EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0337

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ April 2017.
L-Ombudsman Ewropew vs Claire Staelen.
Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Trattament mill-Ombudsman Ewropew ta’ lment dwar il-ġestjoni ta’ lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ġenerali – Ksur tal-obbligu ta’ diliġenza – Kunċett ta’ ‘ksur suffiċjentement serju’ ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni – Dannu morali – Telf ta’ fiduċja fl-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.
Kawża C-337/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:256

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ April 2017 ( *1 )

“Appell — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea — Trattament mill-Ombudsman Ewropew ta’ lment dwar il-ġestjoni ta’ lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ġenerali — Ksur tal-obbligu ta’ diliġenza — Kunċett ta’ ‘ksur suffiċjentement serju’ ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni — Dannu morali — Telf ta’ fiduċja fl-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew”

Fil-Kawża C‑337/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2015,

L‑Ombudsman Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn G. Grill, sussegwentement minn L. Papadias u P. Dyrberg, bħala aġenti,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Claire Staelen, residenti fi Bridel (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn V. Olona, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça u A. Prechal (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, l-Ombudsman Ewropew jitlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2015, Staelen vs L‑Ombudsman Ewropew (T‑217/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:238), li biha din laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Claire Staelen intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li hija kienet allegat li ssubixxiet wara t-trattament, mill-Ombudsman, tal-ilment tagħha dwar ġestjoni ħażina, mill-Parlament Ewropew, tal-lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta mill-kompetizzjoni ġenerali EUR/A/151/98 li fiha hija kienet tidher bħala kandidata li għaddiet mill-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ kandidati xierqa”).

Il-kuntest ġuridiku

2

It-tielet premessa tad-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta’ Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it‑twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1 p. 283), hija fformulata kif ġej:

“Billi l-Ombudsman, li jista’ wkoll jaġixxi fuq mozzjoni proprja tiegħu jew tagħha, għandu jkollu adeżjoni [aċċess] għall-elementi neċessarji għat-twettiq ta’ l-obbligi tiegħu; billi għalhekk l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] u korporazzjonijiet huma obbligati: li jipprovdu lill-Ombudsman, fuq talba tiegħu, kwalunkwe informazzjoni li jitlob mingħandhom, […]”

3

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 94/262 jipprovdi li:

“1.   L-Ombudsman għandu, fuq mozzjoni proprja jew li ġejja minn ilment, jikkonduċi kull inkjesta li tidhirlu ġustifikabbli biex jikkjarifka kull suspett ta’ amminstrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] u korporazzjonijiet. […]

2.   L-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] u korporazzjonijiet huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Ombudsman u jtuh aċċess għall-fajls konċernati. […]

[…]”

4

Il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2008/587/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tat-18 ta’ Ġunju 2008, li temenda d-Deċiżjoni 94/262 (ĠU 2008, L 189, p. 25) tiddikjara:

“Il-fiduċja taċ-ċittadini fil-kapaċità ta’ l-Ombudsman li jmexxi investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar każijiet allegati ta’ amministrazzjoni ħażina hija fundamentali biex l-azzjoni ta’ l-Ombudsman ikollha suċċess.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Fl-14 ta’ Novembru 2006, C. Staelen ressqet ilment quddiem l-Ombudsman fir-rigward tal-amministrazzjoni ħażina li biha l-Parlament allegatament aġixxa fil-ġestjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa.

6

Fl-aħħar tal-investigazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni inizjali”), l-Ombudsman adotta deċiżjoni, fit-22 ta’ Ottubru 2007, li fiha kkonkluda li l-Parlament ma kienx wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007”).

7

Fid-29 ta’ Ġunju 2010, l-Ombudsman iddeċieda li jibda investigazzjoni ex officio, sabiex jevalwa mill-ġdid jekk il-Parlament kienx wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni ex officio”).

8

Fil-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman ħa deċiżjoni fejn waqqaf l-investigazzjoni ex officio u ddeċieda, għal darb’oħra, li l-Parlament ma kienx wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011”).

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2011, C. Staelen ressqet kawża sabiex l-Ombudsman jiġi kkundannat jikkumpensaha għad-danni materjali u morali li qieset li ssubixxiet minħabba diversi nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-Ombudsman fil-kuntest tal-investigazzjonijiet inizjali u ex officio.

10

Filwaqt li ddeċidiet, fil-punti 75 sa 161 tas-sentenza appellata, fuq l-ewwel serje ta’ lmenti fformulati minn C. Staelen u li jirrigwardaw il-fatt li l-Ombudsman ma pproċediex, kemm matul l-investigazzjoni inizjali kif ukoll matul l-investigazzjoni ex officio, għall-verifiki kollha neċessarji biex jiżvela u jiċċara l-każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina li hija kienet iddenunzjat fl-ilment tagħha, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, għamlet, fil-punti 75 sa 88 ta’ dik is-sentenza, ċertu numru ta’ “osservazzjonijiet preliminari”.

11

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet, fil-punti 75 sa 85 tal-imsemmija sentenza, li, għalkemm l-Ombudsman għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-ilmenti li huma indirizzati lilu u tas-segwitu li għandu jingħata lilhom kif ukoll fir-rigward tal-istrumenti ta’ investigazzjoni li għandhom jintużaw matul it-trattament ta’ lment jew fil-kuntest ta’ investigazzjoni li jiftaħ ex officio, u li ma għandu, f’dan il-kuntest, ebda obbligu ta’ riżultat, madankollu tali marġni ta’ diskrezzjoni ma jeżentax lill-Ombudsman mill-osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza, mifhum bħala l-obbligu li jeżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha ta’ dan il-każ.

12

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 85 sa 87 ta’ din l-istess sentenza, ifformulat il-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“85

[…] Minn dan isegwi li, għalkemm l-Ombudsman jista’ jiddeċiedi liberament li jibda investigazzjoni u għalkemm, jekk jiddeċiedi li jagħmel dan, huwa jista’ jadotta l-miżuri ta’ investigazzjoni kollha li jqis iġġustifikati, madankollu huwa għandu jiżgura ruħu li, wara dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni, huwa jkun f’pożizzjoni li jeżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ allegazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina u dwar l-eventwali segwitu li għandu jingħata lil dawn l-allegazzjonijiet […]. L-osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza mill-Ombudsman fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu huwa iktar u iktar importanti peress li huwa ngħata speċifikatament, abbażi tal-Artikolu 228(1) TFUE, u tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, il-kompitu li jiżvela u li jipprova jelimina każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-interess ġenerali u fl-interess taċ-ċittadin ikkonċernat.

86

Għalhekk, l-Ombudsman ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza, f’każ partikolari, tal-prinċipju ta’ diliġenza. Konsegwentement, sempliċi ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza […]

87

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll li kull irregolarità mwettqa mill-Ombudsman ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza […]. Hija biss irregolarità mwettqa mill-Ombudsman fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu li l-konsegwenza tagħha tkun li huwa ma setax jeżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ allegazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa ta’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni u dwar l-eventwali segwitu li għandu jingħata lil din l-allegazzjoni li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza […]”

13

Filwaqt li indirizzat, fit-tieni lok, fil-punti 89 sa 146 tas-sentenza appellata, id-diversi atti tal-Ombudsman b’rabta mat-tmexxija tal-investigazzjoni inizjali kkritikati minn C. Staelen, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-eżami tagħha f’dan ir-rigward billi ddeċidiet, fil-punti 141 sa 146 tal-imsemmija sentenza, li l-Ombudsman kien kiser id-dmir tiegħu ta’ diliġenza tliet darbiet u li dan il-ksur kien suffiċjentement serju biex jirrendi lill-Unjoni responsabbli. L-imsemmi ksur kien jirrigwarda l-fatt, l-ewwel nett, li żnatura l-kontenut ta’ opinjoni tal-Parlament, it-tieni nett, li naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ diliġenza fil-kuntest tal-investigazzjoni intiża li tiddetermina jekk l-informazzjoni dwar it-tniżżil tal-isem ta’ C. Staelen fil-lista ta’ kandidati xierqa kien ġie trażmess mill-Parlament lill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni kif ukoll, it-tielet nett, li naqas milli jwettaq tali obbligu fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu intiża biex issir verifika jekk il-Parlament kienx ikkomunika din l-istess informazzjoni lid-Direttorati Ġenerali tiegħu stess.

14

Filwaqt li ddeċidiet, sussegwentement, fil-punti 162 sa 223 tas-sentenza appellata, fuq it-tieni serje ta’ lmenti fformulati minn C. Staelen fir-rigward ta’ allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Ombudsman, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 205 u 223 tal-imsemmija sentenza, ikkonkludiet li kien jeżisti ksur suffiċjentement serju, mill-Ombudsman, tad-dmir tiegħu ta’ diliġenza, fl-investigazzjoni tal-kwistjoni jekk kinitx seħħet diskriminazzjoni fil-konfront ta’ C. Staelen meta mqabbla mal-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni minħabba t-tul tat-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa. L-imsemmi ksur suffiċjentement serju kien jirrigwarda l-fatt, għall-Ombudsman, li kkonkluda, fuq dan il-livell, li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament, billi bbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq sempliċi dikjarazzjoni minn dan tal-aħħar fir-rigward tat-tul tat-tniżżil tal-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa, mingħajr ma rċieva elementi li jiċċertifikaw id-data ta’ reklutaġġ tal-imsemmija kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni, peress li sussegwentement ġie żvelat li din id-dikjarazzjoni kienet żbaljata.

15

Fir-rigward tat-tielet serje ta’ lmenti b’mod partikolari bbażati fuq ksur allegat tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, li t-terminu mhux raġonevoli li fih l-Ombudsman irrisponda għaż-żewġ ittri ta’ C. Staelen kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

16

Finalment, filwaqt li eżaminat il-kwistjoni jekk setax jiġi konkluż li kinux jeżistu dannu reparabbli u rabta kawżali bejn dan id-dannu u d-diversi nuqqasijiet ikkonstatati preċedentement, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ddeċidiet, fil-punti 288 sa 294 tas-sentenza appellata, li dan kien il-każ inkwistjoni, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minn C. Staelen minħabba, minn naħa, telf ta’ fiduċja fl-istituzzjoni tal-Ombudsman u, min-naħa l-oħra, is-sentiment ta’ telf ta’ żmien u ta’ enerġija ġġenerati minn dawn in-nuqqasijiet.

17

B’konklużjoni, peress li kkunsidrat li l-Ombudsman, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet inizjali u ex officio, minn naħa, kien naqas, f’erba’ okkażjonijiet, milli jwettaq id-dmir tiegħu ta’ diliġenza u, min-naħa l-oħra, kien irrisponda għal żewġ ittri ta’ C. Staelen f’tul mhux raġonevoli, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Staelen billi kkundannat lill-Ombudsman iħallasha somma ta’ EUR 7000, bħala kumpens għad-dannu morali subit.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18

Permezz tal-appell tiegħu, l-Ombudsman jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata, minn naħa, sa fejn hija tikkonkludi, l-ewwel nett, li l-Ombudsman wettaq diversi atti illegali li jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, it-tieni nett, li r-realtà ta’ dannu morali ġiet stabbilita u, it-tielet nett, li hemm rabta kawżali bejn l-atti illegali identifikati mill-Qorti Ġenerali u dak id-dannu morali kif ukoll, min-naħa l-oħra, sa fejn hija tikkundanna lill-Ombudsman għall-ħlas ta’ danni ta’ EUR 7000;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, prinċipalment, tiddeċiedi hija stess fuq it-talba ta’ C. Staelen u tiċħadha bħala infondata;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn is-sentenza appellata tiġi annullata; u

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż b’mod ġust u ekwu.

19

Fir-risposta tagħha, C. Staelen titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

tikkundanna lill-Ombudsman iħallasha kumpens ta’ EUR 50000 bħala kumpens għad-danni morali subit; u

tikkundanna lill-Ombudsman għall-ispejjeż kollha relatati mal-appell u mal-proċedura tal-ewwel istanza.

20

Fit-8 ta’ Ottubru 2015, C. Staelen ippreżentat appell inċidentali mis-sentenza appellata. L-imsemmi appell inċidentali ġie miċħud bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2016, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:670), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fl-imsemmi digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat id-dritt li tiddeċiedi fuq l-appell prinċipali kif ukoll fuq l-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba ta ’ C. Staelen sabiex l-Ombudsman jiġi kkundannat iħallasha somma ta ’ EUR 50000

21

Kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, it-talbiet tar-risposta ippreżentata minn C. Staelen huma intiżi, minn naħa, għaċ-ċaħda totali tal-appell tal-Ombudsman u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna ta’ dan tal-aħħar sabiex iħallasha ammont ta’ EUR 50000 bħala kumpens għad-dannu morali li kkawżalha.

22

Issa, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet ta’ risposta għandhom ikunu intiżi sabiex l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment.

23

Konsegwentement, it-talba ta’ C. Staelen sabiex l-Ombudsman jiġi kkundannat iħallasha ammont ta’ EUR 50000 hija inammissibbli.

Fuq l-appell

24

L-Ombudsman iqajjem ħames aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

Fuq l-ewwel aggravju

25

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu li jinkludi erba’ partijiet, l-Ombudsman jikkritika lill-Qorti Ġenerali bl-iżbalji ta’ liġi fir-rigward ta’ waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri r-rekwiżit ta’ ksur “suffiċjentement serju” ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

26

L-Ombudsman isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li sempliċi ksur, mill-Ombudsman, tal-prinċipju ta’ diliġenza, mifhum bħala l-obbligu li jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta’ każ inkwistjoni, huwa suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur “suffiċjentement serju” ta’ regola ta’ dritt tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi u, għaldaqstant, illegalità li tista’ żżomm lill-Unjoni responsabbli.

27

C. Staelen tikkunsidra li l-aggravju huwa inammissibbli f’din l-ewwel parti, minħabba li huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq appell li tevalwa l-fatti.

28

Fir-rigward tal-mertu, hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat b’mod partikolari, fil-punt 50 tas-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174), li, meta l-Ombudsman imexxi investigazzjoni, huwa marbut b’obbligu ta’ mezzi, li jikkorrispondi preċiżament għall-osservanza tad-dmir ta’ diliġenza li fir-rigward tiegħu l-Ombudsman ma għandu ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 20(2)(d) TFUE, id-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman f’każ ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, jikkostitwixxi dritt, mogħti b’mod partikolari liċ-ċittadini tal-Unjoni, li barra minn hekk huwa stabbilit fl-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

30

Bis-saħħa tal-Artikolu 228(1) TFUE, l-Ombudsman għandu s-setgħa jirċievi, jinvestiga u jirrapporta dwar ilmenti relatati ma’ każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni. Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika li, konformement mal-missjoni tiegħu, l-Ombudsman għandu jwettaq l-investigazzjonijiet li jqis li jkunu ġġustifikati, kemm fuq l-inizjattiva tiegħu stess, kif ukoll fuq il-bażi tal-ilmenti li jiġu ppreżentati lilu, u li, meta jikkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina, għandu jirreferi l-każ lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernat, li għandu jkollu perijodu ta’ tliet xhur biex jagħtih l-opinjoni tiegħu, qabel ma jittrażmetti, sussegwentement, rapport lill-Parlament u lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernat u jinforma l-persuna li tkun ressqet l-ilment bir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

31

Fir-rigward tal-possibbiltà, għal persuna li tkun ressqet ilment quddiem l-Ombudsman, li jpoġġi f’dubju r-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba l-mod li bih l-imsemmi lment ġie ttrattat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li kien hemm il-bżonn li tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tgħid li dritt għal kumpens huwa rrikonoxxut sakemm jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li d-dispożizzjoni legali miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun suffiċjentement serju u li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu impost fuq l-awtur tal-att u l-ħsara mġarrba mill-persuna leża. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-istess kuntest, fakkret ukoll li l-kriterju deċiżiv biex jiġi kkunsidrat li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa dak tal-ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni kkonċernat, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll, f’dan l-aħħar rigward, li sabiex wieħed jara jekk kienx hemm ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-aġir tal-Ombudsman, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-funzjoni ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-Ombudsman huwa marbut biss b’obbligu ta’ mezzi u li huwa jibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 50).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, minkejja li l-Ombudsman għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti u s-segwitu li għandu jingħata lil dawn tal-aħħar u li ma għandu, f’dan il-kuntest, l-ebda obbligu ta’ riżultat, u anki jekk l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għaldaqstant, ikun limitat, ma jistax jiġi eskluż madankollu li, f’ċirkustanzi tabilħaqq eċċezzjonali, persuna tkun tista’ turi li l-Ombudsman wettaq ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod li kkawża dannu liċ-ċittadin ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 52).

34

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ diliġenza li huwa inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku jeħtieġ minnha li taġixxi b’kura u bi prudenza [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 9293].

35

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li, permezz tiegħu, l-Ombudsman jikkritika mhux evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, kif issostni C. Staelen, iżda żball ta’ liġi li wettqet l-imsemmija qorti meta tadotta interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju” tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jagħti lok għall-eventwali responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha. Minn dan isegwi li l-aggravju huwa ammissibbli f’din l-ewwel parti.

36

Fit-tieni lok, u fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi kkonstatat li, billi ddeċidiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li sempliċi ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza huwa biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, minħabba li l-Ombudsman ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza, f’każ konkret, tal-imsemmi prinċipju, il-Qorti Ġenerali kisret minn diversi lati l-prinċipji mfakkra fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza.

37

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, huwa biss ksur suffiċjentement serju, u mhux kwalunkwe ksur, ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tipproteġi lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jingħata setgħa diskrezzjonali, huwa biss ksur manifest u gravi, mill-istanza involuta, tal-limiti li huma imposti għal din is-setgħa li jista’ tikkostitwixxi tali ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

38

Issa, l-istess japplika f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ diliġenza mill-Ombudsman, li ma huwiex awtomatikament ta’ natura li jikkostitwixxi aġir illegali adattat li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, iżda għandu jiġi evalwat, kif tfakkar fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu, l-Ombudsman huwa marbut biss b’obbligu ta’ mezzi u li jibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fondatezza tal-ilmenti rċevuti u s-segwitu li għandu jingħatalhom, it-tieni nett, tal-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet miftuħin u kif jitwettqu l-investigazzjonijiet u, it-tielet nett, tal-analiżi tad-data miġbura kif ukoll il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn din l-analiżi.

39

Billi ddikjarat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-Ombudsman ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza, f’każ konkret, tal-prinċipju ta’ diliġenza, qabel ma ddeduċiet minn dan li sempliċi ksur tal-imsemmi prinċipju għaldaqstant kien biżżejjed biex tiġi stabbilita n-natura suffiċjentement serja ta’ dan il-ksur, il-Qorti Ġenerali riedet manifestament tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li tgħid li meta istituzzjoni tal-Unjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment ridotta, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, EU:C:2002:736, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Issa, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx b’hekk tiddeċiedi li l-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ ksur tal-obbligu ta’ diliġenza kienu ssodisfatti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni la l-qasam, la l-kundizzjonijiet u lanqas il-kuntest li fihom l-imsemmi obbligu huwa impost fuq l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, EU:C:1992:44, punt 24).

41

Sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur suffiċjentement serju tal-obbligu ta’ diliġenza impost fuq l-Ombudsman, huwa għalhekk neċessarju li jiġi stabbilit li, billi ma aġixxiex bil-kura u bil-prudenza kollha neċessarja, dan tal-aħħar kiser b’mod gravi u manifest il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħet ta’ investigazzjoni li għandu. Għal dan il-għan, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmi kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjonijiet inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, in-natura manifesta tan-nuqqas ta’ diliġenza li jkun wera l-Ombudsman fit-tmexxija tal-investigazzjoni tiegħu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, EU:C:1992:44, punt 22, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, EU:C:2003:399, punt 31), in-natura skużabbli jew mhux skużabbli tiegħu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, EU:C:1992:44, punt 22, kif ukoll tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, EU:C:2000:357, punti 4243), jew ukoll in-natura mhux approprjata u mhux raġonevoli tal-konklużjonijiet misluta mill-eżami mmexxi minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 13).

42

Għandu jiġi speċifikat ukoll li, kif argumenta l-Ombudsman, is-sempliċi fatt, enfasizzat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-funzjoni tal-Ombudsman tikkonsisti f’li jiġu identifikati l-każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni oħra lanqas ma jista’ jiġġustifika l-kunsiderazzjoni li tidher fil-punt 86 ta’ din is-sentenza.

43

F’dan ir-rigward, ċertament jista’ jiġi mistenni mill-Ombudsman, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjoni li jagħtih it-Trattat, li joqgħod partikolarment attent, huwa stess, li josserva l-obbligu ta’ diliġenza, billi jmexxi b’kura u prudenza l-investigazzjoni tiegħu, li fil-kuntest tagħha madankollu, huwa marbut biss b’obbligu ta’ mezzi. Madankollu ma jistax jiġi dedott minn dak li ntqal qabel li l-iċken ksur, mill-Ombudsman, tal-obbligu tiegħu ta’ diliġenza fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet ta’ investigazzjoni jikkostitwixxi, ipso facto, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, “ksur suffiċjentement serju” tal-imsemmi obbligu.

44

Finalment, u kif osserva ġustament l-Ombudsman, il-preċiżazzjoni li tidher fil-punt 87 tas-sentenza appellata, fis-sens li hija biss irregolarità mwettqa minnu li l-konsegwenza tagħha tkun li ma setax jeżamina, bir-reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti biex jiddeċiedi fuq il-fondatezza ta’ allegazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina, li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ma taffettwa b’ebda mod il-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 41 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-imsemmija preċiżazzjoni tirrigwarda l-konsegwenzi marbuta, jekk ikun il-każ, mal-irregolarità rrilevata u mhux man-natura tal-azzjoni jew tal-ommissjoni kkonċernata u lanqas man-natura suffiċjentement serja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li tirrifletti l-imsemmija irregolarità.

45

Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, billi ddeċidiet b’mod ġenerali, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li “sempliċi” ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza mill-Ombudsman kien jikkostitwixxi “ksur suffiċjentement serju” ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tipproteġi lill-individwi li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

46

Tali żball ta’ liġi ma jistax, madankollu, f’din il-kawża, iwassal, waħdu, għall-annullament tas-sentenza appellata. Biex wieħed jiddetermina jekk dan għandu jkun il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-fatt, kif isostni l-Ombudsman, fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, applikatx b’mod konkret il-prinċipju żbaljat li hija stabbilixxiet fil-punt 86 tas-sentenza appellata u jekk l-imsemmi żball ta’ liġi b’hekk ivvizzjax l-evalwazzjonijiet li bihom il-Qorti Ġenerali kklassifikat id-diversi atti kkonċernati tal-Ombudsman bħala “ksur suffiċjentement serju” tal-obbligu ta’ diliġenza.

Fuq it-tieni sar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

47

Permezz tat-tieni sar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju tiegħu, l-Ombudsman jargumenta li, fid-dawl tal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet, fil-punti 142 sa 144 ta’ din l-istess sentenza, li t-tliet atti ta’ ksur tal-obbligu ta’ diliġenza f’dan il-każ imputati lill-Ombudsman huma “suffiċjentement serji” biex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, l-imsemmija qorti wettqet daqstant żbalji ta’ liġi.

48

Fir-rigward tat-tieni parti tal-aggravju, l-Ombudsman isostni li, billi ddeċidiet, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi korp kien wettaq tali ksur suffiċjentement serju billi żnatura, fid-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2007, il-kontenut ta’ opinjoni tal-Parlament, għas-sempliċi raġuni li l-Ombudsman ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-rendikont tal-kontenut ta’ dokument, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet li tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ tali ksur.

49

Sussegwentement, insostenn tat-tielet u tar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju tiegħu, rispettivament diretti kontra l-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, l-Ombudsman isostni li, billi llimitat ruħha li tiddikjara li l-allegati nuqqasijiet tiegħu li josserva d-dmir ta’ diliġenza fl-investigazzjonijiet tiegħu, li kienu intiżi li jiddeterminaw jekk il-Parlament kienx informa lill-istituzzjonijiet l-oħra u lid-direttorati ġenerali tiegħu stess bit-tniżżil tal-isem ta’ C. Staelen fil-lista ta’ kandidati xierqa, kienu jikkostitwixxu, fid-dawl tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, “ksur suffiċjentement serju” tad-dritt tal-Unjoni, dik il-qorti ma stabbilixxietx, iżda ppreżupponiet l-eżistenza ta’ tali ksur.

50

Barra minn hekk, billi ddeċidiet, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, li l-Ombudsman ma kienx stabbilixxa jekk l-informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza kinitx ġiet trażmessa lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha, peress li ddeċidiet, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li dawn l-istituzzjonijiet kellhom din l-informazzjoni mill-inqas mill-14 ta’ Mejju 2007.

51

Fir-rigward tal-punt 144 tas-sentenza appellata relatat mat-trażmissjoni ta’ din l-istess informazzjoni lid-direttorati ġenerali tal-Parlament, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tal-funzjoni tal-Ombudsman, billi kkunsidrat li dan tal-aħħar huwa, matul il-verifikazzjonijiet li huwa jwettaq, obbligat li jikseb u jintegra fil-fajls tiegħu provi bil-miktub fir-rigward ta’ kull aspett tal-investigazzjoni tiegħu.

52

Skont C. Staelen, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi biex tistabbilixxi jekk nuqqas ta’ diliġenza jikkostitwixxix ksur u jekk jikkostitwixxix, barra minn hekk, ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-ewwel aggravju tal-Ombudsman huwa inammissibbli mit-tieni sar-raba’ partijiet tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali inkluża fil-punti 142 sa 144 tas-sentenza appellata ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, mit-tieni sar-raba’ parti tiegħu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Min-naħa l-oħra, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li tkun siltet minnhom il-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ripetutament li l-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, korrettament, tikkonkludi mill-imsemmija fatti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni naqsu milli jwettqu d-dmir tagħhom ta’ diliġenza tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika wkoll meta jkollu jiġi ddeterminat jekk tali nuqqas għandux, barra minn hekk, jiġi kklassifikat bħala “ksur suffiċjentement serju” tad-dritt tal-Unjoni, ta’ natura li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha.

54

Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni C. Staelen, it-tieni sar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju ma humiex intiżi li jiksbu eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, iżda huma intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw il-proċess ta’ klassifikazzjoni legali li fuq il-bażi tiegħu l-imsemmija qorti ddeċidiet li l-Ombudsman kien wettaq, f’dan il-każ, ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

55

Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn C. Staelen għandha tiġi miċħuda.

56

F’dak li jirrigwarda l-mertu, u fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li, billi ddikjarat, fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li l-ispezzjoni mmexxija kienet ikkonfermat dak li l-Parlament kien diġà indika fl-opinjoni tiegħu, jiġifieri li l-lista ta’ kandidati xierqa kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, meta l-imsemmija opinjoni ma kinitx tinkludi tali indikazzjoni, l-Ombudsman, minħabba nuqqas ta’ diliġenza, kien żnatura l-kontenut tad-dokument ikkonċernat.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, ċertament, kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-Ombudsman igawdi, fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, b’mod partikolari fir-rigward tas-segwitu li jkun biħsiebu jirriżerva għall-ilmenti li jaslulu u l-mod li bih jinvestigahom, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tar-rendikont tal-kontenut ta’ dokument li ġie trażmess lilu, għall-finijiet li jsostni, bħal f’dan il-każ, il-konklużjonijiet li għalihom huwa jasal fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tagħlaq investigazzjoni, huwa għandu biss marġni ta’ diskrezzjoni mnaqqsa, jew saħansitra ineżistenti. Konsegwentement, huwa korrett, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li ż-żnaturament, mill-Ombudsman, tal-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Marzu 2007, kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, ta’ natura li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

58

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fit-tieni parti tiegħu.

59

Fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ partijiet ta’ dan l-aggravju, mill-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “suffiċjentement serju” tal-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza kkonstatat fil-punti 109 u 140 tas-sentenza appellata u fid-dawl tan-natura defiċjenti tal-investigazzjoni mmexxija mill-Ombudsman fir-rigward tat-trażmissjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa, rispettivament, lill-istituzzjonijiet u lid-direttorati ġenerali tal-Parlament, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 86 tas-sentenza appellata.

60

L-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata kif identifikat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju b’hekk ivvizzja l-evalwazzjoni li biha l-imsemmija qorti, fil-punti 143 u 144 ta’ din l-istess sentenza, ikklassifikat bħala ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni n-nuqqasijiet ta’ diliġenza f’dan il-każ imputati lill-Ombudsman.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet u r-raba’ partijiet tal-aggravju għandhom jintlaqgħu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mill-Ombudsman insostenn tagħhom.

62

Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ partijiet tiegħu, iżda għandu jiġi miċħud fit-tieni parti tiegħu.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

63

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-Ombudsman isostni li, billi ddeċidiet, fil-punti 205 u 223 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi korp kiser il-prinċipju ta’ diliġenza meta aċċetta spjegazzjoni tal-Parlament, minkejja li, fir-rikors tagħha, C. Staelen, fir-realtà, ilmentat kontra żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Ombudsman, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita.

64

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-Ombudsman jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 204 tas-sentenza appellata, li l-fatt li spjegazzjoni mogħtija minn istituzzjoni tal-Unjoni matul investigazzjoni tista’ tidher konvinċenti ma teżentax lill-Ombudsman mir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura ruħu li l-fatti li fuqhom hija bbażata din l-ispjegazzjoni jkunu minnhom meta l-imsemmija spjegazzjoni tkun tikkostitwixxi l-unika bażi tal-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina li jwettaq l-Ombudsman.

65

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-Ombudsman isostni li, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li wettaq żball li timputa lilu għalhekk il-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija qorti ma eżaminatx il-kwistjoni jekk tali żball jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tiddeċiedi, f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ diliġenza li kienet identifikat jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

66

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, C. Staelen targumenta li, billi kkonkludiet li l-Ombudsman kien naqas milli jwettaq id-dmir tiegħu ta’ diliġenza, il-Qorti Ġenerali ma qajmitx ilment li ma jinstabx fir-rikors u li kienet awtorizzata, bħala qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li terġa’ tikklassifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi esposti fih.

67

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet partijiet ta’ dan l-aggravju, C. Staelen tikkunsidra li għalkemm l-Ombudsman jista’, ċertament, jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni mogħtija minn istituzzjoni tal-Unjoni bil-kundizzjoni li ma jeżistux elementi ta’ natura li jqiegħdu l-affidabbiltà tagħha fid-dubju, madankollu dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li l-verifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-amministrazzjoni tikkostitwixxi preċiżament l-essenza stess tal-funzjoni tal-Ombudsman.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Ombudsman ma kienx aġixxa bid-diliġenza kollha meħtieġa meta kkonstata assenza ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament fir-rigward tat-tul tat-tniżżil fil-lista ta’ kandidati xierqa li minnha C. Staelen kienet ibbenefikat, meta aċċetta, f’dan ir-rigward, sempliċi dikjarazzjoni tal-Parlament fir-rigward tar-reklutaġġ tat-22-il-kandidat inizjali li għaddew mill-kompetizzjoni ġenerali EUR/A/151/98, mingħajr ma rċieva elementi li jikkonfermaw id-data tar-reklutaġġ ta’ kull wieħed minnhom, minkejja li din id-dikjarazzjoni, sussegwentement, irriżultat li kienet żbaljata. F’dan l-istess punt, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet, billi rreferiet f’dan ir-rigward għall-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, li dan in-nuqqas ta’ diliġenza seta’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

69

Fil-punt 223 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat mill-ġdid li l-konsegwenza ta’ dan in-nuqqas ta’ diliġenza kienet li l-Ombudsman żbalja meta kkunsidra bħala minnhom ċerta fatti u, għaldaqstant, żbalja meta kkonkluda li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament.

70

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, huwa veru li, kif jirrileva l-Ombudsman u kif jirriżulta barra minn hekk mill-punti 162 u 197 tas-sentenza appellata, C. Staelen invokat, insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-Ombudsman kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra, fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, sussegwentement għall-investigazzjoni ex officio, li l-Parlament ma kienx wettaq diskriminazzjoni fil-konfront tagħha meta mqabbla mal-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni ġenerali EUR/A/151/98 fir-rigward tat-tul tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa.

71

Meta ddeċidiet fuq dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 202 sa 205 tas-sentenza appellata, li l-Ombudsman f’dan il-każ kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ diliġenza billi astjena bi żball milli jivverifika l-fondatezza ta’ dikjarazzjoni tal-Parlament relatata mat-tul ta’ preżenzi rispettivi, fil-lista ta’ kandidati xierqa, ta’ C. Staelen u tal-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni inkwistjoni. Issa, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-Ombudsman, b’nuqqas ta’ reqqa u ta’ prudenza, wettaq żball ta’ evalwazzjoni li wasslu li jikkunsidra żbaljatament li ma kienx hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Parlament kien wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, billi kklassifikat mill-ġdid b’dan il-mod il-motiv li bih ġiet adita, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatux u lanqas, għaldaqstant, ma ddeċidiet ultra petita, b’tali mod li t-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud fl-ewwel parti tiegħu.

73

Barra minn hekk, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, li, billi ddeċidiet, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ diliġenza f’dan il-każ imputat lill-Ombudsman kellu n-natura ta’ ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, billi llimitat ruħha, f’dan ir-rigward, li tagħmel sempliċi referenza għall-argumenti li jidhru fil-punti 84 sa 86 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi analogu għal dawk diġà rrilevati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet u tar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju.

74

L-iżball ta’ liġi li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju” tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, kif identifikat, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, fil-fatt, ivvizzja l-evalwazzjoni li biha l-imsemmija qorti adottat tali klassifikazzjoni fil-punt 205 tas-sentenza appellata.

75

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jintlaqa’ fit-tielet parti tiegħu.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

76

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-Ombudsman isostni li, billi ddeċidiet, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ osservanza, minn dan il-korp, tat-terminu raġonevoli li fih C. Staelen kellha d-dritt li tirċievi risposta għall-ittri tagħha jikkostitwixxi “ksur suffiċjentement serju” ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, u billi kkunsidrat, b’dan il-mod, li jekk jinqabeż dan it-terminu raġonevoli dan jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Ombudsman, il-Qorti Ġenerali kisret id-distinzjoni li għandha ssir bejn in-natura sempliċi u n-natura “suffiċjentement serja” ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha ta’ natura li jippermettulha tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

77

C. Staelen tikkontesta kull żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78

Wara li kkunsidrat, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, li l-Ombudsman, f’żewġ okkażjonijiet, kien naqas mill-obbligu tiegħu li jirrispondi għal xi ittri ta’ C. Staelen f’terminu raġonevoli, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha, fil-punt 269 ta’ din l-istess sentenza, li tiddikjara fil-qosor li, billi b’hekk kiser id-dritt ta’ C. Staelen li tikseb risposta f’tali terminu, l-Ombudsman kien wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

79

Il-Qorti Ġenerali b’hekk ekwiparat kull ksur tad-dmir li wieħed jaġixxi f’terminu raġonevoli ma’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni.

80

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza.

81

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma mmotivat in-natura “suffiċjentement serja” tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li hija kienet kkonstatat qabel.

82

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Naipes Heraclio Fournier vs UASI, C‑311/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:572, punt 51).

83

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Quimica et vs Il‑KummissjoniC‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan il-każ, l-assenza ta’ kull motivazzjoni insostenn tal-klassifikazzjoni bħala “ksur suffiċjentement serju” adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 269 tas-sentenza appellata tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-impossibbiltà li tevalwa jekk, kif isostni sostanzjalment l-Ombudsman permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqitx jew le żball ta’ liġi billi adottat tali klassifikazzjoni.

85

Tali assenza ta’ motivazzjoni, li taqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tfixkel b’hekk l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’ jitqajjem ex officio minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, EU:C:1997:73, punt 24, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, Quimitécnica.com u de Mello vs Il‑Kummissjoni, C‑415/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:58, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju tal-Ombudsman għandu jintlaqa’.

Fuq ir-raba ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

87

L-Ombudsman isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat, fil-punt 290 tas-sentenza appellata, barra minn hekk mingħajr ma tat ebda spjegazzjoni, l-effett ħażin fuq il-fiduċja ta’ lanjant fl-uffiċċju tal-Ombudsman ikkawżat mill-iżbalji mwettqa minn dan tal-aħħar bħala “dannu morali”.

88

C. Staelen tikkontesta l-eżistenza ta’ kull żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

Mill-punt 290 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-dannu morali li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza tiegħu fil-konfront ta’ C. Staelen jirrigwarda, f’dan il-każ, minn naħa, telf ta’ fiduċja tal-persuna kkonċernata fl-istituzzjoni tal-Ombudsman u, min-naħa l-oħra, is-sentiment jew il-perċezzjoni tagħha li tilfet il-ħin tagħha kif ukoll l-enerġija tagħha fir-rigward tal-ilment li hija ressqet quddiem l-imsemmi korp tal-Unjoni.

90

Ir-raba’ aggravju tal-appell, li jikkritika s-sentenza appellata fir-rigward tal-ewwel komponent ta’ dan id-dannu morali, jiġifieri t-telf ta’ fiduċja fl-istituzzjoni tal-Ombudsman, jinkludi żewġ partijiet. L-Ombudsman jilmenta kemm li l-Qorti Ġenerali kklassifikat, bi żball, l-imsemmi komponent bħala “dannu morali” kif ukoll li hija adottat din il-klassifika mingħajr ebda spjegazzjoni.

91

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dannu li għalih jintalab kumpens għandu jkun reali u ċert (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punt 27; tal-14 ta’ Mejju 1998, Il‑Kunsill vs de Nil u Impens, C‑259/96 P, EU:C:1998:224, punt 23, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Ċertament, ma jistax jiġi miċħud li, fid-dawl tal-funzjoni mogħtija lill-Ombudsman, il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-kapaċità tiegħu li jmexxi investigazzjonijiet bir-reqqa u b’imparzjalità fil-każijiet allegati ta’ amministrazzjoni ħażina hija essenzjali. Kif tenfasizza l-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2008/587, tali fiduċja hija, mill-bqija, ugwalment fundamentali sabiex l-azzjoni tal-Ombudsman ikollha suċċess.

93

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li tali kunsiderazzjonijiet jgħoddu, f’miżura wiesgħa ħafna, ukoll għal kull istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni msejjaħ biex jiddeċiedi fuq applikazzjoni individwali, kemm jekk fir-rigward ta’ lment, bħal f’dan il-każ, jew ta’ rikors, saħansitra, iktar ġeneralment, ta’ kull talba li fir-rigward tagħha l-imsemmija istituzzjonijiet, korpi jew organi jinsabu obbligati li jagħtu segwitu.

94

Min-naħa l-oħra, it-telf ta’ fiduċja eventwali fl-uffiċċju tal-Ombudsman li jista’ jirriżulta minn aġir li huwa jadotta fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tiegħu jista’ jaffettwa, irrispettivament, il-persuni kollha li għandhom dritt, f’kull mument, li jressqu lment quddiemu.

95

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat it-telf ta’ fiduċja fl-istituzzjoni tal-Ombudsman allegat minn C. Staelen bħala dannu morali reparabbli. Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jintlaqa’ fl-ewwel parti tiegħu, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni parti tiegħu.

Fuq il-ħames aggravju

96

Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-Ombudsman isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata, li l-illegalità mwettqa mill-imsemmi korp fil-kuntest tal-investigazzjoni ex officio tiegħu kienet il-kawża determinanti tad-dannu morali mġarrab minn C. Staelen u li jirrigwarda telf ta’ fiduċja tagħha fl-uffiċċju tal-Ombudsman.

97

Fid-dawl tal-konklużjoni misluta fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, ma huwiex iktar neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq dan il-ħames aggravju.

Fuq l-annullament parzjali tas-sentenza appellata

98

Peress li l-ewwel, it-tielet u r-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju, it-tielet parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju ġew iddikjarati fondati, minnhom jirriżulta li erba’ mill-ħames atti illegali imputati lill-Ombudsman mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ġew ikklassifikati, mill-imsemmija qorti, bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni biss abbażi, fir-rigward ta’ tlieta minn dawn l-atti, ta’ żbalji ta’ liġi u, fir-rigward tar-raba’ wieħed minn dawn l-atti, abbażi ta’ assenza ta’ kull motivazzjoni. Barra minn hekk, ir-raba’ aggravju ntlaqa’ minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat bħala dannu morali reparabbli l-eventwali telf ta’ fiduċja ta’ C. Staelen fl-uffiċċju tal-Ombudsman li rriżulta mill-mod li bih dan tal-aħħar f’dan il-każ kien qeda l-funzjonijiet tiegħu ta’ investigazzjoni.

99

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkundanna lill-Ombudsman iħallas kumpens lil C. Staelen hija mingħajr bażi legali.

100

Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

101

Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li jiġi annullat il-punt 2 tal-imsemmi dispożittiv li bih il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ C. Staelen, peress li din id-deċiżjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-ewwel sar-raba’ aggravji ta’ dan l-appell huma parzjalment fondati.

102

Finalment, fid-dawl tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq l-ispejjeż u għaldaqstant, il-punti 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, għandhom ukoll jiġu annullati.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

103

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

104

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur tad-dmir ta’ diliġenza imputat lill-Ombudsman, għandu jitfakkar li dan jirrigwarda, l-ewwel nett, il-fatt li huwa naqas, fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, li jinvestiga l-kwistjoni dwar meta u kif it-tniżżil ta’ C. Staelen fil-lista ta’ kandidati xierqa kienet ġiet ikkomunikata lill-istituzzjonijiet, korpi u organi oħra tal-Unjoni.

105

Fir-rigward ta’ dan il-ksur, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa ta’ natura suffiċjentement serja biex ikun jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

106

Fil-fatt, it-tweġiba għall-mistoqsija dwar meta u kif l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ġew informati bit-tniżżil ta’ C. Staelen fil-lista ta’ kandidati xierqa kienet wieħed mill-elementi rilevanti li jifformaw parti mis-suġġett tal-investigazzjoni tal-Ombudsman intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Parlament, fit-trattament tal-fajl tal-persuna kkonċernata wara tali tniżżil, kienx responsabbli għal każ ta’ amministrazzjoni ħażina. Barra minn hekk, il-verifika li l-imsemmi tniżżil tabilħaqq kien ġie kkomunikat lill-istituzzjonijiet, korpi u organi oħra tal-Unjoni u skont liema mezzi, kienet tikkostitwixxi waħda mill-għanijiet espressament iddikjarati tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Ombudsman.

107

Madankollu, l-Ombudsman issodisfa ruħu, fuq dan il-livell, bis-sempliċi komunikazzjoni, mill-Parlament, ta’ dokument imsejjaħ “pooling”, li għandu d-data tal-14 ta’ Mejju 2007 u li jindika li f’din id-data, kandidat wieħed biss kien għadu mniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa. B’hekk, l-Ombudsman ddeduċa minn dan id-dokument li C. Staelen kienet l-unika kandidata li isimha kien għadu jidher fl-imsemmija lista u li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni għaldaqstant, u fid-dawl tan-natura konsultabbli tal-imsemmi dokument, kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu b’din l-informazzjoni, tal-inqas bid-data mill-14 ta’ Mejju 2007.

108

Issa, anki jekk wieħed jippreżumi li l-Ombudsman seta’ raġonevolment jinferixxi mid-dokument inkwistjoni li t-tniżżil ta’ C. Staelen fil-lista ta’ kandidati xierqa kien magħruf mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi l-oħra tal-Unjoni, tal-inqas b’effett mid-data tal-imsemmi dokument, jiġifieri l-14 ta’ Mejju 2007, xorta jibqa’ l-fatt li, kif ammetta l-Ombudsman fir-risposta tiegħu, dan ma kienx jippermetti li jiġi ddeterminat meta u kif l-imsemmi tniżżil, meqjus li seħħ mis-17 ta’ Mejju 2005, ġie kkomunikata mill-Parlament lill-imsemmija istituzzjonijiet, korpi u organi.

109

Minn dan jirriżulta li, billi kkonkluda, fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2007, li t-tniżżil ta’ C. Staelen fil-lista ta’ kandidati xierqa tabilħaqq kien ġie kkomunikat mill-Parlament lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni billi jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għar-riżultat ta’ spezzjoni li kienet manifestament defiċjenti taħt il-perspettiva kkunsidrata, l-Ombudsman, b’nuqqas ta’ reqqa u ta’ prudenza, wettaq żball ta’ evalwazzjoni mhux skużabbli u kiser b’dan il-mod, b’mod gravi u manifest, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-kuntest tat-tmexxija ta’ investigazzjoni.

110

Sussegwentement, fir-rigward tal-ksur tad-dmir ta’ diliġenza imputat lill-Ombudsman u li jirrigwarda l-fatt, essenzjalment, li dan naqas li jsostni l-evalwazzjoni inkluża fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2007 ħlief permezz ta’ preżunzjoni bbażata fuq dokumenti li la seta’ jispeċifika n-natura u lanqas il-kontenut tagħhom, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan kien ta’ natura suffiċjentement serja.

111

Minn naħa, fil-fatt, l-investigazzjoni inizjali u l-ispezzjoni mmexxija mill-Ombudsman kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni jekk it-tniżżil tal-isem ta’ C. Staelen fil-lista ta’ kandidati xierqa kienx tqiegħed għad-dispożizzjoni tad-direttorati ġenerali kollha tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman iddikjara, f’dan ir-rigward, li, fid-dawl tal-ispezzjoni tal-fajl tal-Parlament, il-kandidatura ta’ C. Staelen tabilħaqq kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-imsemmija direttorati ġenerali.

112

Issa, peress li, fir-rigward ta’ aspett rilevanti għall-finijiet li jiġi identifikat każ eventwali ta’ amministrazzjoni ħażina u li kien konkretament is-suġġett tal-investigazzjoni inizjali tiegħu, huwa kien ifformula tali dikjarazzjoni b’dan il-mod fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li għalqet l-imsemmija investigazzjoni, filwaqt li naqas, fl-imsemmija deċiżjoni, milli jew jagħmel riferiment b’mod l-iktar preċiż, għad-dokumenti li jippermettu li jsostnu l-imsemmija dikjarazzjoni, jew ikun f’pożizzjoni li jsostni din id-dikjarazzjoni b’mod differenti milli permezz ta’ preżunzjoni pura, espressa fl-atti tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li tgħid li “[d]an kollu [għalhekk kien jagħti lil wieħed] x’jifhem li r-rappreżentanti [tiegħu] kienu […] raw, matul l-ispezzjoni li huma wettqu, dokumenti li jikkonfermaw li l-Parlament kien informa lid-dipartimenti tiegħu bil-fatt li isem ir-rikorrenti kien żdied mal-lista [ta’ kandidati xierqa]”, l-Ombudsman wettaq, b’nuqqas ta’ reqqa u ta’ prudenza, żbalji mhux skużabbli u kiser b’mod gravi u manifest il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-kuntest tat-tmexxija ta’ investigazzjoni.

113

Finalment, għandu jiġi diskuss il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza li jirrigwarda l-fatt li l-Ombudsman kien ikkonkluda, fid-deċiżjoni tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2011, li tagħlaq l-investigazzjoni ex officio, li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament relatata mat-tul rispettiv tat-tniżżil ta’ C. Staelen, minn naħa, u tal-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni ġenerali EUR/A/151/98, min-naħa l-oħra, fil-lista ta’ kandidati xierqa, billi kien issodisfatt, fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-investigazzjoni, bi spjegazzjoni mogħtija mill-Parlament mingħajr ma żgura li l-fatti li fuqhom kienet tibbaża din l-ispjegazzjoni kienu minnhom.

114

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta amministrazzjoni tintalab tmexxi investigazzjoni, huwa l-obbligu tagħha li tmexxiha b’kull kura possibbli sabiex tneħħi d-dubji li jeżistu u tiċċara s-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1986, Irish Grain Board, 254/85, EU:C:1986:422, punt 16).

115

F’dan il-każ, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Ombudsman qies, fid-deċiżjoni tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2011, li d-differenza, allegata minn C. Staelen, bejn it-tul tal-validità tat-tniżżil tagħha fil-lista ta’ kandidati xierqa u dak li minnu kienu bbenefikaw il-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni ma kinitx tikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina imputabbli lill-Parlament, peress li l-Ombudsman ddeċieda li kienet konvinċenti l-ispjegazzjoni li kienet ipprovdietlu l-imsemmija istituzzjoni f’dan ir-rigward, jiġifieri li dawn il-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni kienu ġew irreklutati fi żmien sentejn mill-pubblikazzjoni tal-imsemmija lista, filwaqt li l-isem ta’ C. Staelen kien tniżżel fiha għal madwar ftit iktar minn sentejn.

116

Issa, huwa paċifiku wkoll fid-dawl tal-imsemmi proċess li l-investigazzjoni ex officio u l-ispezzjoni mmexxija f’dan il-każ mill-Ombudsman, li kienu intiżi li jistabbilixxu jekk l-aġir tal-Parlament kien jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, b’mod partikolari kienu jirrigwardaw il-kwistjoni preċiża jekk C. Staelen kinitx tniżżlet għal inqas tul ta’ żmien fil-lista ta’ kandidati xierqa mill-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni.

117

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ombudsman ma setax, mingħajr ma jwettaq żball mhux skużabbli u li jinjora b’hekk, b’mod gravi u manifest, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu fit-tmexxija tal-imsemmija investigazzjoni, jikkonkludi, fid-deċiżjoni tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2011, li tagħlaq din l-investigazzjoni, li dan ma kienx il-każ u li għaldaqstant ma kienx hemm diskriminazzjoni fil-konfront ta’ C. Staelen, billi jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, esklużivament fuq spjegazzjoni sempliċi mogħtija mill-istituzzjoni kkonċernata, mingħajr ma jfittex ukoll li jikseb, billi jirrikorri għall-mezzi ta’ investigazzjoni li għandu bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 94/262, informazzjoni iktar dettaljata li tippermetti li jiġi vverifikat li l-fatti hekk invokati mill-imsemmija istituzzjoni bil-għan li jiskaġunawha u li fuqhom kienet tibbaża din l-ispjegazzjoni kienu minnhom.

118

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ C. Staelen dwar ksur tad-dritt tagħha li t-talbiet tagħha jkunu ttrattati f’terminu raġonevoli, hemm, ċertament, lok li jiġi rrilevat li t-termini ta’, rispettivament, tmien u ħames xhur, li fihom l-Ombudsman irrisponda, fl-1 ta’ Lulju 2008, għal żewġ ittri li kienet bagħtitlu C. Staelen, l-ewwel, fid-data tad-19 ta’ Ottubru 2007, u t-tieni fid-data tal-24 ta’ Jannar 2008, jistgħu, prima facie, jidhru partikolarment twal.

119

Madankollu, u anki jekk huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Ombudsman kellu jipproduċi risposta iktar tempestiva għaż-żewġ ittri msemmija iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li, billi rrisponda hekk tard għalihom, l-Ombudsman, f’dan il-każ, wettaq “ksur suffiċjentement serju” ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tipproteġi lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza.

120

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ittra ta’ C. Staelen tad-19 ta’ Ottubru 2007 kienet intiża li tikkomunika lill-Ombudsman ittra tal-Parlament tal-15 ta’ Ottubru 2007, irrelatata mal-iskadenza tal-lista ta’ kandidati xierqa b’effett mill-31 ta’ Awwissu 2007. Fir-rigward tal-ittra tal-24 ta’ Jannar 2008, din kellha bħala għan li tistaqsi lill-Ombudsman fuq il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-elementi hekk inklużi fl-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007, kienx biħsiebu jeżamina eventwali ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni inizjali li huwa sadanittant kien għalaq permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007.

121

Issa, fir-rigward tal-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007, l-ilment indirizzat lill-Ombudsman jirrigwarda l-fatt mhux li dan tal-aħħar ikkomunika lil C. Staelen id-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2007, li tagħlaq l-investigazzjoni inizjali tiegħu, billi ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-elementi li jidhru fl-imsemmija ittra, iżda sempliċement li huwa kien ittardja jirrispondi għal din l-ittra. L-Ombudsman barra minn hekk enfasizza, f’dan ir-rigward, fir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali li l-imsemmija ittra wasslitlu biss fit-22 ta’ Ottubru 2007, filwaqt li d-deċiżjoni tiegħu ta’ għeluq tal-investigazzjoni inizjali kienet diġà ġiet adottata.

122

Minn dak li ntqal qabel jirriżulta b’mod partikolari li la dan l-ilment u lanqas dak relatat man-natura tardiva tar-risposta mogħtija sussegwentement mill-Ombudsman għall-ittra tal-24 ta’ Jannar 2008 ma jirrigwardaw, f’dan il-każ, il-mod li bih l-Ombudsman mexxa l-investigazzjonijiet inizjali u ex officio tiegħu u kkonkludihom.

123

Issa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-Ombudsman, permezz tad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2007, kien għadu kemm għalaq investigazzjoni li damet għaddejja kważi sena, ma jistax jiġi kkunsidrat, minn naħa, li, mis-sempliċi fatt li, fl-ewwel lok, ma tax risposta għall-ittra li ġiet hekk trażmessa lilu in extremis minn C. Staelen fid-19 ta’ Ottubru 2007, qabel ma tressqet quddiemu, fl-24 ta’ Jannar 2008, minn din tal-aħħar, talba li tistaqsih fuq ftuħ mill-ġdid eventwali tal-investigazzjoni bbażata fuq l-element li jidher fl-imsemmi ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman eċċeda b’mod gravi u manifest il-limiti tal-marġni diskrezzjonali wiesa’, imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li huwa għandu fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti li jitressqu quddiemu u tas-segwitu li għandu jingħatalhom jew li, f’tali kuntest, huwa kiser dritt ta’ C. Staelen li t-talbiet tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni f’terminu raġonevoli.

124

Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat, min-naħa l-oħra, f’dan l-istess kuntest, li, bil-fatt li, fit-tieni lok u ladarba rċieva tali stedina li jipprevedi l-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni li kienet għadha kemm ingħalqet, huwa ħa biss pożizzjoni fuq l-imsemmija stedina f’terminu ta’ ħames xhur mid-data tagħha, l-Ombudsman eċċeda b’mod gravi u manifest dawn l-istess limiti jew kiser dritt tal-persuna kkonċernata li t-talbiet tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni f’terminu raġonevoli.

125

Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-Ombudsman irrisponda xi ftit tard għaż-żewġ ittri msemmija iktar ’il fuq minn C. Staelen ma huwiex ta’ natura li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

126

Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li, fil-kuntest tat-tmexxija tal-investigazzjonijiet inizjali u ex officio tiegħu, l-Ombudsman wettaq tliet atti ta’ “ksur suffiċjentement serju” tal-obbligu tiegħu ta’ diliġenza fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, li magħhom jiżdied dak irrilevat mill-Qorti Ġenerali, korrettament, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell, fir-rigward tal-iżnaturament, mill-Ombudsman, tal-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Marzu 2007, li jikkostitwixxu serje ta’ atti ta’ ksur serju li huma ta’ natura li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

127

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk l-imsemmija atti ta’ ksur ikkawżawx, lil C. Staelen, dannu morali reali u ċert, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, filwaqt li jiġi żgurat, f’dan ir-rigward, li dan id-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ dawn l-atti ta’ ksur (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑331/05 P, EU:C2007:390, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet, fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appell, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat, għall-motivi esposti fil-punti 92 sa 94 ta’ din l-istess sentenza, li C. Staelen ma hijiex iġġustifikata li tinvoka dannu morali reparabbli marbut ma’ telf ta’ fiduċja tagħha fl-uffiċċju tal-Ombudsman minħabba tali atti ta’ ksur.

129

Madankollu, C. Staelen sostniet ukoll l-eżistenza ta’ dannu morali relatat, essenzjalment, u kif jirriżulta mill-atti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, mas-sentiment ta’ “ħsara psikoloġika” li hija kellha minħabba l-mod li bih ġie ttrattat l-ilment li kienet ressqet quddiem l-Ombudsman.

130

Issa, la l-iskużi ppreżentati mill-Ombudsman, la l-korrezzjoni tardiva tal-iżball tiegħu marbuta mal-iżnaturament tal-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament, u lanqas, finalment, l-investigazzjoni ex officio, f’dan il-każ, ma kkumpensaw id-dannu morali b’hekk ikkawżat.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li d-dannu morali mġarrab minn C. Staelen ser ikun adegwatament ikkumpensat bil-ħlas, lill-persuna kkonċernata, ta’ kumpens iffissat għal EUR 7000.

Fuq l-ispejjeż

132

L-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-Artikolu 138(3) tal-istess regoli jipprovdi li jekk il‑partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, iżda li, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

133

F’dan il-każ, minkejja li l-appell tal-Ombudsman ntlaqa’ u li s-sentenza appellata, konsegwentement, kienet is-suġġett ta’ annullament parzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet b’mod definittiv fuq ir-rikors ta’ C. Staelen, laqgħet parzjalment dan ir-rikors. Barra minn hekk, l-Ombudsman talab li tingħata deċiżjoni b’mod ġust u ekwu fuq l-ispejjeż.

134

Konsegwentement, għandu jiġi deċiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l-Ombudsman għandu jbati, kemm fir-rigward tal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ta’ dan l-appell, l-ispejjeż ta’ C. Staelen.

135

Barra minn hekk, peress li l-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali ppreżentat minn C. Staelen fil-kuntest ta’ din l-istanza, kif jipprevedi l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, ġew irriżervati fid-digriet tad-29 ta’ Ġunju 2016, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:670), konformement ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, għandha tingħata deċiżjoni fuq l-imsemmija spejjeż fil-kuntest ta’ din is-sentenza li ttemm l-istanza.

136

F’dan ir-rigward, peress li C. Staelen tilfet l-aggravji tagħha fil-kuntest tal-imsemmi appell inċidentali u peress li l-Ombudsman talab il-kundanna tagħha għall-ispejjeż, hemm lok, konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Ombudsman relatati mal-appell inċidentali kif ukoll l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-talba mressqa minn Claire Staelen fir-risposta tagħha sabiex l-Ombudsman Ewropew jiġi kkundannat iħallasha kumpens ta’ EUR 50000 hija inammissibbli.

 

2)

Il-punti 1, 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2015, Staelen vs L‑Ombudsman (T‑217/11, EU:T:2015:238), huma annullati.

 

3)

L-Ombudsman Ewropew huwa kkundannat iħallas kumpens ta’ EUR 7000 lil Claire Staelen.

 

4)

Claire Staelen hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk tal-Ombudsman Ewropew relatati mal-appell inċidentali, miċħud bid-digriet tad-29 ta’ Ġunju 2016, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:670).

 

5)

L-Ombudsman Ewropew huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess, kif ukoll dawk ta’ Claire Staelen, relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll mal-appell prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top