EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0639

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tendenzi ġodda fil-qasam tax-xogħol indipendenti: il-każ speċifiku tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tendenzi ġodda fil-qasam tax-xogħol indipendenti: il-każ speċifiku tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 18/08

Relatur: is-Sur ZUFIAUR NARVAIZA

Nhar is-26 ta' Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Tendenzi ġodda fil-qasam tax-xogħol indipendenti: il-każ speċifiku tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Frar 2010.

Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' April 2010 (seduta tad-29 ta' April 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'137 vot favur, 52 vot kontra u 11-il astensjoni.

1.   Sintesi, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Dan id-dokument jagħti ħarsa lejn id-definizzjonijiet li diversi organizzazzjonijiet Ewropej stabbilixxew għad-diversi tipi ta' xogħol indipendenti. Iżda b'mod partikolari, din l-opinjoni tanalizza l-iktar tendenzi reċenti li jolqtu lix-xogħol “parasubordinat”, magħruf ukoll bħala “xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti”. Ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti qed jingħata ħafna attenzjoni bħala reazzjoni għall-bżonn ta' fehim aħjar dwar in-natura li qed tinbidel tal-impjieg indipendenti, li minħabba li ntlaqat minn bidla ekonomika u soċjali profonda, issa din il-forma ta' xogħol żviluppat b'mod differenti mill-forom ta' xogħol indipendenti rikonoxxuti tradizzjonalment fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Hemm biss ftit pajjiżi Ewropej li rrikonoxxew legalment kategorija ġdida u intermedja ta' ħaddiema, li taqa' bejn l-impjegati u min jaħdem għal rasu. L-għan ġenerali tal-leġislazzjoni nazzjonali eżistenti huwa li ċerti kategoriji ta' ħaddiema jingħataw protezzjoni aħjar mingħajr ma jiġu kklassifikati bħala impjegati. Fil-pajjiżi li jirrikonoxxu kategorija intermedja bejn l-istatus ta' impjegat u dak ta' ħaddiem indipendenti, id-dipendenza ekonomika hija l-bażi għal sensiela ta' drittijiet speċifiċi li ma jingħatawx lil kategoriji oħra ta' ħaddiema indipendenti, iżda li huma inqas estensivi mid-drittijiet li jingħataw lill-impjegati. Il-kopertura tal-protezzjoni li tingħata lill-“ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti” tvarja b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor. Id-drittijiet tal-ħaddiem indipendenti li jkun ekonomikament dipendenti jistgħu jkunu wkoll marbuta mal-ħarsien soċjali. Dawn jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq il-garanziji offerti lill-ħaddiema mil-leġislazzjoni dwar ix-xogħol. F'dan ir-rigward, jistgħu japplikaw għar-relazzjonijiet individwali bejn il-ħaddiem u l-klijent tiegħu (dħul minimu, ħin tax-xogħol, eċċ), iżda dan iwassal ukoll għar-rikonoxximent li l-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti għandhom id-dritt li jorganizzaw ruħhom u li jaġixxu b'mod kollettiv biex jiddefendu u jfittxu l-interessi professjonali tagħhom.

Il-kwistjonijiet marbuta mar-rikonoxximent legali tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jistgħu, minkejja d-differenzi li jikkaratterizzaw r-realtajiet ekonomiċi u soċjali tad-diversi pajjiżi, jispjegaw d-diversità tar-regolamenti nazzjonali. Statuses intermedji bħal dawn jistgħu fil-fatt iwasslu għal riservi leġittimi. Hemm ukoll il-biża' li, anke bil-kjarifika tal-kategoriji legali, ir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jwassal biex il-persuni li s'issa kienu definiti bħala impjegati, jiġu trasferiti għall-kategorija ta' xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti, b'rabta, pereżempju, mal-istrateġiji ta' esternalizzazzjoni tal-impjiegi mill-kumpaniji. Huwa minnu li l-analiżi tar-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti ma tistax tinfired għalkollox mill-kwistjonijiet tax-“xogħol taparsi indipendenti”. Din hija realtà li hija evidenti f'numru ta' pajjiżi tal-UE. Hija evidenti b'mod partikolari f'setturi bħall-bini, fejn din il-prattika illegali tant hija mifruxa li ġġustifikat l-adozzjoni reċenti ta' pożizzjoni komuni mill-imsieħba soċjali Ewropej ta' dan is-settur. Mingħajr l-ebda dubju, jeżistu każijiet ta' ħaddiema li formalment jaħdmu għal rashom (fejn iż-żewġ partijiet jiddefinixxu r-relazzjoni tagħhom f'dawn it-termini) iżda li jaħdmu taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-impjegati. Dawn il-każijiet għandhom tendenza li jaqblu mal-ipotesi li min iħaddem jikkwalifika x-xogħol bħala impjieg indipendenti biex jevita l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tax-xogħol u/jew tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, f'ħafna każijiet, il-bidla fl-istatus ta' ħaddiem ekonomikament dipendenti mhijiex strettament għażla volontarja, iżda waħda li saret bilfors b'riżultat ta' fatturi esterni bħall-esternalizzazzjoni ta' produzzjoni jew ir-ristrutturar ta' kumpanija bis-sensji li tkun ġabet magħha.

Minbarra r-riskji li jġib miegħu, ir-rikonoxximent tal-istatus tal-ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti huwa mezz li bih, fl-Istati li adottawh, ġiet estiża iktar il-protezzjoni legali għall-ħaddiema li mhumiex impjegati iżda ġenwinament jaħdmu għal rashom, iżda f'sitwazzjoni fejn ma jistgħux jieħdu vantaġġ mill-protezzjoni ekonomika li kienu jingħataw kieku setgħu jaħdmu għal numru ta' klijenti differenti. F'dan ir-rigward, minbarra l-estensjoni tal-protezzjoni rigward is-sigurtà soċjali u l-istatus professjonali, ir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jista' jkun ukoll mezz ta' tisħiħ tal-intraprenditorija. F'dan il-kuntest, ir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti biex ikun hemm bilanċ bejn ir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-ħaddiem u l-prinċipal għandu jnaqqas il-pressjoni ekonomika fuq il-ħaddiem u jgħin jiżgura kwalità aħjar tas-servizz lill-konsumatur aħħari.

Bl-iżvilupp tas-servizzi transkonfinali, il-varjetà ta' leġislazzjoni f'dan il-qasam hija kwistjoni li tikkonċerna lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Huwa ċar li l-armonizzazzjoni tal-istatus ta' impjieg, l-ewwel nett b'definizzjoni tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti, mhijiex kwistjoni sempliċi. Kull ħsieb dwar dan is-suġġett ma jistax jinjora d-diversità tar-regolamenti u prattiki nazzjonali: skont il-leġislazzjoni soċjali Ewropea, id-definizzjoni tal-ħaddiem u tal-intraprenditur huma stabbiliti fil-livell nazzjonali.

Madankollu, il-bżonn urġenti li jinkiseb fehim aħjar tal-iżviluppi li qed isiru fix-xogħol indipendenti m'għandux jiġi injorat. Tal-inqas, fil-pajjiżi fejn il-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti mhumiex definiti bħala impjegati, grupp dejjem ikbar ta' ħaddiema Ewropej, qegħdin fir-riskju li jibqgħu mingħajr protezzjoni.

1.1   Għandhom jiġu żviluppati mezzi biex titfassal stampa preċiża tal-istatistika tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti fl-Unjoni Ewropea.

1.2   Għandhom jiġu promossi studji li jippermettu l-analiżi dettaljata tal-esperjenzi nazzjonali fil-qasam tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti.

1.3   Il-kwistjoni tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti għandha tiġi integrata b'mod ċar fil-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, b'modi li għad iridu jiġu determinati.

1.4   L-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jitħeġġu biex jinkludu x-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti fil-programmi ta' ħidma tagħhom fil-livell transsettorjali u dak settorjali. L-analiżi konġunta tal-imsieħba soċjali Ewropej (1), ippubblikata f'Ottubru 2007, turi kemm hija importanti l-kwistjoni tal-istatus professjonali għal dawk involuti fid-djalogu soċjali Ewropew. F'dan il-kuntest, jista' jkun utli li jiġu evalwati l-opportunitajiet biex jiġu żviluppati r-rabtiet bejn l-imsieħba soċjali Ewropej u l-organizzazzjonijiet (b'mod partikolari l-korpi nazzjonali) li jirrappreżentaw il-ħaddiema indipendenti.

1.5   Għandhom jiġu identifikati l-aspetti komuni għad-definizzjoni ta' impjegat fl-Istati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-informazzjoni u l-analiżi li jinġabru mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti. Approċċ bħal dan ikun neċessarju mhux biss biex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa tad-Direttivi Ewropej eżistenti tal-Liġi tax-Xogħol iżda wkoll biex ikun hemm fehim aħjar taż-żidiet fl-impjieg transkonfinali fl-Ewropa. B'hekk tkun tista' tintuża l-informazzjoni meħtieġa biex jinfiehem aħjar x'jinkludi x-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti. Qabel ma jsir tentattiv biex jinfiehem aħjar ix-xogħol indipendenti iżda ekonomikament dipendenti għandha tiġi stabbilita definizzjoni ċara u preċiża ta' impjegat.

2.   Introduzzjoni

Dawk li jaħdmu għal rashom huma letteralment dawk li jaħdmu għalihom infushom, minflok għal ħaddieħor f'relazzjoni dipendenti. Madankollu, għalkemm jidher sempliċi, ma jistax jiġi injorat il-fatt li x-xogħol indipendenti jkopri firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi, li ma jistgħux jitqiesu kollha l-istess. Din il-frammentazzjoni tax-xogħol indipendenti hija kwistjoni sensittiva fl-Istati Membri kollha. Il-provvedituri ta' servizzi dipendenti huma s-suġġett ta' din l-opinjoni. Konsegwentement, ser ikun hemm enfasi partikolari fuq il-ħsieb wara l-forom ġodda ta' impjieg indipendenti sabiex nifhmu meta dawn jistgħu jibdew jostakolaw l-indipendenza ekonomika ta' dawk li jaħdmu għal rashom. B'hekk, mhux ser nipprovaw nindirizzaw is-suġġett tax-xogħol mhux iddikjarat jew tal-hekk imsejjaħ “xogħol taparsi indipendenti”, għalkemm it-tnejn li huma jista' jkollhom, jew jidhru li jkollhom, rabta mal-ħaddiema ekonomikament dipendenti li jaħdmu għal rashom.

L-ewwel u qabel kollox, ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti huwa problema attwali fl-Unjoni Ewropea (1). Barra minn hekk, dan ġie rikonoxxut legalment f'xi pajjiżi Ewropej li stabbilixxew definizzjonijiet u introduċew forom speċifiċi ta' protezzjoni (2). Fl-aħħar nett, hemm bżonn li jiġu mifhuma kompletament il-kwistjonijiet marbuta max-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti (3).

3.   Ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti: suġġett attwali fl-Unjoni Ewropea

3.1   Forom ġodda ta' ħaddiema indipendenti għar-realtajiet ekonomiċi u soċjali ġodda

3.1.1

Sensiela ta' fatturi jistgħu jwasslu biex joħorġu fid-dieher forom “ġodda” ta' ħaddiema indipendenti, jew fi kliem ieħor, ħaddiema li jaħdmu f'oqsma tax-xogħol li mhux bilfors ikunu integrati fil-kategoriji tradizzjonali tax-xogħol indipendenti bħall-biedja u l-professjonijiet liberi (2). Nistgħu nsemmu għadd ta' fenomeni hawnhekk:

l-istrateġiji tal-kumpaniji, b'mod partikolari ċerti tipi ta' esternalizzazzjoni tal-impjiegi;

l-emerġenza ta' bżonnijiet soċjali ġodda, relatati b'mod partikolari mat-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni;

il-bidliet li jolqtu l-provvista tax-xogħol, bħaż-żieda fil-livell tat-taħriġ tal-popolazzjoni;

iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

il-bżonn li jiddaħħlu ċerti gruppi vulnerabbli li tħallew barra minn dan is-suq. Għal dawn il-gruppi, f'ċerti każijiet, ix-xogħol indipendenti jista' jfisser alternattiva għall-qgħad;

ix-xewqa ta' ċerti ħaddiema li jsibu bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata;

it-tkabbir tas-settur tas-servizzi u l-opportunitajiet ġodda offruti mit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

3.1.2

Fil-kuntest ta' dawn il-bidliet, il-letteratura akkademika, ibbażata fuq ir-riċerka empirika, iffokat fuq l-identifikar ta' diversi kategoriji ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom. L-iktar kategoriji li jintużaw huma (3):

l-intraprendituri li jmexxu l-intrapriża tagħhom billi jirrikorru għall-użu ta' kuntratti, u b'konsegwenza għall-għajnuna ta' impjegati;

il-professjonisti “tradizzjonali” (4) li jkollhom jikkonformaw ma' kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali (l-akkreditazzjoni tal-ħiliet, il-konformità mal-kodiċi ta' etika professjonali) sabiex ikunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom. Għalkemm kultant ikollhom impjegati, iktar jagħti l-każ li jaħdmu waħedhom jew f'assoċjazzjoni ma' kollegi. Fost l-eżempji ta' din il-kategorija nsibu l-avukati u t-tobba;

il-ħaddiema fl-artiġjanat, in-negozjanti u l-bdiewa, li huma l-qalba tal-forom tradizzjonali tax-xogħol indipendenti u jistgħu jiġu assistiti minn membri tal-familja u/jew għadd żgħir ta' impjegati, kemm permanenti u kemm le;

“il-ħaddiema indipendenti l-ġodda”, li jaħdmu f'oqsma speċjalizzati iżda li l-professjonijiet tagħhom mhumiex regolati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha bħal dawk li ssemmew hawn fuq;

il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom f'oqsma tax-xogħol speċjalizzati jew mingħajr kwalifiki, li ma jkollhom l-ebda impjegat, grupp li nħoloq b'riżultat tal-iżviluppi fl-esternalizzazzjoni ta' diversi partijiet tal-proċess ta' produzzjoni.

3.1.3

Flimkien ma' dawn id-definizzjonijiet, fit-tfassil tal-istampa tal-istatistika tal-impjieg indipendenti, l-Istħarriġ tal-EUROSTAT dwar is-Suq tax-Xogħol jiddistingwi bejn dawn il-gruppi ta' ħaddiema indipendenti:

dawk li jħaddmu, definiti bħala persuni li jaħdmu għal rashom (intrapriża, professjoni libera, biedja) bi skop ta' qligħ u li jimpjegaw mill-inqas persuna waħda;

l-“own account workers”, definiti bħala persuni li jaħdmu għal rashom (intrapriża, professjoni libera, biedja) bi skop ta' qligħ iżda li ma jimpjegaw l-ebda persuna. Fl-2008, din il-kategorija ta' ħaddiema rappreżentat iktar minn 36 miljun persuna fl-UE 27, jiġifieri madwar 16 % tal-populazzjoni f'impjieg;

il-“family workers”, definiti bħala individwi li jgħinu membru tal-familja biex iwettaq attività ekonomika (kummerċjali jew agrikola), li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala impjegati.

3.1.4

L-identifikazzjoni tal-fenomenu tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti toħloq problemi reali ħafna. Huwa biss f'dawk il-pajjiżi li rrikonoxxew b'mod legali din il-kategorija l-ġdida, li teżisti approssimazzjoni iktar preċiża ta' dawk li minkejja li jaħdmu għal rashom huma ekonomikament dipendenti. Madankollu, nistgħu nassumu li proporzjon tal-ħaddiema klassifikati fl-istatistika bħala persuni li jaħdmu għal rashom fil-fatt ekonomikament jiddependu fuq klijent jew prinċipal.

3.1.5

Għalhekk, jekk wieħed jara d-data Ewropea disponibbli fuq l-iskala tal-impjieg indipendenti (5), din turi li fl-2007, il-ħaddiema indipendenti mingħajr l-ebda impjegat kienu jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-ħaddiema indipendenti kollha f'kull Stat Membru. F'xi Stati Membri, din ir-rata kienet saħansitra ogħla (70 % jew iktar). Dan kien il-każ fir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja u r-Renju Unit. Fid-dawl tal-bidliet ekonomiċi u soċjali li wasslu għall-forom ġodda ta' impjieg indipendenti u l-esperjenza tal-pajjiżi li rregolaw dawn l-istess forom ta' xogħol, ikun raġonevoli li wieħed jassumi li proporzjon sinifikanti ta' dan il-grupp imdaqqas ta' “own account workers” qed jaħdmu f'sitwazzjoni ta' dipendenza ekonomika.

3.1.6

Tul l-aħħar għexieren ta' snin, it-tendenzi juru li fl-Ewropa għadd dejjem ikbar ta' ħaddiema indipendenti qed isiru parti mis-sistema formali tal-impjieg, filwaqt li hemm żieda fil-forom ta' xogħol dipendenti permezz ta' mezzi legali barra s-sistema tal-impjieg. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġu identifikati l-kriterji li jiddefinixxu din id-dipendenza ekonomika u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' statistika li jkejlu l-għadd ta' persuni li jaħdmu b'dan il-mod.

3.2   Ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti, mistoqsija mressqa fil-livell Ewropew

3.2.1

Il-protezzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ilha kwistjoni ta' tħassib għall-UE għal bosta snin. Hawnhekk nistgħu nsemmu r-Rakkomandazzjoni 2003/134/KE tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003 (6) dwar it-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. L-isfidi li jinħolqu mill-protezzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom huma riflessi wkoll fid-dibattitu li għaddej dwar il-proposta għal direttiva ġdida dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu għal rashom.

3.2.2

Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom tinsab fil-qalba tad-diskussjoni li għaddejja dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport bit-triq.

3.2.3

Il-kwistjoni tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti ġiet indirizzata espliċitament fil-livell tal-Unjoni Ewropea f'diversi okkażjonijiet. Pereżempju, ir-rapport ta' Alain Supiot li tressaq lill-Kummissjoni Ewropea fl-2000 (7) irrikonoxxa l-eżistenza ta' “ħaddiema li ma jistgħux jiġu deskritti bħala impjegati, iżda li huma ekonomikament dipendenti fuq klijent uniku”, bl-argument li għandhom ikunu intitolati għad-“drittijiet soċjali” ġustifikati minn din id-dipendenza.

3.2.4

Fil-Green Paper tal-2006 dwar l-immodernizzar tal-liġi dwar ix-xogħol (8), il-Kummissjoni Ewropea nnotat li “L-impjiegi ta' min jaħdem għal rasu ukoll huma mezz ta' kif wieħed ilaħħaq mal-istrutturar, inaqqas l-ispejjeż tax-xogħol diretti jew indiretti u jimmaniġġja r-riżorsi b'mod aktar flessibbli bi tweġiba għal ċirkostanzi ekonomiċi mhux previsti. Dan jirrifletti wkoll il-mudell tan-negozju li huwa orjentat lejn is-servizz u twassil ta' proġetti sħaħ għall-klijenti. F'ħafna każijiet dan jirrifletti l-għażla ħielsa għal xogħol indipendenti minkejja livelli aktar baxxi ta' ħarsien soċjali b'paragun ma' kontroll aktar dirett fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas.” Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ressqet l-argument ukoll li, “Il-kunċett ta' ‘xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti’ ikopri sitwazzjonijiet li jaqgħu bejn iż-żewġ kunċetti stabbiliti ta' impjegar subordinat u ħaddiema għal rashom indipendenti. Dawn il-ħaddiema m'għandhomx kuntratt tax-xogħol. Jistgħu ma jkunux koperti b'liġi tax-xogħol minħabba li jokkupaw żona mhux ċara bejn il-liġi tax-xogħol u l-liġi kummerċjali. Għalkemm formalment ‘jaħdmu għal rashom’, ekonomikament jibqgħu dipendenti fuq klijent/min iħaddem wieħed, jew wieħed prinċipali [sic], għad-dħul tagħhom. Dan il-fenomenu għandu jiġi distint b'mod ċar mill-klassifikazzjoni ħażina apposta ta' dawk li jaħdmu għal rashom.”

3.2.5

Din il-kwistjoni tqajmet ukoll fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper (9).

4.   Ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti: realtà legali f'xi pajjiżi tal-UE

4.1   L-eżistenza ta' kategoriji legali intermedji bejn l-impjieg b'paga u l-impjieg indipendenti

4.1.1

It-tip ta' approċċ li l-liġi tieħu lejn ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jista' jwassal sabiex dan jitqies bħala kategorija intermedja bejn l-impjieg b'paga u l-impjieg indipendenti.

4.1.2

Sal-lum, hemm għadd żgħir ta' Stati Membri li jirrikonoxxu b'mod speċifiku l-kunċett ta' ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti, għalkemm f'forom differenti u f'livelli differenti, u jipprovaw jiddefinixxuh. L-eżistenza ta' din il-kategorija intermedja ta' ħaddiem, bejn ħaddiem indipendenti u impjegat, tirriżulta fil-ħolqien ta' forom ġodda ta' impjieg, għalkemm l-ambitu u l-kontenut tiegħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. L-eżempji prinċipali jinkludu l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit. Għalhekk, fl-Italja, l-idea tal-parasubordinazzjoni tapplika għal dawk il-persuni impjegati f'“relazzjonijiet kuntrattwali kontinwi u koordinati” u għall-“ħaddiema ta' proġetti”. Fir-Renju Unit insibu kategorija separata ta' “ħaddiem”, li huwa differenti minn “impjegat”. Il-“ħaddiem” (worker) huwa distint minn impjegat (employee) fis-sens li jagħmel ix-xogħol mingħajr ma jkun taħt l-awtorità ta' persuna li tħaddem. Fl-Awstrija jeżistu forom speċifiċi ta' kuntratti, rikonoxxuti fil-leġislazzjoni, fejn wieħed jista' jara indikazzjonijiet ta' tħassib ġenerali dwar ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti, b'mod partikolari fil-każ tal-“free service contracts”. Dawk li qed jaħdmu b'dan it-tip ta' kuntratt huma differenti mill-impjegati fis-sens li, għalkemm fil-biċċa l-kbira taż-żmien jaħdmu għal klijent uniku, skont skeda fissa, ir-relazzjoni tax-xogħol mhijiex waħda ta' subordinazzjoni. Fil-Ġermanja nsibu l-kunċett ta' “persuna bħal impjegat” (“arbeitnehmerähnliche Person”). Din il-kategorija ta' ħaddiema, trattata separatament mill-impjegati fil-leġislazzjoni tax-xogħol, tikklassifika lil dawk li b'kuntratt kummerċjali jew ta' servizz, jagħmlu x-xogħol ikkonċernat personalment u direttament, mingħajr ma jingaġġaw impjegati, u li jiddependu fuq klijent uniku għal iktar minn 50 % tad-dħul tagħhom. Spanja għandha l-iktar definizzjoni reċenti u l-iktar waħda kompluta tax-xogħol ekonomikament dipendenti. L-istatus tal-ħaddiema indipendenti, adottat fl-2007 jagħti definizzjoni ta' ħaddiem ekonomikament dipendenti skont għadd ta' kriterji. Dan it-tip ta' ħaddiem huwa dak li s-soltu jwettaq attività ekonomika jew professjonali, personalment u direttament, bi skop ta' qligħ u għal klijent wieħed biss, li mingħandu jaqla' mill-inqas 75 % tad-dħul tiegħu. Dan l-istatus mhuwiex kompatibbli ma' kumpanija ċivili jew kummerċjali (10).

4.1.3

Jistgħu jinġabru għadd ta' konklużjonijiet mill-osservazzjoni tas-sistemi nazzjonali li jkunu rikonoxxew l-eżistenza ta' kategorija legali ġdida fil-liġi. L-ewwel nett, fil-każijiet kollha qed naraw il-ħolqien ta' kategorija totalment ġdida, distinta minn dik ta' impjegat u minn dik ta' ħaddiem indipendenti, u, a fortiori, minn dik ta' intraprenditur ġenwin. Għaldaqstant, l-objettiv li jrid jintlaħaq fid-diversi pajjiżi mhuwiex li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom imma li huma ekonomikament dipendenti jinbidlu f'impjegati, iżda li jagħtihom status speċifiku bid-dritt għal protezzjoni speċifika fuq il-bażi tad-dipendenza ekonomika tagħhom. Għalhekk, fid-diversi każijiet ikkwotati hawn fuq, l-istatus tal-ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti ma jiddependix fuq l-eżistenza ta' relazzjoni ta' subordinazzjoni legali, fejn din tal-aħħar hija element fid-definizzjonijiet legali ta' impjegati fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. B'hekk, impjegat huwa xi ħadd li jaħdem taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni ta' persuna oħra, li mbagħad jiġi kklassifikat bħala min iħaddem, sitwazzjoni li hi stess tiġi determinata skont bosta fatturi, jiġifieri, l-obbligu li wieħed jipprovdi x-xogħol għalih innifsu, li jaħdem għal entità waħda biss għal tul ta' żmien speċifiku, li ma jkunux responsabbli għar-riskji finanzjarji tal-kumpaniji u x-xogħol li jsir f'isem ħaddieħor. Filwaqt li l-impjegati kollha huma ekonomikament dipendenti, ħarsa lejn dan il-kriterju turi li l-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti mhux bilfors ikunu impjegati.

4.1.4

Madankollu, hemm bżonn li jiġu stabbiliti kriterji li jiddistingwu d-dipendenza ekonomika. Dan huwa kompitu kumpless, iżda mhux impossibbli, hekk kif juru d-diversi regolamenti nazzjonali li jeżistu f'dan il-qasam. L-ewwel tip ta' kriterju li jista' jintuża huwa relatat mal-ħaddiem stess. Għalhekk (pereżempju fi Spanja), ħaddiem indipendenti li jkun ekonomikament dipendenti jista' jiġi definit bħala xi ħadd li jagħmel ix-xogħol ikkonċernat personalment, mingħajr ma jingaġġa impjegati. Kriterji oħrajn, li jintużaw b'mod konġunt mal-ewwel wieħed, huma relatati mal-istat tad-dipendenza ekonomika nnifisha. Wieħed mill-fatturi li jistgħu jintużaw hawnhekk huwa l-proporzjon tad-dħul minn klijent wieħed (li jekk ikun il-każ, il-kwistjoni sussegwenti tkun li jiġi determinat il-proporzjon eżatt tad-dħul li jikkwalifika d-dipendenza ekonomika, jew it-tul tar-relazzjoni bejn il-ħaddiem u l-klijent: iktar ma tkun twila r-relazzjoni, ikbar tkun id-dipendenza ekonomika fuq il-klient). L-Italja tuża dan l-aħħar fattur biex tiddetermina l-eżistenza ta' “relazzjoni kontrattwali kontinwa u koordinata”. Fl-aħħar nett, l-esperti li jaħdmu f'dan il-qasam f'xi każijiet issuġġerixxew kriterju addizzjonali. Għaldaqstant, il-Professur Perulli (11) jqis li ħaddiem jista' jiġi kkwalifikat bħala ekonomikament dipendenti biss jekk il-mod li bih jorganizza l-produzzjoni jiddependi fuq l-attività tal-klijent. Fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jkun f'pożizzjoni li ma jistax jaċċessa s-suq minħabba li l-organizzazzjoni globali produttiva (b'mod partikolari, il-materjal u t-teknoloġija użati) ikollha l-objettiv li taqdi l-ħtiġijiet ta' klijent wieħed biss.

4.2   Protezzjoni għall-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti

4.2.1

Fil-pajjiżi li jirrikonoxxu kategorija intermedja bejn l-istatus ta' impjegat u dak ta' ħaddiem indipendenti, id-dipendenza ekonomika hija l-bażi tad-drittijiet speċifiċi li ma jingħatawx lill-ħaddiema indipendenti, iżda tkun inqas estensiva mid-drittijiet li jingħataw lill-impjegati. Id-drittijiet tal-ħaddiem indipendenti li jkun ekonomikament dipendenti jistgħu jkunu wkoll marbuta mal-ħarsien soċjali. Dawn jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq il-garanziji offerti lill-ħaddiema mil-leġislazzjoni tax-xogħol. F'dan ir-rigward, jistgħu japplikaw għar-relazzjonijiet individwali bejn il-ħaddiem u l-klijent tiegħu (dħul minimu, ħin tax-xogħol, eċċ), iżda dan iwassal ukoll għar-rikonoxximent li l-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti għandhom id-dritt li jorganizzaw ruħhom u li jaġixxu b'mod kollettiv biex jiddefendu u jfittxu l-interessi professjonali tagħhom. Dan juri l-idea li d-dipendenza, għalkemm ekonomika u mhux legali, tiġġustifika protezzjoni partikolari.

4.2.2

B'rabta mal-protezzjoni soċjali, fil-pajjiżi kkonċernati jista' jkun hemm livell intermedju ta' protezzjoni soċjali, ogħla minn dak offrut lill-“ħaddiema indipendenti ordinarji”. Fl-Italja, dan japplika għal dawk ingaġġati bħala “ħaddiema ta' proġetti”, li jkunu intitolati għal garanziji f'każ ta' tqala, mard, inċidenti relatati max-xogħol u l-pensjoni li qed isiru dejjem iktar simili ta' dawk li jingħataw lill-impjegati. L-istess jgħodd għar-Renju Unit, fejn il-“workers” ikunu intitolati għal paga statutorja meta jkunu morda.

4.2.3

Rigward ir-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, għalkemm mhumiex impjegati, il-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti, ġeneralment ikunu intitolati għal parti mill-protezzjoni offruta lill-impjegati.

4.2.4

Naturalment, jekk inħarsu iktar fil-fond minn din l-istampa ġenerali, il-kopertura tal-protezzjoni li tingħata lill-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti tvarja b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor. Fir-Renju Unit, il-“workers” huma intitolati għall-protezzjoni marbuta mal-paga minima, is-sigħat tax-xogħol u l-ġranet franka. Fi Spanja, l-approċċ huwa ħafna iktar ambizzjuż, fejn l-Istatut tal-2007 jagħti d-drittijiet li ġejjin lill-ħaddiema ekonomikament dipendenti:

drittijiet relatati max-xogħol: id-dritt għal perijodi ta' serħan, id-dritt għall-ġranet franka;

drittijiet relatati mal-ksur tal-kuntratt bejn il-ħaddiem u l-klijent: pereżempju li jeħtieġ li l-klijent jagħti raġunijiet sodi għall-ksur tal-kuntratt. Jekk ma jingħatawx raġunijiet ta' dan it-tip, il-ħaddiem ikun intitolat għall-kumpens jekk jinkiser il-kuntratt.

4.2.5

B'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003, lil hinn mill-protezzjoni mmirata lejn il-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti, livell minimu ta' protezzjoni soċjali (pereżempju fil-qasam tas-sigurtà soċjali, it-taħriġ vokazzjonali jew l-aċċess għall-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol) għandu jkopri lill-ħaddiema indipendenti kollha fl-UE. Dan għandu jiżgura li l-protezzjoni soċjali bażika tingħata lill-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-istatus legali tax-xogħol li jagħmlu.

5.   Sfidi relatati mar-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti

5.1   Ix-xogħol b'paga u x-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti: kompetizzjoni jew komplement?

5.1.1

Kif rajna, numru żgħir biss ta' Stati Membri tal-UE jirrikonoxxu l-kategorija ta' ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti fil-leġislazzjoni tagħhom. Lil hinn mir-realtà ekonomika u soċjali li tvarja fid-diversi pajjiżi, din tirrifletti wkoll ir-riservi leġittimi rigward l-istatuses intermedji ta' dan it-tip. Hemm ġustifikazzjoni għall-biża' li, anke bil-kjarifika tal-kategoriji legali, ir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jwassal biex il-persuni li s'issa kienu definiti bħala impjegati jiġu trasferiti għall-kategorija ta' xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti, b'rabta, pereżempju, mal-istrateġiji ta' esternalizzazzjoni tal-impjiegi mill-kumpaniji. Sa ċertu punt, l-esperjenza tal-Italja turi evidenza ta' dan ir-riskju. Meta l-gvern Taljan introduċa kuntratti ta' kollaborazzjoni ta' proġett fl-2003, l-għan kien li jiġi żgurat li dawk li taparsi jaħdmu għal rashom jiġu trasferiti għal xogħol b'paga. Madankollu, bejn l-2003 u l-2005 fil-fatt kien hemm żieda qawwija fl-għadd ta' ħaddiema “parasubordinati”. Dan it-tħassib jista' jispjega għalfejn, f'bosta Stati Membri, jew il-gvern jew l-imsieħba soċjali huma opposti ferm għall-ħolqien ta' kwalunkwe status ta' impjieg intermedju bejn dak ta' impjegat u l-impjieg indipendenti. Pereżempju, fil-kungress tiegħu tal-2009, it-TUC Ingliż adotta mozzjoni li tirrakkomanda li għandu jkun hemm biss żewġ tipi ta' ħaddiema fir-Renju Unit: l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom.

5.1.2

Huwa minnu li l-analiżi tar-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti ma tistax tinfired għalkollox mill-kwistjonijiet tax-“xogħol taparsi indipendenti”. Din hija realtà li hija evidenti f'numru ta' pajjiżi tal-UE. Huwa evidenti b'mod partikolari f'setturi bħall-bini, fejn din il-prattika illegali tant hija mifruxa li ġġustifikat l-adozzjoni reċenti ta' pożizzjoni komuni mill-imsieħba soċjali Ewropej ta' dan is-settur. Mingħajr l-ebda dubju, jeżistu każijiet ta' ħaddiema li formalment jaħdmu għal rashom (fejn iż-żewġ partijiet jiddefinixxu r-relazzjoni tagħhom f'dawn it-termini) iżda li jaħdmu taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-impjegati. Dawn il-każijiet għandhom tendenza li jaqblu mal-ipotesi li min iħaddem jikkwalifika x-xogħol bħala impjieg indipendenti biex jevita l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tax-xogħol u/jew tas-sigurtà soċjali. Fil-konfront ta' din is-sitwazzjoni, ir-rakkomandazzjoni Nru 198 tal-ILO (12) titlob lill-gvernijiet biex jadottaw kriterji ċari fil-leġislazzjoni tagħhom biex issir distinzjoni bejn ir-relazzjoni tal-impjieg sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol taparsi indipendenti. Mingħajr l-ebda dubju, din hija kwistjoni kruċjali, iżda hija distinta mix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti. Fil-fatt, għadha qed tiġi distinta b'mod ċar fil-liġi mix-xogħol b'paga, inkluż f'dawk il-pajjiżi li jirrikonoxxu dan it-tip ta' impjieg. Fi kliem ieħor, ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jista' jeżisti biss bħala status jekk ikun distint b'mod ċar mix-xogħol b'paga. M'hemmx dubju li l-kriterju tas-subordinazzjoni legali għandu rwol ċentrali x'jaqdi f'dan ir-rigward. Jekk xi ħadd ikun qed jaħdem taħt kondizzjonijiet li jikkwalifikawh bħala impjegat, m'għandux ikun possibbli li jiġi kategorizzat bħala ekonomikament dipendenti. Naturalment, dan jiddependi minn jekk ix-xogħol b'paga jkunx definit bl-iktar mod ċar u preċiż fil-liġi nazzjonali, skont ir-rakkomandazzjoni tal-ILO. Fi kliem ieħor, għandna nkunu nistgħu nagħmlu distinzjoni bejn ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti u x-xogħol b'paga, u sabiex dan isir, kull kunċett għandu jkun definit b'mod ċar. Jeħtieġ ukoll li l-miżuri li jiżguraw il-konformità mal-liġi jkunu effettivi. Huwa biss jekk jiġu sodisfati dawn il-kondizzjonijiet li r-rikonoxximent tal-istatus tal-ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti jkun jista' jikkomplementa l-istatus tal-impjegat u jagħti protezzjoni aħjar lil dawk il-ħaddiema ġenwinament indipendenti minn dawk li taparsi jaħdmu għal rashom.

5.1.3

Barra minn hekk, billi x-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti huwa rikonoxxxut, wieħed jista' jistenna wkoll li r-relazzjoni kummerċjali bejn klijent u ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti ma tkunx daqshekk twila b'tali mod li jirriżulta li l-ħaddiem ekonomikament indipendenti, fil-prattika jkun qed jaħdem b'mod permanenti għall-klijent tiegħu. F'dan il-każ, anke jekk ir-relazzjoni inizjalment tkun waħda ġenwinament kummerċjali, meta din tkompli għaddejja għal perijodu relattivament twil, għandhom jiġu kkunsidrati l-kondizzjonijiet u l-mezzi li jippermettu lill-ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti jikseb l-istatus ta' impjegat ta' dak li qabel kien il-klijent u wara sar iħaddmu.

5.2   Opportunitajiet offruti mir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti

5.2.1

Fl-Istati Membri kollha li adottawh, ir-rikonoxximent tal-istatus tal-ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti kien mezz li bih ġiet estiża iktar protezzjoni legali għall-ħaddiema li mhumiex impjegati iżda ġenwinament jaħdmu għal rashom, għalkemm f'sitwazzjoni fejn ma jistgħux jieħdu vantaġġ mill-protezzjoni ekonomika li kienu jingħataw kieku setgħu jaħdmu għal numru ta' klijenti differenti. F'dan ir-rigward, minbarra l-estensjoni tal-protezzjoni rigward is-sigurtà soċjali u l-istatus professjonali, ir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jista' jkun ukoll mezz ta' tisħiħ tal-intraprenditorija u l-libertà tal-kummerċ. Għalhekk, il-ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti jista' japprofitta minn appoġġ speċifiku relatat max-xogħol (parir, għajnuna finanzjarja) li tippermettilu jiżviluppa l-intrapriża tiegħu u fl-aħħar mill-aħħar joħroġ mis-sitwazzjoni ta' dipendenza ekonomika.

5.2.2

Fl-aħħar nett, ir-riflessjoni fuq ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti għandha tqis ukoll l-interess tal-konsumatur. L-għoti tas-servizzi lill-konsumaturi ħafna drabi jkun akkumpanjat mill-ħolqien ta' ktajjen ta' sottokuntrattar, li jinvolvi kemm il-ħaddiema indipendenti kif ukoll il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom iżda li jkunu ekonomikament dipendenti. Pereżempju, meta konsumatur jikkuntattja lil kumpanija kbira għal installazzjoni (ta' gass, elettriku, telefon jew TV diġitali) jew għal kontroll jew tiswija ta' tagħmir, ħafna drabi jkun ħaddiem indipendenti li jiġi biex jagħmel il-biċċa xogħol f'isem il-kumpanija u li jkun kompletament responsabbli għall-għoti ta' servizz sodisfaċenti. Il-pożizzjoni dominanti tas-suq tal-kumpaniji l-kbar fil-kuntest ta' oligopolija tippermettilhom jimponu kondizzjonijiet iebsa ħafna fir-rigward tal-prezzijiet li jħallsu lis-sottokuntrattur, li jobbliga lil dan tal-aħħar jaċċetta marġni ta' profitt ferm inqas minn tas-soltu għas-servizz ikkonċernat. F'dan ix-xenarju, il-ħaddiem li jaħdem għal rasu għandu żewġ għażliet: jew ma jagħmel l-ebda qligħ u l-ebda telf, jew li jipprovdi servizz ta' kwalità. F'dan il-kuntest, ir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti biex ikun hemm bilanċ bejn ir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-ħaddiem u l-prinċipal għandu jnaqqas il-pressjoni ekonomika fuq il-ħaddiem u jgħin jiżgura kwalità aħjar tas-servizz lill-konsumatur aħħari.

5.3   Ix-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti: kwistjoni Ewropea

5.3.1

Il-firxa ta' statuses ta' impjieg fis-seħħ bħalissa fid-diversi Stati Membri tal-UE bilfors tolqot il-mod kif jitħaddem is-suq Ewropew, b'mod partikolari fejn jidħlu s-servizzi transkonfinali. Dan huwa minnu b'mod partikolari meta s-servizz jingħata f'pajjiż minn ħaddiem indipendenti minn pajjiż ieħor billi dan il-ħaddiem, li ma jkunx impjegat, ser jaqa' taħt ir-regolamenti li japplikaw fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu (13). Din is-sitwazzjoni hija sfida verament Ewropea.

5.3.2

B'mod iktar ġenerali, l-analiżi konġunta tal-imsieħba soċjali Ewropej (14), ippubblikata f'Ottubru 2007 tikkonferma li l-impjiegi għandhom tendenza li jkunu kkonċentrati fis-settur tas-servizzi b'riżultat tal-bidliet li jolqtu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Minn din l-analiżi nistgħu naslu għall-konklużjoni li l-metodi moderni ta' kif jiġu organizzati x-xogħol u l-produzzjoni għandhom iwasslu għal evalwazzjoni tal-idea stess tar-relazzjoni subordinata fix-xogħol bejn l-impjegat u min iħaddem lil hinn mill-kunċett legali tas-subordinazzjoni.

Brussell, 29 ta’ April 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Key challenges facing European labour markets: a joint analysis of European social partners.

(2)  Ara r-rapport tal-EIRO (l-Osservatorju Ewropew tar-relazzjonijiet industrijali), “Self-employed workers: industrial relations and working conditions”, (2009).

(3)  Ara r-rapport tal-EIRO ikkwotat fin-nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(4)  Premessa 43 tad-Direttiva 2005/36/KE tas-7 ta' Settembru 2005 tagħti definizzjoni tal-professjonijiet liberi.

(5)  B'referenza għad-definizzjonijiet differenti tal-kunċett użati mill-EUROSTAT.

(6)  Xi aspetti koperti mir-Rakkomandazzjoni huma rilevanti għas-suġġett trattat f'din l-opinjoni:

hija rikonoxxuta l-koeżistenzatal-ħaddiema indipendenti u l-impjegati fuq l-istess post tax-xogħol (punti 4 u 5);

jingħad li, bħala regola ġenerali, il-ħaddiema li jwettqu l-attività tax-xogħol tagħhom b'mod li ma jinvolvix relazzjoni ta' impjieg ma' xi ħadd li jħaddem mhumiex koperti jew protetti (punt 5);

huwa osservat li s-saħħa tal-ħaddiema indipendenti tista' tkun soġġetta għal riskji simili għal dawk li jgħaddu minnhom l-impjegati (punt 6);

ir-rakkomandazzjonijiet finali jsemmu l-bżonn li jittieħdu miżuri mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni ta' ħaddiema indipendenti permezz tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom.

(7)  “Transformation of labour and future of labour law in Europe” (It-trasformazzjoni tax-xogħol u l-ġejjieni tal-liġi tax-xogħol fl-Ewropa), Kummissjoni Ewropea, 1999.

(8)  Ara l-Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21, COM(2006) 708 finali.

(9)  Opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007 dwar il-Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol sabiex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21, relatur: is-Sur Retureau (ĠU C 175, 27.7.2007, p. 65), punt 3.1.4.

(10)  Ara l-Artikolu 11 tal-liġi Spanjola tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi l-istatut għax-xogħol indipendenti.

(11)  A. Perulli, Economically Dependant / quasi-subordinate (parasubordinate) employment: legal, social and economic aspects, Rapport għall-Kummissjoni Ewropea, 2003.

(12)  ILO, Employment Relationship Recommendation, nru 198, 2006.

(13)  Ara, b'mod partikolari, il-Premessa 87 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern.

(14)  Key challenges facing European labour markets: a joint analysis of European social partners.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-test li ġej, relatat mal-Opinjoni tas-Sezzjoni, ġie rrifjutat permezz tal-emendi approvati mill-Assemblea, iżda ġabar mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 1.2

1.2

Għandhom jiġu promossi studji li jippermettu l-analiżi dettaljata tal-esperjenzi nazzjonali fil-qasam tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti. Evalwazzjonijiet ta’ dan it-tip jistgħu jwasslu sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema klassifikati bħala ekonomikament dipendenti, flimkien mar-riskji marbuta mar-rikonoxximent ta’ din il-kategorija legali ġdida u l-arranġamenti għar-rappreżentazzjoni kollettiva tal-ħaddiema indipendenti ekonomikament dipendenti.

Votazzjoni

Favur

:

101

Kontra

:

93

Astensjonijiet

:

5

Punt 1.6

1.6

Fil-livell Ewropew għandu jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta’ korp komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema kollha, kemm jekk impjegati kif ukoll jekk jaħdmu għal rashom. Fuq din il-bażi, jistgħu jiġu ċċarati diversi tipi ta’ definizzjonijiet tal-livelli ta’ dipendenza tal-ħaddiem, li jistgħu jvarjaw minn indipendenza ekonomika ġenwina fuq naħa waħda tal-ispettru għal xogħol imħallas fuq in-naħa l-oħra, fejn ix-xogħol li jkun indipendenti f’termini legali iżda dipendenti f’termini ekonomiċi jaqa’ f’nofs l-ispettru u tiġi stabbilita l-protezzjoni korrispondenti. Dan l-approċċ diġà qed jidher fl-Istati Membri li għażlu li jirrikonoxxu kategorija intermedja ta’ ħaddiema. Ikun utli wkoll li l-Kummissjoni toħroġ Komunikazzjoni dwar dan is-suġġett.

Votazzjoni

Favur

:

108

Kontra

:

88

Astensjonijiet

:

7

Punt 2 (Introduzzjoni)

Dawk li jaħdmu għal rashom huma letteralment dawk li jaħdmu għalihom infushom, minflok għal ħaddieħor f’relazzjoni dipendenti. Madankollu, għalkemm jidher sempliċi, ma jistax jiġi injorat il-fatt li x-xogħol indipendenti jkopri firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi, li ma jistgħux jitqiesu kollha l-istess. Din il-frammentazzjoni tax-xogħol indipendenti hija kwistjoni sensittiva fl-Istati Membri kollha. Madankollu, jidher li flimkien mal-professjonijiet li tradizzjonalment jitqiesu bħala oqsma ta’ impjieg indipendenti u li diġà ilhom stabbiliti u rikonoxxuti fl-Unjoni Ewropea, issa ħarġu għadd ta’ forom oħra ta’ impjieg indipendenti wara żviluppi li saru dan l-aħħar fl-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol nazzjonali. Dawn tal-aħħar ser ikunu l-fokus ta’ din l-opinjoni. Fost dawn il-forom jew tendenzi ġodda fix-xogħol indipendenti, li huma distinti ferm, insibu referenza għal ħaddiema li mingħajr ma jkunu marbuta legalment, jaħdmu f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika fuq il-klijenti u/jew il-prinċipali tagħhom. Dawn ir-realtajiet jenfasizzaw dak li llum huwa ġeneralment imsejjaħ “xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti”, is-suġġett ta’ din l-opinjoni. Konsegwentement, ser ikun hemm enfasi partikolari fuq il-ħsieb wara l-forom ġodda ta’ impjieg indipendenti sabiex nifhmu meta dawn jistgħu jibdew jostakolaw l-indipendenza ekonomika ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. B’hekk, mhux ser nipprovaw nindirizzaw is-suġġett tax-xogħol mhux iddikjarat jew tal-hekk imsejjaħ “xogħol taparsi indipendenti”, għalkemm it-tnejn li huma jista’ jkollhom, jew jidhru li jkollhom, rabta mal-ħaddiema ekonomikament dipendenti li jaħdmu għal rashom.

Votazzjoni

Favur

:

105

Kontra

:

92

Astensjonijiet

:

10

Punt 5.1.3

5.1.3

Barra minn hekk, billi x-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti huwa rikonoxxxut, wieħed jista’ jistenna wkoll li r-relazzjoni kummerċjali bejn klijent u ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti ma tkunx daqshekk twila b’tali mod li jirriżulta li l-ħaddiem ekonomikament indipendenti, fil-prattika jkun qed jaħdem b’mod permanenti għall-klijent tiegħu. F’dan il-każ, anke jekk ir-relazzjoni inizjalment tkun waħda ġenwinament kummerċjali, meta din tkompli għaddejja għal perijodu relattivament twil, għandhom jiġu kkunsidrati l-kondizzjonijiet u l-mezzi li jippermettu lill-ħaddiem indipendenti ekonomikament dipendenti jikseb l-istatus ta’ impjegat ta’ dak li qabel kien il-klijent u wara sar iħaddmu. Pereżempju, waħda mill-possibbiltajiet tista’ tkun li l-kuntratti kummerċjali kontinwi mal-istess klijent tul ċertu perijodu ta’ żmien iwasslu għar-riklassifikazzjoni tar-relazzjoni bejn il-partijiet bħala parti minn relazzjoni ta’ impjieg. Dan huwa partikolarment meħtieġ billi, f’ħafna każijiet, il-bidla fl-istatus ta’ ħaddiem ekonomikament dipendenti mhijiex strettament għażla volontarja, iżda waħda li saret b’riżultat ta’ fatturi esterni bħall-esternalizzazzjoni ta’ produzzjoni jew ir-ristrutturar ta’ kumpanija bis-sensji li tkun ġabet magħha.

Votazzjoni

Favur

:

105

Kontra

:

92

Astensjonijiet

:

5

Punt 5.2.2

5.2.2

Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti jista’ jagħti lok biex jiġi żviluppat il-mod kif il-ħaddiema indipendenti l-ġodda jorganizzaw ruħhom u kif jiġu rappreżentati bħala grupp, billi ħafna drabi jkunu iżolati u l-interessi professjonali speċifiċi tagħhom mhux dejjem jitqiesu mill-organizzazzjonijiet professjonali eżistenti fl-Istati Membri.

Votazzjoni

Favur

:

106

Kontra

:

91

Astensjonijiet

:

5


Top