EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 52018AE3003

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill l-istabbiliment ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti” (COM(2018)387 final — 2018/0212 (COD))

EESC 2018/03003

ĠU C 62, 15.2.2019, str. 126—130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/126


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill l-istabbiliment ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti”

(COM(2018)387 final — 2018/0212 (COD))

(2019/C 62/21)

Relatur:

Philip VON BROCKDORFF

Korelatur:

Michael SMYTH

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 11.6.2018

Kunsill, 25.6.2018

Bażi legali

L-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

3.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

196/2/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota li bil-livell attwali ta’ integrazzjoni politika u soċjetali, fond federali kbir fiż-żona tal-euro mhuwiex realistiku. Madankollu, l-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti (FESI) proposta għandha l-għan li tagħmel l-politiki fiskali nazzjonali aktar stabilizzanti fir-rigward ta’ skossi asimmetriċi. Il-KESE jqis dan bħala pass ’il quddiem lejn integrazzjoni eqreb taż-żona tal-euro, u possibbilment tentattiv sabiex l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro jiġu mħeġġa jissieħbu fil-valuta unika.

1.2.

Il-KESE jifhem li l-FESI hija differenti mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), li evolva bħala fond ta’ protezzjoni matul il-kriżi finanzjarja. Madankollu, hemm bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn iż-żewġ fondi. L-FESI hija ħafna aktar limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u l-KESE jinsab imħasseb dwar id-daqs tal-fond fil-każ li l-iskossi asimmetriċi jħallu effett fuq żewġ Stati Membri jew aktar.

1.3.

Is-self mogħti permezz tal-FESI jagħti ċerta spinta lill-investiment pubbliku fi żminijiet ta’ skossi asimmetriċi. Il-KESE jwissi li l-impatt mhux probabbli li jkun immedjat. L-irkupru ekonomiku se jieħu ż-żmien u kwalunkwe effett pożittiv x’aktarx li jinħass fuq perjodu ta’ żmien medju u twil.

1.4.

Il-KESE jinnota li meta l-qgħad ikun l-uniku kriterju biex jiġi attivat l-appoġġ, dan jista’ jwassal għal xi nuqqasijiet fir-rigward tal-puntwalità tal-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi indikaturi komplementari oħra li normalment jiġu qabel l-qgħad f’termini ta’ tbassir ta’ skoss imminenti kbir, b’tali mod li livell inizjali ta’ appoġġ jista’ jiġi skattat qabel l-iskoss “kbir” ikun trażmess bis-sħiħ lill-indikatur tal-qgħad.

1.5.

Peress li l-FESI ma titqiesx bħala “addizzjonali” għal strumenti finanzjarji oħra, jiġifieri l-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), il-KESE huwa tal-fehma li l-użu tal-FESI se jnaqqas il-kapaċità tas-self globali. Huwa b’hekk id-dmir tal-Kummissjoni Ewropea li tibbilanċja fuq bażi kontinwa r-ripagamenti pendenti min-naħa tal-Istati Membri kkonċernati u r-responsabbiltajiet kontinġenti.

1.6.

Il-KESE mhuwiex kontra s-sorveljanza mill-Kummissjoni tal-fondi ffinanzjati mill-investiment pubbliku mogħtija permezz tal-FESI. Madankollu, l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom biżżejjed libertà meta jiddeterminaw liema tip ta’ investiment huwa meħtieġ. Għaldaqstant, il-KESE huwa favur li jinstab bilanċ bejn is-sorveljanza tal-Kummissjoni minn naħa waħda u, min-naħa l-oħra, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri kkonċernati fir-rigward tan-nefqa pubblika.

1.7.

Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga kif mekkaniżmu tal-assigurazzjoni li jagħmel tajjeb għal stabbilizzazzjoni makroekonomika jista’ jaħdem fl-UE kollha. Il-KESE huwa tal-fehma li skema tal-assigurazzjoni għall-unjoni kollha mfassla tajjeb li topera bħala stabbilizzatur awtomatiku fost l-iskossi makroekonomiċi tkun ħafna iżjed effettiva mill-FESI proposta. Kieku l-UE kellha tintlaqat minn kriżi finanzjarja u ekonomika oħra sadanittant, il-KESE jirrakkomanda approċċ ikkoordinat biex jintużaw l-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha inkluż l-FESI.

2.   Kuntest

2.1.

Għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti (FESI), li l-għan prinċipali tagħha jkun li jsaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja billi jankra ż-żona tal-euro mal-baġit fuq terminu twil tal-Unjoni. Il-FESI se tieħu l-forma ta’ self back-to-back sa EUR 30 biljun, flimkien ma’ sussidju tar-rata tal-imgħax biex ikopri l-ispejjez tas-self.

2.2.

Is-sussidju se jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri ekwivalenti għal perċentwali tad-dħul monetarju allokat lill-banek ċentrali nazzjonali tagħhom mill-BĊE (magħruf bħala “sinjoraġġ”) u miġbur permezz ta’ Fond ta’ Appoġġ għall-Istabilizzazzjoni (SSF). Ftehim intergovernattiv se jiġi konkluż sabiex jiġi ddeterminat l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri u r-regoli dwar it-trasferiment tagħhom.

2.3.

L-ammont ta’ self li Stat Membru eliġibbli jitħalla jissellef ikun stabbilit permezz ta’ formula bbażata fuq numru ta’ kriterji, inkluż:

(i)

il-livell massimu ta’ investiment pubbliku eliġibbli li l-FESI tista’ tappoġġja;

(ii)

iż-żieda fil-qgħad; u

(iii)

livell limitu definit bħala r-rata tal-qgħad nazzjonali trimestrali miżjuda aktar minn punt perċentwali wieħed meta mqabbla mar-rata tal-qgħad osservata fl-istess trimestru tas-sena ta’ qabel.

Madankollu, il-Kummissjoni tista’ żżid l-ammont tas-self mill-FESI sal-livell massimu tal-investiment pubbliku eliġibbli li l-FESI tista’ tappoġġja, fil-każ ta’ severità partikolari tal-iskoss asimmetriku kbir esperjenzat mill-Istati Membri kkonċernati.

2.4.

Ir-Regolament propost huwa essenzjalment ibbażat fuq prinċipji ewlenin ta’ solidarjetà fil-livell tal-UE u responsabbiltà min-naħa tal-Istati Membri individwali. Saret referenza għall-FESI fid-diskors li l-President tal-Kummissjoni Ewropea għamel dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 (1), fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 (2), fid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-UEM ta’ Mejju 2017 (3), u fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approfondiment ulterjuri tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif deskritt f’Diċembru 2017 (4).

2.5.

Flimkien mal-FESI, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (RSP) li għandu l-għan li jagħti appoġġ, fejn huwa meħtieġ, għal riformi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha. L-RSP ikun jikkonsisti min tliet komponenti: mekkaniżmu mmexxi mir-riforma, appoġġ tekniku u faċilità ta’ konverġenza sabiex tgħin lill-Istati Membri mhux fiz-żona tal-euro jissieħbu fl-euro. Il-KESE qed jagħti Opinjoni separata dwar dan.

2.6.

Il-FESI għandha żewġ objettivi ewlenin:

(i)

li tgħin fl-istabbilizzazzjoni tal-investiment pubbliku fi żminijiet ta’ skossi asimmetriċi kkawżati minn bidla fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jaffettwaw lill-Istati Membri b’mod differenti. Kif uriet il-kriżi finanzjarja, iż-żamma tal-istabbiltà fl-investiment pubbliku fi żmien ta’ kriżi hija sfida kbira għall-pajjiżi li għandhom munita komuni, bħaż-żona tal-euro, u

(ii)

li tappoġġja l-irkupru ekonomiku fi żminijiet ta’ skossi ekonomiċi fiż-żona tal-euro u għall-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Ewropew tar-Rata tal-Kambju (ERM II) u li ma jistgħux jużaw aktar il-politika monetarja tagħhom bħala lieva għall-aġġustament għal skossi.

2.7.

Ta’ min ifakkar li l-qafas attwali taż-żona tal-euro għadu mhuwiex lest. Filwaqt li l-politika monetarja hija ċentralizzata, il-politiki fiskali nazzjonali jibqgħu deċentralizzati u din id-dikotomija tista’ tpoġġi piz qawwi fuq Stat Membru milqut minn skoss asimmetriku, kif wera l-perjodu ta’ wara l-kriżi finanzjarja.

2.8.

Għalhekk, l-għan tal-FESI huwa li jikkomplementa l-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali meta tali stabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali — imfassla sabiex jikkumpensaw għaċ-ċaqliq fl-attività ekonomika ta’ Stat Membru u attivata awtomatikament mingħajr azzjoni espliċita tal-gvern — jistgħu jitqiesu ineffettivi. Fit-teorija, l-FESI jista’ jkollha l-effett li ttaffi l-impatt tal-iskossi ekonomiċi fuq l-ekonomija u b’hekk tgħinha tirkupra. L-FESI tista’ tgħin ukoll sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ riperkussjonijiet fuq Stati Membri oħra.

2.9.

Waqt kriżi, l-Istati Membri jistgħu jitilfu l-aċċess għas-swieq finanzjarji. F’dak il-każ, l-għodod disponibbli għall-Istati Membri affettwati jinkludu l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jew il-programm tal-Bilanċ tal-Pagamenti (BOP). Madankollu, attwalment, m’hemm l-ebda mekkaniżmu li jappoġġja Stat Membru jekk jesperjenza skoss asimmetriku mingħajr ma neċessarjament jitlef l-aċċess għas-swieq kapitali. Għalhekk, l-FESI għandha l-għan li timla dan il-vojt billi tipprovdi self lill-Istati Membri kkonċernati.

2.10.

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-mekkaniżmu propost, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi li l-iskoss asimmetriċi jitkejlu permezz ta’ “double unemployment trigger” (skattatur tal-qgħad doppju). Dan jidħol fis-seħħ meta r-rati tal-qgħad nazzjonali jmorru lil hinn min dak li jista’ jitqies bħala “normali” u jiġu kkunsidrati bħala indikatur rilevanti tal-impatt ta’ skoss asimmetriku kbir fi Stat Membru speċifiku.

2.11.

Fl-għoti ta’ self lil Stati Membri affettwati minn skossi ekonomiċi, il-mekkaniżmu jippresupponi li ġew applikati politiki fiskali u makroekonomiċi li huma konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP), li huwa sett ta’ regoli mfassla sabiex jiżguraw li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jsegwu finanzi pubbliċi sodi u jikkoordinaw il-politiki fiskali tagħhom, kif ukoll il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku. Din tal-aħħar għandha l-għan li tidentifika, tevita u tindirizza l-ħolqien ta’ żbilanċi makroekonomiċi potenzjalment ta’ ħsara li jistgħu jeffettwaw ħażin l-istabbiltà ekonomika ta’ Stat Membru partikolari, iż-żona tal-euro, jew l-UE kollha.

2.12.

Maż-żmien l-FESI tista’ tiġi kkomplementata (permezz tal-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabilizzazzjoni) minn riżorsi finanzjarji addizzjonali, minbarra l-baġit tal-UE, possibbilment minn tliet sorsi: il-MES, (il-Fond Monetarju Ewropew tal-futur), u skema tal-assigurazzjoni volontarja li tkun stabbilita mill-Istati Membri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jinnota li fil-livell attwali ta’ integrazzjoni politika u soċjetali, fond federali kbir fiż-żona tal-euro mhuwiex realistiku. Il-KESE konsistentement appoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tippromovi u tikkompleta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) (5). Fl-istess ħin, il-Kumitat ta’ spiss enfasizza t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas attwali ta’ impenn politiku mill-Istati Membri li huwa element fundamentali għat-tlestija tal-UEM (6). Il-proposti għal FESI jidhru li jirriflettu dan u għalhekk jirrappreżentaw tip ta’ soluzzjoni interim. Id-dikotomija bejn politika monetarja ċentralizzata u politika fiskali nazzjonali għalhekk mistennija tibqa’. Il-lat pożittiv tal-proposta hu li l-FESI għandha l-għan li tagħmel il-politiki fiskali nazzjonali aktar stabbilizzanti fir-rigward ta’ skossi asimmetriċi, filwaqt li tinkiseb sostenibbiltà fit-tul. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis din il-proposta bħala pass lejn integrazzjoni kemmxejn aktar mill-qrib taż-żona tal-euro, u possibbilment bħala tentattiv sabiex jinkoraġġixxi lill-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro jissieħbu fil-valuta unika.

3.2.

Il-mekkaniżmu propost jippresupponi konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jimplika politika baġitarja u makroekonomija soda. Dan jitqies mill-KESE bħala tentattiv sabiex jinġiebu flimkien l-konverġenza fiskali u monetarja billi jiġi żgurat li l-Istati Membri jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà li jimplika politika baġitarja u makroekonomija soda. Dan jimplika wkoll li l-FESI tkun disponibbli biss għall-Istati Membri konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u għalhekk għall-Istati Membri li diġà wettqu riformi strutturali u aġġustamenti baġitarji. Din il-kundizzjoni tista’ sservi bħala motivazzjoni għall-Istati Membri sabiex ikunu konformi għalkollox mall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u twarrab biżgħat ta’ sottoskrizzjoni tal-infiq mill-Istati Membri li għaddejjin mill-proċess ta’ riformi strutturali u aġġustamenti baġitarji.

3.3.

F’dan il-kuntest, l-FESI mhi se tirriżulta f’ebda “trasferiment permanenti” bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, bil-gvernijiet ikunu eliġibbli biss għall-appoġġ jekk ikunu ssodisfaw regoli baġitarji ewlenin tal-UE matul is-sentejn ta’ qabel. Madankollu, il-KESE jinnota, li l-FESI hija maħsuba biss għall-Istati Membri li għandhom politiki baġitarji u makroekonomiji sodi, u kwalunkwe self se jingħata f’ċirkostanzi eċċezzjonali u meta skossi asimmetriċi jimmanifestaw ruħhom fil-forma ta’ rati tal-qgħad li jaqbżu n-normal. Madankollu, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tad-dixxiplina tas-suq u fiskali, il-KESE jaqbel mal-għan ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni u jirrikonoxxi li din hija l-ewwel pass lejn funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni aktar żviluppata.

3.4.

Il-KESE jifhem li l-Kummissjoni ma setgħtex tipprovdi lista definittiva ta’ skossi asimmetriċi li jistgħu jinkludu fost oħrajn kriżi ta’ likwidità. Il-KESE huwa tal-fehma li reazzjoni adatta għal kriżi ta’ likwidità huwa l-programm ta’ Transazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMT) tal-Bank Ċentrali Ewropew, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jipparteċipaw fil-programm tal-MES, u mhux fl-FESI. Il-KESE jirrikonoxxi li lista eżawrenti ta’ skossi asimmetriċi ma tkunx adattata u jinnota b’sodisfazzjon is-simulazzjonijiet makroekonomiċi tal-Kummissjoni bbażati fuq data tal-passat fejn tidħol l-effettività tal-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni bħala mekkaniżmu għall-prevenzjoni tal-kriżijiet.

3.5.

Il-KESE jifhem li l-FESI hija differenti mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) li evolva bħala fond ta’ protezzjoni matul il-kriżi finanzjarja. L-MES huwa assoċjat aktar strettament ma’ programm ta’ salvataġġ finanzjarju li jiġi b’kondizzjonalità aktar oneruża u kapaċità ta’ self ta’ EUR 500 biljun u jistà jiġi sfruttat minn Stati Membri li tilfu l-kapaċità li jissellfu fis-swieq kapitali.

3.6.

Għalhekk, hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ fondi. Il-FESI għandha kamp ta’ applikazzjoni ħafna aktar limitat, u għalkemm hija maħsuba għal kwalunkwe daqs ta Stat Membru, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-fond propost ta’ EUR 30 biljun ikun aktar ġeneralment adattat għal żona tal-euro iżgħar u Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro. Għalhekk, il-KESE jesprimi tħassib dwar id-daqs tal-fond fil-każ li skossi asimmetriċi jkunu jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar. Il-FESI proposta għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala soluzzjoni definittiva għall-Istati Membri affaċċjati bi problemi ta’ darba bħal diżastri naturali jew kriżijiet bankarji lokalizzati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li bl-applikazzjoni tal-formula sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ self għall-Istat Membru eliġibbli (il-membri taż-żona tal-euro u l-membri aspiranti fir-rati tal-kambju Ewropew) is-self mogħti jagħti xi ftit ta’ spinta lill-investiment pubbliku (jekk weħed jassumi li dawn ikunu investimenti ta’ kwalità) fi żminijiet ta’ skossi asimmetriċi, iżda l-impatt x’aktarx li ma jkunx immedjat. L-irkupru ekonomiku se jieħu ż-żmien u kwalunkwe effett pożittiv x’aktarx li jinħass fuq perjodu ta’ żmien medju u twil. Għalhekk, il-proposta, hemm bżonn li tkun aktar realistika dwar l-għanijiet maħsuba u l-eżiti possibbli tal-FESI.

4.2.

Il-KESE jinnota li meta l-qgħad ikun l-uniku kriterju biex jiġi attivat l-appoġġ, dan jista’ jwassal għal xi nuqqasijiet fir-rigward tal-puntwalità tal-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni. Ta’ min jikkunsidra wkoll indikaturi komplementari oħra li normalment jiġu qabel il-qgħad f’termini ta’ tbassir ta’ skoss imminenti kbir, b’tali mod li livell inizjali ta’ appoġġ jista’ jiġi skattat qabel ma l-iskoss “kbir” jkun trażmess b’mod sħiħ lill-indikatur tal-qgħad. Ladarba l-qgħad ikun żdied b’mod konsiderevoli, jista’ jkun li tkun diġà saret ħsara ekonomika lill-kapaċità produttiva tal-ekonomija. Pereżempju, ekonomija li tesperjenza tnaqqis f’daqqa fl-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi mhux bilfors tesperjenza żieda simultanja fil-qgħad.

4.3.

Għalhekk jkun utli li jkun hemm strument li jista’ jiġi attivat qabel ma s-sintomi jkunu ħallew l-effett sħiħ tagħhom fuq is-suq tax-xogħol. Fi kliem ieħor, huwa neċessarju li l-kriterju tal-qgħad jiġi kkomplementat b’sett ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija li jistgħu jinkludu l-bidla fl-esportazzjoni tal-beni u s-servizzi, il-bidla fil-livell tal-inventarji u indikaturi ewlenin oħra li jindikaw b’mod ċar il-preżenza ta’ skoss ekonomiku. B’dan il-mod, il-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni proposta tkun aktar f’waqtha u effettiva.

4.4.

Barra minn hekk, ir-rata tal-qgħad medja ta’ 15-il sena li trid tinqabeż minn Stat Membru sabiex jikkwalifika għall-appoġġ tista’ taħdem kontra pajjiżi li rnexxielhom inaqqsu l-qgħad strutturali. Qafas ta’ żmien iqsar ta’ forsi ħames snin ikun aktar adattat.

4.5.

Il-KESE jinnota li l-FESI, kif proposta, titħalla tissellef flus minn swieq kapitali u ssellef lill-Istati Membri b’imgħax issussidjat sabiex tkopri l-ispejjeż tas-selfiet. Kif iddikjarat qabel, is-sussidju jiġi ffinanzjat min dak li nafuh bħala “sinjoraġġ” u miġbur permezz ta’ Fond ta’ Appoġġ għall-Istabilizzazzjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istati Membri jridu juru l-impenn politiku u finanzjarju tagħhom a priori.

4.6.

Minħabba li l-FESI ma titqiesx bħala “addizzjonali” għall-istrumenti eżistenti, l-ammont totali ta’ selfiet disponibbli għall-faċilità tal-BOP, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-FESI nnifisha jistgħu jkunu ristretti b’limitu “uniku”. Tal-inqas fit-teorija, faċilità gdida bħal din tnaqqas effettivament bi EUR 30 biljun il-kapaċità tal-EFSM li jsellef kif propost għall-FESI. Huwa b’hekk id-dmir tal-Kummissjoni li tibbilanċja fuq bażi kontinwa r-ripagamenti pendenti min-naħa tal-Istati Membri kkonċernati u r-responsabbiltajiet kontinġenti.

4.7.

Il-KESE jqis l-FESI u l-EFSM huma kemxejn simili fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Iż-żewġ fondi huma maħsuba li jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri. Madankollu, filwaqt li l-FESI u l-EFSM għandhom kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà separati, il-KESE jifhem li l-kundizzjonijiet tal-EFSM xorta waħda jibqgħu japplikaw, u b’hekk dan jirrestrinġi kemxejn l-effettività tal-FESI.

4.8.

Il-KESE jirreferi għas-sussidju tal-imgħax li l-Istat Membru kkonċernat jibbenefika minnu. Fil-każ ta’ kriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet, l-effett ta’ dan is-sussidju għar-rata tal-imgħax jista’ jkun li potenzjalment iżid l-ispiża tal-ħlas tal-imgħax minħabba r-riskji li jinħolqu minn Stat Membru ffaċċjat bi kriżi. Dan, min-naħa tiegħu, jħalli impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat. L-effettività ta’ investiment pubbliku ta’ kwalità u b’hekk l-effettività tal-FESI nnifisha hija għalhekk kritika sabiex jitnaqqas kwalunkwe riskju tas-suq li jaffettwa l-Istat Membru kkonċernat u l-ispejjeż ta’ self tiegħu fuq perjodu ta’ żmien medju u twil.

4.9.

Il-KESE jirreferi għas-sorveljanza tal-investiment pubbliku li l-Istat Membru kkonċernat jkun soġġett għaliha mill-Kummissjoni, kif tirrikjedi l-proposta. Il-KESE mhuwiex kontra dan il-prinċipju iżda huwa tal-fehma li l-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu bizzejjed libertà sabiex jiddetermina t-tip ta’ investiment meħtieġ u għalhekk huma favur li jinstab bilanċ bejn is-sorveljanza tal-Kummissjoni minn naħa waħda u, min-naħa l-oħra, id-diskrezzjoni fuq in-nefqa pubblika tal-Istat Membru kkonċernat. Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li l-investiment pubbliku għandu jitqies ukoll bħala strument ta’ solidarjetà.

4.10.

Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni tippermetti titjib futur fl-iskema — jiġifieri l-possibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni sabiex jindirizza l-istabbilizzazzjoni makroekonomika. Dan, skont il-fehma tal-KESE, huwa rikonoxximent tal-limitazzjonijiet tal-FESI nnifisha u l-proposti fil-format attwali ta — għhom eventwalment se jkun jeħtieġ jiġu kkomplementati minn funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni fuq skala sħiħa bħal skema ta’ assigurazzjoni tal-unjoni kollha li taġixxi bħala stabilizzatur awtomatiku matul skossi makroekonomiċi. Kieku l-UE kellha tintlaqat minn kriżi finanzjarja u ekonomika oħra sadanittant, il-KESE jirrakkomanda approċċ ikkoordinat biex jintużaw l-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha inkluż l-FESI.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  L-Ittra ta’ Intenzjoni lill-President Antonio Tajani u lill-Prim Ministru Jüri Ratas, Jean-Claude Juncker, L-Istat tal-Unjoni, 13 ta’ Settembru 2017.

(2)  Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti: Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, 22 ta’ Ġunju 2015.

(3)  COM(2017) 291 final.

(4)  COM(2017) 821 final.

(5)  Ara pereżempju l-Opinjoni tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-ewro (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 33) u l-Opinjoni tal-KESE dwar L-approfondiment tal-UEM sal-2025 (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 124).

(6)  Ara pereżempju l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-Pakkett dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ĠU C 262, 25.7.2018, p.28).


Góra