EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0096

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

/* COM/2015/096 final - 2015/0049 (NLE) */

52015PC0096

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir /* COM/2015/096 final - 2015/0049 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           SFOND POLITIKU U LEGALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1] jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' Stati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit.

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] Nru 509/2014 emenda r-Regolament tal-Kunsill 539/2001 li jittrasferixxi 19-il pajjiż għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża. Dawn id-19-il pajjiżi huma: Il-Kolombja, Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, il-Perù, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li "l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea".

Ir-Regolment (UE) Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014, u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014. F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizzaha biex tibda negozjati dwar ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed mis-17-il pajjiż li ġejjin: Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu[3]. Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill ħareġ direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni.

Il-Kolombja u l-Perù huma, skont il-premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fi żmien l-adozzjoni, suġġetti għal proċedura speċifika li teħtieġ valutazzjoni ulterjuri tat-twettiq minnhom tal-kriterji rilevanti, qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ ta' negozjati dwar il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi. Għalhekk, ma kinux inklużi fir-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq lill-Kunsill. 

In-negozjati dwar il-ftehim tal-eżenzjoni mill-viża ma’ Santa Luċija u erba’ pajjiżi oħra tal-Karibew bdew fit-12 ta’ Novembru 2014 fi Brussell. Matul din il-laqgħa, l-abbozz tat-test kollu seta’ jiġi rivedut u ntlaħaq qbil dwar ħafna aspetti tiegħu. Ir-rappreżentanti mill-pajjiżi tal-Karibew insistew madankollu li jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet fl-Artikoli 6(2)(c), 8(1) u 8(4). Wara numru ta’ skambji informali sussegwenti, ġew aċċettati modifiki żgħar għal dawk l-Artikoli mill-Kummissjoni. Il-Ftehim ġie inizjalat min-negozjaturi ewlenin fil-11 ta’ Diċembru 2014.

L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill li saret fil-21 ta’ Novembru 2014.

Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-Ftehim hu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar tal-ftehim. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

Filwaqt li jitqies il-fatt li Santa Luċia se tkun tista' tikkompleta l-proċedura ta’ ratifika interna tagħha malajr u l-perjodu twil ta’ żmien li għadda mindu l-Kummissjoni pproponiet għall-ewwel darba li teżenta liċ-ċittadini ta' Santa Luċia mill-ħtieġa tal-viża (Novembru 2012), id-deċiżjoni proposta dwar l-iffirmar tistabbilixxi l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim mid-data tal-iffirmar tagħha skont l-Artikolu 218(5) TFUE. Filwaqt li tqis il-ħtieġa għall-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel jiġi konkluż il-ftehim, il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim.

2.           IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li nkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz ta’ ftehim għall-eżenzjoni mill-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni.

Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

Għan

Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Santa Luċija meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

Sabiex jitħares it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni fil-ftehim li tispula li Santa Luċia tista' tissospendi jew itemm l-ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-Unjoni tistà wkoll tissospendi jew ittemm il-Ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tagħha.

Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu.

Kamp ta’ applikazzjoni

L-eżenzjoni mill-viża tkopri l-kategoriji kollha ta’ persuni (dawk li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali jew speċjali) li jivvjaġġaw għal għanijiet differenti, bl-eċċezzjoni tal-għan tat-twettiq ta attività bi ħlas. Għal din l-aħħar kategorija, kull Stat Membru kif ukoll Grenada jibqgħu ħielsa milli jimponu l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra oħra konformi mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata, dikjarazzjoni konġunta hi mehmuża mal-ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jivvjaġġaw bl-għan li jwettqu attività bi ħlas.

Perjodu ta’ żmien tas-soġġorn

Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Santa Luċija meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ 90 jum huwa mehmuż ma’ dan il-ftehim.

Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni mill-viża tagħti dritt liċ-ċittadini ta' Santa Luċija biex jibqgħu għal 90 jum fi kwalunkwe 180 jum fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, u r-Rumanija), irrispettivament mill-perjodu kkalkulat għaż-żona sħiħa ta’ Schengen.

Applikazzjoni territorjali

Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni territorrjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u l-Olanda, l-eżenzjoni mill-viża għandha tintitola liċ-ċittadini ta' Santa Luċija biex jibqgħu biss fit-territorji Ewropej ta' dawn l-Istati Membri.

Dikjarazzjonijiet

Dikjarazzjonijiet konġunti oħra huma mehmuża mal-ftehim:

- dwar it-tixrid totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħal-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju, u

- dwar l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

3.           KONKLUŻJONIJIET

Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

– jiddeċiedi li l-ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni;

– japprova l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim sakemm dan jidħol fis-seħħ;

2015/0049 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-paragrafu (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] trasferiti mill-Anness I għall-Anness II tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[5] ir-referenza għal Santa Luċija.

(2)       Ir-referenza għall-pajjiż hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li "l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea".

(3)       Bid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar il-viża għal perjodu qasir.

(4)       In-negozjati dwar il-ftehim inbdew fil-12 ta' Novembru 2014.

(5)       Il-Ftehim inizjalat permezz ta’ skambju ta’ ittri fl-11 ta’ Diċembru 2014 għandu jiġi ffirmat u d-dikjarazzjonijiet mehmuża jiġu approvati. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sakemm ikun hemm it-tmiem tal-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu.

(6)       F’konformità mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-Ftehim) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-deċiżjoni jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Il-Ftehim għandu japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għal konklużjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1

[2]               Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p.67

[3]               COM (2014) 467, 17.7.2014

[4]               Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p.67.

[5]               Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.

ANNESSI

mal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni", u

SANTA LUĊIJA, minn hawn ‘il quddiem konġuntement imsejħa "il-Partijiet Kontraenti",

BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perijodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżi fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, inter alia billi jittrasferixxi 19-il pajjiżi terzi, inkluż Santa Luċija fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE),

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawn id-19-il pajjiżi, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża tapplika biss mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mill-Unjoni Ewropea mal-pajjiż in kwistjoni,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw b'fini ta’ attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-Ftehim u għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta’ Santa Luċija dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u għall-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Santa Luċija meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum f'perjodu kwalunkwe ta' 180 jum.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan il-Ftehim:

(a) "Stat Membru" tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

(b) "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

(c) "ċittadin ta’ Santa Luċija għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Santa Luċija;

(d) "żona Schengen" tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta’ Santa Luċija għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

Iċ-ċittadini ta' Santa Luċija li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, passaport għas-servizz/uffiċjali jew passaport speċjali, li hu validu u maħruġ minn Santa Luċija, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

2. Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw għall-skopijiet ta’ attivitajiet bi ħlas.

Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċidi b’mod individwali li jimponi r-rekwiżit tal-viża fuq iċ-ċittadini ta’ Santa Luċija jew li jirtirah konformi mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Għal din il-kategorija ta’ persuni, Santa Luċija tista' tiddeċiedi dwar ir-rekwiżit tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali konformi mal-liġi nazzjonali tagħhom.

3. L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b’dan il-Ftehim tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Santa Luċija jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u permanenza qasira fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux.

4. L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.

5. Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu koperti bil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u l-liġi nazzjonali ta' Santa Luċija.

Artikolu 4

Tul ta’ żmien tas-soġġorn

1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju ta' Santa Luċija għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

2. Iċ-ċittadini ta' Santa Luċija jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu hu kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

Iċ-ċittadini ta' Santa Luċija jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn kkalkulat għat-territorju ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

3. Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għal Santa Luċija u għall-Istati Membri biex jestendu l-perjodu ta’ soġġorn għal aktar minn 90 jum konformi mal-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 5

Applikazzjoni territorjali

1. Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

2. Fir-rigward tar-Renju tal-Olanda, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew u tar-Renju tal-Olanda.

Artikolu 6

Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn issa ’l quddiem “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti ta' Santa Luċija. L-Unjoni hija rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2. Il-Kumitat għandu jkollu, inter alia, dawn il-kompiti:

(a) jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(b) jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(c) tagħmel rakkomandazzjonijiet għas-soluzzjoni ta' tilwimiet li jitqanqlu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

3. Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ kull meta jkun meħtieġ fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

Artikolu 7

Relazzjoni bejn dan il-Ftehim u ftehimiet bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u Santa Luċija

Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u Santa Luċija, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1. Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti konformi mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar li ssegwi d-data mill-aħħar miż-żewġ notifiki li biha l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq huma kompluti.

2. Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jintemmx konformi mal-paragrafu 5.

3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

4. Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ politika pubblika, protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali u protezzjoni ta’ saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel jidħol fis-seħħ il-Ftehim. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra u tneħħi s-sospensjoni ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jeżistux aktar.

5. Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax applikabbli 90 jum mid-data ta’ din in-notifika.

6. Santa Luċija jistgħu jissospendu jew itemmu dan il-Ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha.

7. L-Unjoni tistà tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha.

Magħmul fi Brussell b’żewġ kopji fl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż, b'kull wieħed minn dawn it-testi jkollhom l-istess awtentiċità.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD L-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

F’ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u Santa Luċija, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir f’termini simili bħal dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BI SKOP TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM

Filwaqt li tkun ssodisfata x-xewqa li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għal dan il-għan, il-kategorija ta’ persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom mestier/attività bi qliegħ b’remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta’ servizz.

Din il-kategorija ma għandiex tkopri:

— persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'għan ta’ deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

— persuni tal-isports u artisti li jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc,

— ġurnalisti mibgħuta mill-midja ta’ pajjiż ta’ residenza tagħhom, u

— apprendisti intra-korporattivi.

L-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni se tkun issorveljata mill-Kumitat Konġunt li għandu r-responsabilità skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, li jista’, abbażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti,  jipproponi modifiki meta jikkunsidrah neċessarju.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPREATZZJONI TAL-PERJODU TA’ 90 JUM MATUL PERJODU TA’ 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser jew soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox.

Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza "mobbli" ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn, fl-aħħar perjodu ta' 90 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Fost oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFORMAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI TAL-VIŻA

Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Santa Luċija, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta’ informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-eżenzjoni tal-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fil-pajjiż.

Top