EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0243

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-14 ta' Ottubru 2010.
Günter Fuß vs Stadt Halle.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Halle - il-Ġermanja.
Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 2003/88/KE - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Pompiera impjegati fis-settur pubbliku - Dipartiment ta’ intervent - Artikolu 6(b) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) - Ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa - Rifjut li jaħdem iktar minn dan il-ħin -Trasferiment sfurzat f’dipartiment ieħor - Effett dirett - Konsegwenza għall-qrati nazzjonali.
Kawża C-243/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09849

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:609

Kawża C-243/09

Günter Fuß

vs

Stadt Halle

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Halle)

“Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Pompiera impjegati fis-settur pubbliku — Dipartiment ta’ intervent — Artikolu 6(b) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) — Ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa — Rifjut li jitwettaq xogħol li jaqbeż dan il-ħin — Trasferiment furzat lejn dipartiment ieħor — Effett dirett — Konsegwenza għall-qrati nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 6(b))

2.        Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 6(b) —– Effett dirett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 6(b))

1.        L-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil min jimpjega fis-settur pubbliku jipproċedi bit-trasferiment furzat lejn dipartiment ieħor ta’ ħaddiem impjegat bħala pompier f’dipartiment ta’ intervent, għar-raġuni li huwa jkun talab li l-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni jiġi osservat fid-dipartiment imsemmi l-aħħar. Il-fatt li t-tali ħaddiem ma jġarrab, minħabba dan it-trasferiment, l-ebda dannu speċifiku għajr dak li jirriżulta mill-ksur tal-imsemmi Artikolu 6(b), huwa, f’dan ir‑rigward, irrilevanti.

(ara l-punti 53-55 u d-dispożittiv)

2.        L-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollu effett dirett, peress li fi kliem li ma humiex ekwivoki jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat preċiż u ma jinkludi l-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li huwa jistabbilixxi, li tikkonsisti fl-iffissar ta’ limitu massimu ta’ 48 siegħa, inkluża s-sahra, fir-rigward tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa. Il-fatt li d‑direttiva tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva ma jaffettwax in-natura preċiża u mingħajr kundizzjoni tal-Artikolu 6(b). Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istati Membri li ma japplikawx l-Artikolu 6 hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess Direttiva, b’mod li huwa possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha tiġi pprovduta f’kull każ.

Għalhekk, ħaddiem impjegat fis-settur pubbliku jista’ jinvoka direttament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 kontra din il‑persuna pubblika li timpjegah sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li ma jeċċedix it-48 siegħa ggarantiti minn din id‑dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali u l-korpi amministrattivi, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, għandhom l-obbligu li japplikaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea b’mod sħiħ u li jipproteġu d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi jitħallew, jekk hemm bżonn, inapplikati d-dispożizzjonijiet kollha fid-dritt nazzjonali.

Trasferiment furzat, għar-raġuni li l-ħaddiem ikun talab li l-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni jiġi osservat, għandu bħala effett li jneżża’ lid-dritt mogħti min din id-dispożżiżjoni. Din il-miżura teqred l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ dan il‑ħaddiem. Għalhekk, huwa ċar li l-imsemmija miżura ma tiżgura la l‑applikazzjoni sħiħa tal-imsemmi Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 u lanqas il-protezzjoni tad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lill-ħaddiema fl-Istat Membru kkonċernat.

Barra minn hekk, id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, għandu “l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati”, ser jiġi sostanzjalment milqut jekk min jimpjega, b’reazzjoni għal ilment jew għal azzjoni ġudizzjarja mressqa minn ħaddiem sabiex jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva intiża li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tiegħu, ikun jista’ jadotta miżura ta’ ritaljazzjoni. Fil-fatt, il-biża’ ta’ miżura ta’ ritaljazzjoni simili li kontriha ma hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju tista’ tiddisswadi lill-ħaddiema, li jqisu lilhom infushom leżi minn miżura meħuda minn min jimpjegahom, milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ rimedji ġudizzjarji u, għalhekk, hija tali li tikkomprometti b’mod gravi l-kisba tal-għan tad-direttiva.

(ara l-punti 57-61, 63, 65, 66)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Pompiera impjegati fis-settur pubbliku – Dipartiment ta’ intervent – Artikolu 6(b) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) – Ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa – Rifjut li jitwettaq xogħol li jaqbeż dan il-ħin – Trasferiment furzat lejn dipartiment ieħor – Effett dirett – Konsegwenza għall-qrati nazzjonali”

Fil-Kawża C-243/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Halle (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Günter Fuß

vs

Stadt Halle,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus, u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Fuß, minn M. Geißler, avukat,

–        għall-iStadt Halle, minn M. Willecke, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Fuß u l-persuna li jimpjegah, l‑iStadt Halle, dwar it-trasferiment furzat tiegħu lejn dipartiment li ma huwiex dak li fih kien jaħdem qabel bħala pompier.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

3        Skont l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 2003/88 tikkodifika, bl-għan li jkun hemm ċarezza, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 2, p. 197) kif emendata bid‑Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/104”). Id-Direttivi 93/104 u 2000/34 kellhom jiġu trasposti mill-Istati Membri fid-dritt intern tagħhom sa l-iktar tard it-23 ta’ Novembru 1996 u l-1 ta’ Awwissu 2003 rispettivament.

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

a)      il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

[…]”

5        Taħt it-titolu “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, l-Artikolu 6 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

a)      il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

b)      il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa”.

6        L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”.

7        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Derogi”, jistabbilixxi:

“1.      F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’, […]

[…]

3.      B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

(ċ)      fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa, partikolarment:

[…]

(iii)      […] servizzi ta’ […]protezzjoni tan-nar jew ċivili.”

8        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:

a)      li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b), sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;

b)      l-ebda ħaddiem ma jkun suġġett għal xi detriment minn min jimpjegah minħabba li hu ma jkunx lest li jagħti l-ftehim tiegħu għal twettieq ta’ xogħol bħal dak;

(ċ)      min jimpjega iżomm rekords aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu xogħol bħal dak;

d)      li r-rekords jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-possibbiltà li jkunu misbuqa s-sigħat massimi ta’ xogħol matul ġimgħa;

e)      min jimpjega jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom b’informazzjoni dwar każi li fihom ftehim ikun seħħ ma ħaddiema ħalli jwettqu xogħol b’eċċess ta’48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(b)”.

9        Skont l-Artikolu 28 tagħha, id-Direttiva 2003/88 daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2004.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      L-Artikolu 2(1) tal-liġi tal-Landes Sachsen-Anhalt, fuq il-ħinijiet tax-xogħol tal‑uffiċjali li jaħdmu bħala pompiera fl-ibliet u fil-komuni (Verordnung über die Arbeitszeit der Beamtinnen und Beamten im feuerwehrtechnischen Dienst der Städte und Gemeinden des Landes Sachsen-Anhalt), tas-7 ta’ Ottubru 1998, (iktar ’il quddiem l-“ArbZVO-FW 1998”), fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2007, kien jistabbilixxi s-segwenti:

“Il-ħin normali medju ta’ xogħol tal-uffiċjali impjegati f’xogħol bix-xift u li l‑attività fil-ġimgħa titwettaq essenzjalment fi ħdan id-dipartiment ta’ emerġenza huwa ta’ 54 siegħa. […]”

11      B’effet mill-1 ta’ Jannar 2008, l-ArbZVO-FW 1998 ġiet issostitwita bl‑ArbZVO‑FW tal-5 ta’ Lulju 2007 (iktar ’il quddiem l-“ArbZVO-FW 2007”).

12      L-Artikolu 2(1) tal- ArbZVO-FW 2007 jistabbilixxi:

“Il-ħin normali ta’ xogħol fil-ġimgħa tal-uffiċjali jammonta għal medja ta’ 48 siegħa kkalkolata fuq sena sħiħa, inkluża s-sahra”.

13      L-Artikolu 4 tal-istess ArbZVO-FW 2007, intitolat “Ftehim individwali”, jipprovdi s-segwenti:

“1.      Bla ħsara għall-prinċipji ġenerali tas-sigurtà u tal-protezzjoni tas-saħħa, il‑ħin ta’ xogħol bix-xift jista’ jaqbeż il-ħin medju normali fil-ġimgħa msemmi fl‑Artikolu 2(1), jekk il-persuni kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u min jimpjega jipprovdi l-prova ta’ dan.

2.      Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi rrevokat b’avviż ta’ sitt xhur. Il‑persuni kkonċernati għandhom jiġu informati bil-miktub”.

14      L-Artikolu 612a tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch) jistabbilixxi li l‑ftehim li min iħaddem jagħmel mal-ħaddiem jew il-miżuri li huwa jadotta fil‑konfront tiegħu ma jistgħux jiżvantaġġjaw lil dan il-ħaddiem għar-raġuni li dan ikun eżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod legali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      G. Fuß ilu impjegat mal-iStadt Halle mill-10 ta’ Mejju 1982. Matul is-sena 1998 ġie nnominat uffiċjal fil-grad ta’ “Oberbrandmeister” (Sotto uffiċjal), u ilu mill‑15 ta’ Diċembru 2005 jokkupa l-kariga ta’ “Hauptbrandmeister” (Uffiċjal ta’ Stazzjon).

16      Sal-4 ta’ Jannar 2007, G. Fuß kien jifforma parti mid-dipartiment ta’ intervent “protezzjoni kontra n-nar” tal-pompiera tal-iStadt Halle bħala sewwieq tal-vetturi. Huwa kien jaħdem medja ta’ 54 siegħa xogħol fil-ġimgħa.

17      Matul laqgħa tal-persunal organizzata fil-bidu tas-sena 2006, id-diretturi tal-iStadt Halle ħabbru lill-membri tad-dipartiment ta’ intervent li kien ser ikun hemm trasferimenti lejn iċ-ċentru ta’ kmand tal-intervent jekk kienet ser tintalab l‑osservanza tad-Direttiva 2003/88.

18      Permezz tal-ittra tat-13 ta’ Diċembru 2006, G. Fuß, filwaqt li invoka d-digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg (C-­52/04, Ġabra p. I‑7111), talab li, fil-futur, il-ħin ta’ xogħol tiegħu fil-ġimgħa ma jaqbisx iktar il-limitu massimu medju ta’ 48 siegħa stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88. Permezz ta’ din l-istess ittra, G. Fuß talab kumpens għas-sahra mwettqa illegalment matul il‑perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006.

19      B’deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2006, l-Istadt Halle stabbilixxiet pjan ta’ assenjazzjoni tal-persunal li permezz tiegħu pożizzjoni li għandha tiġi okkupata b’rotazzjoni, li saret vakanti fiċ-ċentru ta’ kmand tal-intervent tal-pompiera, kellha timtela mill-1 ta’ April 2007 sabiex ma jkun hemm l-ebda nuqqas kwalitattiv fl‑organizzazzjoni tad-dipartiment.

20      Fil-21 ta’ Diċembru 2006, G. Fuß instema’ mill-persuna li timpjegah dwar il-pjan ta’ dan tal-aħħar li jittrasferih għall-imsemmija pożizzjoni. Matul din l-intervista, G. Fuß indika li ried jibqa’ jaħdem fid-dipartiment ta’ intervent.

21      Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Jannar 2007, l-iStadt Halle ittrasferixxiet lil G. Fuß, għal żmien limitat, jiġifieri mill-5 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Marzu 2009, lejn iċ‑ċentru ta’ kmand, peress li dan it-trasferiment kien meħtieġ għal raġunijiet ta’ organizzazzjoni tad-dipartiment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑trasferiment”). Skont l-iStadt Halle, il-pożizzjoni inkwistjoni kienet teżiġi taħriġ fil-grad ta’ Uffiċjal ta’ Stazzjon, esperjenza ta’ bosta snin bħala sewwieq tal-vetturi u taħriġ bħala infermier tal-ewwel għajnuna. Barra minn hekk, dan it-trasferiment kien jippermetti lil G. Fuß, b’mod partikolari, li jaħdem filwaqt li josserva l-ħin massimu fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa.

22      Minn mindu ġie ttrasferit, G. Fuß jaħdem 40 siegħa fil-ġimgħa u ma hemmx bżonn jaħdem xifts ta’ 24 siegħa. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sigħat imnaqqsa ta’ xogħol diffiċli (iljieli, Ħdud u festi), huwa jirċievi allowance speċjali mnaqqsa skont ix-xogħol imwettaq f’dawn is-sigħat.

23      Fl-4 ta’ Jannar 2007, G. Fuß ippreżenta lment amministrattiv lill-iStadt Halle kontra d‑deċiżjoni tat-trasferiment billi essenzjalment sostna li ma xtaqx jaħdem taħt programm ieħor tal-organizzazzjoni tad-dipartiment.

24      Permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2007, l-iStadt Halle ċaħdet l-ilment essenzjalment għaliex id-deċiżjoni dwar it-trasferiment kienet miżura ta’ natura personali, ibbażata fuq is-setgħa amministrattiva tal-awtorità ġerarkika li setgħet teżerċitaha b’mod diskrezzjonali.

25      Fit-28 ta’ Frar 2007, G. Fuß ressaq quddiem il-Verwaltungsgericht Halle rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-trasferiment u għar-reintegrazzjoni tiegħu fil‑pożizzjoni li kien jokkupa qabel ma ttieħdet il-miżura li tikkonċernah. Huwa essenzjalment isostni li t-trasferiment tiegħu kien ġie deċiż biss għaliex kien talab tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88. Min-naħa l-oħra, l-iStadt Halle tqis li l-imsemmija deċiżjoni ma għandhiex bħala għan li tissanzjona lil G. Fuß, iżda tippermetti li tissodisfa t-talba ta’ dan tal-aħħar, intiża li tosserva ġimgħa xogħol bi 48 siegħa, mingħajr ma tbiddel prematurament u għalih biss il-pjan tad-dipartiment, bidla li kienet twassal għal problemi organizzattivi. Meta s-sistema tax-xifts tinbidel biex tkun konformi mad‑Direttiva 2003/88, dan għandu jitwettaq b’mod uniformi għall-impjegati kollha tad-dipartiment.

26      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti nazzjonali tikkonstata l-konformità tad‑deċiżjoni tat-trasferiment mad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, G. Fuß kien ġie ttrasferit f’impjieg tal-istess grad u li jaqa’ taħt l-istess kategorija ta’ remunerazzjoni. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ G. Fuß, anki jekk jiġi preżunt li dan ma jistax jiġi motivat minn raġunijiet relatati mal-organizzazzjoni tad‑dipartiment, huwa bbażat fuq motiv rilevanti, jiġifieri r-rieda li jitwaqqaf il‑ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-persuna kkonċernata, mingħajr ma s-sistema tax-xifts jew il-ħin ta’ xogħol tal-pompiera l-oħra ma ġew mibdula jew saru konformi mal-imsemmi artikolu.

27      Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk id-deċiżjoni tat-trasferiment tiksirx l‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/88.

28      Hija tosserva li, ċertament, fid-data tal-fatti tal-kawża, l-Artikolu 2(1) tal‑ArbZVO-FW 1998 ma kienx intiż bħala dispożizzjoni li tidderoga mill‑Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva, u li l-ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt nazzjonali ma kienet tistabbilixxi l-possibbiltà li deroga bħal din tosserva l‑kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn din l-aħħar dispożizzjoni, b’mod partikolari dik, stabbilita fl-imsemmi subparagrafu (b), li tipprovdi li l-ebda ħaddiem ma għandu jbati dannu għaliex ma jkunx irid jagħti l-kunsens tiegħu biex jaħdem iktar mill-ħin massimu medju ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa. Madankollu, salv li jiġi aċċettat li d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/88 jistgħu jiġu evitati u li l-imsemmija direttiva ma tilħaqx l-għan tagħha, il-projbizzjoni milli jiġi kkawżat dannu lill-ħaddiema għandha tapplika a fortiori meta l-persuna li tħaddem, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa fid-dritt nazzjonali li tawtorizzaha tagħmel hekk, timponi fuq ħaddiem ħin ta’ xogħol li jaqbeż il-limitu massimu stabbilit fl-imsemmi Artikolu 6(b), u li dan il-ħaddiem jitlob l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni.

29      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni li tqum hija jekk il-kunċett ta’ “detriment [dannu]” li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) tad‑Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat b’mod suġġettiv jew oġġettiv. Mill‑perspettiva suġġettiva, għandu jiġi kkonstatat dannu għad-detriment ta’ G. Fuß meta dan tal-aħħar ipperċepixxa l-bidla fl-assenzjazzjoni bħala sanzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva oġġettiva, G. Fuß ma jkun sofra l-ebda dannu għaliex l-assenjazzjoni ġdida tiegħu hija inqas perikoluża mill-pożizzjoni li kien jokkupa qabel u kienet ser tiġi offruta lilu l-possibbiltà li jikseb kwalifiki professjonali supplimentari. Ċertament, G. Fuß kien ser iġarrab telf ta’ remunerazzjoni minħabba t-tnaqqis fl-allowance speċjali tiegħu għal xogħol imwettaq f’ħinijiet diffiċli. Madankollu, dan it-tnaqqis huwa ġġustifikat mill-fatt li huwa ser jaħdem inqas sigħat diffiċli u ser jiġi kkumpensat b’żieda fil-ħin liberu. Barra minn hekk, il-fatt li t-trasferiment huwa għal żmien limitat ma għandu l‑ebda effett għaliex, skont l-ArbZVO-FW 2007, kif kienet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008, G. Fuß seta’ jinżamm f’pożizzjoni li ma taqax taħt id-dipartiment ta’ intervent jekk huwa ma jaċċettax li jaħdem iktar mil-limitu ta’ 48 siegħa fil‑ġimgħa.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Halle ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-detriment [iktar ’il quddiem, ‘dannu’] imsemmi fl-[ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva [2003/88/KE] għandu jiġi interpretat b’mod oġġettiv jew suġġettiv?

2)      Hemm dannu fis-sens tal-[ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 22(1)(b) tad‑Direttiva [2003/88/KE] meta uffiċjal ta’ dipartiment ta’ intervent, minħabba t-talba tiegħu sabiex iżomm il-ħin massimu tax-xogħol, jiġi ttrasferit kontra r-rieda tiegħu għal pożizzjoni oħra li essenzjalment tinvolvi xogħol klerikali?

3)      Salarju inqas għandu jiġi kkunsidrat bħala dannu fis-sens tal-[ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva [2003/88/KE], meta t‑trasferiment jirriżulta fi tnaqqis tas-sigħat ta’ xogħol diffiċli (iljieli, Ħdud u festi) u, għaldaqstant, tnaqqis fil-ħlas iktar għal kundizzjonijiet diffiċli ta’ xogħol li jikkorrispondi għal dawn is-sigħat ta’ xogħol?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermativ għat-tieni domanda jew għat-tielet domanda, dannu li jirriżulta minn trasferiment jista’ jiġi kkumpensat permezz ta’ vantaġġi oħra marbuta ma’ pożizzjoni ġdida, bħal ħin tax‑xogħol inqas jew iktar taħriġ?”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “detriment [dannu]” li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega fis-settur pubbliku jipproċedi bit-trasferiment furzat ta’ ħaddiem impjegat bħala pompier fid‑dipartiment ta’ intervent, għar-raġuni li huwa jkun talab li fl-imsemmi dipartiment ta’ intervent jiġi osservat il-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl‑Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑għan tad-Direttiva 2003/88 huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ għixien u ta’ xogħol tal-ħaddiema permezz tal‑approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, il‑ħinijiet ta’ xogħol. Din l-armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fil‑qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża li tiggarantixxi protezzjoni aħjar għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa, u billi tipprovdi limitu massimu fuq il-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 76; tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, Ġabra p. I‑10253, punti 40 u 41, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑484/04, Ġabra p. I‑7471, punti 35 u 36) .

33      B’hekk, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jiżguraw li, skont il-ħtieġa tal-protezzjoni tas‑sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma taqbisx it-48 siegħa. Dan il-limitu massimu fir-rigward tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa jikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ importanza partikolari li minnha għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu maħsub li tiġi żgurata l‑protezzjoni ta’ saħħtu u s-sigurtà tiegħu (ara s-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, Pfeiffer et, punt 100; Dellas et, punt 49, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 38).

34      Fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/88, għalkemm l-Artikolu 15 tal‑imsemmija direttiva jippermetti b’mod ġenerali l-applikazzjoni jew l‑introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, huma biss uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha elenkati b’mod eżawrjenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ derogi stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, l-implementazzjoni ta’ dawn id-derogi hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti sabiex tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema (ara s-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 u 96).

35      B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/38, li huwa s‑suġġett tad-domandi preliminari, joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li ma japplikawx l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, sakemm huma josservaw il‑prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema u jissodisfaw ċertu numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’din id‑dispożizzjoni, b’mod partikolari dik, stabbilita fl-imsemmija subparagrafu (b), li tipprovdi li għandhom jittieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw li l-ebda ħaddiem ma jista’ jġarrab dannu dovut għall-fatt li huwa ma jkunx dispost li jagħti l-kunsens tiegħu li jaħdem tul ta’ ħin medju fil-ġimgħa li jeċċedi l-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 6(b) ta’ din l-istess direttiva.

36      F’din il-kawża, huwa madankollu paċifiku li la r-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punt 85 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, Ġabra p. I‑8389) u fil-punt 98 tas‑sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, u lanqas il-Landes Sachsen-Anhalt, skont kif stabbilit mill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, u kkonfermat fil-kuntest tal-proċedura preżenti kemm mill‑Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-iStadt Halle fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ma kienu, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, użaw din il-possibbiltà ta’ deroga, billi d-dispożizzjonijiet fis-seħħ tad-dritt nazzjonali f’dik id-data ma kienu jinkludu l-ebda miżura skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tad‑Direttiva 2003/88 jew miżura intiza li tittrasponi din id-dispożizzjoni. Mistoqsija fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mistoqsija bil-miktub, l‑iStadt Halle reġgħet sostniet dan il-fatt, filwaqt li G. Fuβ u l-Gvern Awstrijak ukoll ħadu pożizzjoni simili.

37      L-iktar l-iktar, f’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tirrileva li din il-possibbiltà ta’ deroga stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) tad‑Direttiva 2003/88 intużat sussegwentement mil-Landes Sachsen-Anhalt fil‑kuntest tal-leġiżlazzjoni adottata sussegwentement sabiex l-imsemmija direttiva tiġi trasposta speċifikament fir-rigward tal-pompiera impjegati mill-ibliet u mill-komuni ta’ dan il-Land. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2008, jiġifieri wara d-data tad-deċiżjoni tat-trasferiment.

38      Minn dan jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ miżuri nazzjonali li jimplementaw il-possibbiltà ta’ deroga mogħtija lill-Istati Membri mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/88, din id-dispożizzjoni hija nieqsa minn kull rilevanza sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali u li, għalhekk, huwa biss l-Artikolu 6(b) ta’ din id‑direttiva, inkwantu jistabbilixxi l-prinċipju li l-Istati Membri għandhom josservaw ir-rekwiżit li l-ħin medju massimu ta’ xogħol ikun ta’ 48 siegħa għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid‑domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C‑45/06, Ġabra p. I‑2089, punti 30 u 31; tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk, C‑329/06 u C‑343/06, Ġabra p. I‑4635, punt 45, kif ukoll tat-2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen, C-66/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

40      Konsegwentement anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) tad‑Direttiva 2003/88, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, Ġabra p. I-1, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali tqis li, peress li l-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta’ dannu kkawżat lill-ħaddiem, stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1)(b) tad‑Direttiva 2003/88, tapplika meta l-persuna li timpjega ma tkunx kisbet, meta jeżistu miżuri fid-dritt nazzjonali li jimplementaw din id-dispożizzjoni, il-kunsens tal‑ħaddiem sabiex jidderoga mill-Artikolu 6(b), din il-kundizzjoni għandha tapplika a fortiori meta, bħal fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, min iħaddem jimponi, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali li jawtorizzawh jagħmel dan, tali deroga u l-ħaddiem ikkonċernat jopponi dan billi jitlob li l-imsemmi Artikolu 6(b) jiġi osservat.

42      Għalhekk il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li fil-każ li l-ħaddiem ikkonċernat ma jkun ġarrab l-ebda dannu dovut għall-fatt li ma kienx ta l-kunsens tiegħu sabiex jaħdem sigħat li jaqbżu l-limitu tat-48 siegħa xogħol stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 bħala ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, allura, ma jkunx hemm ksur ta’ din id-direttiva meta l-persuna li timpjegah, abbażi tad-dritt nazzjonali, tkun tista’ tiddeċiedi li tittrasferixxih kontra r-rieda tiegħu f’dipartiment ieħor li, min-naħa tiegħu, josserva l-limitu stabbilit f’din id-dispożizzjoni, sa fejn tali trasferiment itemm il-ksur tagħha fir-rigward ta’ dan il-ħaddiem.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm bżonn li d-domandi magħmula jiġu riformulati fis-sens li, permezz tagħhom, din il-qorti essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega fis-settur pubbliku jipproċedi bit-trasferiment furzat lejn dipartiment ieħor ta’ ħaddiem impjegat bħala pompier fid-dipartiment ta’ intervent, għar-raġuni li huwa jkun talab li dan l-aħħar dipartiment josserva l-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit mill‑imsemmija dispożizzjoni, fil-każ fejn dan il-ħaddiem ma jkun jġarrab l-ebda dannu dovut għal tali trasferiment.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 61 tad-digriet Personalrat der Feuerwehr Hamburg, iċċitat iktar ’il fuq, l-attivitajiet eżerċitati mill-forzi ta’ intervent tas-servizz pubbliku tal-pompiera – salv il-każ fejn iċ‑ċirkustanzi eċċezzjonali jkunu daqstant gravi u kbar li l-għan intiż li jiżgura l‑funzjonament tajjeb tas-servizzi indispensabbli għall-protezzjoni tal-interessi pubbliċi jkollu provviżorjament jipprevali fuq l-għan intiż li jiggarantixxi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li jaħdmu mal-iskwadri ta’ intervent u ta’ għajnuna, ċirkustanzi li ma humiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali – jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 b’mod li, bħala regola, l-Artikolu 6(b) tal‑imsemmija direttiva jipprekludi li jinqabeż il-limitu ta’ 48 siegħa stabbilit bħala ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, liema attivitajiet jinkludu s-servizzi ta’ emerġenza.

45      Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni tal-Landes Sachsen-Anhalt applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali kienet timponi fuq il‑pompiera, bħal G. Fuß, impjegati mad-dipartiment ta’ intervent tal-ibliet u tal‑komuni ta’ dan il-Land, ħin ta’ xogħol li kien jeċċedi l-limitu massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu, minn naħa, jiġi eżaminat jekk, kif l-imsemmija qorti tissuġġerixxi, il‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikkonċernat ikun ġarrab dannu u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat liema huma l-konsegwenzi għall-qrati nazzjonali li jirriżultaw mill-ksur eventwali ta’ din id-dispożizzjoni.

47      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni tar-rilevanza tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-ħaddiem ikkonċernat sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li, kif diġà jirriżulta mill-punt 33 tas‑sentenza preżenti, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ importanza partikolari, li timponi fuq l-Istati Membri l‑obbligu li jistabbilixxu limitu ta’ 48 siegħa bħala ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu massimu li jinkludi s-sahra, kif espressament ippreċiżat fl‑imsemmi dispożizzjoni, u li minnha, fin-nuqqas tal-implementazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, ma tista’ ssir ebda deroga fir-rigward ta’ attivitajiet bħal dawk tal-pompiera inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

48      Fil-fatt, kif diġà ntqal fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, huma biss ċerti dispożizzjonijiet espliċitament imsemmija fid-Direttiva 2003/88 li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ derogi adottati mill-Istati Membri jew l-imsieħba soċjali.

49      Issa, minn naħa, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 jissemma biss fl‑Artikolu 17(1) tagħha filwaqt li huwa paċifiku li din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna attivitajiet li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ dawk imwettqa mill‑pompiera. Mill-banda l-oħra, il-paragrafu (3)(ċ)(iii) tal-Artikolu 17 jirreferi għall-“attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa” li fosthom wieħed isib, b’mod partikolari, is-“servizzi tal-protezzjoni tan-nar”, iżda din id-dispożizzjoni tipprovdi għall-possibbiltà ta’ deroga minn artikoli oħra, u mhux mill-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

50      Min-naħa l-oħra, kif diġà jirriżulta mill-punti 35 u 36 tas-sentenza preżenti, huwa paċifiku li la r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas il-Landes Sachsen‑Anhalt ma użaw il-possibbiltà tad-deroga stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/88, li toffri lill-Istati Membri l‑possibbiltà li ma japplikawx l-Artikolu 6 tagħha, sakemm ċerti kundizzjonijiet kumulattivi jiġu sodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad‑Direttiva 2003/88, huwa importanti li l-Istati Membri ma jħallux li jinqabeż il‑ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa kif stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad‑Direttiva 2003/88 (sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118).

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jiddeterminaw unilateralment il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet billi jissuġġettaw għal xi kundizzjoni jew restrizzjoni, tkun liema tkun, l-applikazzjoni tad-dritt tal‑ħaddiema li t-tul ta’ ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ma jaqbiżx it-48 siegħa (sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99).

53      Għalhekk, il-fatt li jinqabeż il-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur ta’ din id‑dispożizzjoni, mingħajr il-ħtieġa li tintwera, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dannu speċifiku. Fin-nuqqas ta’ miżura fid-dritt nazzjonali li timplementa l-possibbiltà ta’ deroga stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess direttiva, il-kunċett ta’ “[dannu]” li jinsab f’din id-dispożizzjoni huwa, għalhekk, nieqes minn kull rilevanza għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(b).

54      Fil-verità, kif jirriżulta mill-punt 32 tas-sentenza preżenti, peress li d‑Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tiggarantixxi s-sigurtà u s-saħħa tal‑ħaddiema permezz ta’ mistrieħ li jkun suffiċjenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea qies li l-fatt li jinqabeż il-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-imsemmi Artikolu 6(b), inkwantu jippriva lill-ħaddiem minn tali mistrieħ, jikkawżalu, sempliċiment minħabba dan il-fatt, dannu għaliex jaffettwalu saħħtu u s-sigurtà tiegħu.

55      Isegwi minn dan li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, fir-rigward ta’ ħaddiem impjegat bħala pompier f’dipartiment ta’ intervent, ħin ta’ xogħol li jaqbeż il-limitu massimu stabbilit fl‑Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, tikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu speċifiku mġarrab minn dan il-ħaddiem.

56      It-tieni nett, fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw għall-qrati nazzjonali minn tali ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li jkunu, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, huma jistgħu jiġu invokati minn individwi kontra l-Istat, ukoll fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li timpjega, b’mod partikolari meta huwa jkun naqas milli jittrasponi fil-ħin din id-direttiva fid-dritt nazzjonali jew meta jkun ittrasponiha b’mod inkorrett (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punti 46 u 49, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punti 193 u 194).

57      Issa, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jissodisfa dawn il-kriterji peress li, fi kliem li mhumiex ekwivoki, jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat preċiż u ma jinkludi l-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li huwa jistabbilixxi, li tikkonsisti fl-iffissar ta’ limitu massimu ta’ 48 siegħa, inkluża s‑sahra, fir-rigward tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

58      F’dan ir-rigward, minkejja li d-Direttiva 2003/88 tippermetti li l-Istati Membri, fl‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tagħha, jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tagħha, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax in-natura preċiża u mingħajr kundizzjoni tal-Artikolu 6(b). Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istati Membri li ma japplikawx l-Artikolu 6 hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1), b’mod li huwa possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha tiġi pprovduta f’kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata aktar ’il fuq, punti 105).

59      Għaldaqstant, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollu effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106).

60      Konsegwentement, peress li, fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, it‑terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/104 kien skada u l-Landes Sachsen-Anhalt ma kinitx, f’dik id-data, ittrasponietha fid-dritt nazzjonali tagħha fir-rigward tal-pompiera impjegati f’dipartiment ta’ intervent, ħaddiem bħal G. Fuß, impjegat mal-iStadt Halle f’dan id-dipartiment, jista’ jinvoka direttament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 kontra din il-persuna pubblika li timpjegah sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal ħin medju ta’ xogħol fil‑ġimgħa li ma jaqbisx it-48 siegħa ggarantiti minn din id-dispożizzjoni.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-imsemmija dispożizzjoni għandha effett dirett, l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri għandhom josservawha, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll kull korp amministrattiv, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, bħalma huma l-Länder, l‑ibliet jew il-komuni, u dawn l-awtoritajiet huma marbuta li japplikawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punti 30 sa 33).

62      Fil-kawża prinċipali, l-iStadt Halle tqis li t-trasferiment furzat ta’ G. Fuß, wara li dan kien talab lil min jimpjegah sabiex josserva l-ħin ta’ xogħol massimu fil‑ġimgħa stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, f’dipartiment ieħor fejn dan il-limitu huwa osservat huwa ta’ tali natura li jiżgura l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ G. Fuß, għaliex dan it-trasferiment itemm il-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mwettaq fil-konfront tiegħu.

63      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-qrati nazzjonali u l-korpi amministrattivi huma obbligati japplikaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea b’mod sħiħ u jipproteġu d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi jitħallew jekk hemm bżonn inapplikati d‑dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Costanzo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punti 68 u 69 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, huwa importanti li l-effettività tad-drittijiet mogħtija direttament lill‑ħaddiema permezz tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 tiġi żgurata b’mod sħiħ fis-sistema legali nazzjonali (ara s-sentenza Dellas et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

65      Issa, għandu jiġi kkonstatat li trasferiment furzat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu bħala effett li jneżża’ lid-dritt mogħti mill-Artikolu 6(b) tad‑Direttiva 2003/88 minn kull sinjifikat, dritt irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-digriet Personalrat der Feuewehr Hamburg, iċċitat iktar ’il fuq, għal pompier, bħal G. Fuß, impjegat f’dipartiment ta’ intervent, ta’ ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa għal dan l-impjieg, u għalhekk, din il-miżura teqred l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ dan il-ħaddiem. Għalhekk, huwa ċar li l-imsemmija miżura ma tiżgura la l-applikazzjoni sħiħa tal‑imsemmi Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 u lanqas il-protezzjoni tad‑drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lill-ħaddiema fl-Istat Membru kkonċernat.

66      Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, għandu “l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati”, ser jiġi sostanzjalment milqut jekk min jimpjega, b’reazzjoni għal ilment jew għal azzjoni ġudizzjarja mressqa minn ħaddiem sabiex jiżgura l-osservanza tad‑dispożizzjonijiet ta’ direttiva intiża li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tiegħu, ikun jista’ jadotta miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-biża’ ta’ miżura ta’ ritaljazzjoni simili li kontriha ma hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju tista’ tiddiswadi lill-ħaddiema, li jqisu lilhom infushom leżi minn miżura meħuda minn min jimpjeghom, milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ rimedji ġudizzjarji u, għalhekk, hija tali li tikkomprometti b’mod gravi l-kisba tal-għan tad-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1998, Coote, C‑185/97, Ġabra p. I-5199, punti 24 u 27).

67      Għalhekk ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega fis-settur pubbliku li jipproċedi bit-trasferiment furzat lejn dipartiment ieħor ta’ ħaddiem impjegat bħala pompier f’dipartiment ta’ intervent, għar-raġuni li huwa jkun talab li l-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni jiġi osservat fid-dipartiment imsemmi l-aħħar. Il-fatt li dan il-ħaddiem ma jkun jġarrab, minħabba dan it-trasferiment, l-ebda dannu speċifiku għajr dak li jirriżulta mill‑ksur tal-imsemmi Artikolu 6(b), huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega fis-settur pubbliku li jipproċedi bit‑trasferiment furzat lejn dipartiment ieħor ta’ ħaddiem impjegat bħala pompier f’dipartiment ta’ intevent, għar-raġuni li huwa jkun talab li l-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni jiġi osservat fid-dipartiment imsemmi l-aħħar. Il-fatt li dan il-ħaddiem ma jkun jġarrab, minħabba dan it-trasferiment, l-ebda dannu speċifiku għajr dak li jirriżulta mill-ksur tal-imsemmi Artikolu 6(b), huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top