EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0130

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

COM/2018/0130 final

Strasburgu, 13.3.2018

COM(2018) 130 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

{SWD(2018) 67 final}


1. Introduzzjoni

Fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tiegħu fid-9 ta’ Settembru 2015, il-President Juncker ippropona li jiġi stabbilit Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 1 , li jqis ir-realtajiet dejjem jinbidlu tas-soċjetajiet Ewropej u l-iżviluppi fid-dinja tax-xogħol.

Wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa fl-2016, li kienet tinvolvi ċ-ċittadini, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE, 2 il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-
17 ta’ Novembru 2017 fis-Summit Soċjali f’Gothenburg għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir 3 .

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa mfassal biex jagħti direzzjoni għal proċess imġedded ta’ konverġenza ’l fuq lejn kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u tal-għajxien fl-Unjoni Ewropea.
Jistabbilixxi 20 prinċipju u drittijiet essenzjali fl-oqsma tal-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol; tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; u tal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Il-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 approva l-konklużjonijiet tas-Summit Soċjali u enfasizza li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jenħtieġ li jiġi implimentat kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, b’kont meħud għall-kompetenzi rispettivi tagħhom kif xieraq. Stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tipproponi monitoraġġ xieraq 4 . Din il-komunikazzjoni hija reazzjoni għal dik it-talba u tiddeskrivi t-triq ’il quddiem.



2. Immexxu ’l quddiem il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa parti mid-dibattitu usa’ tal-ġejjieni tal-Ewropa, li tnieda mill-White Paper tal-Kummissjoni
tal-1 ta’ Marzu 2017 5 . Il-kwistjoni ta’ kif jista’ jissaħħaħ u jiġi modernizzat il-mudell soċjali Ewropew fid-dawl tal-bidliet fundamentali – bħal pereżempju t-teknoloġiji ġodda, il-globalizzazzjoni u t-tixjiħ demografiku – hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin imressqa mill-White Paper, kif ukoll fid-Dokumenti ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa 6 u dwar l-isfruttar għaqli tal-globalizzazzjoni 7 .

Fis-Summit tagħhom f’Ruma biex ifakkru s-60 anniversarju tal-UE, il-Mexxejja tennew l-impenn tagħhom għal Ewropa Soċjali 8 . F’dan id-dibattitu usa’, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa stadju importanti fil-bini u l-konsolidazzjoni ta’ Ewropa Soċjali, u punt ta’ referenza fit-triq lejn Sibiu, fejn il-Mexxejja tal-UE se jiltaqgħu f’Mejju 2019 biex jikkonkludu dwar il-ġejjieni tal-UE, qabel l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew.

It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dejjem kien meqjus bħala impenn u responsabbiltà politiċi kondiviżi. L-Istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha għandhom rwol kruċjali x’jaqdu, f’konformità mal-kompetenzi tagħhom.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni hija impenjata b’mod sħiħ li tintegra l-prijoritajiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-politiki kollha tal-UE. Diġà bdiet tuża l-għodod u l-proċessi eżistenti għal dan l-għan, u ppreżentat ukoll bosta inizjattivi apposta fil-qafas tal-kompetenzi tal-UE, li xi wħud minnhom għadhom iridu jiġu adottati mill-koleġiżlaturi tal-UE.

Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tappoġġa lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ippubblikat flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni jfakkar il-qafas legali, ir-rwoli rispettivi tal-livell nazzjonali u tal-livell tal-UE, kif ukoll l-azzjoni li diġà ttieħdet fuq kull wieħed mill-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 9 . 

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa essenzjali biex jiġi żgurat li jsir progress tanġibbli fir-realtà. B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala żieda mal-inizjattivi li diġà ttieħdu u dawk li għadhom iridu jinħolqu fil-livell tal-UE, li ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika. Dan jista’ jsir:

billi jiġu riflessi l-prijoritajiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
fl-analiżi tal-miżuri meħuda u l-progress li sar fil-livell nazzjonali;

billi tiġi pprovduta assistenza teknika, tiġi appoġġata l-valutazzjoni komparattiva u jiġi promoss
l-iskambju ta’ prattiki tajbin fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati;

u billi jsir eżami tal-impjiegi u tal-prestazzjonijiet soċjali abbażi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali l-ġdida, u b’hekk jiġi appoġġat il-proċess usa’ ta’ konverġenza ’l fuq.

3. L-Implimentazzjoni tal-Pilastru fil-livell tal-UE

Il-prijoritajiet soċjali ilhom fil-qalba ta’ din l-aġenda tal-Kummissjoni minn mindu bdiet fl-2014. Il-kontenut u l-ambizzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jibnu fuq għadd kbir ta’ inizjattivi fil-qasam tal-impjiegi u fil-qasam soċjali li tnedew mill-Kummissjoni fis-snin reċenti, jiġifieri 10 :

il-promozzjoni ta’ Bidu Ġdid għad-Djalogu Soċjali, li jirrifletti l-impenn tal-Kummissjoni biex taħdem fil-qrib mas-sħab soċjali fil-livelli kollha;

il-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi aċċessibbli billi jneħħi l-ostakoli maħluqa minħabba leġiżlazzjoni diverġenti u b’hekk jiffaċilita l-ħidma tal-kumpaniji u jġib benefiċċji għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni akbar fl-età fl-UE;

proposta għal Direttiva biex jittejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, biex b’hekk titjieb l-informazzjoni għall-ħaddiema dwar id-drittijiet tagħhom, u fl-istess ħin, jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ġodda biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, li ssaħħaħ il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post”, u b’hekk jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi u tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-suq intern;

leġiżlazzjoni ġdida proposta biex timmodernizza l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li, b’mod partikolari, tgħin biex tiżgura li l-ħaddiema li jużaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu ma jitilfux id-drittijiet tagħhom tas-sigurtà soċjali;

proposta għal Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata għall-Ġenituri u għall-Persuni li Jindokraw biex jiġi mmodernizzat il-qafas legali eżistenti billi jiġi introdott il-liv tal-paternità u tal-persuni li jindokraw, jissaħħaħ il-liv tal-ġenituri u jiġi estiż id-dritt li wieħed jitlob arranġamenti ta’ xogħol flessibbli;

il-Pjan ta’ Azzjoni biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa 2017-2019 li jinkludi sett ta’ attivitajiet biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tagħha; ir-rieżami tal-biċċiet varji ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, li jaġġorna u jikkumplementa d-dispożizzjonijiet li jipproteġu lill-ħaddiema kontra r-riskji tas-saħħa relatati max-xogħol, inkluż l-esponiment għall-karċinoġeni;

azzjonijiet diversi biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa għall-but ta’ kulħadd, preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba inklużi n-Netwerks ta’ Referenza Ewropej li, minn Novembru li għadda, qed jipprovdu lill-persuni b’mard rari aċċess għad-dijanjożi u għat-trattament fl-UE kollha.

it-tisħiħ u t-tnedija tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tgħin liż-żgħażagħ jidħlu f’impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ malajr;

it-tnedija ta’ sett wiesa’ ta’ inizjattivi taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, li għandha l-għan li tagħti ħiliet aħjar lil aktar nies;

inizjattivi varji biex jiġi promoss l-aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità għolja u inklużivi, bħala parti mill-azzjoni lejn Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni;

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Kummissjoni għandha miri aktar ambizzjużi għal dawk li jilħqu livell edukattiv baxx u għal dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, u qed tikkunsidra miri ġodda fir-rigward tal-kompetenzi diġitali u l-intraprenditorija 11 .



Fost it-22 att legali proposti minn Novembru 2014 fil-qasam tal-impjiegi u soċjali, 10 minnhom ġew adottati u għad irid jintlaħaq qbil mill-Kunsill u/jew il-Parlament Ewropew dwar it-12 l-oħra. Kif rifless fid-Dikjarazzjoni Konġunta bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-prijorità fix-xhur li ġejjin se tkun li tintlaħaq konklużjoni dwar il-fajls leġiżlattivi pendenti u li tingħata attenzjoni fuq it-twettiq u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi l-ġodda fir-realtà.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni integrat il-prijoritajiet soċjali fil-bord, filwaqt li rrikonoxxiet bis-sħiħ id-dimensjoni soċjali ta’ dak kollu li tagħmel. Dan jinkludi:

is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika, fejn il-Kummissjoni tat aktar attenzjoni lill-prijoritajiet soċjali u poġġiethom fl-istess livell tal-objettivi ekonomiċi fil-qalba taċ-ċiklu annwali tal-governanza ekonomika, biċ-ċiklu ta’ din is-sena jirrifletti wkoll għall-ewwel darba l-prijoritajiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 12 ; 

skont il-Politika ta’ Koeżjoni, il-prijoritajiet soċjali huma appoġġati bis-sħiħ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fl-oqsma bħal pereżempju l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni. Programmi u strumenti ta’ finanzjament oħrajn, bħall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jappoġġaw lill-persuni li ġew affettwati mir-ristrutturar ta’ kumpaniji jew fir-riskju ta’ deprivazzjoni materjali estrema;

il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (il-“Pjan Juncker”): l-infrastruttura u t-tagħmir soċjali kif ukoll l-investimenti strateġiċi fl-intrapriżi soċjali jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi 13 ;

skont l-Unjoni tal-Enerġija, il-pakkett propost mill-Kummissjoni dwar “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” jagħti attenzjoni prinċipalment lill-konsumatur u jżid l-isforzi biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa tkun soċjalment ġusta u li ħadd ma jitħalla barra. Barra minn hekk, il-pakkett jistabbilixxi approċċ ġdid għall-protezzjoni tal-konsumatur vulnerabbli, li jinkludi wkoll l-għajnuna lill-Istati Membri biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi billi jappoġġa lill-investimenti għall-effiċjenza fl-enerġija. Dan wassal ukoll għall-ħolqien ta’ Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku Ewropew;

taħt is-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni stabbilixxiet objettivi għall-konnettività għall-2025 biex tgħin li l-broadband ta’ kapaċità għolja jkun disponibbli għas-soċjetà b’mod ġenerali, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-oqsma li għadhom lura bħaż-żoni rurali u remoti, u fl-istess ħin tiffoka ħafna fuq l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali. Għandha wkoll l-għan li tippromwovi konnessjoni Wi-Fi bla ħlas għaċ-ċittadini u l-viżitaturi fl-ispazji pubbliċi permezz tal-inizjattiva WiFi4EU tagħha.
Barra minn hekk, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi propost fih dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-komunikazzjoni elettronika (inkluż il-broadband) bħala parti minn servizz universali;

fil-qasam tal-politika tat-trasport, il-pakkett tal-mobbiltà “L-Ewropa Attiva” huwa sett ta’ inizjattivi b’firxa wiesgħa li, fost oħrajn, se jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa. Barra minn hekk, bħalissa l-UE qed tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri biex tiżgura li l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkollhom l-istess aċċess għas-servizzi tat-trasport bħall-passiġġieri l-oħra;

il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-ilma tajjeb għax-xorb, li se ttejjeb l-aċċess għall-persuni kollha, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli u emarġinati;

fl-aġenda dwar it-tassazzjoni, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ inizjattivi bl-għan li jerġgħu jġibu ġustizzja fis-sistema fiskali tal-UE billi jiżguraw li l-kumpaniji kollha jħallsu s-sehem tagħhom tat-taxxi meta jiġġeneraw qligħ 14 ; 

permezz tal-politika kummerċjali tagħha, l-UE tippromwovi standards fundamentali tax-xogħol ewlenin li jkun sar qbil dwarhom fil-livell internazzjonali: il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ negozjar kollettiv, in-nondiskriminazzjoni, il-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat, l-ispezzjoni tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Il-kwistjonijiet soċjali huma wkoll aspetti ewlenin tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà mwettqa għall-ftehimiet kummerċjali kollha flimkien mal-impatti ekonomiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali;

il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà l-ġdid qed jippermetti liż-żgħażagħ, b’attenzjoni partikolari fuq iż-żgħażagħ li huma inqas privileġġati, biex jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ solidarjetà u jgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjetali fl-Ewropa kollha, li jippermettihom ukoll jiżviluppaw il-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom;

fil-Programmi ta’ Appoġġ għall-Istabbiltà, il-prattika ilha stabbilita mill-każ tal-Greċja fl-2015 biex jiġi żgurat li dawn jiġu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt soċjali.

Barra minn hekk, il-konverġenza lejn eżiti soċjoekonomiċi, reżiljenza u ġustizzja soċjali aħjar, kif promoss mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, hija parti essenzjali tal-isforzi biex tissaħħaħ u titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, kif imfakkar fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 15 u l-proposti sussegwenti tal-Kummissjoni 16 .

Il-Graff 1 hawn taħt jagħti ħarsa ġenerali tal-modi diversi li bihom il-Kummissjoni qed tintegra l-prijoritajiet soċjali fil-bord:

Graff 1. Inizjattivi ewlenin taħt din il-Kummissjoni fil-qasam tal-impjiegi u fil-qasam soċjali

F’dan il-kuntest, l-istabbiliment tal-Pilastru kien mutur ewlieni biex tiġi aġġornata u kkumplementata l-leġiżlazzjoni tal-UE, kull fejn huwa meħtieġ. Minbarra dak li sar sa issa, il-Kummissjoni qed tippreżenta sett ieħor ta’ inizjattivi flimkien mal-Komunikazzjoni tal-lum, kif miġbur fil-qosor fil-Kaxxa 1.



Kaxxa 1. Il-“Pakkett dwar il-Ġustizzja Soċjali” il-ġdid ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2018

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Pakkett dwar il-Ġustizzja Soċjali ġdid, adottat mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2018.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li tikkumplementa inizjattivi preċedenti biex ittejjeb ir-regoli għall-istazzjonar tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-moviment liberu huwa waħda mill-egħżeż libertajiet tas-suq intern, li jibbenefika lill-individwi, lill-ekonomiji u lis-soċjetajiet b’mod ġenerali. Illum, korp estensiv ta’ leġiżlazzjoni tal-UE huwa fis-seħħ biex jiżgura mobbiltà ġusta iżda dak l-importanti huwa li dawn ir-regoli jkunu effettivament applikati fir-realtà. F’dan il-kuntest, ir-rwol u l-valur miżjud tal-Awtorità se jkunu li:

(a) tiffaċilita l-aċċess għall-individwi u għall-persuni li jħaddmu għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif ukoll għas-servizzi rilevanti;

(b) tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar transfruntiera tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inkluż l-iffaċilitar ta’ spezzjonijiet konġunti;

(c)     timmedja u tiffaċilita soluzzjoni fil-każijiet ta’ tilwim transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali jew it-tfixkil fis-suq tax-xogħol.

Sabiex tgħin fit-tfassil u t-tħejjija tal-Awtorità, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi wkoll grupp konsultattiv, li jiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin.

It-tieni nett, il-Kummissjoni qed tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li tibni fuq konsultazzjoni tas-Sħab Soċjali tal-UE u li għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li dawk kollha li jaħdmu jkunu jistgħu jikkontribwixxu u jkollhom aċċess xieraq għall-protezzjoni soċjali, bħal pereżempju l-benefiċċji tal-qgħad jew tal-mard. Illum, madwar 60 % tal-persuni jaħdmu b’kuntratti full-time u permanenti. Madankollu, sehem dejjem jiżdied ta’ persuni jaħdmu b’tipi oħra ta’ kuntratti, inklużi kuntratti part-time jew temporanji, jew jaħdmu għal rashom. Din it-tendenza tista’ twassal għal inugwaljanzi u għal riskji soċjali jekk dawn il-ħaddiema ma jkollhomx aċċess suffiċjenti għall-protezzjoni soċjali. Il-Kummissjoni eżaminat l-alternattiva li tipproponi Direttiva biex tindirizza din il-kwistjoni, iżda minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-qafas legali biex tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, tqis li Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija l-mod xieraq kif għandha tipproċedi biex tiggwida l-progress fil-livell nazzjonali, tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tappoġġa konverġenza ’l fuq.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżvilupp ta’ Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew, li huwa maħsub bħala identifikatur diġitali biex is-sistemi eżistenti jkunu interoperabbli. Miljuni ta’ turisti u persuni li jivvjaġġaw, jgħixu u jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE jistgħu faċilment jagħtu prova li huma koperti f’pajjiżhom, u jkollhom aċċess aktar malajr u aktar faċli għall-benefiċċji li huma intitolati għalihom, filwaqt li jkunu jafu li d-dejta personali tagħhom tkun protetta b’mod sħiħ. Dan jista’ jiffaċilita il-portabbiltà tad-drittijiet bejn il-fruntieri, jippermetti l-identifikazzjoni u l-verifika tal-kopertura f’ħin reali u jnaqqas ukoll ir-riskji ta’ żbalji u frodi li jirriżultaw mill-użu tad-dokumenti fuq karta. Jissimplifika l-ħidma tal-amministrazzjonijiet fil-livelli kollha. Din l-inizjattiva hija parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2018: f’konformità mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni qed tikkollabora mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati u se tressaq inizjattiva aktar tard din is-sena.

Għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Pilastru fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli tuża bis-sħiħ l-għodod eżistenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha. L-użu ta’ dawn l-għodod se jvarja, skont il-qasam ta’ politika u l-prinċipji tal-Pilastru u se jirrifletti n-natura u l-limitu tal-kompetenzi fil-livell tal-UE. Dawn jinkludu l-aġġornament u l-ikkumplementar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, kif stabbilit hawn fuq, it-titjieb tal-infurzar tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri, u l-appoġġ tad-djalogu soċjali fl-UE kollha, minbarra l-monitoraġġ tal-progress fis-Semestru Ewropew.

Dan japplika wkoll għall-appoġġ finanzjarju rilevanti permezz tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-Erasmus+ u programmi rilevanti oħra. Fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha dwar “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b’mod effiċjenti wara l-2020” 17 , il-Kummissjoni titlob li l-baġit tal-UE jwettaq il-wegħdiet li saru mill-Mexxejja fis-Summit Soċjali f’Gothenburg u biex jiżviluppa aktar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni, inkluż permezz tal-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 18 . Il-Kummissjoni enfasizzat li se jkunu meħtieġa riżorsi xierqa biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ xogħol u jiġu indirizzati l-isfidi tal-ħiliet, inklużi dawk marbuta mad-diġitalizzazzjoni. Fir-rebbiegħa 2018 se joħorġu l-proposti dettaljati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE wara l-2020.

4. L-Implimentazzjoni tal-Pilastru fil-livell nazzjonali

Il-maġġoranza tal-kompetenzi u l-għodod meħtieġa biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jagħti r-riżultati tiegħu huma taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, tas-sħab soċjali kif ukoll tas-soċjetà ċivili. Filwaqt li l-UE għandha rwol importanti x’taqdi fl-appoġġ tal-Istati Membri, ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-Pilastru hija - fil-biċċa l-kbira - tal-Istati Membri, fil-livelli diversi tal-gvern u tal-amministrazzjoni. Barra minn hekk, is-sħab soċjali fil-livelli kollha għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru skont l-awtonomija tagħhom fin-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet 19 . Ir-rispett għad-diversità tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali kif ukoll għall-awtonomija tas-sħab soċjali huwa rikonoxxut b’mod espliċitu mit-TFUE. Tul is-snin il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jagħtu lis-sħab soċjali rwol akbar fil-qasam tal-impjiegi u fil-qasam soċjali, minħabba li l-involviment tagħhom huwa kruċjali fis-sjieda tar-riformi. L-organizzazzjonijiet nongovernattivi, b’mod partikolari meta jipprovdu servizzi soċjali, huma ta’ importanza kritika wkoll biex jimmobilizzaw u jagħtu r-riżultati tagħhom skont il-Pilastru.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jservi bħala gwida lejn eżiti effiċjenti fil-qasam tal-impjiegi u fil-qasam soċjali billi jesprimi prinċipji u drittijiet essenzjali. Ma teżistix soluzzjoni waħda għas-sitwazzjoni kollha u l-Pilastru jirrifletti d-diversità tas-sitwazzjonijiet nazzjonali. Għalkemm l-Istati Membri ta’ spiss jiffaċċjaw sfidi komuni u jikkondividu problemi simili, huwa probabbli li s-soluzzjonijiet li jeħtieġu jiżviluppaw ivarjaw. Dan huwa minħabba d-diversità tas-sistemi nazzjonali, tat-tradizzjonijiet, tal-punti ta’ bidu differenti u tas-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi speċifiċi tagħhom.

Il-kuntest ekonomiku attwali jipprovdi opportunità biex jiġi promoss it-tkabbir inklużiv, biex jiġi mmodernizzat l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE u biex isir investiment fil-persuni, b’mod konformi mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L- ekonomija tal-UE qed tkompli tespandi b’pass sod 20 . Aktar minn disa’ miljun impjieg addizzjonali nħolqu mill-bidu tal-ħarifa tal-2014, meta din il-Kummissjoni bdiet il-mandat tagħha 21 . Ir-rata tal-qgħad qed tonqos b’mod kostanti u tinsab fl-aktar livell baxx tagħha mill-2008. L-għadd ta’ persuni impjegati laħaq 236,3 miljun fl-UE, l-aktar livell għoli li qatt ġie rreġistrat. Madankollu, għad hemm 18-il miljun persuna qiegħda fl-UE, l-introjtu tal-familji għadu taħt il-livell tal-2008 f’għadd ta’ Stati Membri u għad hemm bosta sfidi soċjali, b’mod partikolari meta jitqiesu l-pass u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iżviluppi li għaddejjin – mid-diġitalizzazzjoni sat-tixjiħ. Għad hemm ukoll diskrepanzi kbar fis-sitwazzjonijiet bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

Il-prijoritajiet bilfors se jvarjaw u s-Semestru Ewropew huwa opportunità biex l-Istati Membri jagħmlu progress fuq ir-riżultati tal-Pilastru u jirrappurtaw dwarhom. Ir-Rapporti tal-Pajjiżi ppubblikati reċentement fil-kuntest taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2018 22 jiddeskrivu n-natura u l-limitu tal-isfidi fil-livell nazzjonali fil-ħidma lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja aħjar, swieq tax-xogħol aktar ġusti u li jiffunzjonaw aħjar, sistemi mtejba għall-edukazzjoni u t-taħriġ biex in-nies ikunu mgħammra b’ħiliet xierqa u rilevanti, u sistemi tal-welfare li huma sostenibbli u xierqa. Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, li l-Istati Membri għandhom jibagħtu f’April, se jistabbilixxu prijoritajiet mġedda u aktar azzjonijiet konkreti fil-livell nazzjonali. Dawn il-programmi se jkunu il-bażi għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż li se tipproponi l-Kummissjoni fir-rebbiegħa tal-2018. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li l-finanzjament mill-UE disponibbli jintuża sew biex jappoġġa r-riformi strutturali jew biex isir investiment fin-nies, b’mod konformi mal-prijoritajiet identifikati fir-Rapporti tal-Pajjiżi u fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż.

5. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru

Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika jipprovdi għodda xierqa għall-monitoraġġ tal-progress f’oqsma ewlenin koperti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Is-Semestru Ewropew huwa bbażat fuq analiżi fil-fond, speċifika għas-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż: jirrikonoxxi d-diversità tal-isfidi u l-ħtieġa li ssir prijoritizzazzjoni skont il-punti ta’ bidu differenti u l-mezzi disponibbli fil-pajjiżi. Is-Semestru Ewropew huwa wkoll mod kif jiġu strutturati l-isforzi kollettivi maż-żmien: jibni fuq djalogu fil-fond u rappurtar matul is-sena, li huwa trasparenti u miftuħ għall-atturi kollha, u jintuża b’mod partikolari biex jiġu strutturati l-evalwazzjonijiet bejn il-pari u l-valutazzjoni komparattiva fost l-Istati Membri. Abbażi tal-progress miksub fis-snin reċenti biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni bdiet tirfina l-għodod u l-metodi ta’ ħidma eżistenti biex jirriflettu l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali minn mindu ġie pproklamat. Dan ma jirrikjedix bidliet fundamentali jew il-ħolqien ta’ strumenti ġodda, jew piż amministrattiv addizzjonali min-naħa tal-Istati Membri.

Se jkun meħtieġ ukoll segwitu aktar tematiku biex tiġi koperta l-profondità tal-prinċipji varji tal-Pilastru u biex isir rieżami tas-segwitu effettiv u tal-użu reali. Il-pubblikazzjonijiet regolari tal-UE – bħal pereżempju r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi annwali u r-Rapport dwar l-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali – se jintużaw biex jiġu eżaminati kwistjonijiet speċifiċi fil-fond. L-aġenziji tal-UE attivi fil-qasam 23 se jingħataw ukoll il-kompitu tal-iżvilupp ta’ rappurtar fil-fond għall-prinċipji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tagħhom b’mod aktar dirett. Min-naħa l-oħra, is-sħab soċjali fil-livell tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jiddeċiedu li jiffokaw aktar fuq ċerti prinċipji ta’ interess partikolari għalihom.

Bħala parti mis-Semestru Ewropew, se jiżdiedu tliet elementi ġodda biex jgħinu fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali:

L-integrazzjoni tal-prijoritajiet tal-Pilastru fis-Semestru Ewropew filwaqt li jintagħżlu temi għar-rappurtar fid-dettall fuq bażi annwali: il-prinċipji u d-drittijiet minquxa fil-Pilastru se jitqiesu tul is-Semestru Ewropew fil-monitoraġġ, it-tqabbil u l-valutazzjoni tal-progress li jkun sar. Fl-istess ħin, xi temi speċifiċi relatati mal-Pilastru se jintagħżlu għal valutazzjoni dettaljata kull sena. Dan japplika b’mod partikolari għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (li joħroġ f’Novembru), li jistabbilixxi prijoritajiet ekonomiċi u soċjali fil-livell tal-UE, u r-Rapporti tal-Pajjiżi (li joħorġu fi Frar/Marzu), li jiffurmaw il-bażi għal gwida ulterjuri speċifika għal kull pajjiż. L-għażla tat-temi se ssir f’konsultazzjoni mal-atturi kollha, u b’mod partikolari mal-kumitati rilevanti li jirrappreżentaw l-Istati Membri.

Il-provvista ta’ assistenza teknika, il-promozzjoni tal-valutazzjoni komparattiva u l-iskambju tal-prattiki tajbin: is-Semestru Ewropew joffri forum għad-djalogu mal-partijiet ikkonċernati, għall-iskambju tal-esperjenza u għat-tisħiħ tat-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri,
bl-għan li tiġi appoġġata l-konverġenza ’l fuq lejn l-aħjar prestaturi. Il-korpi li jittrattaw il-kwistjonijiet tal-impjiegi u tal-politika soċjali fis-Semestru Ewropew, bħal pereżempju l-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, diġà bdew il-ħidma tagħhom fuq il-valutazzjoni komparattiva tal-konverġenza politika. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Aktar Passi Lejn it-Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa: Pjan Direzzjonali” 24 , il-Kummissjoni ssuġġeriet li jenħtieġ li tiġi infurzata l-ħidma li għaddejja fil-Kunsill u fl-Eurogroup dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-politiki. Barra minn hekk, flimkien mal-appoġġ finanzjarju pprovdut permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS) tal-Kummissjoni tenna l-offerta tiegħu għal appoġġ iddedikat għar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u politiċi 25 .

Il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-prestazzjonijiet bl-għajnuna tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali l-ġdida: flimkien mal-proposta tagħha għall-Pilastru, il-Kummissjoni ppreżentat Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali ġdida. Ir-rwol tagħha huwa li tgħin fl-analiżi tal-prestazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi u fil-qasam soċjali meta mqabbla mad-dimensjonijiet diversi tal-Pilastru. Intużat
għall-ewwel darba biex l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2018 tkun informata u profonda u l-indikaturi ntużaw biex jappoġġaw l-analiżi tar-Rapporti tal-Pajjiżi tal-2018. Dawn mhumiex soluzzjoni biex tingħalaq id-diskussjoni dwar il-monitoraġġ tal-Pilastru, iżda jagħtu informazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni reali, u jippermettu li jsir tqabbil maż-żmien u bejn il-pajjiżi. It-Tabella ta’ Valutazzjoni u l-bażijiet statistiċi tagħha se jiġu żviluppati aktar bl-appoġġ tal-Istati Membri.



Kaxxa 2. It-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali tal-UE l-ġdida 26

6. Konklużjonijiet

Għal deċennji, l-Unjoni Ewropea għenet biex jinkisbu dejjem aktar prosperità u ġustizzja soċjali. Illum, l-Ewropa hija wieħed mill-aktar postijiet attraenti biex wieħed jgħix fih. Madankollu, il-kriżi ekonomika u soċjali tal-aħħar deċennju kellha impatt kbir fuq in-nisġa soċjali tagħna, u dan tefa’ dubji fuq l-essenza tal-ekonomija soċjali tas-suq tagħna.

L-Ewropa issa ħarġet mill-kriżi u għalhekk jeħtieġ li nħarsu lejn il-ġejjieni, biex nilħqu mar-realtajiet dejjem jinbiddlu b’pass mgħaġġel u biex nindirizzaw l-isfidi soċjoekonomiċi usa’ li qed taffaċċja l-Ewropa, sabiex inġeddu u nsostnu l-mudelli ekonomiċi u soċjali tagħna.

Billi jiċċara xi tfisser l-Ewropa, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jesprimi prinċipji u drittijiet li huma essenzjali għall-progress soċjali għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tas-soċjetajiet, u jipprovdi gwida għal azzjoni ulterjuri.

L-impenji meħuda mill-Mexxejja tal-UE fis-Summit Soċjali f’Gothenburg huma parti minn aġenda usa’ biex jinbena l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea b’27 Stat Membru. Hija responsabbiltà kondiviża li nwettqu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u li nagħmluh realtà. Il-gvernijiet, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, l-Istituzzjonijiet Ewropej u dawk lokali u reġjonali huma lesti u impenjati biex jikkontribixxu għal dan.

(1)

  https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt

(2)

Fit-8 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel deskrizzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u nediet konsultazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 16 500 tweġiba online u madwar 200 dokument ta’ pożizzjoni. Il-konsultazzjoni spiċċat b’Konferenza ta’ konklużjoni “Nimxu ’l Quddiem Flimkien”
fit-23 ta’ Jannar 2017. Bħala parti mill-konsultazzjoni, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-Pilastru
fid-19 ta’ Jannar 2017 (2016/2095(INI). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta Opinjoni
fil-25 ta’ Jannar 2017 (SOC/542-01902-00-01-ac). Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta Opinjoni fil-11 ta’ Ottubru 2016 (CDR 2868/2016).

(3)

  http://www.socialsummit17.se/

(4)

 Il-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 enfasizza dan li ġej: “Is-Summit Soċjali f’Gothenburg fakkar fil-ħtieġa li ċ-ċittadin jiġi l-ewwel, li tkompli tiżviluppa d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni abbażi ta’ impenn komuni u kompetenzi stabbiliti, u li ssir promozzjoni tal-konverġenza permezz ta’ sforzi fil-livelli kollha, inkluż
mis-sħab soċjali. Bħala l-ewwel pass, għandu jsir dan li ġej: l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, bl-attenzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi tagħhom;
il-Kummissjoni mistiedna tipproponi monitoraġġ adatt (…).”

(5)

COM(2017) 2025.

(6)

COM(2017) 206.

(7)

COM(2017)240.

(8)

Fil-25 ta’ Marzu 2017, fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, il-Mexxejja tal-UE ddikjaraw: “F’dawn iż-żminijiet ta’ bidla, u konxji mit-tħassib taċ-ċittadini tagħna, aħna nikkommettu ruħna għall-Aġenda ta’ Ruma u nwiegħdu li naħdmu lejn: … Ewropa Soċjali: Unjoni li, ibbażata fuq it-tkabbir sostenibbli, tippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali kif ukoll il-koeżjoni u l-konverġenza, filwaqt li tappoġġa l-integrità tas-suq intern; Unjoni li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali u r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali; Unjoni li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll drittijiet u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; Unjoni li tiġġieled kontra l-qgħad, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-faqar; Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu; Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali tagħna u tippromwovi d-diversità kulturali.

(9)

SWD (2018) 67..

(10)

https://ec.europa.eu/commission/sites/betapolitical/files/social_dimension_of_europe_overview_of_initiatives_en.pdf  

(11)

COM (2017) 673 final.

(12)

Ara l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2018 (COM(2017) 690 final) u l-Komunikazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-progress tar-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tal-analiżijiet fil-fond (COM(2018) 120).

(13)

 L-FEIS diġà appoġġa proġetti bħal dawn għal valur ta’ investiment totali mistenni ta’ aktar minn EUR 10,5 biljun. Fl-intestatura tal-FEIS għall-infrastruttura u l-innovazzjoni, diġà ġew approvati 18-il proġett ta’ infrastruttura soċjali u dawn huma mistennija jimmobilizzaw total ta’ aktar minn EUR 6 biljun f’investimenti. Dawn jinkludu l-kostruzzjoni, l-estensjoni jew ir-rinnovazzjoni ta’ skejjel u universitajiet, kliniki u sptarijiet, u akkomodazzjoni soċjali għall-but ta’ kulħadd fil-komunità. Fl-intestatura tal-FEIS għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-investiment totali mistenni mmobilizzat fis-settur soċjali jammonta għal EUR 4,5 biljun. Reċentement, l-FEIS irdoppja l-kapaċità tal-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali għall-intraprenditorija mikrofinanzjarja u soċjali.

(14)

Xi eżempji huma d-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa, id-Direttiva dwar l-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar id-Deċiżjonijiet tat-Taxxa u dwar l-arranġamenti tal-ipprezzar minn qabel, id-Direttiva dwar ir-rapport għal kull pajjiż fir-rigward tal-multinazzjonali u l-proposta għat-tnedija mill-ġdid tal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva.

(15)

  https://ec.europa.eu/commission/publications/five-presidents-report-completing-europes-economic-and-monetary-union_en

(16)

Fis-6 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar “Aktar Passi Lejn it-Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa: Pjan Direzzjonali” (COM(2017)821).

(17)

COM(2018) 98 final.

(18)

Fil-Komunikazzjoni l-Kummissjoni enfasizzat: “Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għandu jallinja aħjar il-finanzjament disponibbli mal-prijoritajiet politiċi tagħna. Dan għandu jibni fuq dak li jaħdem tajjeb illum filwaqt li jiġu antiċipati l-isfidi ta’ għada. F’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, il-baġit għandu jippermetti Ewropa li hija bla periklu u sikura. Ewropa prospera u sostenibbli. Ewropa soċjali. U Ewropa aktar b’saħħitha fix-xena globali.” Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll: “Jenħtieġ li l-baġit tal-UE iwettaq il-wegħdiet li saru mill-Mexxejja fis-Summit Soċjali f’Gothenburg. Dan ifisser aktar żvilupp tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-appoġġ għaż-żgħażagħ u għall-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej”.

(19)

Eżempju reċenti għall-azzjoni tas-sħab soċjali huwa l-Ftehim Qafas Awtonomu li qablu fuqu fit-8 ta’ Marzu 2017 dwar it-Tixjiħ Attiv u l-Approċċ Interġenerazzjonali. Eżempju għal Ftehim tas-Sħab Soċjali, li ġie implimentat fil-liġi tal-UE huwa d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/131 tat-23 ta’ Jannar 2018 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) biex tiġi emendata d-Direttiva 2009/13/KE skont l-emendi tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, kif approvati mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fil-11 ta’ Ġunju 2014.

(20)

Ara t-Tbassir Ekonomiku tax-xitwa tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea:

https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-performance-and-forecasts/economic-forecasts/winter-2018-economic-forecast_mt u r-Rapport Trimestrali dwar l-Iżviluppi Ekonomiċi u Soċjali: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=8063 .

(21)

Il-maġġoranza ta’ dawn l-impjiegi ġodda li nħolqu jistgħu jitqiesu ta’ “kwalità tajba”: 78 % tal-impjiegi ġodda li nħolqu mill-Q3 tal-2014 huma permanenti u 88 % huma full-time.

(22)

Il-Komunikazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-progress tar-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tal-analiżijiet fil-fond (COM(2018) 120).

(23)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop); il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound); l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA); il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF).

(24)

COM(2017) 821 final.

(25)

L-SRSS ilu jimplimenta madwar 500 proġett ta’ assistenza teknika mill-2015. Eżempji ta’ proġetti bħal dawn fil-qasam soċjali jinkludu: (i) l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ introjtu minimu garantit; (ii) l-appoġġ tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni għall-migranti u għar-refuġjati; (iii) it-titjib tas-sistemi tal-valutazzjoni tad-diżabbiltà u tas-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà; (iv) it-titjib tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol; (v) l-appoġġ tar-riforma tal-edukazzjoni speċjali.

(26)

Għal aktar informazzjoni dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, ara:

https://composite-indicators.jrc.ec.europa.eu/social-scoreboard/#

Top