EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0216

Proposition de RÈGLEMENT DU CONSEIL mettant en œuvre la coopération renforcée dans le domaine de la création d'une protection par brevet unitaire, en ce qui concerne les modalités applicables en matière de traduction

52011PC0216




MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-istorja wara l-proposta

Fl-Unjoni Ewropea (UE), il-protezzjoni tal-privattivi tista' tinkiseb jew permezz tal-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi tal-Istati Membri, li jagħtu privattivi nazzjonali, jew permezz tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) fil-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Privattivi (KEP)[1]. Madankollu, ladarba tingħata privattiva Ewropea mill-UEP, din għandha tiġi vvalidata f'kull Stat Membru fejn tintalab il-protezzjoni. Biex privattiva Ewropea tkun ivvalidata f’territorju ta’ Stat Membru, il-liġi nazzjonali tista', fost l-oħrajn, titlob li l-proprjetarju tal-privattiva jissottometti traduzzjoni tal-privattiva Ewropea fil-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru[2]. Għaldaqstant, is-sistema attwali tal-privattivi fl-UE, b’mod partikolari f’termini ta’ rekwiżiti ta’ traduzzjoni, tinvolvi spejjeż kbar ħafna u kumplessità. L-ispiża kumplessiva tal-validazzjoni ta’ privattiva Ewropea medja tlaħħaq EUR 12 500 jekk tiġi vvalidata biss fi 13-il Stat Membru u aktar minn EUR 32 000 jekk tiġi vvalidata fl-UE kollha. Huwa stmat li l-ispejjeż reali tal-validazzjoni huma madwar EUR 193 miljun fis-sena fl-UE.

Kemm l-Istrateġija Ewropa 2020[3] kif ukoll l-Att tas-Suq Uniku[4] jidentifikaw il-ħolqien ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni bħala prijorità. Iż-żewġ inizjattivi jimmiraw li jtejbu l-kundizzjonijiet qafas għan-negozji biex jinnovaw bil-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja fl-Istati Membri tal-UE flimkien ma’ sistema Ewropea unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattivi.

Minkejja r-rikonoxximent wiesa' tal-iżvantaġġ kompetittiv li jaffaċċa n-negozju Ewropew fin-nuqqas ta’ protezzjoni ta' privattiva unitarja, l-Unjoni ma kinitx kapaċi tistabbilixxi protezzjoni ta' privattiva unitarja. Il-Kummissjoni oriġinarjament ipproponiet Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja f'Awwissu 2000[5]. Fl-2002, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni Leġiżlattiva[6]. Fl-2003, il-Kunsill adotta approċċ politiku komuni[7], imma ma setax jintlaħaq qbil finali. Id-diskussjonijiet dwar il-proposta infetħu mill-ġdid fil-Kunsill wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni “Insaħħu s-sistema tal-privattivi fl-Ewropa” f’April tal-2007[8]. Il-Komunikazzjoni kkonfermat l-impenn favur il-ħolqien ta’ privattiva Komunitarja unika.

It-Trattat ta’ Liżbona introduċa bażi legali aktar speċifika għall-ħolqien ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali Ewropej. Skont l-Artikolu 118(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-miżuri għall-ħolqien tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali Ewropej għandhom jiġu stabbiliti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-Artikolu 118(2) tat-TFUE, madankollu, jistabbilixxi bażi legali speċifika għall-arranġamenti lingwistiċi għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali Ewropej, li jiġu stabbiliti skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali mill-Kunsill billi jaġixxi b'unanimità wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew. Għalhekk, l-arranġamenti tat-traduzzjoni għal kwalunkwe sistema ta' privattiva unitarja fl-UE jridu jkunu stabbiliti b'regolament separat.

F’Diċembru tal-2009, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar “Sistema ta’ privattivi mtejba għall-Ewropa”[9] u approċċ ġenerali dwar il-proposta għal Regolament dwar il-privattiva tal-UE[10]. L-arranġamenti tat-traduzzjoni, madankollu, ma kinux koperti minħabba l-bidla msemmija hawn fuq fil-bażi legali.

Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattivi tal-UE[11]. Il-proposta kienet akkumpanjata minn rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt[12] li janalizza l-alternattivi varji tal-arranġamenti possibbli tat-traduzzjoni. Irrispettivament mill-isforzi sinifikanti tal-Presidenza tal-Kunsill, ġie rreġistrat li fil-laqgħa tal-Kunsill Kompetittività tal-10 ta’ Novembru 2010 ma seta' jintlaħaq l-ebda qbil unanimu dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni[13]. Kien ikkonfermat fil-laqgħa tal-Kunsill Kompetittività tal-10 ta’ Diċembru 2010[14] li kienu jeżistu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu, u li jagħmlu t-teħid ta’ deċiżjoni li teħtieġ l-unanimità impossibbli kemm issa kif ukoll fil-futur prevedibbli. Minn dan joħroġ li l-għanijiet tar-Regolamenti proposti sabiex tiġi stabbilita protezzjoni ta’ privattiva unitarja fl-Unjoni Ewropea kollha ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati.

Abbażi tat-talba ta’ tnax-il Stat Membru (id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit) il-Kummissjoni ssottomettiet proposta[15] lill-Kunsill biex jawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni ta’ privattiva unitarja. Fit-talbiet tagħhom l-Istati Membri speċifikaw li l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni fl-ambitu ta' kooperazzjoni msaħħa għandha tkun ibbażata fuq in-negozjati riċenti fil-Kunsill. Wara l-adozzjoni tal-proposta, il-Belġju, l-Awstrija, l-Irlanda, il-Portugall, Malta, il-Bulgarija, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Greċja u Ċipru wkoll talbu li jingħaqdu fil-kooperazzjoni. Il-proposta għad-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni ġiet adottata mill-Kunsill, wara li nkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, fl-10 ta’ Marzu 2011. Dan ir-regolament jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja kif awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE[16].

L-approċċ legali

B'paragun mal-proposta tal-Kummissjoni tas-sena 2000, din il-proposta tibni fuq is-sistema eżistenti ta’ privattivi Ewropej billi tipprovdi l-effett unitarju għall-privattivi Ewropej mogħtija fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti. Il-protezzjoni ta’ privattiva unitarja se tkun fakultattiva u tikkoeżisti mal-privattivi nazzjonali u Ewropej. Il-proprjetarji ta’ privattivi Ewropej maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, jistgħu jissottomettu talba lill-UEP fi żmien xahar wara l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-għotja tal-privattiva Ewropea, fejn jitolbu għar-reġistrazzjoni tal-effett unitarju. Ladarba ssir ir-reġistrazzjoni, l-effett unitarju jkun jipprovdi protezzjoni uniformi u jkollu l-istess effett fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti. Il-privattivi Ewropej b'effett unitarju jistgħu jingħataw, jiġu ttrasferiti, rrevokati jew jiskadu biss fir-rigward ta’ dawk it-territorji fit-totalità tagħhom. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiddelegaw il-kompitu tal-amministrazzjoni tal-privattivi Ewropej b'effett unitarju lill-UEP.

2. KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

F’Jannar 2006, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni wiesgħa dwar il-politika futura tal-privattivi fl-Ewropa[17]. Daħlu aktar minn 2500 tweġiba minn diversi partijiet interessati, inklużi negozji fis-setturi kollha tal-ekonomija, assoċjazzjonijiet tal-impriżi, assoċjazzjonijiet tal-SMEs, prattikanti tal-privattivi, awtoritajiet pubbliċi u akkademiċi. Dawk illi wieġbu talbu għal sistema tal-privattiva Ewropea li tipprovdi inċentivi għall-innovazzjoni, tiżgura t-tixrid ta’ għarfien xjentifiku, tiffaċilita t-trasferiment tat-teknoloġija, hija disponibbli għall-parteċipanti fis-suq kollha u hija legalment ċerta. It-tweġibiet urew biċ-ċar id-diżappunt tal-partijiet interessati bin-nuqqas ta' progress fil-proġett tal-privattiva Komunitarja. B’mod partikolari, kważi dawk kollha li wieġbu (l-utenti tas-sistema tal-privattivi) irrifjutaw l-arranġamenti għat-traduzzjoni inklużi fl-approċċ politiku komuni tal-Kunsill tal-2003 li stabbilixxa li d-detentur tal-privattiva jkollu jipprovdi traduzzjoni tat-talbiet (li għandha effett legali) fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità.

Il-partijiet interessati esprimew appoġġ ġenerali għal privattiva Komunitarja "unitarja, affordabbli u kompetittiva". Dan il-messaġġ ġie rripetut fi smigħ pubbliku li nżamm fit-12 ta’ Lulju 2006, fejn varjetà kbira ta’ partijiet interessati ddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-ħolqien ta’ privattiva verament unitarja ta’ kwalità għolja. Madankollu, enfasizzaw li l-kompromessi politiċi m’għandhomx inaqqsu mill-utilità tal-proġett. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) enfasizzaw l-importanza ta' spejjeż moderati tal-privattivi.

Il-kwistjoni ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja ġiet indirizzata wkoll b'mod estensiv fil-konsultazzjoni dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, li kkonsista minn firxa ta' inizjattivi mmirati sabiex jgħinu lill-SMEs Ewropej[18]. In-negozji żgħar u ta' daqs medju identifikaw il-livell għoli ta’ tariffi għall-privattivi u l-kumplessità legali tas-sistema tal-privattivi bħala ostakli ewlenin[19]. Fis-sottomissjonijiet tagħhom għall-konsultazzjoni, in-negozji b’mod ġenerali u r-rappreżentanti tal-SMEs b’mod partikolari talbu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż tal-privattivi għal privattiva unitarja futura[20].

Dokumenti riċenti ta’ pożizzjoni minn diversi partijiet interessati jirreferu għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja. Assoċjazzjonijiet Ewropej ta' negozju, bħall-BusinessEurope[21], UEAPME[22] u Eurochambres[23] jikkonfermaw li n-negozji, kemm kbar kif ukoll żgħar, iridu protezzjoni tal-privattiva simplifikata, kosteffikaċi u aċċessibbli. Tqajmu kwistjonijiet identiċi[24] minn organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ negozju f’ħafna Stati Membri u madwar is-setturi tal-industrija. Il-partijiet interessati enfasizzaw li kwalunkwe soluzzjoni għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja għandha tibni fuq il-mekkaniżmi eżistenti għall-għoti ta’ privattivi fl-Ewropa u ma jeħtieġu l-ebda reviżjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi.

3. VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Din il-proposta hija akkompanjata minn valutazzjoni tal-impatt li tidentifika l-problemi ewlenin fis-sistema attwali Ewropea dwar il-privattivi: (i) spejjeż għoljin relatati mat-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni ta' privattivi Ewropej, (ii) differenzi fiż-żamma ta’ privattivi fl-Istati Membri (it-tariffi annwali ta’ tiġdid iridu jitħallsu kull sena f’kull pajjiż fejn tiġi vvalidata l-privattiva); u (iii) kumplessità amminstrattiva tar-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti, liċenzji u drittijiet oħra relatati mal-privattivi. Bħala konsegwenza, l-aċċess għall-protezzjoni komprensiva tal-privattiva fl-Ewropa tant jiswa flus u tant huwa kumpless li din il-protezzjoni mhijiex aċċessibbli għal ħafna inventuri u kumpaniji.

Il-valutazzjoni tal-impatt tanalizza l-impatti tal-alternattivi li ġejjin:

Alternattiva 1 (Xenarju bażiku) – il-Kummissjoni ma tieħu l-ebda azzjoni,

Alternattiva 2 - il-Kummissjoni tkompli taħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra lejn privattiva tal-UE li tkopri 27 Stat Membru,

Alternattiva 3 – il-Kummissjoni tippreżenta proposti għal regolamenti li jimplimentaw kooperazzjoni msaħħa:

Subalternattiva 3.1 - il-Kummissjoni tipproponi arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja li jikkorrispondu għall-proposta tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2010, jew

Subalternattiva 3.2 – il-Kummissjoni tipproponi arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja bbażati fuq il-proposta tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2010 u li jinkorporaw elementi ta’ proposta ta’ kompromess diskussi mill-Kunsill.

L-analiżi imwettqa fil-valutazzjoni tal-impatt uriet li l-alternattiva 3 mas-subalternattiva 3.2 hija l-alternattiva ppreferuta.

Dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati biss fuq il-livell tal-UE, peress li mingħajr strument legali tal-UE l-Istati Membri ma jkollhomx biżżejjed kapaċità biex jistabbilixxu l-effetti legali mehmuża mal-privattivi li huma uniformi f’diversi Stati Membri

4. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE awtorizzat lill-Istati Membri elenkati fl-Artikolu 1 tagħha sabiex jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja.

L-Artikolu 118(2) tat-TFUE jipprovdi għal bażi legali speċifika sabiex jiġu stabbiliti arranġamenti lingwistiċi applikabbli għad-drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali li jipprovdu protezzjoni uniformi madwar l-Unjoni permezz ta’ regolamenti adottati minn proċedura leġiżlattiva speċjali fejn il-Kunsill jaġixxi b’mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

5. IMPLIKAZZJONI TAL-BAĠITS

Din il-proposta m’għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

6. DESKRIZZJONI DETTALJATA

Artikolu 1 – Is-suġġett

Dan l-Artikolu jiddefinixxi s-suġġett ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2 - Id-definizzjonijiet

Dan l-Artikolu jipprovdi għal definizzjonijiet tat-termini ewlenin użati f’dan ir-Regolament.

Artikolu 3 – L-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju

Dan l-Artikolu jipprovdi li fejn l-ispeċifikazzjoni ta’ privattiva Ewropea b’effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP, ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar traduzzjonijiet. L-Artikolu 14(6) tal-KEP jipprovdi li l-ispeċifikazzjoni ta’ privattiva Ewropea tiġi ppubblikata fil-lingwa tal-proċeduri quddiem l-UEP u tinkludi traduzzjoni tat-talbiet f’żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-UEP. Aktar traduzzjonijiet jintalbu biss f’każ ta’ tilwima skont l-Artikolu 4 u matul perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 6. Talba għal effett unitarju għandha tiġi ppreżentata fil-lingwa tal-proċeduri.

Artikolu 4 – It-traduzzjoni fil-każ ta’ tilwima

Dan l-Artikolu jeħtieġ li fil-każ ta' tilwima li tikkonċerna privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva jipprovdi traduzzjoni sħiħa tal-privattiva f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur. Ikun meħtieġ ukoll li l-proprjetarju tal-privattiva jipprovdi, fuq talba tal-qorti kompetenti fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-privattiva Ewropea b’effett unitarju, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa tal-proċeduri ta’ dik il-qorti. Dawn it-traduzzjonijiet għandhom jiġu pprovduti bi spejjeż tal-proprjetarju tal-privattiva. Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li tkun qed tisma’ t-tilwima għandha tqis li, qabel ma ġiet ipprovduta bi traduzzjoni fil-lingwa tagħha stess, il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur setgħet aġixxiet in buona fede u setgħet ma kinitx taf jew ma kellhiex raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li qed tikser il-privattiva.

Artikolu 5 – L-amministrazzjoni ta’ skema għal kumpens

Dan l-Artikolu jipprovdi li l-amministrazzjoni ta’ skema għal kumpens għal applikanti li qed jippreżentaw applikazzjonijiet għal privattiva f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi tiġi fdata mill-Istati Membri parteċipanti lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi].

Artikolu 6 – Il-miżuri tranżitorji

Dan l-Artikolu jipprovdi sabiex jiġu applikati miżuri tranżitorji matul ċertu perjodu, qabel ma ssir disponibbli sistema ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Għalhekk, matul perjodu tranżitorju, talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għandha tiġi akkompanjata minn dan li ġej: (i) traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjoni ta’ din il-privattiva bl-Ingliż fejn il-lingwa tal-proċeduri quddiem l-UEP skont l-Artikolu 14(3) hija l-Franċiż jew il-Ġermaniż; jew (ii) traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjoni ta’ din il-privattiva fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Istati Membri parteċipanti li hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni fejn il-lingwa tal-proċeduri quddiem l-UEP hija l-Ingliż.

Dawn it-traduzzjonijiet meħtieġa matul il-perjodu tranżitorju għandhom jiġu ppubblikati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi mill-aktar fis possibbli wara d-data li fiha tiġi ppreżentata talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi]. Barra minn hekk, huwa speċifikat li t-testi ta’ dawn it-traduzzjonijiet m’għandhom l-ebda effett legali u huma pprovduti biss għall-finijiet ta’ informazzjoni.

Il-perjodu tranżitorju għandu jintemm malli jkunu disponibbli t-traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-kwalità ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi għandha tiġi evalwata regolarment u oġġettivament minn kumitat espert indipendenti stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi] u li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u utenti tas-sistema tal-privattiva Ewropea. Dan il-grupp espert jippreżenta evalwazzjoni oġġettiva tad-disponibbiltà tat-traduzzjonijiet awtomatiċi ta' kwalità għolja kull sentejn li jibdew mis-sitt sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Kunsill u, jekk ikun xieraq, tipproponi li ttemm il-perjodu tranżitorju.

Huwa meqjus li t-traduzzjonijiet awtomatiċi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom jiġu żviluppati l-aktar tard fi żmien 12-il sena. Għalhekk, jekk il-perjodu tranżitorju ma jintemmx mill-Kunsill abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, għandu jiskadi awtomatikament 12-il sena wara li dan ir-Regolament isir applikabbli.

Artikolu 7 – Id-dħul fis-seħħ

Dan l-Artikolu jipprovdi għall-fatt li dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Madankollu, ladarba d-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għal privattiva Ewropea b’effett unitarju jiġu rregolati mir-Regolament xx/xx li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja u jiġu kompluti mill-arranġamenti għat-traduzzjoni pprovduti f’dan ir-Regolament, dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu applikati b’mod konġunt. Għalhekk, id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament se tkun data speċifika li se tikkoinċida mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi].

2011/0094 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 118(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE tal-10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja[25],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[26],

Waqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1) Skont id-Deċizjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Franza, l-Irlanda, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit (minn hawn ’il quddiem "l-Istati Membri parteċipanti") ġew awtorizzati sabiex jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja.

(2) Skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill xx/xx li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja[27], ċerti privattivi Ewropej mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi skont ir-regoli u l-proċeduri tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej tal-5 ta’ Ottubru 1973, kif emendata (minn hawn ’il quddiem "KEP") jistgħu jingħataw effett unitarju fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti fuq talba mill-proprjetarju tal-privattiva.

(3) L-arranġamenti għat-traduzzjoni għal privattivi Ewropej b’effett unitarju fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti (minn hawn ’il quddiem "Privattiva Ewropea b’effett unitarju") għandhom jiġu stabbiliti minn Regolament separat skont l-Artikolu 118(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem "TFUE")

(4) Skont id-Deċizjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/KE li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, l-arranġamenti għat-traduzzjoni għal privattivi Ewropej b’effett unitarju għandhom ikunu sempliċi u kosteffikaċi u jikkorrispondu għal dawk previsti fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea[28], ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010, flimkien mal-elementi ta’ kompromess proposti mill-Presidenza f’Novembru 2010 li kellhom appoġġ wiesa’ fil-Kunsill[29].

(5) L-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju li huma kosteffikaċi, simplifikati u li jiżguraw iċ-ċertezza legali għandhom jistimulaw l-innovazzjoni u, b’mod partikolari, għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Arranġamenti għat-traduzzjoni bħal dawn għandhom jagħmlu l-aċċess għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju u għas-sistema sħiħa tal-privattivi aktar faċli, inqas għoli f’termini ta’ flus u inqas riskjuż.

(6) Ladarba l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi huwa responsabbli għall-għoti tal-privattivi Ewropej, l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju għandhom jibnu fuq il-proċedura attwali fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Dawk l-arranġamenti għandu jkollhom l-għan li jiksbu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u l-interess pubbliku f’termini tal-ispejjeż tal-proċeduri u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika .

(7) Mingħajr preġudizzju għal ċerti arranġamenti tranżitorji, fejn l-ispeċifikazzjoni ta’ privattiva Ewropea b’effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP, ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar traduzzjonijiet. L-Artikolu 14(6) tal-KEP jipprovdi li l-ispeċifikazzjoni ta’ privattiva Ewropea tiġi ppubblikata fil-lingwa tal-proċeduri quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u tinkludi traduzzjoni tat-talbiet f’żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

(8) Fil-każ ta' tilwima li tikkonċerna privattiva Ewropea b’effett unitarju, huwa rekwiżit leġittimu li l-proprjetarju tal-privattiva jipprovdi traduzzjoni sħiħa tal-privattiva f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur. Il-proprjetarju tal-privattiva għandu jkun meħtieġ ukoll li jipprovdi, fuq talba tal-qorti kompetenti fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-privattiva Ewropea b’effett unitarju, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa tal-proċeduri ta’ dik il-qorti. Dawn it-traduzzjonijiet m’għandhomx jitwettqu permezz ta’ mezzi awtomatizzati u għandhom jiġu pprovduti bi spejjeż tal-proprjetarju tal-privattiva. Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li tkun qed tisma’ t-tilwima għandha tqis li, qabel ma ġiet ipprovduta bi traduzzjoni fil-lingwa tagħha stess, il-persuna li allegatament wettqet il-ksur setgħet aġixxiet in buona fede u setgħet ma kinitx taf jew ma kellhiex raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li qed tikser il-privattiva. Il-qorti kompetenti għandha tivvaluta ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali u inter alia għandha tqis jekk il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur hijiex intrapriża żgħira u ta’ daqs medju li topera biss fuq livell lokali, il-lingwa tal-proċeduri quddiem l-Uffiċċju Ewropea tal-Privattivi u, matul il-perjodu tranżitorju, it-traduzzjoni sottomessa flimkien mat-talba għal effett unitarju.

(9) Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju, b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-applikanti li m’għandhomx lingwa komuni ma’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tal-privattivi tagħhom fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Bħala miżura komplementari, fil-każ ta’ applikanti li jiksbu privattivi Ewropej b’effett unitarju u li jkollhom ir-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni li għandu lingwa uffiċjali li m’hijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, għandha tiġi amminstrata sistema ta’ rimborżi addizzjonali, mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, tal-ispejjeż relatati mat-traduzzjoni minn dik il-lingwa fil-lingwa tal-proċeduri tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, lil hinn minn dak li diġà huwa fis-seħħ fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi].

(10) Biex jiġu promossi d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-privattivi u t-tixrid tal-għarfien teknoloġiku, it-traduzzjonijiet awtomatiċi tal-applikazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-privattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli mill-aktar fis possibbli. Qed jiġu żviluppati traduzzjonijiet awtomatiċi mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi li huma għodda importanti ħafna li tfittex li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-privattiva u li xxerred b'mod wiesa’ l-għarfien teknoloġiku. Id-disponibbiltà fil-ħin ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ta’ applikazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tal-privattivi Ewropej fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni se tkun ta' benefiċċju għall-utenti kollha tas-sistema ta’ privattiva Ewropea. It-traduzzjonijiet awtomatiċi huma karatteristika ewlenija tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-traduzzjonijiet awtomatiċi għandhom iservu biss għal finijiet ta' informazzjoni u m’għandu jkollhom l-ebda effett legali.

(11) Matul perjodu tranżitorju, qabel ma ssir disponibbli sistema ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, talba għal effett unitarju skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi] għandha tiġi akkompanjata minn traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva bl-Ingliż fejn il-lingwa tal-proċeduri quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi hija l-Franċiż jew il-Ġermaniż, jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Istat Membru parteċipanti li hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni fejn il-lingwa tal-proċeduri quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi hija l-Ingliż. Dawk l-arranġamenti se jiżguraw li matul perjodu tranżitorju, il-privattivi Ewropej kollha b’effett unitarju jsiru disponibbli bl-Ingliż li hija l-lingwa li normalment tintuża fil-qasam tar-riċerka u pubblikazzjonijiet teknoloġiċi internazzjonali. Barra minn hekk, se jiżguraw li fir-rigward ta’ privattivi Ewropej b'effett unitarju, it-traduzzjonijiet jiġu ppubblikati f’lingwi uffiċjali oħra tal-Istati Membri parteċipanti. Dawn it-traduzzjonijiet m'għandhomx jitwettqu permezz ta’ mezzi awtomatizzati u l-kwalità għolja tagħhom għandha tikkontribwixxi għat-taħriġ ta’ magni ta’ traduzzjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Dawn se jsaħħu wkoll it-tixrid ta’ informazzjoni tal-privattivi. Il-perjodu tranżitorju għandu jintemm malli jkunu disponibbli traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, suġġett għal evalwazzjoni oġġettiva tal-kwalità. Il-kwalità tat-traduzzjonijiet awtomatiċi għandha tiġi evalwata regolarment u oġġettivament minn kumitat espert indipendenti stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u utenti tas-sistema tal-privattiva Ewropea. Meta jitqies l-iżvilupp teknoloġiku, il-perjodu massimu għall-iżvilupp ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ma jistax jitqies li jaqbeż it-12-il sena. Konsegwentement, il-perjodu tranżitorju għandu jiskadi 12-il sena mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx ġie deċiż li dak il-perjodu jintemm qabel.

(12) Ladarba d-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għal privattiva Ewropea b’effett unitarju jiġu rregolati mir-Regolament xx/xx li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja u jiġu kompluti mill-arranġamenti għat-traduzzjoni pprovduti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika fl-istess data bħar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi] [ id-data għad trid tiġi determinata ].

(13) Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 342 tat-TFEU u għar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea [traduzzjoni mhux uffiċjali][30]. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-reġim lingwistiku tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u m’għandux jitqies bħala li joħloq reġim lingwistiku speċifiku għall-Unjoni, jew li joħloq preċedent għal reġim limitat ta’ lingwa fi kwalunkwe strument legali fil-futur tal-Unjoni.

(14) Skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-għan tal-azzjoni li trid tittieħed, jiġifieri l-ħolqien ta’ reġim ta’ traduzzjoni uniformi u simplifikat għal privattivi Ewropej b’effett unitarju, jista’ jinkiseb biss f'livell Ewropew. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan il-għan.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Is-suġġett

Dan ir-Regolament jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni.

Artikolu 2Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. "Privattiva Ewropea b’effett unitarju" tfisser privattiva Ewropea li tibbenefika minn effett unitarju fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti permezz tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi];

2. "Speċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea" tfisser speċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea kif definita fir-Regola 73 tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej tal-5 ta’ Ottubru 1973, kif emendata (minn hawn ’il quddiem "KEP");

3. "Il-lingwa tal-proċeduri" tfisser il-lingwa fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi kif definita fl-Artikolu 14(3) tal-KEP.

Artikolu 3L-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 6 ta' dan ir-Regolament, fejn l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea b'effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP, ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar traduzzjonijiet.

2. Talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi] għandha tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċeduri.

Artikolu 4It-traduzzjoni fil-każ ta’ tilwim

1. Fil-każ ta' tilwima relatata ma’ privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, fuq it-talba u l-għażla ta’ persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur.

2. Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, matul il-proċeduri legali, fuq it-talba tal-qorti kompetenti fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-privattivi Ewropej b'effett unitarju, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa tal-proċeduri ta' dik il-qorti.

3. L-ispejjeż tad-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitħallsu mill-proprjetarju tal-privattiva.

4. Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li qed tisma' t-tilwima għandha tqis li l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur setgħet aġixxiet mingħajr ma kienet taf jew mingħajr ma kellha raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li qed tikser il-privattiva qabel ma ġiet ipprovduta bit-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 5L-amminstrazzjoni ta’ skema ta’ kumpens

Meta wieħed iqis li l-applikazzjonijiet għall-privattivi Ewropej jistgħu jiġu ppreżentati f'kull lingwa taħt l-Artikolu 14(2) tal-KEP, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi], l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-amministrazzjoni għal skema ta' kumpens ta' rimborż għall-ispejjeż tat-traduzzjoni sa limitu, mit-tariffi msemmija fl-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament, għall-applikanti li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattivi fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

Artikolu 6Il-miżuri tran żitorji

1. Matul perjodu tranżitorju li jibda mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament, talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi] għandha tkun sottomessa flimkien ma’ dan li ġej:

4. fejn il-lingwa tal-proċeduri hija l-Franċiż jew il-Ġermaniż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea bl-Ingliż; jew

5. fejn il-lingwa tal-proċeduri hija l-Ingliż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Istati Membri parteċipanti li hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

2. Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi], l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibbli wara d-data li fiha tiġi ppreżentata talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi]. It-test ta’ dawn it-traduzzjonijiet m’għandu jkollu l-ebda valur legali u għandu jkun għall-finijiet ta' informazzjoni biss.

3. Kull sentejn mis-sitt sena kkalkolata mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha titwettaq evalwazzjoni oġġettiva tad-disponibbiltà ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni kif żviluppata mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattiva imwettqa minn kumitat espert indipendenti. Dan il-kumitat espert għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw utenti tas-sistema tal-privattiva Ewropea mistiedna mill-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi bħala osservaturi skont l-Artikolu 30(3) tal-KEP.

4. Abbażi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kull sentejn, rapport lill-Kunsill u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposti għat-terminazzjoni tal-perjodu tranżitorju.

5. Jekk il-perjodu tranżitorju ma jintemmx abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, għandu jiskadi 12-il sena mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7Id-dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

2. Għandu japplika minn [ data speċifika se tiġi stipulata u se tikkoinċida mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament xx/xx dwar l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.

Magħmul fi

Għall-Kunsill

Il-President

[1] http://www.epo.org

[2] Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ikkawżati mir-rekwiżiti tal-validazzjoni, fis-sena 2000 l-Istati Kontraenti fil-KEP adottaw l-hekk imsejjaħ "il-Ftehim ta' Londra" (il-Ftehim dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 65 tal-KEP, ĠU UEP 2001, 550) li attwalment jinsab fis-seħħ fi ħdax-il Stat Membru tal-UE u jsarraf f'anqas rekwiżiti ta' traduzzjoni.

[3] COM(2010) 2020.

[4] COM(2010) 608 finali/2.

[5] COM(2000) 412.

[6] Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja (COM(2000) 412 - C5-0461/2000 - 2000/0177(CNS) (ĠU C 127E, 29.5.2003, p. 519–526).

[7] Dokument tal-Kunsill 7159/03.

[8] COM(2007) 165.

[9] Dokument tal-Kunsill 17229/09.

[10] Dokument tal-Kunsill 16113/09 Add 1. It-terminoloġija nbidlet (minn privattiva "Komunitarja" għal "tal-UE") minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona.

[11] COM(2010) 350.

[12] SEC(2010) 796.

[13] Stqarrija lill-Istampa tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill “Kompetittività (Suq Intern, Industrija, Riċerka u Spazju)”, 16041/10, 10.11.2010.

[14] Ara l-istqarrija għall-istampa 17668/10.

[15] COM(2010) 790.

[16] Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE tal-10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 53).

[17] Id-dokument ta’ konsultazzjoni, it-tweġibiet mingħand il-partijiet interessati u r-rapport dwar is-sejbiet preliminari tal-konsultazzjoni huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/consultation_en.htm.

[18] COM(2008) 394.

[19] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/

[20] Aspettattivi tal-UEAPME dwar il-Proposta għal Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, disponibbli fuq www.ueapme.com Reazzjoni għall-Konsultazzjoni dwar Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, disponibbli fuq http://www.eurochambres.eu

[21] Opinjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin tad-dibattitu tar-riforma tal-privattivi fl-Ewropa, disponibbli fuq http://www.businesseurope.eu

[22] Pożizzjoni dwar l-iżviluppi riċenti tal-politika dwar il-privattiva Komunitarja Ewropea, disponibbli fuq http://www.ueapme.com

[23] Dokument ta’ pożizzjoni dwar is-Sistema tal-Privattiva Ewropea, disponibbli fuq http://www.eurochambres.eu

[24] Dokumenti ta’ pożizzjoni minn BDI (Bundesverband der Deutschen Industrie), DIHK (Deutscher Industrie- und Handelskammertag), CBI (Konfederazzjoni ta’ Industriji Brittanniċi), CCIP (Chambre de commerce et d'industrie de Paris), CGPME (Confédération générale des petites et moyennes entreprises), Unioncamere, DigitalEurope, Orgalime, ACT (Assoċjazzjoni għal Tekonoloġija Kompetittiva), Cefic u oħrajn.

[25] ĠU, L 76, 22.3.2011, p. 53.

[26] ĠU C , , p. .

[27] ĠU C , , p. .

[28] COM(2010) 350.

[29] Dokumenti tal-Kunsill 15395/10 u 15395/10 ADD 1.

[30] Regolament tal-Kunsill 1/1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea [traduzzjoni mhux uffiċjali](ĠU 17, 06/10/1958, p. 385 – 386).

Top