EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XG0220(01)

KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNSILL DWAR COVID-19 2020/C 57/04

ST/6038/2020/INIT

ĠU C 57, 20.2.2020, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 57/4


KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNSILL DWAR COVID-19

(2020/C 57/04)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ltaqa’ illum biex jiżen l-implikazzjonijiet tat-tifqigħa ta’ każijiet fil-bniedem ta’ COVID-19, li bdew fiċ-Ċina f’Diċembru li għadda u li fit-30 ta’ Jannar 2020 ġew iddikjarati Emerġenza għas-Saħħa Pubblika ta’ Tħassib Internazzjonali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (1).

Il-Kunsill jilqa’ r-rispons effettiv fl-UE mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (HSC), u r-rispons internazzjonali għat-theddida ta’ tifqigħa possibbli ta’ pandemija u jappella għal kooperazzjoni kontinwa u miżjuda kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali.

Peress li huma konxji li s-sitwazzjoni epidemjoloġika għadha qed tevolvi, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jaġixxu f’koordinazzjoni b’mod determinat sabiex jindirizzaw it-theddida kkawżata minn COVID-19 u biex jipprevjenu t-trażmissjoni ulterjuri lejn u fi ħdan l-UE tal-virus 2019-nCoV li jikkawżah. Għal dan il-għan, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

“IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

JIRRIKONOXXI li tifqigħat ta’ mard ġdid li jittieħed bħal COVID-19 huma theddidiet potenzjalment globali għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari minħabba l-volumi kbar u l-frekwenza tal-ivvjaġġar internazzjonali f’dinja globalizzata;

2.

JINNOTA li l-każijiet ikkonfermati ta’ COVID-19 huma kkawżati minn virus li jista’ jiġi trażmess minn bniedem għal ieħor;

3.

JIEĦU NOTA tal-Pjan Strateġiku ta’ Tħejjija u Rispons dwar 2019-nCoV maħruġ mid-WHO fit-3 ta’ Frar 2020 (2), li għandu l-għan li jwaqqaf it-trażmissjoni ulterjuri tal-virus 2019-nCoV fiċ-Ċina u f’pajjiżi oħra, u li jtaffi l-impatt tat-tifqigħa fil-pajjiżi kollha u li jappella għall-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament b’appoġġ għall-istabbiliment ta’ koordinazzjoni u appoġġ internazzjonali għall-operazzjonijiet, l-intensifikazzjoni tal-isforzi ta’ tħejjija u rispons tal-pajjiżi u l-aċċellerazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ prijorità;

4.

JESPRIMI s-solidarjetà tiegħu mal-persuni li ġew infettati madwar id-dinja kollha u mal-pajjiżi l-aktar milqutin, b’mod partikolari ċ-Ċina, u JIDDIKJARA li huwa lest biex, flimkien mal-Kummissjoni u f’kooperazzjoni mad-WHO u mal-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi terzi, jeżamina l-modi u l-mezzi possibbli biex tingħata assistenza fil-ġlieda kontra din it-tifqigħa;

5.

IFAKKAR li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkoordinaw u jikkooperaw mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà tas-saħħa, billi jimplimentaw miżuri ta’ ippjanar u ta’ rispons u ppjanar tal-istat ta’ tħejjija, kif ukoll billi jindirizzaw attivitajiet li jikkonċernaw l-ippjanar tal-kontinwità tal-operat, f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (3), u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) fil-qasam tal-emerġenzi tas-saħħa (4);

6.

JISSOTTOLINJA l-importanza tal-azzjonijiet rapidi li ttieħdu flimkien mal-Kummissjoni, fil-qafas tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) tad-WHO, permezz tal-koordinazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons inkluż it-traċċar tal-kuntatti u l-komunikazzjoni tar-riskju, u permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar miżuri nazzjonali ta’ prevenzjoni u tħejjija fi ħdan l-HSC u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Reazzjoni (EWRS), sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika;

7.

JILQA’ r-Riżoluzzjoni dwar it-Tisħiħ tat-Tħejjija għall-Emerġenzi tas-Saħħa; l-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR, 2005), li ġiet adottata mill-Bord Eżekuttiv tad-WHO fit-8 ta’ Frar 2020 (5);

8.

JILQA’ WKOLL il-ħidma li għaddejja bħalissa fid-WHO, il-Kummissjoni, l-ECDC u l-HSC, b’mod partikolari fuq il-linji gwida dwar definizzjoni komuni tal-każijiet, dwar maniġġar komuni tal-każijiet, u dwar informazzjoni lill-vjaġġaturi;

9.

JENFASIZZA l-importanza tal-ħidma tal-ECDC fuq gwida teknika rigward l-analiżi, il-valutazzjoni tar-riskju u t-trattament tal-persuni infettati u l-kuntatti tagħhom, kif ukoll fuq il-protezzjoni tal-professjonisti fil-kura medika involuti, kif ukoll il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) fuq it-trattamenti, it-tilqim u r-riċerka, il-ħidma tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) fuq kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika b’rabta mal-ivvjaġġar bl-ajru, u l-ħidma ta’ aġenziji rilevanti oħrajn tal-UE;

10.

JILQA’ l-attivazzjoni rapida tal-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR) (6) fil-modalità ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, u tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (7), kif ukoll it-tisħiħ tal-assistenza konsulari b’rispons għat-tifqigħa ta’ COVID-19;

11.

JIRRIKONOXXI li l-effettività tal-miżuri nazzjonali meħuda fil-fruntieri u l-punti ta’ dħul tal-UE għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, inkluż il-miżuri li diġà ttieħdu mill-Istati Membri fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19, tista’ tissaħħaħ aktar bit-tisħiħ tal-koordinazzjoni li diġà għaddejja bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, fil-qafas tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO;

12.

JIRRIKONOXXI li r-rispons għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa jeħtieġ azzjoni kkoordinata bejn settur u ieħor fil-livelli nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali u jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-aġenziji rilevanti kollha tal-UE għal dak l-għan;

13.

JENFASIZZA l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tad-WHO fil-maniġġar tat-tifqigħa, abbażi, fost l-oħrajn, tal-kontribut ikkoordinat tal-UE, b’mod partikolari biex jiġu żgurati skambji ta’ data epidemjoloġika f’ħin reali;

14.

JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ ikkoordinat mad-WHO, inkluż l-esplorazzjoni ta’ possibbiltajiet ta’ finanzjament volontarju, biex jingħata appoġġ lill-pajjiżi b’sistemi tas-saħħa aktar dgħajfa, f’konformità mal-prinċipju ta’ solidarjetà globali;

15.

IĦEĠĠEĠ lill-Istati Membri biex jaġixxu flimkien, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, b’mod proporzjonat u xieraq skont ir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO u l-parir tal-ECDC, fuq il-linji li ġejjin:

a)

jieħdu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, b’kont meħud tal-attenzjoni partikolari li għandha tingħata lill-forom kollha tal-ivvjaġġar internazzjonali. Dawk il-miżuri għandhom jiżguraw b’mod partikolari li:

il-punti kollha tad-dħul tal-UE għandhom il-mezzi biex jipprovdu l-informazzjoni u l-gwida meħtieġa lill-persuni b’riskju akbar li jġorru l-virus 2019-nCoV, dwar kif ifittxu parir u kura mediċi xierqa;

pjanijiet u riżorsi ċari huma fis-seħħ sabiex jipprovdu kura xierqa f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa għal trasportaturi suspettati u kkonfermati tal-virus 2019-nCoV kif ukoll għal kwalunkwe azzjoni oħra meħtieġa bħalma hu t-traċċar ta’ kuntatti;

tiġi pprovduta informazzjoni, fl-UE kollha, lill-vjaġġaturi internazzjonali li jaslu, jew li jkunu fi transitu miż-żoni milquta u li tali persuni jkunu jistgħu jiġu traċċati;

meta ġustifikat miċ-ċirkostanzi, il-vjaġġaturi li jaslu jew li jkunu fi transitu miż-żoni milquta jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni dwar jekk kinux f’kuntatt ma’ persuni minn dawk iż-żoni;

l-għoti ta’ gwida u informazzjoni lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u lill-pubbliku ġenerali;

il-persunal tal-isptar li jittratta l-pazjenti jkollu protezzjoni xierqa;

u għandhom jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO maħruġa abbażi tal-IHR, il-ħidma tal-HSC, il-parir tal-ECDC, u l-pjanijiet u l-linji gwida nazzjonali;

b)

jiżviluppaw koordinazzjoni mill-qrib u msaħħa bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri kollha, inkluż, jekk ikun meħtieġ, miżuri rigward l-ivvjaġġar, filwaqt li jiġi salvagwardjat il-moviment liberu fl-UE, biex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni tas-saħħa pubblika u jiżdied l-għarfien tal-pubbliku ġenerali fir-rigward tal-COVID-2019;

c)

fil-qasam tal-monitoraġġ u s-sorveljanza, jikkondividu b’mod kontinwu informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-virus 2019-nCoV fit-territorju tagħhom permezz tal-istrutturi Ewropej u internazzjonali eżistenti, f’konformità mal-IHR u d-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE;

d)

fil-qasam tad-dijanjosi u t-trattament, skont id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE u f’konformità mal-Artikolu 44 tal-IHR, ikomplu juru solidarjetà u kooperazzjoni, fl-appoġġ li jagħtu lil xulxin u lill-komunità globali fl-identifikazzjoni tas-sors tal-virus 2019-nCoV u l-potenzjal sħiħ tiegħu għal trażmissjoni minn bniedem għal ieħor, fl-iżvilupp tat-trattament meħtieġ, fit-tfassil ta’ linji gwida għall-maniġġar komuni tal-każijiet, fil-kondiviżjoni tal-kapaċità ta’ dijanjosi kif ikun meħtieġ u fl-ottimizzazzjoni tal-użu ta’ antivirali;

e)

fil-qasam tal-komunikazzjoni, l-użu, kif adatt, tal-HSC u n-Netwerk tal-Komunikaturi tiegħu, jipprovdi informazzjoni u gwida kkoordinati, preċiżi, f’waqthom u konsistenti lill-pubbliku ġenerali dwar COVID-19, abbażi ta’ evidenza u data disponibbli, u b’hekk jiġu miġġielda l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, li jistgħu, bħala wieħed mill-effetti tagħhom, iwasslu għal diskriminazzjoni;

f)

fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin, u, fejn xieraq, mal-industrija u mal-akkademiċi, biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ vaċċin pilota kontra COVID-19, u l-iżvilupp ta’ dijanjostika u antivirali;

16.

JAPPELLA lill-Kummissjoni biex:

a)

tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni transettorjali bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari dwar is-sorveljanza, il-valutazzjoni tar-riskju, il-maniġġar tar-riskju u l-kontromiżuri għal COVID-19 fi ħdan l-UE;

b)

fi ħdan l-HSC u, kif ikun adatt, fil-qafas tal-UCPM, tappoġġa proposti għal miżuri kkoordinati għall-fażijiet possibbli li jmiss tat-tifqigħa, abbażi tal-informazzjoni xjentifika disponibbli;

c)

tattiva l-mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti biex tiġi appoġġata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fit-tħejjija u fir-rispons għat-theddida għas-saħħa kkawżata minn COVID-19 fil-qafas tal-programmi u l-attivitajiet eżistenti tal-UE;

d)

tkompli teżamina l-possibbiltajiet kollha disponibbli, speċjalment l-akkwist konġunt, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess meħtieġ għal tagħmir ta’ protezzjoni personali meħtieġ mill-Istati Membri sabiex jiġu minimizzati n-nuqqasijiet potenzjali;

e)

tippromwovi fost l-Istati Membri l-allinjament ta’ miżuri xierqa u kosteffikaċi mfassla biex jipproteġu u jsalvaw il-ħajjiet u li jimminimizzaw b’mod effiċjenti r-riskju ta’ żieda fil-każijiet ta’ COVID-19, kif ukoll l-applikazzjoni konsistenti ta’ regoli adegwati għal kontromiżuri mhux farmaċewtiċi inkluż l-iżolament, il-kwarantina u t-tbegħid soċjali abbażi tad-dinamika attwali tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, f’konformità mal-parir xjentifiku mill-ECDC u d-WHO;

f)

f’kooperazzjoni mal-EMA u l-aġenziji nazzjonali tal-mediċini, tevalwa l-konsegwenzi ta’ theddid għas-saħħa globali bħal COVID-19 għad-disponibbiltà ta’ mediċini fi ħdan l-UE u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista;

g)

issaħħaħ l-appoġġ għan-Netwerk ta’ Komunikaturi tal-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u l-Proċeduri Operattivi Standard tan-Netwerk ta’ Komunikaturi tal-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa.


(1)  https://www.who.int/news-room/detail/30-01-2020-statement-on-the-second-meeting-of-the-international-health-regulations-(2005)-emergency-committee-regarding-the-outbreak-of-novel-coronavirus-(2019-ncov)


Top