EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0150

Kawża C-150/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju) fid- 29 ta’ Marzu 2010 — Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB) vs Beneo Orafti SA

ĠU C 161, 19.6.2010, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju) fid-29 ta’ Marzu 2010 — Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB) vs Beneo Orafti SA

(Kawża C-150/10)

(2010/C 161/30)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB)

Konvenuta: Beneo Orafti SA.

Domandi preliminari

(1)

Il-kwoti tranżitorji allokati lil impriża li tipproduċi z-zokkor abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006 (1) huma eżenti mill-iskema temporanja għar-ristrutturar stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 (2) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 (3) dwar miżuri ta’ implementazzjoni, peress li dawn il-kwoti:

(a)

mhumiex suġġetti għall-ħlas ta’ ammont temporanju għar-ristrutturar,

(b)

ma jibbenifikawx mill-għajnuna għar-ristrutturar u

(ċ)

mhumiex kwoti fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, kif definiti mill-Artikolu 2.6 tal-imsemmi regolament?

(2)

Anki jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija negattiva, il-kwoti temporanji huma kwoti kompluti, indipendentement mill-kwoti ta’ bażi regolari, peress li:

(a)

il-kwoti tranżitorji huma allokati abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006, u mhux abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 (4).

(b)

il-kriterji għall-allokazzjoni tal-kwoti tranżitorji huma differenti mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ bażi regolari u

(ċ)

il-kwoti tranżitorji huma miżuri tranżitorji intiżi sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-iskema preċedenti tas-suq taz-zokkor għall-iskema l-ġdida tas-suq taz-zokkor tal-Komunità u għaldaqstant ma japplikawx, fil-prinċipju, ħlief matul is-sena tas-suq 2006/2007?

(3)

Jekk ir-risposta hija pożittiva għal waħda miż-żewġ domandi preċedenti (jew għat-tnejn), impriża li tipproduċi z-zokkor, li talbet għajnuna għar-ristrutturar għas-sena tas-suq 2006/2007 skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, għandha d-dritt li tibbenifika minn kwota tranżitorja allokata għas-sena tas-suq 2006/2007 skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 493/2006?

(4)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija negattiva, is-sanzjoni applikata tista’ tikkonsisti [f’] irkurpu ta’ parti mill-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija u rkupru tal-kwota tranżitorja? Kif għandu jiġi kkalkolat l-ammont tal-irkupru pprovdut fl-Artikolu 26 (1) u s-sanzjoni pprovduta fl-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 968, fil-każ fejn impriża li tipproduċi z-zokkor irċiviet għajnuna għar-ristrutturar (fir-rigward tas-sena tas-suq 2006/2007) u użat il-kwota tranżitorja tagħha (li għaliha ma ġiet allokata ebda għajnuna għar-ristrutturar)? Il-kalkolu ta’ dan l-ammont u ta’ din is-sanzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull wieħed mill-elementi li ġejjin jew parti minnhom:

(a)

l-ispejjeż sostnuti mill-impriża inkwistjoni li tipproduċi z-zokkor sabiex iżżarma l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha?

(b)

it-telf subit mill-impriża inkwistjoni li tippproduċi z-zokkor wara l-abbandun tagħha tal-kwota ta’ bażi regolari?

(ċ)

il-fatt li l-kwota tranżitorja hija miżura speċifika u tranżitorja li tippermetti biss il-produzzjoni għas-sena tas-suq 2006/2007, iżda li ma tapplikax għas-snin tas-suq l-oħra (ħlief fil-każ tal-kwota tranżitorja taz-zokkor)?

(d)

il-kalkolu ta’ ammont tal-irkupru li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija iktar ’il fuq taħt il-paragrafi a) — ċ), huwa ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?

(5)

Minkejja d-domandi preċedenti, meta jsiru effettivi, jiġifieri vinkolanti fuq min jagħmel it-talba, l-impenji meħuda abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturar?

(a)

Matul il-bidu tas-sena tas-suq li għaliha min jagħmel it-talba jkun għamel it-talba tiegħu għall-għajnuna għar-ristrutturar?

(b)

Meta tiġi sottomessa t-talba lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti?

(ċ)

Meta jiġi nnotifikat, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li t-talba hija meqjusa bħala kompluta?

(d)

Meta jiġi nnotifikat, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li t-talba hija meqjusa bħala ammissibbli għal għajnuna għar-ristrutturar?

(e)

Meta jiġi nnotifikat, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, id-deċiżjoni tagħha għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar?

(6)

Jekk ir-risposta għal waħda mid-domandi [1 u 2] (jew għat-tnejn) hija pożittiva, impriża li tipproduċi z-zokkor li ġiet allokata kwota tranżitorja għas-sena tas-suq 2006/2007 hija awtorizzata tuża din il-kwota matul is-sena tas-suq anki jekk din l-impriża tkun ingħatat għajnuna għar-ristrutturar fir-rigward tal-kwota tagħha ta’ bażi regolari, li tibda mas-sena tas-suq 2006/2007 ?

(7)

Jekk ir-risposta għad-domandi [1, 2 u 6] hija negattiva, awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-impenji fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturar, hija awtorizzata takkumula l-irkupru tal-għajnuna għar-ristrutturar, u s-sanzjoni skont l-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 mal-impożizzjoni ta’ imposta fuq iż-żejjed, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 (5) jew din l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet jikser il-prinċipji ta’ “non bis in idem”, ta’ proprozjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni?


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006, tas-27 ta’ Marzu 2006, dwar miżuri tranżitorji fil-kuntest tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002 (ĠU L 89, p. 11).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 29).

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 183).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006, tad-29 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU L 312M, 22.11.2008, p. 75).


Top