EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0380

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Diċembru 2006.
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs il-Parlament Ewropew u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Approssimazzjoni tal-liġijiet - Direttiva 2003/33/KE - Reklamar u patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk - Annullament ta' l-Artikoli 3 u 4 - Għażla tal-bażi legali - Artikoli 95 KE u 152 KE - Prinċipju ta' proporzjonalità.
Kawża C-380/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:772

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta' Diċembru 2006 (*)

"Rikors għal annullament – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Direttiva 2003/33/KE – Reklamar u patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk – Annullament ta' l-Artikoli 3 u 4 – Għażla tal-bażi legali – Artikoli 95 KE u 152 KE – Prinċipju ta' proporzjonalità"

Fil-kawża C-380/03,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fid-9 ta' Settembru 2003,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, W.-D. Plessing u C.-D. Quassowski, bħala aġenti, assistiti minn J. Sedemund, Rechtsanwalt,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos, E. Waldherr u U. Rösslein, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Karlsson u J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn L. Fraguas Gadea u M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski u E. Bygglin, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M.-J. Jonczy u L. Pignataro-Nolin, kif ukoll minn F. Hoffmeister, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, K. Lenaerts, P. Kūris u E. Juhász, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Diċembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (aktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Mejju 2003, dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 152, p. 16, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Id-Direttiva kienet ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea wara li l-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, aktar 'il quddiem is-"sentenza dwar ir-reklamar tat-tabakk") annullat id-Direttiva 98/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Lulju 1998, dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 213, p. 9).

 Il-kuntest ġuridiku

3       Id-Direttiva kienet ġiet adottata fuq l-istess bażi legali bħad-Direttiva 98/43. L-istess bħal din id-direttiva ta' l-aħħar, id-Direttiva tirregola r-reklamar u l-patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk f'mezzi oħra għajr it-televiżjoni.

4       L-ewwel premessa tad-Direttiva tipprovdi, minn naħa, li, fir-rigward tar-reklamar fl-istampa, kienu diġà ġew iffaċċjati ċerti ostakli għaċ-ċirkulazzjoni libera ta' prodotti jew ta' servizzi minħabba differenzi bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri f'dan is-settur u, min-naħa l-oħra, li, fl-istess ċirkustanzi, kienu diġà ġew osservati wkoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-patrunaġġ ta' ċerti avvenimenti sportivi u kulturali importanti.

5       Ir-raba' premessa tad-Direttiva tipprovdi:

"Iċ-ċirkolazzjoni fis-Suq Intern ta’ pubblikazzjonijiet bħalma huma r-rivisti, il-gazzetti u l-perjodiċi hija bla ħsara għal riskju apprezzabbli ta’ ostakoli għall-moviment ħieles bħala riżultat tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jipprojbixxu jew jirregolaw ir-reklamar f’dawn il-mezzi. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa fis-Suq Intern kollu għal dawn il-mezzi, huwa meħtieġ li jiġi llimitat ir-reklamar tat-tabakk fihom għal dawk ir-rivisti u l-perjodiċi li ma humiex maħsuba għall-pubbliku ġenerali bħalma huma l-pubblikazzjonijiet [maħsuba b’mod esklussiv għall-professjonisti fil-kummerċ tat-tabakk u l-pubblikazzjonijiet] stampati u ppubblikati fil-pajjiżi terzi, li ma humiex b’mod prinċipali maħsuba għas-suq Komuni."

6       Il-ħames premessa tad-Direttiva hija miktuba kif ġej:

"Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti tipi ta’ patrunaġġ għall-benefiċċju tal-prodotti mit-tabakk b’effetti li jaqsmu l-fruntieri joħolqu riskju apprezza[bbli] fit-tagħwiġ tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni għal din l-attività ġewwa s-Suq Intern. Sabiex jiġi eliminat dan it-tagħwiġ, huwa meħtieġ li jiġi pprojbit dan il-patrunaġġ għal dawn l-attivitajiet jew għal dawn l-okkażjonijiet b’effett li jaqsmu l-fruntieri biss, li mod ieħor jistgħu jkunu mezz sabiex iduru mar-restrizzjonijiet imqiegħda fuq għamliet diretti tar-reklamar, mingħajr ma l-patrunaġġ jiġi rregolat fuq livell purament nazzjonali."

7       Is-sitt premessa ta' l-imsemmija direttiva tippreċiża:

"L-użu tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informatika huwa mezz ta’ reklamar tal-prodotti mit-tabakk li qiegħed jiżdied bħala konsum pubbliku u bħala aċċess għal dawn is-servizzi. Dawn is-servizzi, kif ukoll ix-xandir bir-radjo, li jista’ jiġi trasmess permezz tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informatika, jiġbdu liż-żgħażagħ b’mod partikolari u huma aċċessibbli għalihom. Ir-reklamar tat-tabakk minn dawn iż-żewġ mezzi għandu, min-natura tiegħu nnifsu, il-karattru li jaqsam il-fruntieri, u għandu jiġi rregolat fil-livell Komunitarju."

8       L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi li:

"1.      Ir-reklamar fl-istampa u [mezzi] oħra stampati għandu jkun limitat għall-pubblikazzjonijiet maħsuba b’mod esklussiv għall-propfessjonisti fil-kummerċ tat-tabakk u għal pubblikazzjonijiet li jiġu stampati u ppubblikati f’pajjiżi terzi, fejn dawn il-pubblikazzjonijiet ma jkunux maħsuba għas-suq Komunitarju.

Reklamar ieħor fl-istampa u f'[mezzi] oħra stampati għandu jiġi pprojbit.

2.      Ir-reklamar li ma jkunx permess fl-istampa u f'[mezzi] oħra stampati ma għandux ikun permess fis-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informatika."

9       Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva:

"1.      Għandhom jiġu pprojbiti l-għamliet kollha tar-reklamar bir-radjo tal-prodotti mit-tabakk.

2.      Il-programmi tar-radjo ma għandhomx ikunu ppatronizzati minn impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-fabbrikazzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti mit-tabakk."

10     L-Artikolu 5 tad-Direttiva huwa miktub kif ġej

"1.      Il-patrunaġġ ta’ l-okkażjonijiet jew ta’ l-attivitajiet li jinvolvu numru ta’ Stati Membri jew isiru fihom jew inkella jkollhom l-effett li jaqsmu l-fruntieri għandu jkun ipprojbit.

2.      Kull distribuzzjoni bla ħlas tal-prodotti mit-tabakk fil-kuntest tal-patrunaġġ ta’ l-okkażjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 li jkollhom il-għan jew l-effett dirett jew indirett li jmexxu ’l quddiem dawn il-prodotti għandha tkun ipprojbita."

11     L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi:

"L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-moviment ħieles tal-prodotti jew tas-servizzi li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva."

 It-talbiet tal-partijiet

12     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva,

–       tikkundanna lill-konvenuti jbatu l-ispejjeż.

13     Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors,

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

14     Il-Parlament jitlob, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, fil-każ li tannulla d-Direttiva minħabba ksur formali ta' l-obbligu ta' motivazzjoni jew tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, tordna, skond l-Artikolu 231 KE, li l-effetti tad-Direttiva annullata jinżammu fis-seħħ sakemm tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida f'dan il-qasam.

15     Permezz ta' digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Jannar u tat-2 ta' Marzu 2004, ġew ammessi l-interventi tar-Renju ta' Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Finlandja u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej in sostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

16     In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. Prinċipalment, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-Artikolu 95 KE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għad-Direttiva u, it-tieni nett, li din ta' l-aħħar kienet ġiet adottata bi ksur ta' l-Artikolu 152(4)(ċ) KE. Sussidjarjament, hija ssostni, rispettivament, ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, tar-regoli tal-proċedura ta' kodeċiżjoni previsti fl-Artikolu 251 KE, kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-għażla allegatament żbaljata ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali

 L-argumenti tal-partijiet

17     Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw li l-Artikolu 95 KE jintuża għall-adozzjoni ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva mhumiex sodisfatti. Fil-fatt, l-ebda waħda mill-projbizzjonijiet stabbiliti f'dawn l-artikoli ma tikkontribwixxi effettivament għall-eliminazzjoni ta' ostakli għaċ-ċirkulazzjoni libera ta' merkanzija jew għat-tneħħija ta' distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

18     Qabel kollox, fir-rigward ta' l-"istampa u [mezzi] oħra stampati", imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, aktar minn 99.9% tal-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati f'diversi Stati Membri iżda biss fuq il-livell lokali jew reġjonali, b'tali mod li l-projbizzjoni ġenerali ta' reklamar ta' prodotti tat-tabakk prevista f'din id-dispożizzjoni tissodisfa biss b'mod marġinali ħafna l-allegat bżonn li jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ.

19     Fir-rigward tal-prodotti magħrufa bħala "ta' l-istampa", huwa biss f'każijiet rari li dawn ikunu s-suġġett ta' kummerċ bejn Stati Membri mhux biss minħabba raġunijiet lingwistiċi jew kulturali, iżda wkoll minħabba raġunijiet ta' politika editorjali. Ma jeżisti l-ebda ostaklu effettiv għaċ-ċirkulazzjoni intrakomunitarja tagħhom anki jekk ċerti Stati Membri jipprojbixxu r-reklamar tat-tabakk permezz ta' l-istampa inkwantu l-istampa barranija mhijiex suġġetta għal projbizzjoni bħal din f'dawn l-istess Stati.

20     Skond ir-rikorrenti, l-istess għandu jingħad għall-espressjoni "[mezzi] oħra stampati", li jissemmew fl-istess Artikolu 3(1) tad-Direttiva, li tkopri sensiela vasta ta' pubblikazzjoni bħalma huma l-bulettini ta' assoċjazzjonijiet lokali, il-programmi ta' avvenimenti kulturali, il-kartelluni, id-direttorji tat-telefon u d-diversi fuljetti u manifesti pubbliċitarji. Dawn il-pubblikazzjonijiet jiġu indirizzati esklużivament lill-popolazzjoni lokali u ma jkollhom l-ebda natura transfruntaliera.

21     L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva lanqas ma jissodisfa l-għan li jitneħħew id-distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda relazzjoni ta' kompetizzjoni bejn il-pubblikazzjonijiet lokali ta' Stat Membru u dawk li jeżistu fi Stati Membri oħra u lanqas bejn il-gazzetti, ir-rivisti u l-perjodiċi b'firxa ta' distribuzzjoni aktar wiesgħa u l-gazzetti, ir-rivisti u l-perjodiċi barranin komparabbli.

22     Fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva la jikkontribwixxi sabiex jiġu eliminati l-ostakli għaċ-ċirkulazzjoni libera ta' merkanzija jew għal-liberta’ li jiġu provduti servizzi, u lanqas sabiex jitneħħew id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għar-rikorrenti, il-konsultazzjoni fuq l-internet ta' materjal stampat li joriġina minn Stati Membri oħra hija marġinali u, fi kwalunkwe każ, ma tiltaqa' ma' l-ebda ostaklu tekniku minħabba l-aċċess liberu għal dawn is-servizzi fuq livell mondjali.

23     Bl-istess mod, skond ir-rikorrenti, l-għażla ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tad-Direttiva hija żbaljata fir-rigward tal-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 4 ta' din id-direttiva, tar-reklamar bir-radjo u tal-patrunaġġ ta' programmi tar-radjo safejn maġġoranza kbira ħafna tal-programmi tar-radjo jiġu indirizzati lil pubbliku lokali jew reġjonali u ma jistgħux jiġu riċevuti barra minn reġjun partikolari minħabba l-portata limitata tat-trażmettituri. Barra minn hekk, peress li r-reklamar bir-radjo ta' prodotti tat-tabakk huwa pprojbit fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri, projbizzjoni bħal din, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, mhijiex ġustifikata. L-istess jista' jingħad għall-projbizzjoni tal-patrunaġġ ta' programmi tar-radjo li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

24     Fl-aħħar nett, l-Artikolu 95 KE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali xierqa fir-rigward tal-projbizzjonijiet dwar ir-reklamar ta' prodotti tat-tabakk stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva peress li l-iskop veru ta' dawn il-projbizzjonijiet mhuwiex it-titjib ta' l-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern, iżda sempliċement il-ħarsien tas-saħħa pubblika. Ir-rikorrenti tqis li r-rikors għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tad-Direttiva jmur ukoll kontra l-Artikolu 152(4)(ċ) KE, li espressament jeskludi kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati membri fil-qasam tas-saħħa pubblika.

25     Il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom isostnu li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva kienu ġew adottati b'mod validu abbażi ta' l-Artikolu 95 KE u ma jmorrux kontra l-Artikolu 152(4)(ċ) KE.

26     Huwa josservaw li l-projbizzjoni tar-reklamar u tal-patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk prevista fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva hija limitata għall-projbizzjoni tar-reklamar ta' dawn il-prodotti fir-rivisti, fil-perjodiċi u fil-gazzetti u ma tkoprix il-pubblikazzjonijiet l-oħra invokati mir-rikorrenti bħalma huma l-bulettini ta' assoċjazzjonijiet, il-programmi ta' avvenimenti kulturali, il-kartelluni, id-direttorji tat-telefon, il-fuljetti u l-manifesti.

27     Barra minn hekk, huwa jallegaw li l-kummerċ intrakomunitarju ta' prodotti ta' l-istampa huwa realtà li ma tistax tiġi kkontestata u li, kif jirriżulta mill-ewwel, mit-tieni u mir-raba' premessi tad-Direttiva, jeżistu effetti transfruntalieri kif ukoll riskju apprezzabbli ta' ostakli għaċ-ċirkulazzjoni libera fis-suq intern li jirriżultaw mid-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri. Dan ir-riskju jista' jikber minħabba l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda u minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet tagħhom.

28     Fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar fl-istampa u fil-mezzi l-oħra stampati, il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom jikkontestaw ir-rilevanza ta' l-analiżi abbażi ta' l-istatistika, li fuqha bbażat ruħha r-rikorrenti, peress li din l-istatistika tikkonċerna biss is-suq Ġermaniż u ma tistax tirrifletti l-Komunità Ewropea kollha, filwaqt li l-fenomenu attwali magħruf bħala "konverġenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni" jikkontribwixxi sostanzjalment għall-iżvilupp ta' skambji intrakomunitarji tal-prodotti ta' l-istampa inkwantu diversi gazzetti, rivisti u perjodiċi huma llum il-ġurnata aċċessibbli fuq l-internet u għalhekk mifruxa fl-Istati Membri kollha.

29     Huma jenfasizzaw li huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tiġi stabbilita d-distinzjoni bejn l-istampa b'distribuzzjoni lokali jew nazzjonali u l-istampa b'distribuzzjoni Ewropea jew internazzjonali, u li l-projbizzjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fil-pubblikazzjonijiet li jgawdu minn distribuzzjoni transfruntaliera, filwaqt li jiġu esklużi dawk li d-distribuzzjoni tagħhom hija biss lokali jew nazzjonali, twassal sabiex tirrendi l-limiti ta' projbizzjoni bħal din partikolarment inċerti u fortuwiti. Barra minn hekk, din id-distinzjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva, jiġifieri l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw ir-reklamar ta' prodotti tat-tabakk.

30     Fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika u l-projbizzjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fl-imsemmija servizzi stabbilita fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom jikkontestaw it-teżi tar-rikorrenti li ma jeżistux ostakli għall-kummerċ fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika.

31     Huma jsostnu li l-projbizzjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika hija mnebbħa mill-bżonn li tiġi evitata l-possibbiltà li dak li jkun jaħrab mill-projbizzjoni fir-rigward tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fl-istampa jew f'mezzi stampati oħra billi juża l-mezzi disponibbli fuq l-internet u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Minħabba l-proċess attwali ta' konverġenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-mezzi stampati u l-programmi tar-radjo jkunu disponibbli immedjatament fuq l-internet. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-"gazzetti elettroniċi" aktarx ikompli jsaħħaħ dan il-proċess.

32     Fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar bir-radjo, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom iqisu li ma jistax ikun hemm dubju serju dwar jekk il-programmi tar-radjo humiex ta' natura transfruntaliera peress li l-frekwenzi terrestri jaqbżu sostanzjalment il-fruntieri ta' l-Istati Membri u li dawk il-programmi tar-radjo mxandra permezz tas-satellita jew permezz tal-kejbil huma aktar u aktar ta' din in-natura.

33     Barra minn hekk, huma jsostnu li l-erbatax-il premessa tad-Direttiva tirreferi espressament għad-Direttiva 89/552/KEE tal-Kunsill, tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23), li, fl-Artikoli 13 u 17(2) tagħha, tipprojbixxi kull forma ta' reklamar bit-televiżjoni fir-rigward tat-tabakk u kull patrunaġġ ta' programmi tat-televiżjoni minn attivitajiet marbuta mat-tabakk.

34     Il-projbizzjoni tar-reklamar bir-radjo fir-rigward ta' prodotti tat-tabakk kif ukoll tal-patrunaġġ ta' programmi tar-radjo prevista fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tikkostitwixxi projbizzjoni parallela għal dik prevista fid-Direttiva 89/552.

35     Il-fatt li r-reklamar bir-radjo huwa diġà pprojbit kważi fl-Istati Membri kollha ma jipprekludix l-introduzzjoni ta' regoli ġodda fuq livell Komunitarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     L-Artikolu 95(1) KE jistabbilixxi li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

37     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm is-sempliċi konstatazzjoni ta' differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li jsir rikors għall-Artikolu 95 KE, dan ma jgħoddx fil-każ ta' differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li huma ta' natura tali li jkunu ta' xkiel għal-libertajiet fundamentali u b'hekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern [ara, f'dan is-sens, is-sentenza dwar ir-reklamar tat-tabakk, iċċitata aktar 'il fuq, punti 84 u 95; is-sentenza ta' l-10 ta' Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 60; ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Arnold André, C-434/02, Ġabra p. I-11825, punt 30; Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 29, u kif ukoll tat-12 ta' Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 28].

38     Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, għalkemm l-użu ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali huwa possibbli sabiex fil-futur ma jkunx hemm ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp eteroġenu tal-liġijiet nazzjonali, l-eżistenza ta' dawn l-ostakoli għandha tkun probabbli u l-miżuri in kwistjoni għandu jkollhom l-għan li jimpedixxu dawn l-ostakoli [sentenzi tat-13 ta' Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill, C-350/92, Ġabra p. I-1985, punt 35; tad-9 ta' Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 15; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61; Arnold André, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31; Swedish Match, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30, u Alliance for Natural Health et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29].

39     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sakemm il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 95 KE jkun jista' jintuża bħala bażi legali jkunu sodisfatti, il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa determinanti fl-għażliet li għandhom isiru [sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 62; Arnold André, punt 32; Swedish Match, punt 31, u Alliance for Natural Health et, punt 30].

40     Għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li għandu jiġi assigurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji u li l-Artikolu 95(3) KE espliċitament jeżiġi li, fl-armonizzazzjoni li ssir, għandu jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem [sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 62; Arnold André, punt 33; Swedish Match, punt 32, u Alliance for Natural Health et, punt 31].

41     Minn dan li għadu kemm intqal jirriżulta li, meta jkun hemm ostakoli għall-kummerċ jew ikun probabbli li fil-futur jista' jkun hemm ostakoli bħal dawn, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta' prodott jew ta' kategorija ta' prodotti, miżuri li ma jaqblux bejniethom b'tali mod li jiġi assigurat livell differenti ta' protezzjoni u b'tali mod li, minħabba f'hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla milli jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, l-Artikolu 95 KE jawtorizza lil-leġiżlatur Komunitarju jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa b'konformità, min-naħa, ma' l-Artikolu 95(3), u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat KE jew identifikati mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari, mal-prinċipju ta' proporzjonalità (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Arnold André, punt 34; Swedish Match, punt 33, u Alliance for Natural Health et, punt 32).

42     Għanu jiġi osservat ukoll li, permezz ta' l-espressjoni "miżuri għal approssimazzjoni" li tinsab fl-Artikolu 95 KE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur Komunitarju, skond il-kuntest ġenerali u skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta' approssimazzjoni l-aktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b'mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi (ara s-sentenzi tas-6 ta' Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-66/04, Ġabra p. I-10553, punt 45, kif ukoll tat-2 ta' Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-217/04, Ġabra p. I-3771, punt 43).

43     Skond iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri jistgħu jistabbilixxu li l-Istati Membri kollha huma obbligati jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-prodotti kkonċernati u li dan l-obbligu huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jew jistgħu anki jipprojbixxu, provviżorjament jew permanentement, il-kummerċjalizzazzjoni ta' xi prodott jew prodotti partikolari (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Arnold André, punt 35; Swedish Match, punt 34, u Alliance for Natural Health et, punt 33).

44     Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 95 KE jintuża bħala l-bażi legali ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva humiex sodisfatti.

45     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonstatat l-eżistenza, meta kienet adottata d-Direttiva 98/43, ta' differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar ir-reklamar ta' prodotti tat-tabakk kif ukoll l-iżvilupp tagħhom f'sens dejjem aktar ristrettiv (sentenza dwar ir-reklamar tat-tabakk, iċċitata aktar 'il fuq, punti 96 u 97).

46     Huwa stabbilit li, fir-rigward ta' dawn il-prodotti, kif jingħad fl-ewwel premessa tad-Direttiva, kienu jeżistu, meta kienet adottata din id-Direttiva, differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, skond l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet miktuba tagħha, ir-reklamar u/jew il-patrunaġġ ta' prodotti bħal dawn kienu s-suġġett, fil-mument meta ġiet ippreżentata l-proposta ta' direttiva, ta' projbizzjoni parzjali f'sitt Stati Membri, ta' projbizzjoni totali f'erba' Stati Membri u ta' abbozzi leġiżlattivi bil-għan ta' projbizzjoni totali fil-ħamsa l-oħra.

47     Barra minn hekk, fid-dawl tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea bl-adeżjoni ta' għaxar Stati Membri ġodda, kien jeżisti riskju apprezzabbli li dawn id-differenzi jkompli jikbru. Skond il-Kummissjoni, uħud mill-Istati Membri l-ġodda kienu jikkunsidraw projbizzjoni totali tar-reklamar u tal-patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk, filwaqt li oħrajn kienu jaċċettaw dawn l-attivitajiet meta jkunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

48     Il-fatt li, meta ġiet adottata d-Direttiva, kienu qegħdin jinżammu negozjati, kif tenfasizza t-tmien premessa tagħha, fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bil-għan li tiġi adottata Konvenzjoni Qafas dwar il-Ġlieda kontra t-Tabakk (aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ODS"), mhuwiex ta' natura li jikkontesta din il-konstatazzjoni.

49     Huwa veru li l-Konvenzjoni ODS hija intiża sabiex jitnaqqas il-konsum ta' prodotti tat-tabakk billi tipprovdi, b'mod partikolari, projbizzjoni globali fir-rigward tar-reklamar, tal-promozzjoni u tal-patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk. Madankollu, din il-Konvenzjoni ODS daħlet fis-seħħ wara d-Direttiva u mhux l-Istati Membri kollha rratifikawha.

50     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 13(2) tagħha, l-Istati Membri li ffirmaw il-Konvenzjoni ODS jistgħu, fil-ħames snin ta' wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jew jadottaw projbizzjoni globali tar-reklamar, tal-promozzjoni u tal-patrunaġġ fir-rigward tat-tabakk jew, jekk minħabba l-Kostituzzjoni tagħhom jew minħabba l-prinċipji kostituzzjonali tagħhom ma jkunux jistgħu jistabbilixxu projbizzjoni ġenerali, jimponu biss ċerti restrizzjonijiet f'dan il-qasam.

51     Minn dan isegwi li, meta ġiet adottata d-Direttiva, kienu jeżistu differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali fil-qasam ta' reklamar u ta' patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk li kienu jiġġustifikaw intervent tal-leġiżlatur Komunitarju.

52     Huwa f'dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-effetti ta' differenzi bħal dawn, fl-oqsma koperti mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatur Komunitarju setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 95 KE biex jadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

53     Is-suq tal-prodotti ta' l-istampa, bħas-suq tar-radjo, huwa suq fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa relattivament sinjifikattiv u ħa jkompli jiżviluppa minħabba, b'mod partikolari, ir-rabta tal-mezzi kkonċernati ma' l-internet, li huwa l-mezz ta' komunikazzjoni transfruntalier per eċċellenza.

54     Fid-dawl, qabel kollox, tal-prodotti ta' l-istampa, iċ-ċirkolazzjoni tal-gazzetti, tar-rivisti u tal-perjodiċi tikkostitwixxi realtà komuni fl-Istati Membri kollha u mhijiex limitata għal dawk l-Istati li għandhom l-istess lingwa biss. F'ċerti każijiet, il-pubblikazzjonijiet provenjenti minn Stati Membri oħra jistgħu jammontaw anki għal aktar min-nofs tal-pubblikazzjonijiet fiċ-ċirkolazzjoni, skond indikazzjonijiet, li ma ġewx kkontestati, mogħtija fis-seduta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom. Ma' dan il-kummerċ intrakomunitarju ta' prodotti ta' l-istampa fuq mezzi tal-karta, għandu jiġi inkluż dak il-kummerċ magħmul possibbli mis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika u, b'mod partikolari, l-internet li jipprovdi aċċess dirett u f'ħin reali għall-pubblikazzjonijiet distribwiti fi Stati Membri oħra.

55     Għandu jingħad ukoll li, kif ġie indikat fil-punt 46 ta' din is-sentenza, fid-data ta' l-adozzjoni tad-Direttiva, diversi Stati Membri kienu diġà jipprojbixxu r-reklamar ta' prodotti tat-tabakk filwaqt li Stati Membri oħra kienu waslu fl-istadju li jagħmlu l-istess. Għaldaqstant, kienu jeżistu differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri, liema differenzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, kienu ta' xkiel għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' merkanzija kif ukoll għal-liberta’ li jiġu provduti servizzi.

56     Fil-fatt, minn naħa, il-miżuri ta' projbizzjoni jew ta' limitazzjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk aktarx jostakolaw aktar l-aċċess għas-suq tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli dak tal-prodotti nazzjonali.

57     Min-naħa l-oħra, miżuri bħal dawn jillimitaw il-possibbiltà għall-impriżi stabbiliti fl-Istati Membri fejn dawn il-miżuri jkunu fis-seħħ li jipproponu spazji pubbliċitarji fil-pubblikazzjonijiet tagħhom lil terzi persuni li jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħra u b'hekk jolqtu l-offerta transfruntaliera ta' servizzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Marzu 2001, Gourmet International Products, C-405/98, Ġabra p. I-1795, punti 38 u 39).

58     Barra minn hekk, anki jekk, fir-realtà, ċerti pubblikazzjonijiet ma jiġux ikkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra, xorta jibqa' l-fatt li l-adozzjoni ta' liġijiet differenti fil-qasam tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk toħloq, jew tista' toħloq, b'mod ċert, ostakoli legali għall-kummerċ fir-rigward tal-prodotti ta' l-istampa u ta' mezzi stampati oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza dwar ir-reklamar tat-tabakk, iċċitata aktar 'il fuq, punt 97). Għaldaqstant, ostakoli bħal dawn jeżistu wkoll għall-pubblikazzjonijiet ikkummerċjalizzati essenzjalment f'suq lokali, reġjonali jew nazzjonali li jinbiegħu, anki jekk b'mod eċċezzjonali jew fi kwantitajiet żgħar biss, fl-Istati membri l-oħra.

59     Barra minn hekk, huwa stabbilit li ċerti Stati Membri li kienu adottaw projbizzjoni fir-rigward tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk jeskludu minn din il-projbizzjoni l-prodotti ta' l-istampa barranija. Issa, il-fatt li dawn l-Istati Membri għażlu li jakkumpanjaw l-imsemmija projbizzjoni b'eċċezzjoni bħal din jikkonferma li, minn ta' l-anqas f'għajnejhom, jeżisti, fir-rigward tal-prodotti ta' l-istampa, kummerċ intrakomunitarju sinjifikattiv.

60     Fl-aħħar nett, ir-riskju li jinħolqu ostakoli ġodda għall-kummerċ jew għal-libertà li jiġu provduti servizzi minħabba l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda kien wieħed reali.

61     L-istess konstatazzjoni għandha ssir fir-rigward tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fuq il-programmi tar-radjo u fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika. Diversi Stati Membri kienu diġà lleġiżlaw f'dawn l-oqsma jew kienu qegħdin jippreparaw biex jagħmlu hekk. Fid-dawl tal-fatt li l-pubbliku qiegħed isir dejjem aktar konxju tad-dannu li l-konsum ta' prodotti tat-tabakk jagħmel lis-saħħa, kien probabbli li kienu ħa jirriżultaw ostakoli ġodda għall-kummerċ jew għal-libertà li jiġu provduti servizzi minħabba l-adozzjoni ta' regoli ġodda, li jirriflettu dan l-iżvilupp, intiżi sabiex jiskoraġġixxu b'mod aktar effiċjenti l-konsum ta' dawn il-prodotti.

62     Għandha tiġi mfakkra s-sitt premessa tad-Direttiva fejn huwa osservat li l-użu tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika, li huwa mezz li jippermetti li jsir reklamar tal-prodotti tat-tabakk, qiegħed jiżdied id f'id mal-konsum u l-aċċess tal-pubbliku għal dawn is-servizzi u li servizzi bħal dawn, l-istess bħall-programmi tar-radjo li jistgħu jiġu trażmessi wkoll permezz tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika, huma partikolarment attraenti u aċċessibbli għall-konsumaturi żgħażagħ.

63     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-reklamar tat-tabakk minn dawn iż-żewġ mezzi ta' komunikazzjoni huwa ta' natura transfruntaliera u abbażi tiegħu l-impriżi li jipproduċu u li jikkummerċjalizzaw it-tabakk jistgħu jiżviluppaw strateġiji ta' promozzjoni intiżi sabiex ikabbru l-klijentela tagħhom lil hinn mill-Istat Membru minn fejn joriġinaw.

64     Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/552 kien jipprojbixxi l-forom kollha ta' reklamar bit-televiżjoni fir-rigward tas-sigarretti u ta' prodotti oħra tat-tabakk, ma kienx eskluż li d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar ir-reklamar tat-tabakk fuq il-programmi tar-radjo u fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika kienu ta' natura li jiffavorixxu l-possibbiltà li dak li jkun jaħrab minn dik il-projbizzjoni billi juża dawn iż-żewġ mezzi ta' komunikazzjoni.

65     L-istess konstatazzjoni tista' ssir fir-rigward tal-patrunaġġ mill-impriżi ta' tabakk ta' programmi tar-radjo. Differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali kienu diġà ġew osservati meta kienet adottata d-Direttiva jew kienu waslu biex jiġu osservati u dawn id-differenzi kienu tali li setgħu jostakolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi jċaħħdu, bħala d-destinatarji ta' servizzi, lill-aġenziji tar-radjo stabbiliti fi Stat Membru fejn kienet fis-seħħ miżura ta' projbizzjoni mill-vantaġġ tal-patrunaġġ minn impriżi ta' tabakk stabbiliti fi Stat Membru ieħor fejn ma kinitx teżisti miżura ta' projbizzjoni bħal din.

66     Dawn id-differenzi, kif josservaw l-ewwel u l-ħames premessi tad-Direttiva, kienu jinvolvu wkoll riskju apprezzabbli ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

67     Fi kwalunkwe każ, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, meta tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta' ostakoli għall-kummerċ, mhuwiex meħtieġ li jiġu pprovati wkoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sabiex jiġi ġġustifikat r-rikors għall-Artikolu 95 KE [ara s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 60].

68     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ostakoli u r-riskji ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kienu ta' natura li jiġġustifikaw l-intervent tal-leġiżlatur Komunitarju abbażi ta' l-Artikolu 95 KE.

69     Jeħtieġ li jiġi vverifikat ukoll jekk, fl-oqsma koperti mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, l-għan ta' dawn l-artikoli huwiex effettivament l-eliminazzjoni jew il-prevenzjoni ta' l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew inkella t-tneħħija ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

70     Qabel kollox, fir-rigward ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-projbizzjoni ta' reklamar ta' prodotti tat-tabakk fir-rivisti, fil-perjodiċi u fil-gazzetti bil-għan li tkun assigurata ċ-ċirkolazzjoni libera ta' dawn il-prodotti setgħat tiġi adottata abbażi ta' l-Artikolu 95 KE l-istess bħad-Direttiva 89/552 li, kif intqal fil-punt 64 ta' din is-sentenza, tipprojbixxi, fl-Artikolu 13 tagħha, ir-reklamar fuq it-televiżjoni fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk (sentenza dwar ir-reklamar tat-tabakk, iċċitata aktar 'il fuq, punt 98).

71     Miżura ta' projbizzjoni bħal din, li hija intiża sabiex tapplika b'mod uniformi fil-Komunità kollha, tfittex li tevita li ċ-ċirkolazzjoni intrakomunitarja tal-prodotti ta' l-istampa tkun imfixkla mil-liġi nazzjonali ta' xi Stat Membru jew ieħor.

72     Għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva espressament jaċċetta l-inklużjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk f'ċerti pubblikazzjoni u, b'mod aktar partikolari, f'dawk li huma esklussivament intiżi għall-professjonisti fil-kummerċ tat-tabakk.

73     Barra minn hekk, kuntrarjament għad-Direttiva 98/43, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li huma konformi ma' din id-direttiva. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 8 jipprekludi li l-Istati Membri jostakolaw iċ-ċirkolazzjoni intrakomunitarja ta' pubblikazzjonijiet intiżi esklussivament għall-professjonisti fil-kummerċ tat-tabakk permezz, b'mod partikolari, ta' dispożizzjonijiet aktar ristrettivi milli huma jqisu li huwa meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-qasam ta' reklamar jew ta' patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk.

74     Billi b'hekk jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jipprekludu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' spazji pubbliċitarji f'pubblikazzjonijiet intiżi esklussivament għall-professjonisti tat-tabakk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jsostni l-għan iddikjarat fl-Artikolu 1(2) tagħha li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' funzjonament tas-suq intern.

75     L-istess konstatazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tissemma wkoll fl-Artikolu 8 tad-Direttiva. Fil-fatt, skond dan l-artikolu, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni libera ta' servizzi li huma konformi ma' din id-direttiva.

76     Min-naħa tagħhom, u l-istess bħall-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/552, l-Artikoli 3(2) u 4(1) tad-Direttiva, li jipprojbixxu r-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika u fuq il-programmi tar-radjo, huma intiżi sabiex jippromwovu t-trażmissjoni libera ta' dawn il-programmi tar-radjo kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni libera tal-komunikazzjonijiet relatati mas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika.

77     Bl-istess mod, billi jipprojbixxi l-patrunaġġ ta' programmi tar-radjo minn impriżi li l-attività prinċipali tagħhom tinvolvi l-produzzjoni jew il-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva huwa intiż sabiex jevita li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun imfixkla mil-liġijiet nazzjonali ta' xi Stat Membru jew ieħor.

78     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, effettivament, l-għan ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva huwa t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' funzjonament tas-suq intern u, għaldaqstant, li huma setgħu jiġu adottati abbażi ta' l-Artikolu 95 KE.

79     Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-projbizzjoni prevista fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tikkonċerna biss il-mezzi pubbliċitarji ta' natura lokali jew nazzjonali u li m'għandhomx effetti transfruntalieri.

80     Fil-fatt, l-użu ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali ma jippreżumix l-eżistenza ta' rabta effettiva maċ-ċirkolazzjoni libera bejn l-Istati Membri f'kull waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-att ibbażat fuq bażi legali bħal din. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, dak li huwa meħtieġ sabiex ikun iġġustifikat l-użu ta' l-Artikolu 95 KE bħala l-bażi legali huwa li, effettivament, l-għan ta' l-att adottat fuq din il-bażi jkun it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' stabbiliment u ta' funzjonament tas-suq intern (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-20 ta' Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punti 41 u 42, kif ukoll tas-6 ta' Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, Ġabra p. I-12971, punti 40 u 41).

81     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva huma intiżi, kif ġie kkonstatat fil-punt 78 ta' din is-sentenza, sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta' funzjonament tas-suq intern.

82     Għandu jiġi ppreċiżat li l-limiti tal-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva bl-ebda mod m'huma fortuwiti u inċerti.

83     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fir-rigward tad-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, il-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva hija l-unika waħda li tuża, fit-titolu ta' dan l-artikolu, it-termini "prodotti stampati" ("Druckerzeugnisse"), filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jużaw it-termini "mezzi stampati", liema termini juru r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li ma jinkludix kull tip ta' pubblikazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-projbizzjoni.

84     Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti li l-espressjoni "mezzi stampati", użata fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa li tinkludi l-bulettini ta' assoċjazzjonijiet lokali, il-programmi ta' avvenimenti kulturali, il-kartelluni, id-direttorji tat-telefon u d-diversi fuljetti u manifesti, l-imsemmija espressjoni tkopri biss pubblikazzjonijiet bħalma huma l-gazzetti, ir-rivisti u l-perjodiċi.

85     Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-raba' premessa tad-Direttiva li tipprovdi li ċ-ċirkolazzjoni ta' pubblikazzjonijiet bħalma huma l-perjodiċi, il-gazzetti u r-rivisti taffaċċja riskju apprezzabbli ta' ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera fis-suq intern li jirriżultaw minn liġijiet, regolament u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jipprojbixxu jew jirregolamentaw ir-reklamar tat-tabakk f'dawn il-mezzi.

86     Sabiex tiġi assigurata ċ-ċirkolazzjoni libera ta' dawn il-mezzi kollha fis-suq intern, l-istess premessa tiddikjara li huwa meħtieġ li r-reklamar tat-tabakk fis-suq intern jiġi limitat għar-rivisti u l-perjodiċi li mhumiex intiżi għall-pubbliku ġenerali.

87     Ma dan jiżdied il-fatt li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva hija llimitata għal diversi forom ta' reklamar jew ta' patrunaġġ u ma tikkostitwixxix, kuntrarjament għal dak li kienet tipprovdi d-Direttiva 98/43, projbizzjoni b'portata ġenerali.

88     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

89     Għaldaqstant, l-ewwel motiv mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq l-użu ħażin ta' l-Artikolu 152(4)(ċ) KE

 L-argumenti tal-partijiet

90     Ir-rikorrenti ssostni li peress li l-iskop veru tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva mhuwiex it-titjib ta' l-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern, il-leġiżlatur Komunitarju, meta adotta d-dispożizzjonijiet in kwistjoni, kiser il-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 152(4)(ċ) KE, li teskludi kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika.

91     Abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom isostnu li, peress li l-kundizzjonijiet għall-użu ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali huma sodisfatti, l-għan ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika bl-ebda mod ma jipprekludi lill-miżuri msemmija f'din id-dispożizzjoni milli jtejbu l-kundizzjonijiet ta' stabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern [ara, f'dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punti 60 u 62].

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92     Kif intqal fil-punt 39 ta' din is-sentenza, skond ġurisprudenza stabbilita, sakemm il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 95 KE jkun jista' jintuża bħala bażi legali jkunu sodisfatti, il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li li l-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa determinanti fl-għażliet li għandhom isiru.

93     L-Artikolu 95(3) KE espliċitament jeżiġi li, fl-armonizzazzjoni li ssir, għandu jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

94     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li għandu jiġi assigurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji [sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 62; Arnold André, punt 33; Swedish Match, punt 32, u Alliance for Natural Health et, punt 31].

95     Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 152(4)(ċ) KE jeskludi kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri intiżi sabiex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem, din id-dispożizzjoni, madankollu, ma timplikax li miżuri ta' armonizzazzjoni adottati abbażi ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma jistax ikollhom effett fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (ara s-sentenza dwar ir-reklamar tat-tabakk, iċċitata aktar 'il fuq, punti 77 u 78).

96     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika kienet l-inspirazzjoni prinċipali għall-għażliet magħmula mil-leġiżlatur Komunitarju meta adotta d-Direttiva u, b'mod partikolari, fir-rigward ta' l-Artikoli 3 u 4 tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintuża l-Artikolu 95 KE kienu sodisfatti f'dan il-każ.

97     Għaldaqstant, meta, abbażi ta' l-Artikolu 95 KE, adotta l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju rrispetta d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 152(4)(ċ) KE.

98     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud ukoll.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

99     Ir-rikorrenti ssostni li d-Direttiva ma tirrispettax ir-rekwiżit ta' motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE. L-eżistenza ta' ostakoli effettivi għall-kummerċ, kundizzjoni imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju, ma tissemmiex fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar fuq ir-radjo stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva u lanqas ma tissemma fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar fuq is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika stabbilita fl-Artikolu 3(2) ta' l-istess direttiva. Bl-istess mod, fil-premessi ta' din id-direttiva m'hemm l-ebda riferiment għall-eżistenza ta' distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' dawn is-servizzi.

100   Skond ir-rikorrenti, is-sempliċi referenza fl-ewwel premessa tad-Direttiva għad-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali mhijiex biżżejjed sabiex isservi bħala l-bażi tal-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju. L-istess jgħodd għall-kunsiderazzjoni li s-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika u l-programmi tar-radjo għandhom, min-natura tagħhom stess, karattru transfrontalier.

101   Fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar fl-istampa u fil-mezzi stampati l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm fl-ewwel premessa tad-Direttiva huwa indikat li "diġà ġew iffaċċjati ċerti ostakoli", ma tingħata l-ebda preċiżazzjoni dwar il-liġijiet u l-ostakoli konkreti għall-kummerċ li jistgħu jiġġustifikaw il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju taħt l-Artikolu 95 KE.

102   Fl-aħħar nett, il-fatt partikolari li l-prodotti u servizzi li jaqgħu taħt l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva m'għandhomx effetti transfruntalieri ħlief b'mod marġinali kien imissu, skond ir-rikorrenti, kien akkumpanjat minn evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk l-estensjoni tal-projbizzjonijiet tar-reklamar għal sitwazzjonijiet li mhumiex transfruntalieri kinitx miżura meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern fis-sens ta' l-Artikolu 14 KE. Issa, ma saret l-ebda evalwazzjoni f'dan is-sens.

103   Il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom josservaw li l-leġiżlatur Komunitarja spjega b'mod ċar il-motivi li wassluh sabiex jadotta d-Direttiva, b'mod partikolari, fl-ewwel, fit-tieni u fir-raba' sas-sitt premessi tad-Direttiva, u li l-obbligu ta' motivazzjoni ma jeżiġix li jiġu speċifikati l-elementi ta' fatt u ta' dritt rilevanti kollha [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta' Novembru 1978, Welding, 87/78, Ġabra p. 2457, punt 11, u British American Tobacco (Investments) u Imperiċl Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 165].

104   Huma jallegaw li l-projbizzjoni tar-reklamar tat-tabakk fil-mezzi stampati prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva hija mmotivata, fl-ewwel u fir-raba' premessi ta' din id-direttiva, mill-ostakoli għall-kummerċ li hemm il-biża' li fil-futur ikomplu jikbru.

105   Huma jippreċiżaw li l-motivazzjoni tal-projbizzjoni tar-reklamar fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika tinsab fis-sitt premessa tad-Direttiva.

106   Fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar bir-radjo, huma jenfasizzaw li għandu jsir paragun mad-Direttiva 89/552 li, fl-Artikoli 13 u 17(2) tagħha, tipprojbixxi kull forma ta' reklamar bit-televiżjoni fir-rigward ta' prodotti tat-tabakk u kull patrunaġġ ta' programmi televiżivi minn attivitajiet marbuta mat-tabakk.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107   Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tesponi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-awtorità Komunitarja, li tkun adottat l-att in kwistjoni, b'tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u b'tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħmel l-istħarriġ tagħha, mhuwiex meħtieġ, madankollu, li din tispeċifika l-elementi ta' dritt jew ta' fatt rilevanti kollha [sentenzi tad-29 ta' Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 165; Arnold André, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61; Swedish Match, iċċitata aktar 'il fuq, punt 63, u Alliance for Natural Health et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 133].

108   Ir-rispett ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu, barra minn hekk, jiġi evalwat mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fl-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll fid-dawl tar-regoli legali kollha fil-qasam ikkonċernat. Jekk mill-att ikkontestat jirriżulta l-essenzjal ta' l-għan mixtieq mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, ikun inutli li tiġi meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li tkun għamlet [sentenzi tal-5 ta' Lulju 2001, L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-100/99, Ġabra p. I-5217, punt 64; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 166; Arnold André, iċċitata aktar 'il fuq, punt 62; Swedish Match, iċċitata aktar 'il fuq, punt 64, u Alliance for Natural Health et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 134].

109   F'dan il-każ, l-ewwel sat-tielet premessi u t-tnax-il premessa tad-Direttiva jindikaw b'mod ċar li l-miżuri ta' projbizzjoni tar-reklamar u tal-patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk stabbiliti minn din id-direttiva huma intiżi sabiex jeliminaw l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' prodotti jew servizzi li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam filwaqt li jassiguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika.

110   Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi kkunsidrati qabel l-adozzjoni ta' miżuri ta' projbizzjoni bħal dawn huma ppreċiżati fir-rigward ta' kull waħda mill-forom ta' reklamar u ta' patrunaġġ imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

111   Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar fil-mezzi stampati u f'ċerti pubblikazzjonijiet, ir-raba' premessa tad-Direttiva tosserva li jeżisti riskju apprezzabbli ta' ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera fis-suq intern li jirriżultaw mill-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u li sabiex tiġi assigurata ċ-ċirkolazzjoni libera ta' dawn il-mezzi kollha fis-suq intern huwa meħtieġ li r-reklamar tat-tabakk fis-suq intern jiġi llimitat għal dawk ir-rivisti u perjodiċi li mhumiex intiżi għall-pubbliku ġenerali, bħalma huma l-pubblikazzjonijiet maħsuba b’mod esklussiv għall-professjonisti fil-kummerċ tat-tabakk u l-pubblikazzjonijiet stampati u ppubblikati fil-pajjiżi terzi u li m'humiex maħsuba b’mod prinċipali għas-suq Komunitarju.

112   Fit-tieni lok, fir-rigward tar-reklamar fuq ir-radjo u tar-reklamar imwettaq permezz tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika, is-sitt premessa tad-Direttiva tirreferi għall-karattru partikolarment attraenti u aċċessibbli ta' dawn is-servizzi għaż-żgħażagħ li l-konsum tagħhom qiegħed jiżdied id f'id ma' l-użu ta' dawn il-mezzi.

113   Fit-tielet lok, fir-rigward tal-projbizzjoni ta' ċerti tipi ta' patrunaġġ bħalma huma l-programmi tar-radjo u l-attivitajiet jew l-avvenimenti b'effetti transfruntalieri, il-ħames premessa tad-Direttiva tippreċiża li l-projbizzjoni in kwistjoni hija intiża sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li dak li jkun jaħrab mir-restrizzjonijiet applikabbli għall-forom ta' reklamar dirett.

114   Dawn il-premessi jirriflettu l-essenzjal ta' l-għan mixtieq mil-leġiżlatur Komunitarju, jiġifieri t-titjib ta' l-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern permezz tat-tneħħija ta' l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti u tas-servizzi li jintużaw bħala l-mezz għar-reklamar jew għall-patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk.

115   Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-Direttiva kienet ġiet adottata, wara l-annullament tad-Direttiva 98/43, abbażi ta' proposta magħmula mill-Kummissjoni li kienet akkumpanjata minn spjegazzjoni tal-motivi li kienet tinkludi tabella eżawrjenti tad-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri fil-qasam ta' reklamar jew ta' patrunaġġ ta' prodotti tat-tabakk.

116   Minn dan isegwi li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva jissodisfaw l-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

117   Għaldaqstant, it-tielet motiv mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv ibbażat fuq nuqqas ta' osservanza tal-proċedura ta' kodeċiżjoni

 L-argumenti tal-partijiet

118   Ir-rikorrenti ssostni li d-Direttiva kienet ġiet adottata bi ksur tal-proċedura ta' kodeċiżjoni ddefinita fl-Artikolu 251 KE. Skondha, il-Kunsill introduċa emendi sostanzjali wara li l-Parlament kien ivvota f'seduta plenarja dwar l-abbozz ta' direttiva.

119   Skond ir-rikorrenti, dawn l-emendi jmorru oltre sempliċi adattament lingwistiku jew editorjali tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti jew sempliċi korrezzjoni ta' żbalji materjali manifesti. L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva kien miżjud mat-test tagħha wara l-adozzjoni tiegħu u l-Artikolu 11 kien emendat sostanzjalment meta mqabbel mal-verżjoni approvata mill-Parlament fis-sens li d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tressqet 'il quddiem. Barra minn hekk, l-Aritkolu 3 tad-Direttiva kien emendat ukoll u jawtorizza, ta' l-anqas fil-verżjoni Ġermaniża, interpretazzjoni aktar wiesgħa tal-kunċett ta' "mezzi stampati" li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

120   Il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom isostnu li, fil-kuntest tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, l-atti ma jiġux adottati biss mill-Kunsill iżda jkunu, skond l-Artikolu 254 KE, iffirimati kemm mill-President tal-Parlament u kemm mill-President tal-Kunsill li, permezz tal-firma tagħhom, jikkonfermaw li d-Direttiva tikkorrispondi mal-proposta tal-Kummissjoni flimkien ma' l-emendi approvati mill-Parlament.

121   L-identiċità stretta bejn it-test approvat mill-Parlament u t-test adottat skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta' kwalità editorjali li jirriżultaw mill-eżistenza ta' numbru kbir ta' lingwi uffiċjali.

122   Għall-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom, il-korrezzjonijiet magħmula lid-Direttiva ma jaqbżux il-limiti ta' dak li huwa meħtieġ sabiex it-test ikun ipperfezzjonat mill-aspett ġuridiku lingwistiku, kemm fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1) ta' din id-direttiva, dwar l-istampa u l-mezzi stampati, u kemm fir-rigward ta' l-Artikolu 10(2) tagħha li jikkonċerna l-komunikazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet essenzjali ta' dritt intern li huma jadottaw fil-qasam ta' l-imsemmija direttiva.

123   Fir-rigward ta' l-emenda magħmula fl-Artikolu 11 ta' din id-direttiva, dwar id-dħul fis-seħħ tagħha, huma josservaw li din l-emenda saret skond il-formularju ta' atti tal-Kunsill li jipprevedi d-dħul fis-seħħ ta' direttiva fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha sabiex jiġi evitat kemm jista' jkun li jkun hemm multitudni ta' dati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

124   Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti tixtieq tikkontesta biss il-validità ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

125   Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' osservanza tal-proċedura ta' kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva fil-verżjoni finali tagħhom huwa irrilevanti fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-validità ta' l-Aritkoli 3 u 4 ta' din id-direttiva.

126   Fi kwalunkwe każ, l-emendi li kienu s-suġġett tagħhom l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva kienu s-suġġett ta' rettifika, fatt li barra minn hekk ma ġiex ikkontestat, u din ir-rettifika kienet ġiet iffirmata taħt l-Artikolu 254 KE mill-President tal-Parlament u mill-President tal-Kunsill u sussegwentament kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

127   Fir-rigward ta' l-emendi magħmula fir-rigward ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li, kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 197 tal-konklużjonijiet tiegħu, emendi bħal dawn ma jidhrux li qabżu l-limiti imposti fir-rigward ta' l-eżerċizzju ta' armonizzazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta' att Komunitarju.

128   Għaldaqstant, ma' jistax isir mod ieħor ħlief li jiġi miċħud ir-raba' motiv.

 Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

129   Ir-rikorrenti ssostni li l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva jiksru l-prinċipju ta' proporzjonalità previst fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 KE.

130   Dawn il-projbizzjonijiet miktuba f'termini wiesa' ħafna jkopru, kważi b'mod esklussiv, sitwazzjonijiet lokali jew reġjonali u jippreġudikaw b'mod serju d-drittijiet fundamentali ta' l-oqsma ekonomiċi kkonċernati, drittijiet li għandhom jiġu protetti mil-leġiżlatur Komunitarju.

131   L-istess għandu jingħad għal-libertà ta' l-istampa u għal-libertà li wieħed ikollu opinjoni li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (aktar 'il quddiem il-KEDB"), għandha tiġi ggarantita, b'mod partikolari, mill-aspett tal-finanzjament ta' prodotti ta' l-istampa permezz tad-dħul mir-reklamar u permezz ta' komunikazzjoni kummerċjali mingħajr ostakoli.

132   Il-karattru ġenerali ħafna tal-formulazzjoni tal-projbizzjonijiet ta' reklamar stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva kif ukoll id-definizzjoni tat-terminu "reklamar" iwasslu sabiex kull effett indirett ta' kull forma ta' komunikazzjoni kummerċjali dwar il-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk jaqa' taħt il-projbizzjoni ta' reklamar u sabiex ikun possibbli li l-kontribuzzjonijiet editorjali ta' ġurnalisti dwar ċerti suġġetti relatati mal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' prodotti tat-tabakk jidħlu fil-portata ta' din il-projbizzjoni.

133   Skond ir-rikorrenti, il-preġudizzju kkawżat minħabba f'hekk lil-libertà ta' l-istampa huwa aktar u aktar serju meta wieħed jikkunsidra li bejn 50% u 60% tad-dħul ta' l-aġenziji ta' l-istampa ma jirriżultax mill-bejgħ tal-prodotti tagħhom iżda mid-dħul tar-reklamar u li llum il-ġurnata l-mezzi ta' komunikazzjoni fl-Ewropa għaddejjin minn kriżi strutturali u ekonomika serja ħafna.

134   Barra minn hekk, l-insuffiċjenza leġiżlattiva tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva hija kkonfermata mill-fatt li n-numru marġinali ta' każijiet fejn il-prodotti jew is-servizzi jkollhom karattru transfrontalier huwa fuq skala kompletament differenti mis-sitwazzjonijiet purament lokali jew reġjonali li 99% minnhom ma jkollhom l-ebda effett transfrontalier.

135   Minn dan jirriżulta li l-estensjoni tal-projbizzjonijiet tar-reklamar għal sitwazzjonijiet purament nazzjonali hija sproporzjonata meta mqabbla ma' l-allegat għan ta' armonizzazzjoni tas-suq intern.

136   Fi kwalunkwe każ, din il-miżura la hija meħtieġa u lanqas xierqa. Id-Direttiva stess tipprovdi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, soluzzjoni xierqa meta tipprovdi li l-prodotti ta' l-istampa ġejjin minn pajjiżi terzi mhumiex suġġetti għal din il-projbizzjoni ta' reklamar meta ma jkunux prinċipalment intiżi għas-suq Komunitarju. Ma tingħata l-ebda spjegazzjoni għalxiex din is-soluzzjoni ma kinitx tkun biżżejjed anki fir-rigward tal-prodotti ta' l-istampa tal-Komunità.

137   Bl-istess mod, ma ngħatat l-ebda raġuni għalxiex ma ġietx aċċettata s-soluzzjoni alternattiva proposta mir-rikorrenti li l-projbizzjonijiet ta' reklamar ikunu llimitati għall-attivitajiet u s-servizzi b'effetti transfruntalieri, soluzzjoni li, barra minn hekk, kienet adottata fl-Artikolu 5 tad-Direttiva fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' patrunaġġ.

138   Għalhekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li, minn paragun bejn l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju u l-preġudizzju għad-drittijiet fundamentali jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kkontestati ta' l-Artikolu 3 u 4 tad-Direttiva huma inadegwati. L-imsemmi leġiżlatur seta' jadotta miżuri daqstant ristrettivi, bħalma hija l-projbizzjoni totali tar-reklamar fl-istampa ta' prodotti tat-tabakk, li kieku ma kellux għażliet oħra biss.

139   Il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom isostnu li l-leġiżlatur Komunitarju ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu mezzi anqas ristrettivi minn direttiva li tipprojbixxi r-reklamar fil-mezzi stampati u l-programmi tar-radjo kollha sabiex jilħaq l-għan ta' armonizzazzjoni tas-suq intern.

140   Skondhom, il-leġiżlatur Komunitarju ma adottax projbizzjoni totali tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk. Dan ir-reklamar ma ġiex ipprojbit fil-pubblikazzjonijiet intiżi għall-professjonisti fil-kummerċ tat-tabakk u fil-pubblikazzjonijiet stampati u ppubblikati f'pajjiżi terzi meta dawn il-pubblikazzjonijiet ma jkunux prinċipalment intiżi għas-suq Komunitarju. Bl-istess mod, reklamar bħal dan ma kienx jiġi pprojbit fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika li kieku ma kienx ipprojbit fl-istampa u fil-mezzi stampati l-oħra. Huma jżidu li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-kunċett ta' "mezzi stampati" jkopri biss il-gazzetti, il-perjodiċi u r-rivisti.

141   Fir-rigward tal-preġudizzju kkawżat fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' l-istampa u tal-libertà li wieħed ikollu opinjoni, invokati mir-rikorrenti, huma jippreċiżaw li l-libertà ta' espressjoni tista', skond l-Artikolu 10(2) tal-KEDB, tiġi suġġetta għal ċerti restrizzjonijiet jew penali, kif preskritti b'liġi, li jkunu meħtieġa, f'soċjetà demokratika, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali u li, f'dan il-każ, il-projbizzjoni tikkonċerna "kull għamla ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ prodott mit-tabakk", kif jirriżulta mid-definizzjoni ta' "reklamar" mogħtija fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva. Għaldaqstant, il-kontribuzzjonijiet editorjali ta' ġurnalisti ma jistgħux jintlaqtu mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

142   Skondhom, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, id-"diskrezzjoni li jgawdu l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tad-determinazzjoni ta' kif jista' jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-libertà ta' espressjoni u l-għanijiet imsemmija tvarja għal kull wieħed mill-għanijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni ta' dan id-dritt u skond in-natura ta' l-attivitajiet in kwistjoni. Meta l-eżerċizzju tal-libertà ma jikkontribwixxix għal dibattitu ta' interess ġenerali […], l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun illimitat għal eżami tal-karattru raġonevoli u proporzjonat ta' l-interferenza. L-istess għandu jingħad għall-użu kummerċjali tal-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari f'qasam daqstant kumpless u varjabbli bħalma huwa r-reklamar" (sentenza tal-25 ta' Marzu 2004, Karner, C-71/02, Ġabra p. I-3025, punt 51).

143   Huma jsostnu li l-leġiżlatur Komunitarju ma qabiżx id-diskrezzjoni wiesgħa li huwa jgawdi f'qasam bħal dak f'dan il-każ li jimplika għażliet, min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarja, ta' natura politika, ekonomika u soċjali u li fih il-leġiżlatur Komunitarju jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, u li l-miżuri ta' projbizzjoni previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva huma meħtieġa u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta' armonizzazzjoni tas-suq intern b'livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

144   Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' proprzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta' dispożizzjoni Komunitarja għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intenzjonat u m'għandhomx jaqbżu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15; tas-7 ta' Diċembru 1993, ADM Ölmühlen, C-339/92, Ġabra p. I-6473, punt 15, u tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 59).

145   Fir-rigward ta' l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rikonoxxut li l-leġiżlatur Komunitarju għandu diskrezzjoni wiesgħa f'qasam bħal dak f'dan il-każ li jimplika għażliet, min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju, ta' natura politika, ekonomika u soċjali u li fih il-leġiżlatur Komunitarju jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Huwa biss il-karattru manifestament inadegwat ta' miżura adottata f'dan il-qasam, fir-rigward ta' l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista' jolqot il-validità ta' miżura bħal din [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 58; tat-13 ta' Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punti 55 u 56; tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 61, u British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 123].

146   F'dan il-każ, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, mill-analiżi mwettqa fil-punti 72 sa 80 ta' din is-sentenza jirriżulta li dawn l-artikoli jistgħu jitqiesu bħala miżuri adegwati sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom.

147   Għaldaqstant, fid-dawl ta' l-obbligu tal-leġiżlatur Komunitarju li jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, dawn l-artikoli ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

148   Fil-fatt, il-pubblikazzjonijiet intiżi għall-professjonisti fil-kummerċ tat-tabakk u dawk ippubblikati f'pajjiżi terzi li mhumiex intiżi prinċipalment għas-suq Komunitarju mhumiex koperti mill-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fil-mezzi stampati.

149   Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma kienx possibbli għal-leġiżlatur Komunitarju li jadotta, bħala miżura anqas restrittiva, projbizzjoni tar-reklamar li minnha jkunu eżentati l-pubblikazzjonijiet intiżi għal suq lokali jew regjonali peress li eċċezzjoni bħal din kienet toħloq projbizzjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha jkun inċert u fortuwit, sitwazzjoni li kienet tipprekludi lid-Direttiva milli tilħaq l-għan tagħha ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam ta' reklamar ta' prodotti tat-tabakk (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Lindqvist, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41).

150   L-istess konstatazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika u fil-programmi tar-radjo prevista fl-Artikoli 3(2) u 4(1) tad-Direttiva.

151   Fil-fatt, il-projbizzjoni tar-reklamar ta' prodotti tat-tabakk f'dawn il-mezzi, l-istess bħall-miżura ta' projbizzjoni prevista fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/552, ma tistax titqies bħala sproporzjonata u tista' tiġi ġġustifikata, barra minn hekk, mill-intenzjoni li tiġi evitata, minħabba l-konverġenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni, l-possibbiltà li dak li jkun jaħrab mill-projbizzjoni applikabbli għall-mezzi stampati billi juża aktar dawn iż-żewġ mezzi.

152   Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-patrunaġġ ta' programmi tar-radjo prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, la mill-premessi tad-Direttiva u lanqas, b'mod aktar partikolari, mill-ħames waħda minn dawn il-premessi ma jirriżulta li billi ma llimitax miżura bħal din għall-attivitajiet jew għall-avvenimenti b'effetti transfruntalieri, l-istess bħall-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 89/552, il-leġiżlatur Komunitarju qabeż il-limiti tad-diskrezzjoni li huwa jgawdi f'dan il-qasam.

153   Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-teżi tar-rikorrenti li miżuri ta' projbizzjoni bħal dawn iwasslu sabiex iċaħħdu lill-impriżi ta' l-istampa minn dħul sinjifikattiv mir-reklamar u anki jikkontribwixxu għall-għeluq ta' ċerti impriżi u, fl-aħħar nett, jippreġudikaw il-libertà ta' espressjoni ggarantita mill-Artikolu 10 tal-KEDB.

154   Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-prinċipju tal-libertà ta' espressjoni huwa rikonoxxut espressament fl-Artikolu 10 tal-KEDB u jikkostitwixxu bażi essenzjali ta' soċjetà demokratika, mill-Artikolu 10(2) jirriżulta, madankollu, li din il-libertà tista' tkun is-suġġett ta' ċerti restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta' interess ġenerali, sakemm dawn id-derogi jkunu preskritti b'liġi, inspirati minn għan jew għanijiet leġittimi fid-dawl ta' l-imsemmija dispożizzjoni u meħtieġa f'soċjetà demokratika, jiġifieri ġġustifikati minn bżonn soċjali imperattiv u, b'mod partikolari, proporzjonati għall-għan leġittimu mixtieq (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 26; tal-11 ta' Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt 42; tat-12 ta' Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 79, u Karner, iċċitata aktar 'il fuq, punt 50).

155   Bl-istess mod, kif enfasizzaw ġustament il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tagħhom, id-diskrezzjoni li jgawdu l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tad-determinazzjoni ta' kif jista' jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-libertà ta' espressjoni u l-għanijiet ta' interess ġenerali, imsemmija fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB, tvarja għal kull wieħed mill-għanijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni ta' dan id-dritt u skond in-natura ta' l-attivitajiet in kwistjoni. Meta jeżisti ċertu marġni ta' diskrezzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun illimitat għal eżami tal-karattru raġonevoli u proporzjonat ta' l-interferenza. L-istess għandu jingħad għall-użu kummerċjali tal-libertà ta' espressjoni f'qasam daqstant kumpless u varjabbli bħalma huwa r-reklamar (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Karner, iċċitata aktar 'il fuq, punt 51).

156   F'dan il-każ, anki jekk jiġi preżunt li l-miżuri ta' projbizzjoni ta' reklamar jew ta' patrunaġġ previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva għandhom l-effett li jdgħajfu b'mod indirett il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' espressjoni ġurnalistika, bħala tali, tibqa' intatta, minħabba li b'daqshekk il-kontribuzzjonijiet editorjali tal-ġurnalisti mhumiex milquta.

157   Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju, meta adotta dawn il-miżuri, ma qabiżx il-limiti tad-diskrezzjoni mogħtija lilu b'mod espliċitu.

158   Minn dan jirriżulta li l-imsemmija miżuri ta' projbizzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala sproporzjonati.

159   Għaldaqstant, il-ħames motiv mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

160   Peress li l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti in sostenn tar-rikors tagħha m'huwa fondat, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

161   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Skond l-Artikolu 69(4) ta' dawn l-istess Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top