EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0127

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta' Settembru 2004.
Landelijke Vereniging tot Behoud van de Waddenzee u Nederlandse Vereniging tot Bescherming van Vogels vs Staatssecretaris van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa - Kunċetti ta' 'pjan' jew ta' 'proġett' - Evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet jew proġetti fuq is-sit protett.
Kawża C-127/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:482

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta' Settembru 2004 (*)

"Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Kunċetti ta' 'pjan' jew ta' 'proġett' – Evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet jew proġetti fuq is-sit protett"

Fil-kawża C-127/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE,

imressqa mir-Raad van State (L-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Marzu 2002, reġistrata fit-8 ta' April 2002, fil-kawża

Landelijke Vereniging tot Behoud van de Waddenzee,

Nederlandse Vereniging tot Bescherming van Vogels

vs

Staatssecretaris van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij,

fil-preżenza ta'

Coöperatieve Producentenorganisatie van de Nederlandse Kokkelvisserij UA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W .A. Timmermans, C. Gulmann (Relatur), J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, S. von Bahr u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur:  M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Novembru 2003,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal-Landelijke Vereniging tot Behoud van de Waddenzee, minn C.A. M. Rombouts, advocaat,

–       għan-Nederlandse Vereniging tot Bescherming van Vogels, minn A. J. Durville, advocaat,

–       għall-Coöperatieve Producentenorganisatie van de Nederlandse Kokkelvisserij UA, minn G. van der Wal, advocaat,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u N. A. J. Bel, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Valero Jordana, bħala aġent, assistit minn J. Stuyck, avocat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-29 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni [tal-]habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, aktar 'il quddiem id-"direttiva dwar il-habitats").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Landelijke Vereniging tot Behoud van de Waddenzee (Assoċjazzjoni nazzjonali ta' konservazzjoni tal-baħar ta' Wadden, aktar 'il quddiem il-"Waddenvereniging" u n-Nederlandse Vereniging tot Bescherming van Vogels (Assoċjazzjoni Olandiża għall-protezzjoni ta' l-għasafar, aktar 'il quddiem il-"Vogelbeschermingsvereniging", fuq naħa, u s-Staatssecretaris van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (Segretarju ta' l-Istat għall-Agrikoltura, għall-Patrimonju Naturali u għas-Sajd, aktar 'il quddiem is-"Segretarju ta' l-Istat") fuq in-naħa l-oħra, dwar liċenzji li dan ta' l-aħħar ħareġ lill-Coöperatieve Producentenorganisatie van de Nederlandse Kokkelvisserij UA (Organizzazzjoni kooperattiva tal-produtturi tas-sajd għall-arzell fl-Olanda, aktar 'il quddiem il-"PO Kokkelvizzerji") sabiex is-sajd għall-arzell isir b'mod mekkaniku fiż-żona ta' protezzjoni speċjali (aktar 'il quddiem iż-"ŻPS") tal-baħar ta' Wadden, ikklassifikata skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1, aktar 'il quddiem id-"direttiva dwar l-għasafar").

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-direttiva dwar l-għasafar

3       L-Artikolu 4(1) u (2) tad-direttiva dwar l-għasafar jirrikjedi li l-Istati Membri jikklassifikaw it-territorji li jikkorrispondu għall-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti f'dawn id-dispożizzjonijiet bħala ŻPS.

4       L-Artikolu 4(4) tad-direttiva dwar l-għasafar jipprovdi li:

"Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats."

 Id-direttiva dwar il-habitats

5       L-Artikolu 6 tad-direttiva dwar il-habitats jipprovdi li:

"1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġijiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament [tal-]habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi ta’ prijorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma' raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.

6       Skond l-Artikolu 7 tad-direttiva dwar il-habitats, "[l]-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard".

 Id-dritt nazzjonali

7       Skond l-Artikolu 12(1) tan-Natuurbeschermingswet (liġi dwar il-protezzjoni tan-natura), huwa pprojbit li tagħmel, li tordna li jsiru jew li tittollera azzjonijiet li huma ta' ħsara għall-integrità naturali jew għall-importanza xjentifika ta' sit naturali protett jew li tkerrhu, mingħajr awtorizzazzjoni tal-Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (Ministru ta' l-Agrikoltura, tal-Patrimonju Naturali u tas-Sajd, aktar 'il quddiem il-"Ministru") jew bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din l-awtorizzazzjoni. Skond il-paragrafu 2 ta' l-istess artikolu, l-operazzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-karatteristiċi essenzjali, imsemmija fid-deċiżjoni ta' nomina, ta' sit protett huma dejjem ikkunsidrati bħala li jagħmlu ħsara lill-integrità naturali ta' tali sit jew lill-importanza xjentifika tiegħu.

8       Mid-digriet tas-17 ta' Novembru 1993, li jirrigwarda n-nomina tal-baħar ta' Wadden bħala sit naturali ta' l-Istat, u mill-ispjegazzjoni tal-motivi għal dan id-digriet, jirriżulta li dan jifforma parti integrali minnu, li l-politika ta' l-awtorizzazzjonijiet u r-revoki taħt in-Natuurbeschermingswet hija marbuta ma' dik segwita fil-kuntest tal-Planologische Kernbeslissing Waddenzee (deċiżjoni ċentrali ta' ippjanar għall-baħar ta' Wadden, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni dwar il-baħar PKB ta' Wadden"). B'hekk, skond din l-ispjegazzjoni tal-motivi, billi jiġu applikati l-proċeduri tan-Natuurbeschermingswet, jinħoloq qafas xieraq għall- kontroll ta' attivitajiet li jistgħu jagħmlu ħsara lill-għan prinċipali tad-deċiżjoni dwar il-baħar PKB ta' Wadden, jiġifieri protezzjoni u żvilupp sostenibbli ta' dan il-baħar bħala sit naturali u, b'mod partikolari, taż-żoni ta' l-ikel, tat-tibjit u tal-mistrieħ ta' l-għasafar li jmorru f'dan is-sit. F'dan il-qafas, l-attivitajiet tal-bniedem għal skop ekonomiku jistgħu jsiru sakemm issir evalwazzjoni suffiċjenti fid-dawl ta' l-għan prinċipali. L-attivitajiet li kellhom isiru fil-baħar ta' Wadden għandhom, għalhekk, jiġu kkontrollati skond l-għan u l-orjentazzjonijiet politiċi msemmija aktar 'il fuq u evalwati fid-dawl tagħhom.

9       Il-kapitolu tad-deċiżjoni dwar il-baħar PKB ta' Wadden li jikkonċerna t-tmexxija tas-sajd mal-kosta huwa implementat fid-deċiżjoni tal-Gvern tal-21 ta' Jannar 1993, jiġifieri s-Structuurnota Zee- en kustvisserij "Vissen naar evenwicht". Din tistabbilixxi l-politika li tikkonċerna s-sajd għall-frott tal-baħar, b'mod partikolari fil-baħar ta' Wadden, għas-snin 1993 sa l-2003, u tinvolvi xi restrizzjonijiet li jikkonċernaw is-sajd għall-arzell. Ċerti żoni ta' dan is-sit naturali ta' l-Istat huma magħluqa b'mod permanenti għas-sajd għall-arzell u, anke fis-snin fejn l-ikel huwa skars, 60% tal-bżonnijiet medji ta' l-ikel għall-għasafar fil-forma ta' arzell u ta' molluski huma rriżervati għalihom. Mhumiex riżervati għalihom 100% tal-bżonnijiet medji ta' l-ikel tagħhom minħabba li huma jistgħu jirrikorru wkoll għal sorsi oħra ta' l-ikel (gandoffli Baltiċi, gandoffli, granċijiet tal-Marsa).

10     Skond id-deċiżjoni dwar il-baħar PKB ta' Wadden, mill-prinċipju ta' prekawzjoni jirriżulta li, meta l-aħjar informazzjoni li tkun disponibbli tħalli dubji ċari dwar in-nuqqas ta' konsegwenzi negattivi kbar għall-ekosistema, il-benefiċċju tad-dubju għandu jiffavorixxi l-konservazzjoni tal-baħar ta' Wadden. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-biċċa l-kbira ta' l-istudji xjentifiċi disponibbli u kkonsultati ma jirrivelawx, b'mod ċar, l-eżistenza ta' riperkussjonijiet negattivi kbar għall-ekosistema ta' l-imsemmi baħar li huma marbuta mas-sajd għall-arzell li jsir b'mod mekkaniku.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11     Permezz ta' deċiżjonijiet ta' l-1 ta' Lulju u tas-7 ta' Lulju 2000 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali", is-Segretarju ta' l-Istat ħareġ, taħt ċerti kundizzjonijiet, liċenzji għas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku fiż-ŻPS tal-baħar ta' Wadden lill-PO Kokkelvisserij għal matul il-perijodi tas-16 ta' Awwissu sal-25 ta' Novembru 1999 u ta' l-14 ta' Awwissu sat-30 ta' Novembru 2000, rispettivament.

12     Il-Waddenvereniging u l-Vogelbeschermingsvereniging ikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem is-Segretarju ta' l-Istat, li, permezz ta' deċiżjonijiet tat-23 ta' Diċembru 1999 u tad-19 ta' Frar 2001, iddikjara li l-ilmenti mressqa kontra d-deċiżjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux fondati u ċaħad ir-rikors dirett kontrihom.

13     L-imsemmija assoċjazzjonijiet ta' protezzjoni tan-natura ressqu rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet ta' ċaħda quddiem ir-Raad van State. Essenzjalment, huma sostnew li s-sajd għall-arzell, kif awtorizzat mid-deċiżjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kien ser jagħmel ħsara permanenti lill-ġeomorfoloġija, lill-flora u lill-fawna ta' qiegħ il-baħar Wadden. Huma sostnew ukoll li l-imsemmi sajd kien idgħajjef l-istokk ta' l-ikel ta' l-għasafar li jgħixu fuq il-frott tal-baħar, u b'hekk iwassal għal tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom, b'mod partikolari ta' l-għasafar li jaqbdu l-gajdri u ta' l-edredun. Il-Waddenvereniging u l-Vogelbeschermingsvereniging sostnew ukoll li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu jmorru kontra d-direttivi dwar il-habitats u dwar l-għasafar.

14     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-direttiva dwar il-habitats ġiex traspost korrettament fis-sistema legali Olandiża, ir-Raad van State tindika li l-Artikolu 12 tan-Natuurbeschermingswet, għalkemm mhuwiex intiż espressament sabiex jittrasponi l-obbligi previsti fl-Artikolu 6(2) tad-direttiva dwar il-habitats, jista' jiġi interpretat b'mod konformi ma' din id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, in-Natuurbeschermingswet ma tinkludix regoli għat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6(3) u (4) ta' l-imsemmija direttiva. Lanqas ma jeżistu regoli li huma ġeneralment vinkolanti intiżi sabiex jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta' dawn iż-żewġ paragrafi, li huma applikabbli b'mod ieħor għall-baħar ta' Wadden.

15     Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li, skond il-Waddenvereniging u l-Vogelbeschermingsvereniging, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-estensjoni tas-sajd għall-arzell fiż-ŻPS tal-baħar ta' Wadden, hemm "pjan jew proġett" li għandu jkun suġġett għal "evalwazzjoni xierqa" skond l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, filwaqt li, skond is-Segretarju ta' l-Istat, l-attività in kwistjoni, taqa' taħt l-Artikolu 6(2) ta' din id-direttiva safejn ilha teżisti għal diversi snin mingħajr ma ġiet intensifikata.

16     Fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-paragrafi 2 u 3 ta' l-Artikolu 6 tad-direttiva dwar il-habitats, il-Waddenvereniging u l-Vogelbeschermingsvereniging sostnew li, għalkemm l-attività li għaliha nħarġu l-liċenzji għandha tiġi kkwalifikata bħala "pjan" jew "proġett" fis-sens tal-paragrafu 3 ta' dan l-artikolu, madankollu hija għandha tiġi eżaminata skond il-paragrafu 2 ta' l-istess artikolu. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-paragrafu 3 għandux jiġi kkunsidrat bħala applikazzjoni speċifika tar-regoli li jinsabu fil-paragrafu 2, b'mod illi ż-żewġ paragrafi għandhom jiġu applikati flimkien, jew bħala dispożizzjoni li għandha portata separata u awtonoma, fis-sens li l-paragrafu 2 jikkonċerna l-użu eżistenti filwaqt li l-paragrafu 3 jikkonċerna l-pjanijiet jew il-proġetti l-ġodda.

17     Ir-Raad van State tistaqsi wkoll dwar il-kundizzjonijiet li fihom għandha ssir "evalwazzjoni xierqa" ta' l-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi liema huma l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandu jiġi evalwat jekk ikunux qed jiġu trattati "miżuri xierqa" jew "evalwazzjoni xierqa", u dan ukoll fid-dawl tar-regola li tidher fl-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats li tistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu l-kunsens tagħhom għal pjan jew proġett biss wara li jkunu aċċertaw rwieħhom li dan ma jkunx ser jippreġudika l-integrità tas-sit ikkonċernat.

18     Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tqis li huwa rilevanti li tkun taf jekk l-Artikolu 6(2) u (3) tad-direttiva dwar il-habitats għandux effett dirett.

19     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      a)     Il-kliem "pjan jew proġett" li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni [tal-]habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopri wkoll attività li ilha tiġi eżerċitata għal diversi snin, iżda li għaliha tinħareġ liċenzja kull sena għal perijodu limitat, liċenzja li kull darba tinvolvi evalwazzjoni ġdida tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata din l-attività u tal-partijiet tas-sit li tista' tiġi eżerċitata fihom?

         b)     Fil-każ ta' risposta negattiva għad-domanda 1(a), l-attività kkonċernata għandha tiġi meqjusa bħala "pjan jew proġett" jekk l-intensità tagħha żdiedet matul is-snin jew jekk il-liċenzji jistgħu jwasslu għall-possibbiltà ta' tali żieda?

2)      a)     Jekk mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li hemm "pjan jew proġett" fis-sens ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, il-paragrafu 3 ta' dan l-artikolu għandu jiġi kkunsidrat bħala applikazzjoni speċifika tar-regoli li jinsabu fil-paragrafu 2 jew bħala dispożizzjoni li għandha portata separata u awtonoma, fis-sens li, per eżempju:

i)      il-paragrafu 2 jikkonċerna l-użu eżistenti u l-paragrafu 3 l-pjanijiet jew il-proġetti l-ġodda, jew

ii)      il-paragrafu 2 jikkonċerna l-miżuri ta' tmexxija u l-paragrafu 3 d-deċiżjonijiet l-oħra, jew

iii)      il-paragrafu 3 jikkonċerna l-pjanijiet jew il-proġetti u l-paragrafu 2 l-attivitajiet l-oħra?

         b)     Fil-każ li jkun hemm lok li l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats jiġi kkunsidrat bħala applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fil-paragrafu 2, dawn iż-żewġ paragrafi jistgħu jiġu applikati flimkien?

3)      a)     L-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li diġà jeżisti "pjan jew proġett" jekk hemm probabbiltà li attività partikolari jkollha effett fuq is-sit ikkonċernat (u li wara għandha ssir "evalwazzjoni xierqa" sabiex jiġi magħruf jekk l-effett huwiex "sinjifikanti"), jew inkella jfisser li, skond din id-dispożizzjoni, "evalwazzjoni xierqa" għandha ssir biss jekk ikun hemm probabbiltà (biżżejjed) li l-"pjan jew proġett" ser ikollu effett sinjifikanti?

b)      Fuq il-bażi ta' liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk pjan jew proġett, skond l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija ta' sit, jistax ikollu effett sinjifikanti fuqu, individwalment jew flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħra?

4)      a)     Meta jiġi applikat l-Artikolu 6 tad-direttiva dwar il-habitats, fuq il-bażi ta' liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk hemmx "miżuri xierqa" skond il-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni jew "evalwazzjoni xierqa", meta wieħed jieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-assigurazzjoni meħtieġa qabel ma jkun hemm qbil dwar pjan jew proġett fis-sens tal-paragrafu 3?

b)      Il-kunċetti ta' "miżuri xierqa" jew "evalwazzjoni xierqa" għandhom portata awtonoma jew, fl-evalwazzjoni tagħhom, għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni l-Artikolu 174(2) KE u, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' prekawzjoni msemmi fih?

ċ)      Jekk għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta' prekawzjoni msemmi fl-Artikolu 174(2) KE, dan ifisser li attività partikolari, f'dan il-każ is-sajd għall-arzell, tista' tiġi awtorizzata meta ma jeżisti l-ebda dubju ċar dwar in-nuqqas ta' effetti sinjifikanti possibbli jew li tista' tiġi awtorizzata biss meta ma jkun hemm ebda dubju dwar in-nuqqas ta' tali effetti jew meta dan in-nuqqas jista' jiġi stabbilit b'ċertezza?

5)      L-Artikolu 6(2) jew (3) tad-direttiva dwar il-habitat għandu effett dirett, fis-sens li l-individwi jistgħu jibbażaw rwieħhom fuqu quddiem qorti nazzjonali u li din għandha tassigura l-protezzjoni ġuridika mogħtija lill-individwi permezz ta' dan l-effett dirett, kif jirriżulta, fost l-oħrajn, mis-sentenza Peterbroeck [ta' l-14 ta' Diċembru 1995, C-312/93, Ġabra p. I-4599]?

20     Permezz ta' digriet tat-28 ta' April 2004, it-talba tal-PO Kokkelvisserij intiża sabiex tiġi awtorizzata tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub wara li kienu ġew ippreżentati l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali jew li, b'xi mod ieħor, titqiegħed f'pożizzjoni li tirrispondi għal dawn il-konklużjonijiet, ġiet miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq id-domanda 1(a)

21     Permezz tad-domanda 1(a), il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk is-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku, li ilu jiġi eżerċitat għal diversi snin, iżda li għalih tinħareġ liċenzja kull sena għal perijodu limitat, liċenzja li kull darba tinvolvi evalwazzjoni ġdida tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata din l-attività u tas-sit li tista' tiġi eżerċitata fih, jaqax taħt il-kunċetti ta' "pjan" jew ta' "proġett" li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats.

22     Skond l-għaxar premessa tad-direttiva dwar il-habitats, "jrid jiġi evalwat kull pjan jew programm li x'aktarx jeffettwa b'mod sinjifikanti l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' sit li ġie nnominat jew se jkun innominat fil-ġejjieni". Din il-premessa hija espressa fl-Artikolu 6(3) ta' din id-direttiva, li jipprovdi, b'mod partikolari, li pjan jew proġett li jista' jkollu effett sinjifikanti fuq is-sit ikkonċernat ma jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel ta' l-effett tiegħu fuqu.

23     Id-direttiva dwar il-habitats ma tagħtix definizzjoni ta' "pjan" u ta' "proġett".

24     Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), li s-sitt premessa tagħha tindika li l-awtorizzazzjoni ta' proġetti li jista' jkollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent għandha tingħata biss wara li ssir evalwazzjoni minn qabel ta' l-effetti sinjifikanti li dawn il-proġetti jista' jkollhom fuq l-ambjent, tiddefinixxi l-kunċett ta' proġett fl-Artikolu 1(2) tagħha, bil-mod segwenti:

"– l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

– interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali."

25     Attività bħalma hija dik tas-sajd għall-arzell li jsir b'mod mekkaniku hija inkluża fil-kunċett ta' "proġett" kif definit fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

26     Kunċett bħal dan ta' "proġett" huwa rilevanti biex jiġi definit il-kunċett ta' pjan jew ta' proġett fis-sens tad-direttiva dwar il-habitats li, kif jirriżulta minn dak li ngħad preċedentement, hija intiża biex, bħad-Direttiva 85/337, tevita li l-attivitajiet li jista' jkollhom effett negattiv fuq l-ambjent jiġu awtorizzati mingħajr evalwazzjoni minn qabel ta' l-effetti tagħhom fuqu.

27     Għaldaqstant, attività bħas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku hija koperta mill-kunċett ta' pjan jew ta' proġett li jinsab fl-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats.

28     Il-fatt li l-imsemmija attività ilha tiġi pprattikata perjodikament għal diversi snin fis-sit ikkonċernat u li l-eżerċizzju tagħha jeħtieġ il-kisba ta' liċenzja kull sena, li l-ħruġ tagħha jeżiġi kull darba evalwazzjoni ġdida kemm tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata din l-attività kif ukoll tas-sit li tista' tiġi eżerċitata fih, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għal dak li jista' jiġi kkunsidrat, meta ssir kull talba, bħala pjan jew proġett separat fis-sens tad-direttiva dwar il-habitats.

29     Għalhekk ir-risposta għad-domanda 1(a) għandha tkun li s-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku, li ilu jiġi eżerċitat għal diversi snin iżda li għalih għandha tinħareġ liċenzja kull sena għal perijodu limitat, liċenzja li kull darba tinvolvi evalwazzjoni ġdida tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata din l-attività u tas-sit li tista' tiġi eżerċitata fih, jaqa' taħt il-kunċett ta' "pjan" jew ta' "proġett" skond l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats.

 Fuq id-domanda 1(b)

30     Fid-dawl tar-risposta għad-domanda 1(a) m'hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 1(b).

 Fuq it-tieni domanda

31     Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħed essenzjalment tistaqsi x'inhi n-natura tar-relazzjoni li teżisti bejn il-paragrafi 2 u 3 ta' l-Artikolu 6 tad-direttiva dwar il-habitats.

32     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(2) tad-direttiva dwar il-habitats, moqri flimkien ma' l-Artikolu 7 tagħha, jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex, fiż-żoni ŻPS, jiġu evitati d-deterjorazzjoni tal-habitats u t-tfixkil sinjifikanti ta' l-ispeċi li għalihom huma nnominati dawn iż-żoni.

33     Fir-rigward ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, dan jipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu biss jawtorizzaw pjan jew proġett li mhuwiex marbut direttament mat-tmexxija tas-sit, iżda li jista' jeffettwa lil dan ta' l-aħħar b'mod sinjifikanti, wara li jaċċertaw rwieħhom, permezz ta' evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti ta' dan il-pjan jew ta' dan il-progett fuq is-sit, li mhuwiex ser jeffettwa ħażin l-integrità tas-sit.

34     Għalhekk din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tistabbilixxi proċedura intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta' kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista' jeffettwa lil dan ta' l-aħħar b'mod sinjifikanti, ikun awtorizzat biss sakemm ma jeffettwax ħażin l-integrità tas-sit.

35     Il-fatt li pjan jew proġett ġie awtorizzat skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats jirrendi superfluwa, fir-rigward ta' l-attività li għandha ssir fis-sit protett skond l-imsemmi pjan jew proġett, applikazzjoni konkomitanti tar-regola ta' protezzjoni ġenerali stabbilita fil-paragrafu 2 ta' l-istess artikolu.

36     Fil-fatt l-awtorizzazzjoni ta' pjan jew ta' proġett, mogħtija bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, neċessarjament tippresupponi li ġie meqjus bħala li mhuwiex ta' natura li jeffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, konsegwentement, li lanqas m'huwa ma jista' jwassal għad-deterjorazzjoni tal-habitats jew għat-tfixkil sinjifikanti ta' l-ispeċi skond il-paragrafu 2 ta' l-imsemmi artikolu.

37     Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, sussegwentement, tali pjan jew proġett jirriżulta li huwa ta' natura li jwassal għal deterjorazzjoni jew tfixkil bħal dan, anke jekk fin-nuqqas ta' xi żball li għalih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinżammu responsabbli. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) tad-direttiva dwar il-habitats tippermetti li jintlaħaq l-għan essenzjali tal-preżervazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità ta' l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi, kif iddikjarat fl-ewwel premessa ta' din l-istess direttiva.

38     Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats jistabbilixxi proċedura intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta' eżami minn qabel, li pjan jew proġett mhux direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista' jeffettwa lil dan ta' l-aħħar b'mod sinjifikanti, jiġi awtorizzat biss sakemm ma jkollux effett negattiv fuq l-integrità ta' dan is-sit, filwaqt li l-Artikolu 6(2) ta' l-imsemmija direttiva, jistabbilixxi obbligu ta' protezzjoni ġenerali li jikkonsisti f'li jiġu evitati d-deterjorazzjoni u t-tfixkil li jista' jkollhom effetti sinjifikanti fir-rigward ta' l-għanijiet tad-direttiva, u ma jistax jiġi applikat b'mod konkomitanti mal-paragrafu 3 ta' l-istess artikolu.

 Fuq it-tielet domanda

 Fuq id-domanda 3(a)

39     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, kull pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit, iżda li jista' jeffettwa lil dan ta' l-aħħar b'mod sinjifikanti, individwalment jew flimkien ma' pjanijiet u proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta' l-effett tiegħu fuq is-sit fid-dawl ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni tiegħu.

40     B'hekk, il-ħtieġa ta' evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti ta' pjan jew ta' proġett hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan il-pjan jew proġett ikun teffettwa s-sit ikkonċernat b'mod sinjifikanti.

41     Għaldaqstant, l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta' protezzjoni ta' l-ambjent prevista fl-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats ma tippresupponix, kif jirriżulta, barra minn dan, mill-gwida ta' interpretazzjoni ta' dan l-artikolu mħejji mill-Kummissjoni, gwida intitolata "Tmexxija tas-siti Natura 2000 – Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 tad-direttiva dwar il-habitats (92/43/KEE)", iċ-ċertezza li l-pjan jew il-proġett ikkunsidrat jeffettwa s-sit ikkonċernat b'mod sinjifikanti, iżda jirriżulta mis-sempliċi probabbiltà li effett bħal dan ikun marbut ma' l-imsemmi pjan jew proġett.

42     Fir-rigward ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, li huwa essenzjalment ifformulat b'mod simili għall-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, dan jipprovdi li "[l-I]stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta' l-effetti tagħhom", il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huma proġetti bħal dawn li jista' jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 85).

43     Minn dan isegwi li l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats tissuġġetta l-ħtieġa ta' evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti ta' pjan jew proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan ta' l-aħħar jeffettwa s-sit ikkonċernat b'mod sinjifikanti.

44     Meta jitqies, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta' prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta' protezzjoni ta' livell għoli li trid tintlaħaq mill-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 174(2) KE, u li d-direttiva dwar il-habitats għandha tiġi interpretata fid-dawl tiegħu, riskju bħal dan jeżisti sakemm ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jeffettwa s-sit ikkonċernat b'mod sinjifikanti (ara, b'analoġija, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-2265, punti 50, 105 u 107). Interpretazzjoni bħal din tal-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' pjan jew ta' proġett fuq sit partikolari, li timplika li, fil-każ ta' dubju fir-rigward tan-nuqqas ta' effetti sinjifikanti, għandha ssir evalwazzjoni bħal din, tippermetti li jiġi evitat, b'mod effettiv, li jiġu awtorizzati pjanijiet jew proġetti li jeffettwaw l-integrità tas-sit ikkonċernat u b'hekk tikkontribwixxi sabiex, skond it-tielet premessa u l-Artikolu 2(1) tad-direttiva dwar il-habitats, jintlaħaq l-għan prinċipali tagħha, jiġifieri li tiġi assigurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi.

45     Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, ir-risposta għad-domanda 3(a) għandha tkun li l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats għandha tiġi interpretata fis-sens li kull pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti tiegħu fuqu fid-dawl ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit jekk ma jkunx jista' jiġi eskluż, fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi, li jeffettwa l-imsemmi sit b'mod sinjifikanti, individwalment jew flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħra.

 Fuq id-domanda 3(b)

46     Kif jirriżulta mill-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, moqri flimkien ma' l-għaxar premessa tagħha, il-karattru sinjifikanti ta' l-effett, fuq sit, ta' pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija ta' dan is-sit huwa marbut ma' l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' l-imsemmi sit.

47     B'hekk, meta, minkejja li pjan jew proġett bħal dan ikollu effett fuq l-imsemmi sit, m'hemmx riskju li jippreġudika l-għanijiet ta' konservazzjoni tiegħu, dan ma jistax jiġi meqjus bħala li jista' jeffettwa s-sit in kwistjoni b'mod sinjifikanti.

48     Min-naħa l-oħra, meta hemm riskju li pjan jew proġett bħal dan jikkomprometti l-għanijiet ta' konservazzjoni tas-sit ikkonċernat, huwa għandu jiġi neċessarjament ikkunsidrat bħala li jista' jeffettwa dan is-sit b'mod sinjifikanti. Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni prospettiva ta' l-effetti li huma marbuta ma' l-imsemmi pjan jew proġett, il-karattru sinjifikanti tagħhom għandu, hekk kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni, jiġi stabbilit b'mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett.

49     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda 3(b) għandha tkun li, bis-saħħa ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, meta jkun hemm riskju li pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija ta' sit jikkomprometti l-għanijiet ta' konservazzjoni tiegħu, huwa għandu jiġi meqjus bħala li jista' jagħmel ħsara lil dan is-sit b'mod sinjifikanti. L-evalwazzjoni ta' din il-probabbiltà għandha ssir, b'mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett.

 Fuq ir-raba' domanda

50     Permezz tad-domanda 4(a) sa (ċ) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża, minn naħa, il-kunċetti ta' "miżuri xierqa" skond l-Artikolu 6(2) tad-direttiva dwar il-habitats u ta' "evalwazzjoni xierqa" skond l-paragrafu 3 ta' dan l-artikolu, rispettivament, u min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li taħthom tista' tiġi awtorizzata attività bħas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku.

51     Fid-dawl tal-kuntest tal-kawża prinċipali, kif ukoll ta' l-osservazzjonijiet preċedenti u, b'mod partikolari, tar-risposti għall-ewwel żewġ domandi, mhuwiex neċessarju, kif ifakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tingħata risposta għar-raba' domanda safejn din tikkonċerna l-Artikolu 6(2) tad-direttiva dwar il-habitats.

52     Fir-rigward tal-kunċett ta' "evalwazzjoni xierqa" skond l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, għandu jiġi rrilevat li din ta' l-aħħar ma tiddefinixxi ebda metodu partikolari sabiex issir din l-evalwazzjoni.

53     Madankollu, skond il-kliem ta' din id-dispożizzjoni, għandha ssir evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti, fuq is-sit ikkonċernat, tal-pjan jew tal-proġett qabel ma dan jiġi approvat u għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw minn dan il-pjan jew proġett flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħra, fid-dawl ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni tas-sit ikkonċernat.

54     Għalhekk evalwazzjoni bħal din timplika li, fid-dawl ta' l-aħjar għarfien xjentifiku f'dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, minnhom infushom jew flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħrajn, jeffettwaw lill-imsemmija għanijiet. Dawn l-għanijiet jistgħu, kif jirriżulta mill-Artikoli 3 u 4 tad-direttiva dwar il-habitats u, b'mod partikolari, mill-paragrafu 4 ta' din l-aħħar dispożizzjoni, jiġu stabbiliti skond, b'mod partikolari, l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-restawr, fi stat ta' konservazzjoni favorevoli, ta' tip ta' habitat naturali ta' l-Anness I ta' l-imsemmija direttiva jew ta' speċi ta' l-Anness II tagħha u għall-koerenza ta' Natura 2000, kif ukoll skond it-theddid ta' degradazzjoni jew ta' qerda li huma esposti għalihom.

55     Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet li taħthom tista' tiġi awtorizzata attività bħas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku, għandu jiġi mfakkar li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats u r-risposta għall-ewwel domanda, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, għandhom japprovaw biss tali pjan jew proġett wara li jkunu aċċertaw ruħhom li mhuwiex ser ikollu effett ħażin fuq l-integrità ta' l-imsemmi sit.

56     Għalhekk jirriżulta li l-awtorizzazzjoni tal-pjan jew tal-proġett in kwistjoni tista' tingħata biss taħt il-kundizzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu ċerti li m'għandux effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat.

57     Barra minn dan, meta jkun għad hemm dubju dwar in-nuqqas ta' effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità ta' l-imsemmi sit marbuta mal-pjan jew mal-proġett ikkunsidrat, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tiegħu.

58     F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju ta' awtorizzazzjoni previst fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats jinkorpora l-prinċipju ta' prekawzjoni (ara s-sentenza tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 63) u jippermetti li tiġi evitata, b'mod effettiv, il-ħsara lill-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Kriterju ta' awtorizzazzjoni anqas strett minn dak in kwistjoni ma jistax jiggarantixxi t-twettiq ta' l-għan ta' protezzjoni tas-siti stabbilit f'din id-dispożizzjoni b'mod daqshekk effettiv.

59     Għalhekk, skond l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' l-evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti tas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku fuq is-sit ikkonċernat fir-rigward ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit, għandhom jawtorizzaw attività bħal din biss sakemm ikollhom iċ-ċertezza li hija għal kollox nieqsa minn effetti ta' ħsara fuq l-integrità ta' dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jibqa' ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku dwar in-nuqqas ta' tali effetti (ara, b'analoġija, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C-239/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 106 u 113).

60     Fil-każ kuntrarju, is-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku jista', jekk ikun il-każ, jiġi awtorizzat skond l-Artikolu 6(4) tad-direttiva dwar il-habitats, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-artikolu.

61     Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti fuq is-sit ikkonċernat mill-pjan jew mill-proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl ta' l-aħjar għarfien xjentifiku f'dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħra, jeffettwaw l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara li jieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti tas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku fuq is-sit ikkonċernat fid-dawl ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit, għandhom biss jawtorizzaw din l-attività sakemm ikollhom iċ-ċertezza li ma jkollhiex effetti ta' ħsara fuq l-integrità ta' dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jibqa' ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta' tali effetti.

 Fuq il-ħames domanda

62     Fid-dawl tal-konstatazzjoni li saret fil-punt 51 ta' din is-sentenza, f'dan il-każ mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-ħames domanda safejn din tirrigwarda l-Artikolu 6(2) tad-direttiva dwar il-habitats.

63     Għalhekk, l-eżami ta' din id-domanda ser ikun limitat għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats.

64     Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta qorti nazzjonali tiġi mitluba sabiex tivverifika l-legalità ta' awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett skond l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, hija tkunx tista' tistħarreġ jekk il-limiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni għall-marġini ta' diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunux ġew imħarsa, anke jekk din ma tkunx ġiet trasposta fis-sistema legali ta' l-Istat Membru kkonċernat minkejja l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan.

65     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu għal Stat Membru li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jilħaq ir-riżultat stabbilit minn direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE u mill-istess direttiva. Dan l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew speċifiċi huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha ta' l-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati (ara s-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 55).

66     Fir-rigward tad-dritt ta' individwu li jibbaża ruħu fuq direttiva u tal-qorti nazzjonali li teħodha in kunsiderazzjoni, ikun inkompatibbli ma' l-effett vinkolanti li l-Artikolu 249 KE jattribwixxi lid-direttiva li jiġi eskluż, fil-prinċipju, li l-obbligu li hija timponi jkun jista' jiġi invokat mill-persuni kkonċernati. B'mod partikolari fil-każijiet fejn l-awtoritajiet Komunitarji jkunu, permezz ta' direttiva, obbligaw lill-Istati Membri sabiex jadottaw imġiba partikolari, l-effettività ta' att bħal dan tiddgħajjef kieku l-individwi ma jitħallewx jibbażaw rwieħhom fuqha quddiem il-qrati u l-qrati nazzjonali ma jitħallewx jeħduha in kunsiderazzjoni bħala element tad-dritt Komunitarju sabiex jivverifikaw jekk il-leġiżlatur nazzjonali, fil-limiti ta' l-għażla tiegħu fir-rigward tal-forma u l-metodi għall-implementazzjoni tad-direttiva, ikunx baqa' fil-limiti tal-marġinu ta' diskrezzjoni tiegħu stabbiliti mid-direttiva (ara s-sentenza Kraaijeveld et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 56). Dan japplika wkoll meta jrid jiġi vverifikat jekk, fin-nuqqas ta' traspożizzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tad-direttiva kkonċernata fid-dritt nazzjonali, l-awtorità nazzjonali li adottat l-att in kwistjoni baqgħetx fil-limiti tal-marġinu ta' diskrezzjoni stabbiliti minn din id-direttiva.

67     Għal dak li jikkonċerna, b'mod aktar partikolari, il-limiti tal-marġinu ta' diskrezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, jirriżulta li din id-dispożizzjoni li, f'każ bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta' l-evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti tas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku fuq is-sit ikkonċernat fid-dawl ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit, għandhom biss jawtorizzaw attività bħal din sakemm ikollhom iċ-ċertezza li ma jkollhiex effetti ta' ħsara fuq l-integrità ta' dan is-sit u dan huwa l-każ meta ma jibqa' ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta' tali effetti (ara l-punt 59 ta' din is-sentenza).

68     Għalhekk, kundizzjoni bħal din mhijiex imħarsa fil-każ li l-awtoritajiet nazzjonali jawtorizzaw l-imsemmija attività meta jkollhom dubju dwar in-nuqqas ta' effetti li jagħmlu ħsara lis-sit ikkonċernat.

69     Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats jista' jittieħed in kunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk l-awtorità nazzjonali li toħroġ awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett tkunx baqgħet fil-limiti tal-marġinu ta' diskrezzjoni stabbilit fid-dispożizzjoni in kwistjoni.

70     Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li, meta qorti nazzjonali tiġi msejħa sabiex tivverifika l-legalità ta' awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett skond l-Artikolu 6(3) tad-direttiva dwar il-habitats, hija tista' tistħarreġ jekk il-limiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni għall-marġini ta' diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunux ġew imħarsa, anke jekk din ma ġietx trasposta fis-sistema legali ta' l-Istat Membru kkonċernat minkejja l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan.

 Fuq l-ispejjeż

71     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Is-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku, li ilu jiġi eżerċitat għal diversi snin iżda li għalih għandha tinħareġ liċenzja kull sena għal perijodu limitat, liċenzja li kull darba tinvolvi evalwazzjoni ġdida tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata din l-attività u tas-sit li tista' tiġi eżerċitata fih, jaqa' taħt il-kunċett ta' "pjan" jew ta' "proġett" skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni [tal-]habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa.

2)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE jistabbilixxi proċedura intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta' eżami minn qabel, li pjan jew proġett mhux direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista' jeffettwa lil dan ta' l-aħħar b'mod sinjifikanti, jiġi awtorizzat biss sakemm ma jkollux effett negattiv fuq l-integrità ta' dan is-sit, filwaqt li l-Artikolu 6(2) ta' l-imsemmija direttiva, jistabbilixxi obbligu ta' protezzjoni ġenerali li jikkonsisti f'li jiġu evitati d-deterjorazzjoni u t-tfixkil li jista' jkollhom effetti sinjifikanti fir-rigward ta' l-għanijiet tad-direttiva, u ma jistax jiġi applikat b'mod konkomitanti mal-paragrafu 3 ta' l-istess artikolu.

3)      a)      L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li kull pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti tiegħu fuqu fid-dawl ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit jekk ma jkunx jista' jiġi eskluż, fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi, li jeffettwa l-imsemmi sit b'mod sinjifikanti, individwalment jew flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħra.

b)       Bis-saħħa ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, meta jkun hemm riskju li pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma' jew meħtieġ għat-tmexxija ta' sit jikkomprometti l-għanijiet ta' konservazzjoni tiegħu, huwa għandu jiġi meqjus bħala li jista' jagħmel ħsara lil dan is-sit b'mod sinjifikanti. L-evalwazzjoni ta' din il-probabbiltà għandha ssir, b'mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett.

4)      Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, evalwazzjoni xierqa ta' l-effetti fuq is-sit ikkonċernat mill-pjan jew mill-proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl ta' l-aħjar għarfien xjentifiku f'dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħra, jeffettwaw l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara li jieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti tas-sajd għall-arzell b'mod mekkaniku fuq is-sit ikkonċernat fid-dawl ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' dan is-sit, għandhom biss jawtorizzaw attività bħal din sakemm ikollhom iċ-ċertezza li ma jkollhiex effetti ta' ħsara fuq l-integrità ta' dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jibqa' ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta' tali effetti.

5)      meta qorti nazzjonali tiġi msejħa sabiex tivverifika l-legalità ta' awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, hija tista' tistħarreġ jekk il-limiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni għall-marġini ta' diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunux ġew imħarsa, anke jekk din ma ġietx trasposta fis-sistema legali ta' l-Istat Membru kkonċernat minkejja l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Top