

1) Ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001

72

Ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jistgħu jiġu deskritti fil-qosor bil-mod segwenti.

73

Fl-ewwel lok, l-applikazzjonijiet għal aċċess għandhom ikunu suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lill-istituzzjoni tidentifika d-dokument li għalih tkun saret l-applikazzjoni (Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001). Jekk applikazzjoni ma tkunx suffiċjentement preċiża, l-istituzzjoni tistieden lill-applikant jippreċiża l-applikazzjoni tiegħu u tassistih f’dan ir-rigward, pereżempju billi tagħtih informazzjoni dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti (Artikolu 6(2) tal-istess regolament). Fil-każ ta’ applikazzjoni li tkopri dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta’ dokumenti, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ wkoll tikkomunika b’mod informali mal-applikant sabiex jinsab arranġament ekwu (Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament). B’mod iktar ġenerali, l-istituzzjonijiet għandhom jassistu u jinformaw liċ-ċittadini dwar il-modalitajiet ta’ aċċess għad-dokumenti (Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1049/2001).

74

Fit-tieni lok, kemm l-applikazzjonijiet inizjali u kemm l-applikazzjonijiet konfermatorji għandhom jiġu ttrattati b’ħeffa, peress li l-istituzzjoni għandha tagħti deċiżjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol u, fil-każ ta’ ċaħda, għandha tipprovdi lill-applikant ir-raġunijiet għal din iċ-ċaħda (ara, rispettivament, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001). B’mod eċċezzjonali, pereżempju meta l-applikazzjoni inizjali jew konfermatorja tikkonċerna dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta’ dokumenti, dan it-terminu jista’ jiġi estiż bi ħmistax-il jum ta’ xogħol (ara, rispettivament, l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(2) tal-istess regolament). Fl-assenza ta’ tweġiba mill-istituzzjoni għal applikazzjoni inizjali fit-terminu previst, l-applikant ikun jista’, f’tali każ, jippreżenta applikazzjoni konfermatorja sabiex l-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha (Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament). Fl-assenza ta’ tweġiba mill-istituzzjoni għal applikazzjoni konfermatorja fit-terminu previst, l-applikant ikun jista’, fit-tali każ, jinvoka l-eżistenza ta’ tweġiba negattiva u jippreżenta rikors ġudizzjarju kontra l-istituzzjoni (Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001).

75

Huma diversi l-indikazzjonijiet li jistgħu jinstiltu mir-regoli proċedurali previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 u, b’mod iktar ġenerali, mid-dispożizzjonijiet kollha f’daqqa ta’ dan ir-regolament.

76

L-ewwel nett, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li dawn jirregolaw il-modalitajiet tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti u jorganizzaw it-trattament, mill-istituzzjoni kkonċernata, ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss ir-relazzjonijiet bejn l-applikant u l-istituzzjoni kkonċernata, bl-esklużjoni tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u t-terzi, bħalma huma l-Istati Membri, li minnhom joriġinaw ċerti dokumenti.

77

It-tieni nett, il-proċedura prevista fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża, prinċipalment, li tippermetti trattament mgħaġġel u faċli tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dawn id-dokumenti u, sussidjarjament, li tevita, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li l-istituzzjoni jkollha volum ta’ xogħol sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 252728). Minn dan isegwi li din il-proċedura ġiet stabbilita fl-interess tal-persuni li jitolbu aċċess għal dokumenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet tal-istituzzjonijiet. Għall-kuntrarju, fiha nfisha, din il-proċedura ma hijiex intiża li tipproteġi l-interess ta’ terzi, u b’mod partikolari dak tal-Istati Membri, li joġġezzjonaw għall-iżvelar ta’ ċerti dokumenti li joriġinaw minnhom u lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ terzi u tal-Istati Membri fil-każ li dawn jiġu kkonsultati dwar l-eventwali żvelar ta’ dawn id-dokumenti.

78

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, skont l-Artikolu 1(a) tiegħu, “sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti” u huwa bbażat fuq il-prinċipju ddikjarat fil-premessa 11 tiegħu li “kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku”. Din hija r-raġuni għaliex dan ir-regolament, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali tiegħu, huwa intiż li jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 49), u mhux li jagħmel iktar diffiċli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari billi jissuġġettah għal restrizzjonijiet formali li ma jkunux indispensabbli.

79

Fl-aħħar nett, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti ma hijiex l-unika modalità ta’ aċċess għal dokumenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku jew wara applikazzjoni bil-miktub jew direttament f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru. Huwa għalhekk li, minbarra l-Artikoli 6 sa 10 tiegħu dwar it-trattament tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti u dwar il-modalitajiet tal-aċċess wara li tkun saret applikazzjoni, ir-Regolament Nru 1049/2001 jinkludi dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ reġistri ta’ dokumenti (Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament), dwar l-aċċess dirett għal dokumenti f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru (Artikolu 12 tal-imsemmi regolament) u dwar il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ ċerti dokumenti (Artikolu 13 tal-imsemmi regolament).

80

Minn dan isegwi li ma hemm xejn li jipprojbixxi lil istituzzjoni milli tagħmel pubbliċi dokumenti anki meta ma tkunx saritilha applikazzjoni f’dan is-sens jew, għal finijiet ta’ trasparenza u ta’ kompletezza, milli tikkomunika lil persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dokumenti li din il-persuna ma kinitx identifikat u semmiet espliċitament fl-applikazzjoni tagħha.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tar-regoli dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, għalkemm jista’, f’ċerti każijiet, jolqot il-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti aċċess għal dokumenti, ma jistax jolqot il-legalità ta’ deċiżjoni li tagħti aċċess għal dokumenti.

82

B’mod partikolari, l-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi speċifikat li, għalkemm istituzzjoni ma tistax tiċħad applikazzjoni għaliex ma tkunx biżżejjed preċiża qabel ma tistieden minn qabel lill-applikant jikkjarifika l-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 31, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punti 84 sa 87), istituzzjoni, għall-kuntrarju, ma tistax tiġi effettivament ikkritikata għaliex tkun tat aċċess għal dokumenti fuq il-bażi ta’ applikazzjoni allegatament mhux preċiża mingħajr ma stiednet minn qabel lill-applikant sabiex jikkjarifika l-applikazzjoni tiegħu.

83

Fil-fatt, meta l-applikant ma jkunx ġie mistieden jikkjarifika l-applikazzjoni tiegħu, la l-istituzzjoni u lanqas, a fortiori, terz ma jistgħu effettivament jirreferu għan-natura allegatament vaga tal-applikazzjoni tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, Ntouvas vs ECDC, T‑223/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:975, punt 46). Għalhekk, fil-każ li istituzzjoni tqis li tinsab f’pożizzjoni li tidentifika hija stess, mingħajr ma ġġarrab volum ta’ xogħol sproporzjonat, id-dokumenti kollha li jistgħu jkunu konnessi ma’ applikazzjoni, anki jekk tkun ifformulata f’termini ġenerali u tkun tkopri diversi dokumenti, din l-istituzzjoni tista’ tieħu deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni, mingħajr ma tistieden minn qabel lill-applikant jikkjarifikaha, u mbagħad tista’, jekk ikun il-każ, tagħti aċċess għad-dokumenti kollha identifikati, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux koperti mill-eċċezzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

84

Barra minn hekk, peress li hija meħtieġa twettaq eżami sħiħ tad-dokumenti kollha koperti minn applikazzjoni għal żvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punt 69), istituzzjoni tista’ tidentifika, f’kull mument, inkluż għall-ewwel darba fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja, dokumenti ġodda li jistgħu jkunu konnessi mal-applikazzjoni.

85

It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jingħad li t-termini previsti minnhom huma intiżi biss li jippermettu trattament mgħaġġel tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti u sabiex iħaffu l-iżvelar tad-dokumenti mitluba meta dan l-iżvelar ikun possibbli.

86

Għandu jitfakkar ukoll li l-fatt li jinqabżu t-termini previsti fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jwassalx sabiex l-istituzzjoni tiġi mċaħħda mis-setgħa li tadotta deċiżjoni u, fih innifsu, ma jistax jivvizzja deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti aċċess għal dokumenti b’illegalità li tiġġustifika l-annullament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 89; tal-14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il‑Kummissjoni, C‑271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punti 787984, u tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, EU:T:2010:15, punti 5971).

87

Din l-assenza ta’ impatt tal-qbiż tat-termini msemmija iktar ’il fuq tgħodd iktar u iktar meta jkun hemm deċiżjoni li tagħti aċċess għal dokumenti sa fejn, f’tali każ, l-applikant ikun kiseb eżitu pożittiv minkejja li jkunu nqabżu dawn it-termini, li kienu stabbiliti għall-benefiċċju tiegħu.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, Stat Membru ma jistax effettivament jinvoka, fil-konfront ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tagħti aċċess għal dokumenti, motivi bbażati fuq ksur tal-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

89

Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-argumenti invokati mir-Repubblika ta’ Malta insostenn tal-ewwel tliet motivi tagħha, esposti fil-qosor fil-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dawn it-tliet motivi, ir-Repubblika ta’ Malta tinvoka irregolaritajiet li jolqtu l-proċedura prevista fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, bħalma huma, b’mod partikolari, l-iżvelar ta’ dokumenti li ma jissemmewx speċifikament fl-applikazzjoni inizjali u fl-applikazzjoni konfermatorja, l-identifikazzjoni ta’ dokumenti fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja jew inkella n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini għat-trattament tal-applikazzjoni inizjali u tal-applikazzjoni konfermatorja.

90

Għaldaqstant, għar-raġunijiet esposti fil-punti 72 sa 88 iktar ’il fuq, il-motivi bbażati fuq tali irregolaritajiet huma ineffettivi fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata.

2) Ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jew li jirriżultaw mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali

91

Ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jew li jirriżultaw mill-obbligu ta’ kooperazzojni leali jistgħu jiġu ppreżentati kif ġej.

92

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li, fil-preżenza ta’ dokument li joriġina minn terz, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta lit-terz sabiex tiddetermina jekk hijiex applikabbli eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2) tal-istess regolament, sakemm ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le.

93

F’dan ir-rigward, ġie deċiż li d-dritt ta’ Stat Membru li jiġi kkonsultat qabel l-iżvelar ta’ dokumenti miżmuma minn istituzzjoni u li joriġinaw minnu huwa diġà stabbilit sew bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 46).

94

Fit-tieni lok, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, kif diġà ġie osservat fil-punt 39 iktar ’il fuq, li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni ma tiżvelax dokument li joriġina minnu mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, peress li jipprevedi sempliċement ir-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat meta dan tal-aħħar ikun preċedentement għamel talba speċifika f’dan is-sens, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ta’ natura proċedurali (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 7881, u tal-21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punti 5354).

96

Fit-tielet lok, l-istituzzjoni li tkun qiegħda tikkunsidra li tagħmel pubbliċi dokumenti u l-Istat Membru li minnu joriġinaw dawn id-dokumenti huma meħtieġa, konformement mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jaġixxu u jikkooperaw b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 85).

97

B’mod partikolari, l-istituzzjoni adita b’applikazzjoni għal aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u dan tal-aħħar għandhom, hekk kif din l-applikazzjoni tiġi nnotifikata minn din l-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, jibdew mingħajr dewmien djalogu leali fir-rigward tal-eventwali applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li jibqgħu konxji b’mod partikolari tal-ħtieġa li l-imsemmija istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fit-termini li fihom l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament jobbligawha tagħti deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni għal aċċess (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 86).

98

B’hekk, mid-dispożizzonijiet tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, interpretati konformement mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, jirriżulta li dawn jorganizzaw il-modalitajiet tal-konsultazzjoni minn istituzzjoni mat-terzi li minnhom joriġinaw id-dokumenti kif ukoll il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri li minnhom joriġinaw id-dokumenti fil-proċess tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni dwar l-aċċess għal dokumenti.

99

Għaldaqstant, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) u (5) tal-istess regolament jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjoni u terzi, b’mod partikolari l-Istati Membri, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw minn dawn tal-aħħar, u huma intiżi li jipproteġu l-interess tal-imsemmija terzi u tal-Istati Membri li joġġezzjonaw għall-iżvelar tal-imsemmija dokumenti.

100

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tal-istituzzjoni fir-rigward ta’ Stat Membru jista’ jolqot il-legalità ta’ deċiżjoni li tagħti aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn dan l-Istat Membru.

101

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, Stat Membru jista’ effettivament jinvoka, fil-konfront ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tagħti aċċess għal dokumenti li joriġinaw minnu, motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll fuq nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali fl-implimentazzjoni tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu.

102

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika ta’ Malta ssostni wkoll, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni lmenti tal-ewwel motiv, li, meta l-Kummissjoni kkonsultatha fuq il-bażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tindikalha jekk kellhiex oġġezzjoni għall-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, din l-istituzzjoni ma kkooperatx kompletament magħha sa fejn, wara li kkomunikatilha b’mod tardiv l-applikazzjoni inizjali u l-applikazzjoni konfermatorja ta’ Greenpeace, tatha termini qosra żżejjed sabiex twieġeb. Permezz ta’ dawn l-argumenti, ir-Repubblika ta’ Malta fil-verità qiegħda tinvoka irregolarità li tivvizzja l-proċedura prevista fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll ksur, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

103

Għaldaqstant, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 91 sa 101 iktar ’il fuq, tali argumenti huma effettivi fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata.

104

Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata biss il-fondatezza tal-ilmenti bbażati fuq l-għoti ta’ termini insuffiċjenti għal tweġiba kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

b)   Eżami tal-fondatezza tal-ilmenti bbażati fuq l-għoti ta’ termini insuffiċjenti għal tweġiba u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali

105

F’dan il-każ, ir-Repubblika ta’ Malta tikkritika lill-Kummissjoni li mhux biss ikkomunikatilha l-applikazzjoni inizjali kif ukoll l-applikazzjoni konfermatorja diversi xhur wara li rċeviethom, iżda wkoll, u fuq kollox, li sussegwentement tatha biss terminu ta’ ħamest’ijiem sabiex tanalizza jekk id-dokumenti inkwistjoni setgħux jiġu kkomunikati fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u sabiex tiddeċiedi jekk tużax jew le l-possibbiltà tagħha, prevista fl-Artikolu 4(5) tal-istess regolament, li titlob li dawn id-dokumenti ma jiġux żvelati.

106

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, filwaqt li l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jobbligaw lill-istituzzjonijiet iwieġbu għall-applikazzjonijiet inizjali u konfermatorji għal aċċess għal dokumenti f’termini speċifiċi, ma hemm ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament li tiffissa terminu li fih istituzzjoni għandha tinforma lil Stat Membru bil-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti li joriġinaw minnu u li fih għandha tikkomunikalu l-imsemmija applikazzjoni. Fuq kollox, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jispeċifikax x’terminu għal tweġiba għandu jingħata f’dan il-każ mill-istituzzjoni lil dan l-Istat Membru sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jinforma lill-imsemmija istituzzjoni dwar l-eventwali oġġezzjoni tiegħu għall-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

107

Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-Kummissjoni hija meħtieġa taġixxi b’diliġenza fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istat Membru kkonċernat sabiex hija stess tkun tista’ tiddeċiedi fit-termini mogħtija lilha mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

108

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kkomunikatx l-applikazzjoni inizjali, bid-data tad-29 ta’ Lulju 2015, lir-Repubblika ta’ Malta qabel it-28 ta’ Settembru 2015, jiġifieri kważi xahrejn wara li rċevietha, u li, f’din l-okkażjoni, talbet lil dan l-Istat Membru jindikalha f’terminu ta’ ħamest’ijiem ta’ xogħol jekk kellux oġġezzjoni għall-iżvelar tad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin identifikati f’dan l-istadju (id-dokumenti bin-numri 112 sa 230).

109

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku l-Kummissjoni ma kkomunikatx l-applikazzjoni konfermatorja, ippreżentata fl-20 ta’ Jannar 2016, lir-Repubblika ta’ Malta qabel it-13 ta’ April 2016, jiġifieri kważi tliet xhur wara li rċevietha, u li, f’din l-okkażjoni, hija reġgħet tat lil dan l-Istat Membru terminu ta’ ħamest’ijiem ta’ xogħol biss sabiex jindika jekk kellux oġġezzjoni għall-iżvelar tad-dokumenti kollha li joriġinaw mill-awtoritajiet Maltin, inklużi għaldaqstant dawk identifikati għall-ewwel darba fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja (id-dokumenti bin-numri 1 sa 111 u 231 sa 240).

110

Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll, l-ewwel nett, li, fuq talba tar-Repubblika ta’ Malta, il-Kummissjoni estendiet bi ħmistax-il jum ta’ xogħol it-terminu inizjalment mogħti lil dan l-Istat Membru wara l-komunikazzjoni tal-applikazzjoni inizjali (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Effettivament, ir-Repubblika ta’ Malta oġġezzjonat għall-iżvelar tad-dokumenti bin-numri 112 sa 230 fit-30 ta’ Novembru 2015, meta l-applikazzjoni inizjali ta’ Greenpeace kienet ġiet ikkomunikata lilha fit-28 ta’ Settembru 2015, jiġifieri iktar minn xahrejn qabel.

111

It-tieni nett, il-Kummissjoni estendiet b’għaxart’ijiem ta’ xogħol, fuq talba tar-Repubblika ta’ Malta, it-terminu inizjalment mogħti lil dan l-Istat Membru wara l-komunikazzjoni tal-applikazzjoni konfermatorja (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Effettivament, ir-Repubblika ta’ Malta oġġezzjonat għall-iżvelar tad-dokumenti kollha inkwistjoni fit-3 ta’ Mejju 2016, meta l-applikazzjoni konfermatorja ta’ Greenpeace kienet ġiet ikkomunikata lilha fit-13 ta’ April 2016, jiġifieri kważi tliet ġimgħat qabel. Barra minn hekk, wara li rċeviet it-tweġiba tar-Repubblika ta’ Malta bid-data tat-3 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ Mejju 2016, stiednet lil dan l-Istat Membru jispeċifika, f’terminu ta’ għaxart’ijiem ta’ xogħol, ir-raġunijiet konkreti għaliex kienu applikabbli l-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll il-partijiet tad-dokumenti li kienu koperti minn dawn l-eċċezzjonijiet (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Issa, fis-27 ta’ Mejju 2016 ir-Repubblika ta’ Malta sempliċement tenniet l-oġġezzjoni tagħha billi indikat li l-analiżi magħmula fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Mejju 2016 kienet suffiċjenti sabiex jiġu identifikati l-eċċezzjonijiet li għalihom tagħmel riferiment din l-ittra (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

112

B’hekk, jidher li, fil-prattika, ir-Repubblika ta’ Malta kellha diversi ġimgħat sabiex tanalizza d-dokumenti identifikati mill-Kummissjoni fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni inizjali, u mbagħad fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja. Barra minn hekk, minkejja n-numru ta’ dokumenti kkonċernati, ir-Repubblika ta’ Malta kienet f’pożizzjoni li tanalizza dawn id-dokumenti u li tinvoka, fir-rigward ta’ wħud minnhom u qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni inizjali u l-applikazzjoni konfermatorja, uħud mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll fl-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009.

113

Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-Artikolu 7(1) u (3) u l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni stess kienet obbligata twieġeb għall-applikazzjoni inizjali, u mbagħad għall-applikazzjoni konfermatorja ta’ Greenpeace f’termini li ma setgħux jaqbżu, l-iktar l-iktar, 30 jum.

114

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika ta’ Malta ma għandhiex raġun meta ssostni li, minħabba li kkomunikatilha b’mod tardiv l-applikazzjoni inizjali u l-applikazzjoni konfermatorja u minħabba li mbagħad tatha termini għal tweġiba qosra żżejjed, il-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

115

Għaldaqstant, l-ewwel tliet motivi għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

3.   Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009

116

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta essenzjalment issostni li, meta tat lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti bin-numri 112 sa 230, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009. Skont ir-Repubblika ta’ Malta, dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu, fl-assenza ta’ kunsens espliċitu mill-awtoritajiet Maltin, l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokumenti kkomunikati minn dawn l-awtoritajiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009. Ir-Repubblika ta’ Malta fil-fatt tqis li dawn huma dispożizzjonijiet speċifiċi li jidderogaw, fil-qasam tal-kontroll tal-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, mir-regoli ġenerali ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

117

Il‑Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika ta’ Malta. Hija ssostni b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 għandhom jinqraw flimkien u għandhom jiġu kkonċiljati ma’ dawk tar-Regolament Nru 1049/2001 u, b’mod iktar speċjali, ma’ dawk tal-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, li jawtorizza lil Stat Membru joġġezzjona għall-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu fuq il-bażi biss tal-eċċezzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament.

118

Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandu jiġi ddeterminat jekk, u sa fejn, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009, eventwalment moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, kinux jipprekludu li Greenpeace tingħata aċċess għad-dokumenti bin-numri 112 sa 230 fl-assenza ta’ kunsens mir-Repubblika ta’ Malta, li minnha kienu joriġinaw dawn id-dokumenti.

119

Għal dan il-għan, preliminarjament, għandhom jiġu ppreżentati, fil-kuntest tagħhom, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009, u mbagħad għandu jiġi eżaminat kif dawn jinteraġixxu mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

a)   Preżentazzjoni tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 u tal-kuntest tiegħu

120

Preliminarjament, għandu jingħad li r-Regolament Nru 1224/2009 jinkludi, fit-Titolu XII tiegħu, intitolat “Data u informazzjoni”, Kapitolu II, dwar il-“[k]unfidenzjalità tad-data”. Dan il-kapitolu fih biss żewġ artikoli, jiġifieri l-Artikoli 112 u 113 dwar, rispettivament, il-“[p]rotezzjoni tad-data personali” u l-“[k]unfidenzjalità ta’ segretezza professjonali u kummerċjali”.

121

Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 ssostitwixxew l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 70). Fil-fatt, fl-assenza, fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 2847/93, ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali mill-istituzzjonijiet u mill-Istati Membri, l-Artikolu 37 tal-imsemmi regolament kien jittratta kemm, fil-paragrafi 2 u 7 sa 10 tiegħu, il-protezzjoni tad-data li tinkludi ismijiet ta’ persuni u kemm, fil-paragrafi 1 u 3 sa 6 tiegħu, il-kunfidenzjalità taħt is-sigriet professjonali u kummerċjali tad-data miġbura u skambjata fil-kuntest tal-imsemmi regolament.

122

Meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1224/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), kif ukoll tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

123

Għaldaqstant, l-Artikolu 112 tar-Regolament Nru 1224/2009 issa jittratta, b’mod distint, il-protezzjoni tad-data personali billi jirreferi, essenzjalment, għar-Regolament Nru 45/2001 kif ukoll għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46.

124

Min-naħa tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 jirriproduċu, fil-parti l-kbira tagħhom, id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 2847/93 li ma kinux jittrattaw il-protezzjoni tad-data personali.

125

L-ewwel nett, l-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data koperta bis-sigriet professjonali u kummerċjali. B’mod partikolari, huwa previst li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex id-data li jiġbru u li jirċievu fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009 tiġi pproċessata konformement mar-regoli applikabbli fil-qasam tas-sigriet tad-data professjonali jew kummerċjali (Artikolu 113(1) tar-Regolament Nru 1224/2009). Barra minn hekk, id-data kkomunikata fil-kuntest tal-imsemmi regolament hija suġġetta għar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kunfidenzjalità meta l-iżvelar tagħha jkun ser jippreġudika ċerti interessi bħalma huma l-ħajja privata u l-integrità tal-individwu – u dan konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali –, l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, il-proċeduri ġudizzjarji u l-pariri legali, jew l-attivitajiet ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni. Madankollu, l-informazzjoni marbuta ma’ din id-data dejjem tista’ tiġi żvelata jekk dan ikun meħtieġ sabiex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (Artikolu 113(4) tar-Regolament Nru 1224/2009).

126

It-tieni nett, l-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 jinkludi dispożizzjonijiet li huma speċifiċi għad-data li toriġina mill-Istati Membri u li, għalhekk, ġew invokati mir-Repubblika ta’ Malta fil-kuntest ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009, li huma prattikament identiċi għal dawk tal-Artikolu 37(3) u (5) tar-Regolament Nru 2847/93 u li jipprovdu kif ġej:

“2.   Id-data skambjata bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni [fil-kuntest ta’ dan ir-regolament] m’għandhiex tiġi trasmessa lil persuni minbarra dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom tali aċċess, sakemm l-Istati Membri li qed jitrasmettu d-data ma jagħtux il-kunsens espress tagħhom.

3.   Id-data [miġbura u rċevuta fil-kuntest ta’ dan ir-regolament] m’għandhiex tintuża ħlief għall-iskopijiet li hemm provvediment għalihom f’dan ir-Regolament sakemm l-awtoritajiet li qed jipprovdu d-data ma jagħtux il-kunsens espress tagħhom għall-użu tad-data għal skopijiet oħra u bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijet fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità li qed tirċievi d-data ma jipprojbixxux it-tali użu.”

127

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 jinkludi dispożizzjonijiet iktar ġenerali. B’mod partikolari, dan l-artikolu jipprevedi li huwa ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-użu ta’ data miksuba konformement mal-imsemmi regolament fil-kuntest ta’ proċeduri legali jew ta’ proċeduri mibdija sussegwentement minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jikkomunika d-data għandhom jiġu informati bil-każijiet kollha li fihom l-imsemmija data tintuża għal dan il-għan (Artikolu 113(6) tar-Regolament Nru 1224/2009).

128

F’dan l-istadju, diversi indikazzjonijiet jistgħu jinstiltu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1224/2009 msemmija fil-punti 120 sa 127 iktar ’il fuq.

129

L-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 ma humiex, bħala tali, intiżi li japplikaw għal dokumenti, iżda huma intiżi li japplikaw biss għal data miġbura fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.

130

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1224/2009 ma jiddefinixxix il-kunċett ġenerali ta’ “data”, iżda jiddefinixxi biss il-kunċett, iktar speċifiku, ta’ “data tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti” (punt 12 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1224/2009).

131

Madankollu, mid-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari mill-Artikoli 12, 33, 34, 63, 78, 93, 101, 109 u 116 tiegħu, jirriżulta li d-data li jirreferi għaliha hija b’mod partikolari dik irreġistrata mill-Istati Membri fid-diversi databases informatiċi maħluqa minnhom u magħmula aċċessibbli fil-parti ristretta ta’ sit internet uffiċjali għal numru limitat ta’ utenti approvati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. B’hekk, b’mod partikolari, id-data tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, id-data dwar l-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari dik irreġistrata fil-ġurnal tas-sajd, fid-dikjarazzjoni tal-iżbark, fid-dikjarazzjoni tat-trasbord u fin-notifika minn qabel, id-data li toriġina mid-dikjarazzjonijiet ta’ akkwist, mid-dokumenti ta’ trasport u min-noti tal-bejgħ, id-data li toriġina mil-liċenzji tas-sajd u mill-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, id-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd, id-data li tirriżulta mir-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza, id-data dwar il-qawwa tal-magna, id-data tas-sistema ta’ rilevament tal-bastimenti, id-data dwar l-avvistamenti, id-data dwar il-ftehimiet ta’ sajd internazzjonali, id-data dwar id-dħul u l-ħruġ minn żoni tas-sajd, miż-żoni marittimi, miż-żoni fejn japplikaw regoli ta’ ċerti organizzazzjonijiet reġjonali kif ukoll mill-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, id-data tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika kif ukoll id-data tar-reġistri nazzjonali ta’ infrazzjonijiet hija koperta minn dan ir-regolament.

132

It-tieni nett, mill-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 jirriżulta li dawn jipprevedu tliet tipi ta’ protezzjoni tad-data miġbura fil-kuntest ta’ dan ir-regolament li huma applikabbli, l-ewwel waħda, għad-data personali (Artikolu 112 u 113(4)(a) tal-imsemmi regolament), it-tieni waħda, għad-data kunfidenzjali koperta mis-sigriet professjonali u kummerċjali (Artikolu 113(1) u (4)(b) tal-istess regolament) u, it-tielet waħda, għad-data kkomunikata minn Stat Membru (Artikolu 113(2) u (3) tal-imsemmi regolament). Hija din it-tielet u l-aħħar tip ta’ protezzjoni li hija inkwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.

133

It-tielet nett, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 jirriżulta li d-data miġbura u trażmessa minn Stat Membru lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament ma tistax, bħala prinċipju, tiġi trażmessa lil persuni oħra għajr dawk li l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li dawn ikollhom aċċess għaliha u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk previsti minn dan ir-regolament, sakemm l-Istati Membri li jkunu kkommunikaw din id-data ma jagħtux il-kunsens espliċitu tagħhom.

134

Huma biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(4) u (6) tar-Regolament Nru 1224/2009 li jistgħu, eventwalment, jiġu interpretati fis-sens li jippermettu, bħala eċċezzjoni u f’każijiet speċifiċi, l-iżvelar ta’ data li toriġina minn Stat Membru mingħajr il-kunsens ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet, imfakkra fil-punti 125 u 127 iktar ’il fuq, jidhru li jaworizzaw, f’kull każ, l-iżvelar jew l-użu ta’ ċerta data sabiex jitwaqqaf jew jiġi ssanzjonat ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 113(6) tar-Regolament Nru 1224/2009 jipprevedi li l-Istat Membru li jikkomunika d-data għandu biss jiġi informat dwar l-użu tal-imsemmija data fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi.

135

Jifdal li tiġi eżaminata l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 u dawk tar-Regolament Nru 1049/2001.

b)   Interazzjoni bejn l-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 u r-Regolament Nru 1049/2001

136

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1224/2009 għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli fir-rigward tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha jkunu bbażati d-deċiżjonijiet tagħhom. Huwa għalhekk intiż li jiffaċilita kemm jista’ jkun possibbli l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif ukoll li jippromwovi l-aħjar prassi amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 49). It-tieni wieħed huwa intiż, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi qafas ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ eżekuzzjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

137

F’dan il-każ, ir-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1224/2009 ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espliċitament li xi wieħed minnhom għandu jipprevali fuq l-ieħor. Għaldaqstant, għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li għalhekk tippermetti applikazzjoni koerenti tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 56, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 110).

138

Fit-tieni lok, fid-dawl ta’ dak li ġie osservat fil-punt 129 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 ma humiex intiżi, fihom infushom, li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti mibgħuta minn Stat Membru lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi biss li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom id-data miġbura u trażmessa minn Stat Membru fil-kuntest tal-imsemmi regolament tista’ tiġi trażmessa u użata.

139

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 ma jikkostitwixxux, bħala tali, liġi speċjali li tidderoga mir-regoli ġenerali dwar l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti previsti fir-Regolament Nur 1049/2001, iżda huma pjuttost regoli speċifiċi li jiżguraw protezzjoni msaħħa ta’ ċerta data, kemm jekk tkun data personali u kemm jekk le u irrispettivament mil-livell ta’ kunfidenzjalità ta’ din id-data, għas-sempliċi raġuni li tkun ġiet ikkomunikata minn Stat Membru. Dan jispjega għaliex ir-Regolament Nru 1224/2009, li ma fih ebda dispożizzjoni dwar l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, ma jagħmilx riferiment għar-Regolament Nru 1049/2001 filwaqt li, sa fejn jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data personali, isemmi, b’mod partikolari fl-Artikolu 112 tiegħu, ir-Regolament Nru 45/2001.

140

Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif ġie osservat fil-punt 137 iktar ’il fuq, għandhom jiġu applikati, b’mod koerenti, kemm ir-Regolament Nru 1049/2001 u kemm ir-Regolament Nru 1224/2009.

141

Barra minn hekk, meta, bħal fil-kawża ineżami, id-dokumenti koperti mill-applikazzjoni għal aċċess ikunu jikkonċernaw qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, is-sistema ta’ kontroll intiża li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, ir-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti, li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistgħux jiġu applikati u interpretati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi li jirregolaw it-trażmissjoni u l-użu tad-data inkluża f’dawn id-dokumenti, liema regoli huma previsti, f’dan il-każ, fl-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 83, u tas-26 ta’ April 2016, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑221/08, EU:T:2016:242, mhux ippubblikata, punt 154).

142

Għaldaqstant, meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 tkun intiża li jinkiseb aċċess għal dokumenti li jinkludu data fis-sens tar-Regolament Nru 1224/2009, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar isiru applikabbli fl-intier tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 63, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 70).

143

Fit-tielet lok, fid-dawl ta’ dak li ġie osservat fil-punti 133 u 134 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għall-eċċezzjonijiet eventwalment previsti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(4) u (6) tar-Regolament Nru 1224/2009, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) ta’ dan l-istess regolament, applikabbli għad-data inkluża f’dokument ikkomunikat minn Stat Membru lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-imsemmi regolament, jissuġġettaw kull trażmissjoni jew użu mhux previsti fl-imsemmi regolament tal-imsemmija data għall-kunsens espliċitu ta’ dan l-Istat Membru.

144

F’dan id-dawl, l-ewwel nett, il-kliem, imfakkra fil-punt 126 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 huma nettament differenti minn dawk, imfakkra fil-punti 39 u 94 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 jipprojbixxu, bħala prinċipju, ċerti forom ta’ trażmissjoni jew ta’ użu tad-data kkomunikata minn Stat Membru, sakemm dan tal-aħħar ma jagħtix il-kunsens espliċitu tiegħu. Mill-banda l-oħra, u filwaqt li mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li d-dokumenti tal-istituzzjonijiet, inklużi dawk li joriġinaw mill-Istati Membri, jistgħu bħala prinċipju jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tal-istess regolament jipprevedu biss li Stat Membru jista’ jitlob li dokument li joriġina minnu ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu.

145

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 huwa fformulat fi kliem analogi għal dawk tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedi li “[d]okumenti sensittivi għandhom jiġu […] żvelati biss bil-kunsens ta’ mingħand min ġejjin”. Issa, mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-awtorità li minnha joriġina dokument sensittiv għandha s-setgħa li toġġezzjona għall-iżvelar tal-kontenut tal-imsemmi dokument (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 101).

146

Minn dan isegwi li l-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 ma jipprevedix biss, bħalma jagħmel l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li, meta Stat Membru jagħmel talba speċifika f’dan is-sens, dokument li joriġina minnu ma jistax sussegwentement jiġi żvelat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, iżda, bħalma jagħmel l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jeżiġi l-kunsens minn qabel u espliċitu tal-Istat Membru bħala kundizzjoni assoluta għal ċerti forom ta’ trażmissjoni u ta’ użu tad-data kkomunikata minn dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 4778).

147

It-tieni nett, jidher li, fir-rigward tad-data kkomunikata minn Stat Membru fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jżomm, taħt ċerta forma, ir-regola tal-awtur, minkejja li bħala prinċipju tkun tneħħiet fil-qasam tal-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti mir-Regolament Nru 1049/2001. Din ir-regola, fil-forma tagħha li kienet tipprevali qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1049/2001, kienet timplika li, meta l-awtur ta’ dokument miżmum minn istituzzjoni kien terz, l-applikazzjoni ta’ aċċess għad-dokument kellha tiġi indirizzata direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 56).

148

F’dan ir-rigward, fil-punt 126 iktar ’il fuq diġà ġie osservat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 huma essenzjalment identiċi għal dawk, adottati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-Artikolu 37(3) u (5) tar-Regolament Nru 2847/93. Issa, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1224/2009 u fil-kuntest tal-grupp ta’ ħidma bl-isem “Politika interna u esterna tas-sajd” tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-delegazzjoni Svediża kienet oġġezzjonat għaż-żamma tar-regola tal-awtur, li tqieset li kienet inkompatibbli mar-Regolament Nru 1049/2001 li fil-frattemp kien daħal fis-seħħ. Għaldaqstant, din id-delegazzjoni kienet ipproponiet formulazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet li saru l-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009, sabiex tiġi prevista sempliċi konsultazzjoni mal-awtoritajiet li jkunu kkomunikaw id-data. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni li fir-Regolament Nru 1224/2009 jiġu riprodotti, mingħajr ebda emenda sinjifikattiva, id-dispożizzjonijiet li preċedentement kienu jinsabu fl-Artikolu 37(3) u (5) tar-Regolament Nru 2847/93.

149

Għaldqstant, jidher li, meta adotta l-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jħares is-setgħa tal-Istat Membru li jkun ikkomunika d-data fil-kuntest ta’ dan ir-regolament li jivverifika u li jikkontrolla kull forma ta’ trażmissjoni jew ta’ użu ta’ din id-data li ma tkunx prevista fl-imsemmi regolament.

150

It-tielet nett, il-projbizzjoni fir-rigward tat-trażmissjoni jew tal-użu tad-data kkomunikata minn Stat Membru prevista fl-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 tapplika fil-każijiet kollha li dan l-Istat Membru ma jkunx ta l-kunsens espliċitu tiegħu għal din it-trażmissjoni jew għal dan l-użu.

151

Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie deċiż fir-rigward tar-restrizzjoni prevista fil-qasam tal-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 4799), l-applikazzjoni tar-restrizzjoni prevista fl-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 la hija suġġetta għal manifestazzjoni ta’ rieda espliċita u minn qabel min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, la għall-invokazzjoni minn dan tal-aħħar ta’ eċċezzjoni sostanzjali prevista fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jew fl-Artikolu 113(4) tar-Regolament Nru 1224/2009, u lanqas għall-motivazzjoni tal-oġġezzjoni eventwalment magħmula mill-Istat Membru.

152

Ir-raba’ nett, peress li hija l-konsegwenza diretta tal-assenza ta’ kunsens espliċitu min-naħa tal-Istat Membru li jkun ikkomunika d-data, il-projbizzjoni fir-rigward tat-trażmissjoni jew tal-użu prevista fl-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 ma hijiex ibbażata fuq eċċezzjoni sostantiva bħalma hija l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll fl-Artikolu 113(4)(d) tar-Regolament Nru 1224/2009. Għaldaqstant, din il-projbizzjoni ma tistax, kif tallega l-Kummissjoni, tintemm hekk kif tingħalaq investigazzjoni amministrattiva miftuħa taħt l-Artikolu 102(2) tar-Regolament Nru 1224/2009 iżda tintemm biss meta l-Istat Membru li jkun ikkomunika d-data inkwistjoni jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu għat-trażmissjoni jew għall-użu tagħha.

153

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-komunikazzjoni lill-pubbliku, u b’mod partikolari lil organizzazzjoni mhux governattiva, ta’ dokument li jinkludi data kkomunikata minn Stat Membru fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009 tikkostitwixxi, manifestament, forma ta’ trażmissjoni u ta’ użu tal-imsemmija data li ma hijiex prevista minn dan ir-regolament. Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li, meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1224/2009, u b’mod iktar speċjali d-dispożizzjoni li saret l-Artikolu 113(3) tal-imsemmi regolament u li tipprojbixxi l-użu ta’ din it-tip ta’ data “ħlief għall-iskopijiet li hemm provvediment għalihom f’dan ir-Regolament”, il-Kummissjoni kienet spjegat, fil-kuntest tal-grupp ta’ ħidma bl-isem “Politika interna u esterna tas-sajd” tal-Kunsill u bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni Finlandiża, li l-“iskopijiet” l-oħra li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu, b’mod partikolari, il-pubblikazzjoni ta’ data minn organizzazzjoni mhux governattiva.

154

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 jipprojbixxu, bħala prinċipju, l-iżvelar lill-pubbliku, u b’mod partikolari lil organizzazzjoni mhux governattiva, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dokumenti li minnhom ma tkunx tħassret id-data kkomunikata minn Stat Membru lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009, f’sitwazzjoni fejn dan l-Istat Membru ma jkunx ta l-kunsens espliċitu tiegħu għal dan l-iżvelar u, iktar u iktar, f’sitwazzjoni fejn, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-imsemmi Stat Membru jkun oġġezzjona espliċitament għal tali żvelar.

155

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument tal-Kummissjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jadotta b’mod validu regola li ġġib fix-xejn l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 mingħajr ma jivvizzja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 b’nuqqas ta’ bażi legali u mingħajr ma jippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fl-Artikolu 15(3) TFUE.

156

Fil-fatt, l-ewwel nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk minn eżami ta’ att tal-Unjoni jirriżulta li dan l-att għandu żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew preponderanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew preponderanti (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill, C‑36/98, EU:C:2001:64, punti 5859 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punti 4344 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157

Issa, minn naħa, huwa paċifiku, kif ġie osservat fil-punt 136 iktar ’il fuq, li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1224/2009 huwa li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ eżekuzzjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Min-naħa l-oħra, il-kontenut sostantiv tar-Regolament Nru 1224/2009 jikkonċerna b’mod preponderanti l-politika komuni tas-sajd, anki jekk jipprevedi l-ġbir u l-iskambju ta’ diversi elementi ta’ data dwar din il-politika. Huwa biss b’mod anċillari li r-Regolament Nru 1224/2009 jinkludi, b’mod partikolari fl-Artikoli 112 u 113 tiegħu, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jiddelimitaw u li jirrestrinġu t-trażmissjoni u l-użu tad-data kkomunikata mill-Istati Membri.

158

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kellu jadotta r-Regolament Nru 1224/2009 fuq il-bażi biss tal-Artikolu 43 TFUE, dwar il-politika agrikola komuni, li tinkludi l-politika komuni tas-sajd. B’mod partikolari, il-Kunsill la seta’ jadotta l-Artikolu 113(2) u (3) ta’ dan ir-regolament fuq il-bażi tal-Artikolu 16 TFUE, dwar il-protezzjoni tad-data personali, u lanqas fuq dik tal-Artikolu 15(3) TFUE, dwar l-aċċess għal dokumenti. Għaldaqstant, il-Kunsill seta’ legalment jadotta, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009, regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għad-data kkomunikata minn Stat Membru skont dan ir-regolament, u dan minkejja li dawn ir-regoli speċifiċi kien ser ikollhom, fil-prattika, il-konsegwenza li jillimitaw l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti li jkun fihom tali data.

159

It-tieni nett, huwa minnu li, kif ġie osservat fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minn naħa, u l-Artikolu 15(3) TFUE, min-naħa l-oħra, jipprevedu li kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru għandhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-organi u tal-korpi tal-Unjoni, irrispettivament mill-forma ta’ dawn id-dokumenti.

160

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(3) TFUE jipprovdi li l-kundizzjonijiet u l-limiti għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti għandhom jiġu ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz ta’ regolamenti. Minn dan isegwi li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, kif stabbilit fi u ggarantit mit-Trattati, ma huwiex dritt ġenerali u assolut u jista’ jkun is-suġġett ta’ limitazzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet.

161

B’mod partikolari, għandu jingħad li r-restrizzjoni għall-aċċess għal data prevista fl-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 tapplika biss għad-data li toriġina mill-Istati Membri u tirriżulta, kif ġie osservat fil-punt 147 iktar ’il fuq, mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jżomm, taħt ċerta forma, ir-regola tal-awtur, li tippermetti l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokument direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument. B’hekk, ma hemm xejn li jipprojbixxi lil persuna li tkun tixtieq aċċess għal dokument li jkun fih data kkomunikata minn Stat Membru fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009 milli titlob dan id-dokument direttament mingħand dan l-Istat Membru. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti tiġi eżaminata konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

162

Minn dan isegwi li, għalkemm jeżiġu l-kunsens minn qabel u espliċitu tal-Istat Membru kkonċernat bħala kundizzjoni assoluta għall-iżvelar tad-data kkomunikata minn Stat Membru fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tal-istess regolament ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-aċċess għad-dokumenti li jkun fihom din id-data. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreġudikawx b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stabbilit, minn naħa, fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 15(3) TFUE.

163

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 kienx jipprekludi l-komunikazzjoni lil Greenpeace tad-dokumenti bin-numri 112 sa 230.

c)   Eżami tal-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009

164

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Repubblika ta’ Malta tispjega li d-dokumenti bin-numri 112 sa 230 kienu ġew skambjati bejnha u l-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009 u jinkludu data fis-sens ta’ dan ir-regolament. B’hekk, pereżempju, uħud minn dawn id-dokumenti jinkludu data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-sajd jew dwar l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd Libjani. Dokumenti oħra huma rapporti ddettaljati, rapporti ta’ spezzjoni, dikjarazzjonijiet ta’ trasferiment fuq il-baħar u ta’ tqegħid f’gaġeġ stabbiliti minn osservaturi Maltin u internazzjonali. Fl-aħħar nett, ċerti dokumenti ġew stabbiliti fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva miftuħa mir-Repubblika ta’ Malta, u mbagħad fil-kuntest tat-tkomplija ta’ din l-investigazzjoni mill-Kummissjoni.

165

Il‑Kummissjoni ma tikkontestax din id-deskrizzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li ġew skambjati fil-kuntest tar-Regolament Nru 1224/2009 u li fihom data fis-sens ta’ dan ir-regolament.

166

Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dokumenti bin-numri 112 sa 230, prodotti mir-Repubblika ta’ Malta, jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tagħhom mogħtija minn din tal-aħħar u li fihom data, b’mod partikolari fil-forma ta’ ċifri jew ta’ natura teknika, tal-istess tip bħal dik imsemmija fir-Regolament Nru 1224/2009 u mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq.

167

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009 kien applikabbli għad-data li tinsab fid-dokumenti bin-numri 112 sa 230.

168

Minn dan isegwi li, ħlief billi tinvoka, eventwalment, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(4) u (6) tar-Regolament Nru 1224/2009, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel pubbliċi u, b’mod partikolari, tittrażmetti lil organizzazzjoni mhux governattiva d-data li tinsab fid-dokumenti bin-numri 112 sa 230 mingħajr il-kunsens espliċitu tar-Repubblika ta’ Malta.

169

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li r-Repubblika ta’ Malta qatt ma tat il-kunsens espliċitu tagħha għat-trażmissjoni lil Greenpeace tad-data li tinsab fid-dokumenti bin-numri 112 sa 230 u li, għall-kuntrarju, kienet saħansitra oġġezzjonat espliċitament għal din it-trażmissjoni, b’mod partikolari fl-ittri tagħha tat-30 ta’ Novembru 2015, tat-3 u tas-27 ta’ Mejju 2016. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qatt ma stabbilixxiet u lanqas biss allegat li l-komunikazzjoni lil Greenpeace tad-data li tinsab f’dawn id-dokumenti kienet neċessarja sabiex jitwaqqaf jew jiġi ssanzjonat ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

170

Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ġie osservat fil-punt 153 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun meta ssostni li l-kunsens espliċitu tar-Repubblika ta’ Malta għat-trażmissjoni jew għall-użu tad-data kkomunikata mill-awtoritajiet Maltin ma kienx għadu meħtieġ minħabba li l-investigazzjoni amministrattiva kienet ingħalqet fl-2011 u minħabba li r-Repubblika ta’ Malta kienet implimentat, sa minn Frar 2013 u b’mod sodisfaċenti, il-pjan ta’ azzjoni stabbilit sussegwentement għal din l-investigazzjoni.

171

Għaldaqstant, fl-assenza tal-kunsens tal-awtoritajiet Maltin, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment tagħti aċċess għad-dokumenti inkwistjoni mingħajr ma tneħħilhom id-data kollha li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 1224/2009 u li kienet tinsab fihom.

172

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ddeċidiet li tikkomunika lil Greenpeace d-dokumenti bin-numri 112 sa 230, wara li neħħietilhom biss id-data personali li kien fihom, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li kien fihom ukoll data fis-sens, iktar ġenerali, tar-Regolament Nru 1224/2009. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma vverifikat jekk din id-data tal-aħħar setgħetx effettivament tiġi sseparata mid-dokumenti li kienet tinsab fihom u jekk, għaldaqstant, setgħetx, f’dan il-każ, tagħti aċċess għad-dokumenti inkwistjoni f’forma mingħajr l-imsemmija data.

173

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika ta’ Malta għandha raġun meta ssostni li, billi tat lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti bin-numri 112 sa 230 u, għalhekk, għad-data li kien fihom, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Nru 1224/2009.

174

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv, li tqajjem biss inkonnessjoni mad-dokumenti bin-numri 112 sa 230, għandu jintlaqa’.

175

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tagħti lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti bin-numri 112 sa 230 u, min-naħa l-oħra, li t-talbiet l-oħra tar-rikors għandhom jiġu miċħuda.

IV. Fuq l-ispejjeż

176

Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

177

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti bin-numri 112 sa 230 u r-Repubblika ta’ Malta tilfet fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti bin-numri 1 sa 111 u 231 sa 240. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2016 dwar applikazzjoni konfermatorja ppreżentata minn Greenpeace għal aċċess għal dokumenti dwar kunsinna allegatament irregolari ta’ tonn ħaj, mit-Tuneżija lejn Malta, hija annullata sa fejn tagħti lil Greenpeace aċċess għad-dokumenti elenkati fl-Anness B tagħha bin-numri 112 sa 230.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Mejju 2018.

Firem

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

III. Id-dritt

 

A. Fuq l-ammissibbiltà

 

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet tar-Repubblika ta’ Malta u tal-ewwel erba’ motivi invokati insostenn ta’ dawn it-talbiet

 

2. Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

B. Fuq il-mertu

 

1. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

2. Fuq l-ewwel tliet motivi, dwar il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 

a) In-natura effettiva tal-ewwel tliet motivi

 

Ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001

 

Ir-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jew li jirriżultaw mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali

 

b) Eżami tal-fondatezza tal-ilmenti bbażati fuq l-għoti ta’ termini insuffiċjenti għal tweġiba u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009

 

a) Preżentazzjoni tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 u tal-kuntest tiegħu

 

b) Interazzjoni bejn l-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 u r-Regolament Nru 1049/2001

 

c) Eżami tal-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009

 

IV. Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top