EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0771

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi

COM/2016/0771 final - 2016/0383 (NLE)

Brussell, 5.12.2016

COM(2016) 771 final

2016/0383(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-biedja organika tat-3237 laqgħa tal-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-mekkaniżmi attwali sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ internazzjonali ta' prodotti organiċi u sabiex f'kull ftehim kummerċjali jkunu meħtieġa r-reċiproċità u t-trasparenza.

Fis-16 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi.

Fuq il-bażi tad-Direttivi ta' negozjar tal-Kunsill, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim maċ-Ċilì li jirrikonoxxi b'mod reċiproku l-ekwivalenza tar-regoli u s-sistemi ta' kontroll rispettivi dwar il-produzzjoni organika fir-rigward ta' ċertu prodotti.

Il-ftehim maċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi għandu l-għan li jippromwovi l-kummerċ ta' prodotti organiċi bejn l-UE u ċ-Ċilì , u li jikseb livell għoli ta' rispett għall-prinċipji tar-regoli dwar il-produzzjoni organika kif ukoll il-protezzjoni reċiproka tal-logos għall-prodotti organiċi.

Il-ftehim ta' ekwivalenza se jippermetti li prodotti li jiġu manifatturati u kkontrollati skont ir-regoli tal-UE jitqiegħdu direttament fis-suq Ċilen, u bil-kontra. Dan se jippermetti wkoll li tinħoloq sistema ta' kooperazzjoni, ta' skambju ta' informazzjoni u ta' soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-kummerċ ta' prodotti organiċi.

Iċ-Ċilì se jirrikonoxxi bħala ekwivalenti l-prodotti organiċi tal-Unjoni kollha inklużi fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, jiġifieri: prodotti tal-pjanti mhux ipproċessati, annimali ħajjin jew prodotti tal-annimali mhux ipproċessati (inkluż l-għasel), prodotti tal-akkwakultura u algi, prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala ikel (inkluż l-inbid), prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala għalf, materjal għall-propagazzjoni veġetattiva u żrieragħ għall-kultivazzjoni.

Min-naħa l-oħra, l-Unjoni se tirrikonoxxi bħala ekwivalenti dawn il-prodotti li ġejjin miċ-Ċilì : prodotti tal-pjanti mhux ipproċessati, għasel, prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala ikel (inkluż l-inbid), materjal għall-propogazzjoni veġetattiva u żrieragħ għall-kultivazzjoni.

Instab li r-regoli Ċileni dwar il-produzzjoni għal prodotti tal-annimali, minbarra l-apikultura u l-għalf, ma kinux ekwivalenti u possibbilment se jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti biss fi stadju aktar tard, meta ċ-Ċilì jiżviluppa l-leġiżlazzjoni tagħha għal dawn il-prodotti. Għalkemm iċ-Ċilì m'għandux regoli għall-akkwakultura organika, il-pajjiż aċċetta li jirrikonoxxi prodotti tal-akkwakultura u algi organiċi tal-Unjoni.

Filwaqt li għall-Unjoni ma huma previsti ebda kundizzjonijiet b'rabta ma' ingredjenti importati, fi prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala ikel li jkunu ġew ipproċessati fiċ-Ċilì għandhom jintużaw ingredjenti organiċi mkabbra fiċ-Ċilì jew ingredjenti importati lejn iċ-Ċilì jew mill-Unjoni jew minn pajjiż terz rikonoxxut bħala ekwivalenti (f'konformità mal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007) mill-Unjoni - iżda mhux minn pajjiżi terzi li għalihom l-Unjoni għandha biss awtoritajiet jew korpi ta' kontroll rikonoxxuti (f'konformità mal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-Kummissjoni nnegozjat dan il-ftehim skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2014 li awtorizzat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi rigward il-kummerċ ta' prodotti organiċi u adottat id-direttivi tan-negozjati rilevanti.

Il-politika kummerċjali hija fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Konsegwentement, dan il-Ftehim huwa negozjat u konkluż skont l-Artikoli 207 u 218 tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT.

Mhux applikabbli    

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja

5.ELEMENTI OĦRA

Mhux applikabbli

2016/0383 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] ta’ […], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta prodotti organiċi, (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fil-[…], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)Fil-Ftehim, l-Unjoni u Repubblika taċ-Ċilì rrikonoxxew l-ekwivalenza tar-regoli tagħhom dwar il-produzzjoni organika u s-sistemi ta' kontroll fir-rigward tal-prodotti organiċi.

(3)Il-Ftehim għandu l-għan li jrawwem il-kummerċ ta' prodotti organiċi, li jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp u l-espansjoni tas-settur organiku fl-Unjoni u fir-Repubblika taċ-Ċilì li jikseb livell għoli ta' rispett tal-prinċipji tar-regoli dwar il-produzzjoni organika, ta' garanzija tas-sistemi ta' kontroll u ta' integrità tal-prodotti organiċi. Għandha tittejjeb ukoll il-protezzjoni tal-logos rispettivi għall-prodotti organiċi. Il-Ftehim għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni regolatorja bejn il-Partijiet fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni organika.

(4)Il-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi (“il-Kumitat Konġunt”), stabbilit bl-Artikolu 8 tal-Ftehim, ser jittratta ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, il-Kumitat Konġunt għandu s-setgħa li jemenda l-lista ta’ prodotti stabbilita fl-Anness I jew II ta’ dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata biex tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt.

(5)Sabiex tkun iffaċilitata l-approvazzjoni ta’ emendi għal-lista ta’ prodotti stipulati fl-Anness I jew II, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tapprovahom, soġġett għal informazzjoni minn qabel mir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tinforma lir-rappreżentanti tal-Istati Membri bl-emendi għall-Anness I jew II li għalihom ikollha l-intenzjoni li tagħti l-approvazzjoni tagħha fil-Kumitat Konġunt u għandha tipprovdi lir-rappreżentanti tal-Istati Membri bl-informazzjoni rilevanti kollha li tkun wasslet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li l-ekwivalenza tista’ tiġi aċċettata.

(6)Barra minn hekk, sabiex ikun hemm reazzjoni fil-pront f’każ li l-kundizzjonijiet għall-ekwivalenza ma jkunux qed jiġu sodisfatti aktar, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tissospendi unilateralment ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza, soġġett għal informazzjoni minn qabel mir-rappreżentanti tal-Istati Membri.

(7)Fil-każ li rappreżentanti tal-Istati Membri li jkunu jirrappreżentaw minoranza li timblokka jopponu l-pożizzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex titħalla tapprova emendi għal-lista ta’ prodotti stipulati fl-Anness I jew II, u lanqas li tissospendi r-rikonoxximent ta’ ekwivalenza. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat.

(8)Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi (“il-Ftehim) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

2.It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-Prodotti Organiċi stabbilit bl-Artikolu 8 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Emendi għall-Anness I jew II tal-Ftehim li jsiru skont l-Artikolu 8(3)(b) tal-Ftehim għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni.

Qabel l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-emendi għall-Anness I jew II ta’ dan il-Ftehim, hija għandha tinforma lir-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni billi tipprovdi dokument ta’ informazzjoni li jagħti r-riżultati tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza mwettqa fir-rigward tal-lista ta’ prodotti ġdida jew aġġornata msemmija fl-Anness I jew II, inkluż:

(a)il-lista ta’ prodotti kkonċernati, flimkien ma’ indikazzjoni dwar il-kwantitajiet previsti għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni;

(b)ir-regoli tal-produzzjoni applikati għall-prodotti kkonċernati fir-Repubblika taċ-Ċilì b’indikazzjoni dwar kif tkun ġiet solvuta kwalunkwe differenza sostanzjali mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni;

(c)jekk rilevanti, sistema ta’ kontroll ġdida jew aġġornata applikata għall-prodotti kkonċernati b’indikazzjoni dwar kif tkun ġiet solvuta kwalunkwe differenza sostanzjali mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni;

(d)kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa rilevanti mill-Kummissjoni.

Fil-każ li għadd ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka kif previst fit-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 238(3) tat-Trattat joġġezzjonaw, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat.

Artikolu 5

Id-deċiżjoni biex jiġu sospiżi unilateralment mill-Unjoni, b’konformità mal-Artikolu 3(4) u (5) tal-Ftehim, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness IV, inklużi l-verżjonijiet ikkonsolidati u aġġornati tagħhom kif imsemmi fl-Anness V, għandha tittieħed mill-Kummissjoni.

Qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni bħal din, hija għandha tinforma lir-rappreżentanti tal-Istati Membri skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi […].

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

Top

Brussell, 5.12.2016

COM(2016) 771 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi


Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

minn naħa, u,

IR-REPUBBLIKA TAĊ-ĊILÌ, minn hawn 'il quddiem imsejħa “iċ-Ċilì”,

min-naħa l-oħra,

flimkien imsejjħa bħala “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU s-sħubija kummerċjali li ilha teżisti u b'saħħitha bbażata fuq il-prinċipji komuni u l-valuri riflessi fil-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra;

DETERMINATI li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-espansjoni tas-setturi organiċi tagħhom billi joħolqu opportunitajiet ġodda għall-esportazzjoni;

DETERMINATI li jrawmu l-kummerċ tal-prodotti organiċi u konvinti li dan il-Ftehim sejjer jiffaċilita l-kummerċ ta' prodotti mkabbra u manifatturati b'mod organiku bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JFITTXU li jiksbu livell għoli ta' rispett tal-prinċipji tar-regoli tal-produzzjoni organika, tal-garanzija tas-sistemi tal-kontroll u tal-integrità tal-prodotti organiċi;

IMPENJATI li jsaħħu l-kooperazzjoni regolatorja dwar kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni organika;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tar-reċiproċità u t-trasparenza fil-kummerċ internazzjonali għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha;

FILWAQT li jżommu f'moħħhom li l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ jinkoraġġixxi lill-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex jagħtu kunsiderazzjoni pożittiva lill-fatt li jaċċettaw bħala ekwivalenti regolamenti tekniċi ta' Membri oħrajn, anke jekk dawn ikunu differenti minn tagħhom, kemm-il darba jkunu sodisfatti li dawn ir-regolamenti jissodisfaw l-għanijiet tar-regolamenti tagħhom stess b'mod xieraq;

FILWAQT LI JINNUTAW li l-kunfidenza permanenti fl-affidabbiltà kontinwa tal-proċeduri tal-valutazzjoni u tas-sistema ta' kontroll tal-Parti l-oħra hija element essenzjali ta' aċċettazzjoni tal-ekwivalenza ta' dan it-tip;

FILWAQT LI JIBNU fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u ftehimiet u arranġamenti multilaterali, reġjonali u bilaterali oħrajn li jagħmlu parti minnhom;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jitrawwem il-kummerċ tal-prodotti agrikoli u tal-ikel magħmula b'mod organiku bejn l-Unjoni u ċ-Ċilì, skont il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tar-reċiproċità.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-ftehim, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)"Ekwivalenza" tfisser il-kapaċità li liġijiet u regolamenti, u sistemi ta' spezzjoni u ta' ċertifikazzjoni differenti jilħqu l-istess għanijiet.

(2)"Awtorità kompetenti" tfisser aġenzija uffiċjali li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness  IV, responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

(3)"Awtorità ta' kontroll" tfisser l-awtorità ta' Stat Membru tal-Unjoni li lilha l-awtorità rilevanti tkun ikkonferiet, bis-sħiħ jew b'mod parzjali, il-kompetenza tagħha għall-ispezzjonijiet jew iċ-ċertifikazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika skont il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III.

(4)"Korp ta' kontroll" tfisser entità privata indipendenti li twettaq spezzjonijiet u ċertifikazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika skont il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IV.

Artikolu 3

Ir-Rikonoxximent tal-Ekwivalenza

1.Fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness I, l-Unjoni tirrikonoxxi l-liġijiet u r-regolamenti taċ-Ċilì elenkati fl-Anness IV bħala ekwivalenti għal-liġijiet u r-regolamenti tagħha kif elenkati fl-Anness III.

2.Fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness II, iċ-Ċilì jirrikonoxxi l-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni elenkati fl-Anness III bħala ekwivalenti għal-liġijiet u r-regolamenti tagħha kif elenkat fl-Anness IV.

3.Fil-każ ta' modifika, revoka jew sostituzzjoni ta' jew żieda mal-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IV, ir-regoli l-ġodda għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għar-regoli tal-Parti l-oħra sakemm il-Parti l-oħra ma toġġezzjonax skont il-proċeura stipulata fil-paragrafu 4.

4.Jekk Parti tikkunsidra li l-liġijiet, regolamenti jew proċeduri amministrattivi u l-prattiki tal-Parti l-oħra ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-ekwivalenza, din għandha toħroġ talba raġunata lill-Parti l-oħra biex temenda l-liġi, ir-regolament jew il-proċedura u l-prattika amministrattiva rilevanti u tipprovdi qafas ta' żmien adegwat, li m'għandux ikun ta' inqas minn tliet xhur, biex tiġi żgurata l-ekwivalenza. Jekk, wara l-iskadenza ta' dan il-perjodu, il-Parti kkonċernata tkun għadha qed tqis li r-rekwiżiti għall-ekwivalenza ma ġewx issodisfati, din tista' tissospendi b'mod unilaterali r-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-liġijiet u tar-regolamenti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IV fir-rigward tal-prodotti kkonċernati elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II.

5.Tista' tittieħed ukoll Deċiżjoni biex ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IV fir-rigward tal-prodotti kkonċernati elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II jiġi sospiż unilateralment, wara l-iskadenza ta' perjodu ta' avviż ta' tliet xhur, fejn Parti waħda ma tkunx ipprovdiet l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 6 jew ma taqbilx li titwettaq reviżjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 7.

6.Fir-rigward ta' prodotti mhux elenkati fl-Anness I u fl-Anness II, l-ekwivalenza għandha tiġi eżaminata fuq talba ta' Parti waħda mill-Kumitat Konġunt stabbilit fl-Artikolu 8(1) skont l-Artikolu 8(3)(b).

Artikolu 4

L-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq

1.L-Unjoni għandha taċċetta l-importazzjoni fit-territorju tagħha u t-tqegħid fis-suq tagħha bħala prodotti organiċi, tal-prodotti elenkati fl-Anness I sakemm il-prodott huwa konformi mal-liġijiet u mar-regolamenti taċ-Ċilì kif elenkat fl-Anness IV u huwa akkumpanjat minn ċertifikat ta' spezzjoni kif stipulat fl-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008, maħruġ minn korp ta; kontroll rikonoxxut miċ-Ċilì u indikat lill-Unjoni skont il-paragrafu 3.

2.Iċ-Ċilì għandu jaċċetta l-importazzjoni lejn it-territorju tiegħu u t-tqegħid fis-suq bħala prodotti organiċi, tal-prodotti elenkati fl-Anness II sakemm il-prodott huwa konformi mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Unjoni kif elenkat fl-Anness III u huwa akkumpanjat minn ċertifikat maħruġ minn awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll tal-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni Nru 7880/2011 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u tat-Trobbija tal-Annimali.

3.Kull Parti tirrikonoxxi lill-awtoritajiet ta' kontroll jew lill-korpi ta' kontroll indikati mill-Parti l-oħra bħala responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli rilevanti fir-rigward ta' prodotti organiċi koperti mir-rikonoxximent tal-ekwivalenza kif imsemmi fl-Artikolu 3, u għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' spezzjoni kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 bil-għan li jimpurtawhom u jqiegħduhom fis-suq fit-territorju tal-Parti l-oħra.

Il-Parti li timporta, b'kooperazzjoni mal-Parti l-oħra, għandha tagħti kodiċijiet numeriċi lil kull awtorità ta' kontroll u korp ta' kontroll rilevanti indikati mill-Parti l-oħra.

Artikolu 5

Tikkettar

1.Prodotti importati minn Parti waħda mill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Parti l-oħra kif elenkat fl-Anness III u fl-Anness IV. Dawk il-prodotti jista' jkollhom il-logo organiku tal-Unjoni, il-logo organiku taċ-Ċilì, jew iż-żewġ logos, kif stipulat fil-liġijiet u fir-regolamenti rilevanti, sakemm jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tikkettar għal-logo rispettiv jew għaż-żewġ logos.

2.Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom biex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin tat-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, id-derivattivi jew id-diminuttivi tagħhom, bħal "bijo" u "eko" fir-rigward ta' prodotti li huma koperti mir-rikonoxximent tal-ekwivalenza msemmi fl-Artikolu 3.

3.Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jipproteġu l-logo organiku tal-Unjoni u l-logo organiku taċ-Ċilì stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti rilevanti kontra kwalunkwe użu ħażin jew imitazzjoni. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-logo organiku tal-Unjoni u l-logo organiku taċ-Ċilì jintużaw biss għat-tikkettar, għar-reklamar jew għad-dokumenti kummerċjali ta' prodotti li jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV.

Artikolu 6

Skambju ta' informazzjoni

Il-Partijiet għandhom iwettqu skambji tat-tagħrif rilevanti kollu li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. B'mod partikolari, sal-31 ta' Marzu tat-tieni sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, u sussegwentement sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, kull Parti għandha tibgħat lill-oħra:

rapport li jkun fih informazzjoni fir-rigward tat-tipi u l-kwantitajiet ta' prodotti organiċi esportati skont dan il-Ftehim, li jkopri l-perjodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena ta' qabel; kif ukoll

rapport dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ u ta' superviżjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti, ir-riżultati miksuba u l-miżuri korrettivi meħuda, li jkopri l-perjodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena ta' qabel.

Fi kwalunkwe ħin, kull Parti għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parti l-oħra dwar:

kwalunkwe aġġornament tal-lista tal-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet ta' kontroll u korpi ta' kontroll tagħhom, inkluż id-dettalji tal-kuntatt rilevanti (b'mod partikolari l-indirizz u l-indirizz tal-internet);

kwalunkwe bidliet jew revoki li tkun beħsiebha twettaq b'rabta ma' liġijiet jew regolamenti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV, kwalunkwe proposti għal liġijiet jew regolamenti ġodda jew kwalunkwe bidliet rilevanti fi proċeduri u prattiki amministrattivi relatati ma' prodotti organiċi elenkati fl-Anness I u fl-Anness II;

kwalunkwe bidliet jew revoki li adottat għal liġijiet jew regolamenti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV, kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida jew bidliet rilevanti fi proċeduri u prattiki amministrattivi relatati ma' prodotti organiċi elenkati fl-Anness I u fl-Anness II; kif ukoll

kwalunkwe aġġornament tal-indirizzi tal-internet indikati fl-Anness V fejn il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV, inkluż kwalunkwe modifika, revoka, sostituzzjoni jew żieda, kif ukoll verżjonijiet konsolidati, u kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida għal prodotti li ġew elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II skont l-Artikolu 8(3)(b) jistgħu jiġu kkonsultati.

Artikolu 7

Evalwazzjonijiet bejn il-pari

1.Wara avviż bil-quddiem ta' mill-inqas tliet xhur, kull Parti għandha tippermetti lill-uffiċjali jew esperti nominati mill-Parti l-oħra jwettqu reviżjonijiet bejn il-pari fit-territorju tagħha biex tivverifika li l-awtoritajiet ta' kontroll u l-korpi ta' kontroll rilevanti jkunu qed iwettqu l-kontrolli meħtieġa skont dan il-Ftehim.

2.Kull Parti għandha tikkoopera ma' u tassisti lill-Parti l-oħra, safejn huwa permess skont il-liġi applikabbli, fit-twettiq tar-reviżjonijiet bejn il-pari msemmija fil-paragrafu 1, li jistgħu jinkludu żjarat f'uffiċċji tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korpi ta' kontroll rilevanti, ta' faċilitajiet tal-ipproċessar u ta' operaturi ċertifikati.

Artikolu 8

Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi

1.B'dan, il-Partijiet jistabbilixxu Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ 'il-Kumitat Konġunt') magħmul minn rappreżentati tal-Unjoni maħturin kif xieraq, min-naħa waħda, u rappreżentanti tal-Gvern taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra.

2.Għandhom isiru konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt sabiex l-implimentazzjoni tiġi faċilitata u biex l-għan ta' dan il-Ftehim jitmexxa 'l-quddiem.

3.Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu:

(a)li jimmaniġġja dan il-Ftehim, billi jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-funzjonament tajjeb tiegħu;

(b)li jeżamina kwalunkwe talba ta' Parti waħda biex taġġorna jew testendi prodotti ġodda mal-lista ta' prodotti fl-Anness I jew fl-Anness II u li jadotta deċiżjoni biex jimmodifika l-Anness I jew l-Anness II jekk l-ekwivalenza hija rikonoxxuta mill-Parti l-oħra;

(c)li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fuq il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità rigward il-produzzjoni organika, li għaliha għandu jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni teknika jew regolatorja oħra relatata mar-regoli tal-produzzjoni organika u mas-sistemi ta' kontroll bil-ħsieb li tiżdied il-konverġenza bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istandards;

(d)li jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

4.Il-Partijiet għandhom, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi, jimplimentaw id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt skont il-paragrafu 3(b) u jinfurmaw lil xulxin b'dan fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni tagħhom 1 .

5.Il-Kumitat Konġunt għandu jopera permezz ta' konsensus. Għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Jista' jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.

6.Il-Kumitat Konġunt għandu jinforma lill-Kumitat dwar l-Istandards, ir-Regolamenti Tekniċi u l-Valutazzjoni tal-Konformità stabbilit fl-Artikolu 88 tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, dwar id-deċiżjonijiet u x-xogħol tiegħu.

7.Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' darba f'sena, fl-Unjoni u fiċ-Ċilì b'mod alternat, f'data li jsir qbil fuqha reċiprokament. Jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, laqgħa tal-Kumitat Konġunt tista' ssir permezz ta' vidjo jew telekonferenza.

8.Il-Kumitat Konġunt għandu jiġi kopresedut miż-żewġ Partijiet.

Artikolu 9

Soluzzjoni ta' tilwim

Kwalunkwe tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi riżolta permezz ta' konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jippreżentaw lill-Kumitat Konġunt bl-informazzjoni rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa tal-kwistjoni, bil-għan li jsolvu t-tilwima.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

Rappreżentanti, esperti u aġenti oħra tal-Partijiet għandhom ikunu meħtieġa, anke wara li jkunu temmew id-doveri tagħhom, li ma jiżvelawx tagħrif, miksub fil-qafas ta' dan il-Ftehim, kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

Artikolu 11

Reviżjoni

1.Meta waħda mill-Partijiet tfittex li jsir rieżami ta' dan il-Ftehim, għandha tissottometti talba raġunata lill-Parti l-oħra.

2.Il-Partijiet jistgħu jafdaw lill-Kumitat Konġunt bil-kompitu li jikkunsidra kull talba bħal din u, jekk xieraq, li jagħmel rakkomandazzjonijiet, b'mod partikolari bil-għan li jinfetħu negozjati fuq partijiet ta' dan il-Ftehim li ma jistgħux jinbidlu skont l-Artikolu 8(3)(b).

Artikolu 12

Implimentazzjoni tal-Ftehim

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha, kemm jekk ġenerali kif ukoll jekk speċifiċi, biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi skont dan il-Ftehim. Huma għandhom jastjenu minn kwalunkwe miżura li tkun tista' tipperikola l-ilħiq tal-għan ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Annessi

L-Annessi ta' dan il-Ftehim għandu jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 14

Kamp ta' applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom jiġi applikat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju taċ-Ċilì.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u tul taż-żmien

Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-aħħar notifika tat-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa minn kull Parti.

Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu inizjali ta' tliet snin. Għandu jiġi mġedded indefinittivament sakemm l-Unjoni jew iċ-Ċilì jinnotifikaw lill-Parti l-oħra b'oġġezzjoni għal tali tiġdid qabel jiskadi l-perjodu inizjali.

Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tiddenunzja dan il-Ftehim. Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara n-notifika.

Artikolu 16

Kitba Awtentika

Dan il-Ftehim huwa ffirmat f'żewġ kopji bl-Ingliż u bl-Ispanjol, b'kull test ikun ugwalment awtentiku.

Magħmul f'XXXX, l-XX jum ta' XXX tal-2016

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Gvern tar-

Repubblika taċ-Ċilì



ANNESS I

Prodotti organiċi miċ-Ċilì li għalihom l-Unjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza

Kodiċi u deskrizzjoni tan-nomenklatura tas-Sistema Armonizzata

Kummenti

0409

Għasel naturali

 

06

SIĠAR ĦAJJIN U XTIELI OĦRA; BASAL, GĦERUQ U BĦALHOM; FJURI MAQTUGĦIN U WERAQ ORNAMENTALI

 

Il-kodiċijiet li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma inklużi biss jekk mhux ipproċessati

 

0603

Fjuri maqtugħin u blanzuni ta’ fjuri ta’ tip adattati għal bukketti u għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

 

0603 90

Oħrajn

 

0604

Weraq, friegħi u partijiet oħrajn ta’ pjanti, mingħajr fjuri jew blanzuni, u ħaxix, ħażiż u likeni, li huma oġġetti adattati għal bukketti jew għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

 

0604 90

Oħrajn

 

07

VEĠETALI U ĊERTI GĦERUQ U TUBERI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

08

FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW BETTIEĦ

 

09

KAFÈ, TE, MATÈ* U ĦWAWAR

* Eskluż

10

ĊEREALI

 

11

PRODOTTI TAL-INDUSTRIJA TAT-TĦIN; XGĦIR; LAMTI; INULINA; GLUTINA TAL-QAMĦ

 

12

ŻRIERAGĦ TAŻ-ŻEJT U FROTT OLEAĠINUŻ; QMUĦ VARJI, ŻRIERAGĦ U FROTT; PJANTI INDUSTRIJALI JEW MEDIĊINALI; TIBEN U MAGĦLEF

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1211

Pjanti u partijiet tagħhom (inklużi żerriegħa u frott), ta' kwalità użata l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għal għanijiet ta' insettiċidi, funġiċidi jew għal għanijiet simili oħrajn, friski jew imnixxfin, maqtugħin jew le, misħuqin jew trab

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati jew jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1212 21

Alki tal-baħar u alki oħrajn

Esklużi

1212 21

Tajbin għall-konsum uman

Esklużi

1212 29

Oħrajn

Esklużi

13

GOMMALAKKA; GOMOM, RAŻI, U LINEF U ESTRATTI VEĠETALI OĦRAJN

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

1301

Gommalakka; gomom naturali, rażi, rażi tal-gomma u oleoreżini (pereżempju, balzmi)

Esklużi

1302

Linef u estratti veġetali; sustanzi tal-pektin, pektinati u pektati; agar-agar u muċilaġni u materjali li jgħaqqdu oħrajn, kemm jekk modifikati kif ukoll jekk le, li ġejjin minn prodotti veġetali.

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1302 11

Loppju

Esklużi

1302 19

Oħrajn

Esklużi

14

MATERJALI VEĠETALI TAT-TRIZZA; PRODOTTI VEĠETALI LI MHUMIEX IMSEMMIJIN JEW INKLUŻI BAND’OĦRA

 

15

XAĦMIJIET U ŻJUT TA’ ANNIMALI JEW ĦXEJJEX U PRODOTTI MILL-QSIM TAGĦHOM; XAĦMIJIET IPPREPARATI TAJBIN GĦALL-IKEL; XEMGĦAT TA’ ANNIMALI JEW ĦXEJJEX

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1501

Xaħam tal-majjal (inkluż lardu) u xaħam tat-tjur, minbarra dak tal-intestatura 0209 jew 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1502

Xaħmijiet ta’ annimali bovini, nagħaġ jew mogħoż, minbarra dawk tal-intestatura 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1503

Stearina tax-xaħam, żejt tax-xaħam, oleostearina, żejt oleo u żejt tax-xaħam ta’ dam, mhux emulsifikati jew imħallta jew ippreparati mod ieħor

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1505

Xaħam tas-suf u sustanzi xaħmin derivati minnu (inkluża lanolina)

Esklużi

1506

Xaħam u żjut oħrajn ta’ annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament

Esklużi

1515 30

Żejt ir-riġnu u l-frazzjonijiet tiegħu

Esklużi

1515 90

Oħrajn

Għal dan is-sottokapitolu, iż-żejt tal-ġoġoba huwa eskluż. Prodotti oħra huma inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel.

1516 20

Xaħmijiet u żjut ta' veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1518

Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, mgħollijin, ossidizzati, deidrati, sulfurizzati, minfuħin, polimerizzati bis-sħana ġewwa vakuum jew ġewwa gass inerti jew modifikati kimikament mod ieħor, ħlief dawk ta’ titlu 1516; taħlitiet u preparazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali mhumiex tajbin għall-ikel jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet jew żjut differenti ta’ dan il-kapitlu, li mhumiex imsemmijin jew inklużi band’oħra

Esklużi

1520

Gliċerol, mhux raffinat; ilmijiet u soluzzjonijiet tal-gliċerol

Esklużi

1521

Xemgħat veġetali (ħlief trigliċeridi), xema’ tan-naħal, xemgħat u spermaċeti ta’ insetti oħrajn, kemm jekk raffinati jew kuluriti inkella le

Esklużi ħlief għal xemgħat veġetali jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

17

ZOKKOR U ĦELU TAZ-ZOKKOR

 

18

KAWKAW U PREPARAZZJONIJIET TAL-KAWKAW

 

19

PREPARATI TAĊ-ĊEREALI, DQIQ, LAMTU JEW ĦALIB; PRODOTTI TAL-FURNARA

 

20

PREPARAZZJONIJIET TA’ ĦXEJJEX, FROTT, ĠEWŻ U PARTIJIET OĦRAJN TA’ PJANTI

 

21

PREPARAZZJONIJIET DIVERSI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

22

XORB, SPIRTI U ĦALL

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

2201

Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u effervexxenti naturali jew artifiċjali, mingħajr zokkor miżjud jew materjal ieħor li jagħmel ħelu u mhux imħawwrin; silġ u borra

Esklużi

2202

Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, biz-zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud jew imħawrin, u xorb ieħor mhux alkoħoliku, mhux meraq tal-frott jew tal-ħxejjex ta’ titlu 2009

Esklużi

2208

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b'saħħa alkoħolika bil-volum ta' inqas minn 80 % vol.; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż

Inklużi biss jekk ipproċessati minn prodotti agrikoli, għall-użu bħala ikel

3301

Żjut essenzjali (mingħajr terpene jew bit-terpene), inklużi l-konkreti u l-assoluti; reżinojdi; oleoreżini estratti; konċentrati ta' żjut essenzjali fix-xaħam, fi żjut fissi, fix-xemgħa jew hekk, magħmulin permezz ta' enfleurage jew maċerazzjoni; prodotti sekondarji terpeniċi tad-deterpenazzjoni ta’ żjut essenzjali; distillati ta' ilma u soluzzjonijiet ta' ilma ta' żjut essenzjali

Inklużi biss jekk użati għall-ikel

Il-kundizzjonijiet:

Prodotti organiċi elenkati f'dan l-Anness għandhom ikunu prodotti agrikoli mhux ipproċessati fiċ-Ċilì u prodotti agrikoli ipproċessati għall-użu bħala ikel li ġew ipproċessati fiċ-Ċilì b'ingredjenti mkabbra b'mod organiku li ġew prodotti fiċ-Ċilì jew li ġew importati fiċ-Ċilì jew mill-Unjoni jew minn pajjiż terz fil-qafas ta' reġim li huwa rikonoxxut bħala ekwivalenti mill-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.



ANNESS II

Prodotti organiċi mill-Unjoni li għalihom iċ-Ċilì jirrikonoxxi l-ekwivalenza

Kodiċi u deskrizzjoni tan-nomenklatura tas-Sistema Armonizzata

Kummenti

01

ANNIMALI ĦAJJIN

Il-prodotti ta' kaċċa u sajd ta' annimali selvaġġi ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala produzzjoni organika.

02

LAĦAM U ĠEWWIENI LI JITTIEKEL

Laħam u fdalijiet tal-laħam li jittieklu mill-kaċċa u s-sajd ta' annimali selvaġġi huma esklużi.

03

ĦUT U KRUSTAĊJI, MOLLUSKI U INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN

Is-sajd ta' annimali selvaġġi huwa eskluż.

04

PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAT-TJUR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MINN ANNIMALI, LI MHUMIEX IMSEMMIJIN JEW INKLUŻI BAND’OĦRA

05

PRODOTTI ĠEJJIN MILL-ANNIMALI LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BAND’OĦRA

 

Il-kodiċijiet li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi:

 

0501

Xagħar uman, mhux maħdum, kemm jekk maħsul u mnaddaf u kemm jekk le; skart ta' xagħar uman

 

0502

Lanżit u xagħar tal-ħnieżer, majjali tas-simna (hogs) jew ċingjali; ix-xagħar tal-baġer u xagħar ieħor li bih jagħmlu l-ixkupilji; l-iskart ta' lanżit jew xagħar ta' din ix-xorta

 

0502 10

Lanżit u xagħar tal-ħnieżer, ħnieżer imsewwija jew ħnieżer selvaġġi u skart tagħhom

 

0502 90

Oħrajn

 

0505

Ġlud u partijiet oħrajn minn għasafar, bir-rix, rix u bċejjeċ tar-rix (kemm bit-trufijiet mirqumin kif ukoll le), mhux maħdumin aktar minn imnaddfin, disinfettati jew trattati għall-preservazzjoni; trab u skart tar-rix jew partijiet tar-rix

 

0506

Għadam u ċ-ċentru tal-qrun, mhux maħdumin, bix-xaħam imneħħi, sempliċiment ippreparati (iżda mhux maqtugħin f'għamla), trattati bl-aċtu jew deġelatinizzati; trab u skart ta' dawn il-prodotti

 

0507

Ivorju, qoxra tal-fekruna, (għadma tal-) baliena u xagħar tal-baliena, qran, qran imsaġġra, qawqab, dwiefer, dwiefer tal-annimali u mnaqar, li mhumiex maħduma jew li huma sempliċement imħejjija imma ma humiex maqtugħa f'xi forma trab u skart ta' dawn il-prodotti

 

0510

Ambra griża, kastorju, żibett u misk; kanatridi; bila, imnixxfa jew le; glandoli u prodotti oħrajn ta’ annimali użati fil-preparazzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi, friski, imkessħin, friżati jew preservati mod ieħor provviżorjament

 

0511 91

Oħrajn

0511 99

Sponoż naturali ġejjin minn annimali

06

SIĠAR ĦAJJIN U XTIELI OĦRA; BASAL, GĦERUQ U BĦALHOM; FJURI MAQTUGĦIN U WERAQ ORNAMENTALI

 

Il-kodiċijiet li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma inklużi biss jekk mhux ipproċessati:

 

0603

Fjuri maqtugħin u blanzuni ta’ fjuri ta’ tip adattati għal bukketti u għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

 

0603 90

Oħrajn

 

0604

Weraq, friegħi u partijiet oħrajn ta’ pjanti, mingħajr fjuri jew blanzuni, u ħaxix, ħażiż u likeni, li huma oġġetti adattati għal bukketti jew għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

0604 90

Oħrajn

 

07

VEĠETALI U ĊERTI GĦERUQ U TUBERI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

08

FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW BETTIEĦ

 

09

KAFÈ, TE, MATÈ* U ĦWAWAR

* Eskluż

10

ĊEREALI

 

11

PRODOTTI TAL-INDUSTRIJA TAT-TĦIN; XGĦIR; LAMTI; INULINA; GLUTINA TAL-QAMĦ

 

12

ŻRIERAGĦ TAŻ-ŻEJT U FROTT OLEAĠINUŻ; QMUĦ VARJI, ŻRIERAGĦ U FROTT; PJANTI INDUSTRIJALI JEW MEDIĊINALI; TIBEN U MAGĦLEF

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

1211

Pjanti u partijiet tagħhom (inklużi żerriegħa u frott), ta' kwalità użata l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għal għanijiet ta' insettiċidi, funġiċidi jew għal għanijiet simili oħrajn, friski jew imnixxfin, maqtugħin jew le, misħuqin jew trab

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati jew ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

13

GOMMALAKKA; GOMOM, RAŻI, U LINEF U ESTRATTI VEĠETALI OĦRAJN

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1301

Gommalakka; gomom naturali, rażi, rażi tal-gomma u oleoreżini (pereżempju, balzmi)

Esklużi

1302

Linef u estratti veġetali; sustanzi tal-pektin, pektinati u pektati; agar-agar u muċilaġni u materjali li jgħaqqdu oħrajn, kemm jekk modifikati kif ukoll jekk le, li ġejjin minn prodotti veġetali

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1302 11

Loppju

Esklużi

1302 19

Oħrajn

Esklużi

14

MATERJALI VEĠETALI TAT-TRIZZA; PRODOTTI VEĠETALI LI MHUMIEX IMSEMMIJIN JEW INKLUŻI BAND’OĦRA

 

15

XAĦMIJIET U ŻJUT TA’ ANNIMALI JEW ĦXEJJEX U PRODOTTI MILL-QSIM TAGĦHOM; XAĦMIJIET IPPREPARATI TAJBIN GĦALL-IKEL; XEMGĦAT TA’ ANNIMALI JEW ĦXEJJEX

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1501

Xaħam tal-majjal (inkluż lardu) u xaħam tat-tjur, minbarra dak tal-intestatura 0209 jew 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1502

Xaħmijiet ta’ annimali bovini, nagħaġ jew mogħoż, minbarra dawk tal-intestatura 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1503

Stearina tax-xaħam, żejt tax-xaħam, oleostearina, żejt oleo u żejt tax-xaħam ta’ dam, mhux emulsifikati jew imħallta jew ippreparati mod ieħor

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1505

Xaħam tas-suf u sustanzi xaħmin derivati minnu (inkluża lanolina)

Esklużi

1506

Xaħam u żjut oħrajn ta’ annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament

Esklużi

1515 30

Żejt ir-riġnu u l-frazzjonijiet tiegħu

Esklużi

1515 90

Oħrajn

Għal dan is-sottokapitolu, iż-żejt tal-ġoġoba huwa eskluż. Prodotti oħrajn huma esklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf.

1520

Gliċerol, mhux raffinat; ilmijiet u soluzzjonijiet tal-gliċerol

Inkluż biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf.

1521

Xemgħat veġetali (ħlief trigliċeridi), xema’ tan-naħal, xemgħat u spermaċeti ta’ insetti oħrajn, kemm jekk raffinati jew kuluriti inkella le

Xemgħat veġetali inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

16

PREPARAZZJONIJIET TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊEJ, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN

 

17

ZOKKOR U ĦELU TAZ-ZOKKOR

 

18

KAWKAW U PREPARAZZJONIJIET TAL-KAWKAW

 

19

PREPARATI TAĊ-ĊEREALI, DQIQ, LAMTU JEW ĦALIB; PRODOTTI TAL-FURNARA

 

20

PREPARAZZJONIJIET TA’ ĦXEJJEX, FROTT, ĠEWŻ U PARTIJIET OĦRAJN TA’ PJANTI

 

21

PREPARAZZJONIJIET DIVERSI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

22

XORB, SPIRTI U ĦALL

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

2201

Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u effervexxenti naturali jew artifiċjali, mingħajr zokkor miżjud jew materjal ieħor li jagħmel ħelu u mhux imħawwrin; silġ u borra

Esklużi

2202

Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, biz-zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud jew imħawrin, u xorb ieħor mhux alkoħoliku, mhux meraq tal-frott jew tal-ħxejjex ta’ titlu 2009

Esklużi

2208

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b'saħħa alkoħolika bil-volum ta' inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż

Inklużi biss jekk ipproċessati minn prodotti agrikoli, għall-użu bħala ikel

23

FDAL U SKART MILL-INDUSTRIJA TAL-IKEL; GĦALF TAL-ANNIMALI PPREPARAT

 

Il-kodiċi li ġej ta' dan il-kapitolu huwa limitat:

 

2307

Fond tal-inbid; argol:

L-argol huwa eskluż

3301    

Żjut essenzjali (mingħajr terpene jew bit-terpene), inklużi l-konkreti u l-assoluti; reżinojdi; oleoreżini estratti; konċentrati ta' żjut essenzjali fix-xaħam, fi żjut fissi, fix-xemgħa jew hekk, magħmulin permezz ta' enfleurage jew maċerazzjoni; prodotti sekondarji terpeniċi tad-deterpenazzjoni ta’ żjut essenzjali; distillati ta' ilma u soluzzjonijiet ta' ilma ta' żjut essenzjali

Inklużi biss jekk użati għall-ikel

45

SUFRA U OĠĠETTI TA’ SUFRA

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati

53

FIBRI TESSILI VEĠETALI OĦRAJN; ĦJUT TAL-KARTI U DRAPP MINSUĠ MILL-ĦJUT TAL-KARTI

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati

Il-kundizzjonijiet:

Il-prodotti organiċi elenkati f'dan l-Anness għandhom ikunu prodotti agrikoli mhux ipproċessati u pproċessati li huma prodotti jew ipproċessati fl-Unjoni.



ANNESS III

Leġiżlazzjoni organika applikabbli fl-Unjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/2013.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) NRU 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku, kif emendat l-aħħar mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1358/2014.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi, kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/931. 



ANNESS IV

Leġiżlazzjoni organika applikabbli fiċ-Ċilì

Il-Liġi 20.089 tas-17 ta' Jannar 2006, li toħloq Sistema ta' Ċertifikazzjoni Nazzjonali għall-Prodotti Organiċi Agrikoli;

Id-Digriet Nruº03 tad-29 ta' Jannar 2016, tal-Ministeru tal-Agrikoltura, li japprova r-Regolament tal-Liġi 20.089 li joħloq Sistema ta' Ċertifikazzjoni Nazzjonali għall-Prodotti Organiċi Agrikoli;

Id-Digriet Nruº02 tat-22 ta' Jannar 2016, tal-Ministeru tal-Agrikoltura, li japprova r-Regoli Tekniċi tal-Liġi 20.089 li toħloq Sistema ta' Ċertifikazzjoni Nazzjonali għall-Prodotti Organiċi Agrikoli;

Ir-Riżoluzzjoni Nruº569 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u tat-Trobbija tal-Annimali, tas-7 ta' Frar 2007, li jistabbilixxi l-istandards għar-reġistrazzjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti organiċi;

Ir-Riżoluzzjoni Nru 1110 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u tat-Trobbija tal-Annimali, tal-4 ta' Marzu 2008, li japprova t-tikketta uffiċjali għall-prodotti organiċi u ekwivalenti tagħhom;

Ir-Riżoluzzjoni Nru 7880 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u tat-Trobbija tal-Annimali, tad-29 ta' Novembru 2011, li jistabbilixxi l-kontenut minimu għaċ-ċertifikati agrikoli organiċi, fil-qafas tal-Liġi 20.089.



ANNESS V

Indirizzi tal-internet fejn jistgħu jiġu kkonsultati l-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV inkluż kwalunkwe modifika, revoka, sostituzzjoni jew kwalunkwe żieda, kif ukoll verżjonijiet konsolidati, u kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida għall-prodotti li ġew elenkati fl-Anness I u fl-Anness II skont l-Artikolu 8(3)(b):

L-Unjoni:     http://eur-lex.europa.eu

Iċ-Ċilì:     http://www.sag.gob.cl/ambitos-de-accion/certificacion-de-productos-organicos-agricolas/132/normativas

(1) Iċ-Ċilì għandu jimplimenta dawk id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt permezz tal-Acuerdos de Ejecución, skont l-Artikolu 54, punt 1, ir-raba' paragrafu tal-Kostituzzjoni Politika tar-Repubblika taċ-Ċilì (Constitución Política de la República de Chile).
Top