EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IE1460

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona

ĠU C 44, 16.2.2008, p. 84–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona”

(2008/C 44/20)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sharma u l-ko-rapporteur kien is-Sur Olsson.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'109 voti favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

L-intraprenditorija, fis-sens l-aktar wiesa' tagħha, li tista' tqanqal u tħeġġeġ spirtu innovattiv u kreattiv, għandha tiġi enfasizzata fl-Aġenda ta' Lisbona bħala waħda mill-għodod ewlenin għal iktar tkabbir u impjiegi aħjar kif ukoll għall-koeżjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

Fis-soċjetà globali tagħna, huwa essenzjali li jitkattar spirtu intraprenditorjali u jiġi żviluppat fil-livell makro, meso u mikro permezz ta' approċċ olistiku filwaqt li jiġu rispettati l-karattri speċifiċi ta' kull livell.

1.2

L-edukazzjoni u t-taħriġ imferrxa fost l-etajiet u fuq il-ħiliet kollha għandhom iqanqlu l-kreattività u l-potenzjal ta' l-individwi kollha. Il-KESE jappoġġja t-tixrid tal-prattiċi tajbin u jenfasizza l-eżempji ta' l-istrateġija tal-Gvern Norveġiż (1), u l-Junior Achievement Young Enterprise (JA-YE) għall-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ bħala mudelli ta' prattika tajba li jistgħu jispiraw lil pajjiżi oħrajn.

1.3

L-atturi pubbliċi u privati għandhom jiġu mobilizzati sabiex ikun jista' jiġi żviluppat spirtu intraprenditorjali, fl-usa' sens tiegħu, fi ħdan il-komunitajiet, l-organizzazzjonijiet u fost l-individwi.

1.4

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa qafas għar-reviżjoni tal-progress u għad-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattika, kif ukoll għall-promozzjoni tal-valur ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali fost iċ-ċittadini ta' l-UE fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Lisbona. L-iskambju ta' l-aħjar prattiċi huwa importanti u l-progress jista' jiġi mmonitorjat permezz ta' konferenzi annwali li jivvalutaw is-sitwazzjoni.

1.5

L-imsieħba soċjali għandhom jikkunsidraw il-benefiċċji tat-tkattir ta' spirtu intraprenditorjali bħala fattur li jista' jwassal għal iktar impjiegi u impjiegi aħjar. L-imsieħba għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jsaħħu d-djalogu soċjali sabiex jinstab għan komuni għall-azzjoni olistika.

1.6

L-ekonomija soċjali u r-rwol ta' l-organizzazzjonijiet non-governattivi fl-iżvilupp ta' l-ispirtu intraprenditorjali għal skopijiet u innovazzjonijiet soċjali għandhom jiġu promossi. Ir-rwol speċifiku ta' dawn l-intrapriżi għandu jiġi rikonoxxut fil-livell Ewropew fil-linji ta' gwida ġodda għall-Impjieg għall-2008-10.

1.7

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tat-tnedija ta' L-Istrateġija ta' l-Intraprenditorija għal kulħadd tad-DĠ ta' l-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs u beħsiebu jieħu sehem fiha b'mod attiv.

1.8

Mudelli u attivitajiet pożittivi fi ħdan il-midja u l-immaġni, li qiegħda tiġi trasmessa permezz tagħhom, ta' l-intraprendituri u ta' strateġiji edukattivi li jippromovu l-kreattività u l-innovazzjoni, huma kollha elementi essenzjali għat-tfassil ta' Ewropa bi spirtu intraprenditorjali. Sabiex l-Ewropa trawwem spirtu intraprenditorjali huwa essenzjali li l-midja — u forsi primarjament il-midja — tirreklama eżempji konvinċenti ta' attivitajiet li joħolqu immaġni pożittiva ta' l-iskejjel u/jew strateġiji edukattivi li jippromovu l-iżvilupp tal-kreattività u jipprovdu s-sisien għal imġiba innovattiva. Hija għandha wkoll tippromovi immaġni pożittiva ta' l-intrapriżi u l-intraprendituri li joperaw b'dan il-mod.

1.9

L-inklinazzjonijiet intraprenditorjali għandhom jiġu integrati fl-akbar numru possibbli ta' politiki u programmi ta' l-UE sabiex dawn ikunu jistgħu jkollhom impatt fuq l-għanijiet ta' Lisbona.

1.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissarju Figel u lill-Kummissarju Verheugen sabiex permezz ta' impriża konġunta bejn id-DĠ ta' l-Edukazzjoni u l-Kultura u d-DĠ ta' l-Intrapriża u l-Industrija huma jippromovu l-benefiċċji u l-valur tal-ħiliet u l-attitudnijiet ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Lisbona billi l-2009 ssir is-Sena tal-Kreattività, l-Innovazzjoni u l-Inklinazzjoni Intraprenditorjali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja ser tiffoka fuq il-bżonn li titkattar inklinazzjoni intraprenditorjali, fl-iktar sens wiesa' tagħha, bħala fattur għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku u dwar kif il-kapital uman u l-kreattività jistgħu jikkontribwixxu lejn l-għanijiet ta' Lisbona.

2.2

Il-Kummissjoni Ewropea tfisser l-intraprenditorija kif ġej:

“L-intraprenditorija tirreferi għall-kapaċità ta' l-individwu li jdawwar l-ideat f'azzjoni. Tinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà ta' l-ippjanar u l-immaniġġar tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan huwa ta' appoġġ għal kulħadd fil-ħajja ta' kuljum fid-dar u fis-soċjetà, l-impjegati sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u sabiex ikunu kapaċi li jaħtfu l-opportunitajiet, u huwa l-pedament għal ħiliet aktar speċifiċi u l-għarfien meħtieġ mill-intraprendituri li jistabbilixxu attivitajiet soċjali jew kummerċjali” (2).

2.3

Skond l-Aġenda ta' Lisbona, l-għan ta' l-UE huwa li ssir “l-ekonomija ta' l-għarfien l-aktar dinamika u kompetittiva fid-dinja”, u b'mod iktar importanti li tkun “kapaċi li toħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli bit-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi u aktar koeżjoni soċjali”.

2.4

Minkejja l-isforzi kbar li saru sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Lisbona, hemm bżonn li jsir ħafna aktar. Il-promozzjoni u l-applikazzjoni ta' attitudni intraprenditorjali fil-livell soċjali, Komunitarju, organizzazzjonali u individwali, flimkien mas-sostenibilità soċjali u dik ambjentali, għandhom rwol ċentrali fit-tmexxija 'l quddiem tat-tkabbir u l-kompetittività ta' l-Ewropa.

2.5

Fi Frar 2005, il-Kummissjoni (3) pproponiet bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Lisbona billi ffokat fuq l-isforzi ta' l-UE fuq żewġ oqsma prinċipali — il-ksib ta' tkabbir sod u permanenti u l-provvediment ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Fost azzjonijiet oħra, l-Istrateġija tenfasizza l-importanza li tiġi promossa kultura aktar intraprenditorjali u li jinħoloq ambjent favorevoli għall-SMEs permezz ta', fost affarijiet oħra, edukazzjoni iktar intraprenditorjali u taħriġ fil-livell adattat ta' l-edukazzjoni. Il-komunikazzjoni u l-midja kif ukoll l-industrija kreattiva għandhom jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u fit-trawwim ta' interess fost in-nies, b'mod partikulari n-nisa u ż-żgħażagħ, sabiex jagħżlu l-intraprenditorija bħala l-karriera tagħhom. (4).

L-inklinazzjoni intraprenditorjali titfisser f'dawk il-ħiliet u l-inklinazzjonijiet ta' livell bażiku li jistgħu jitqanqlu permezz tat-tagħlim matul il-ħajja sabiex ikunu jistgħu jiġu appoġġjati t-tliet elementi kollha ta' l-istrateġija ta' Lisbona:

1)

L-iżvilupp ta' l-Ewropa u tar-reġjuni tagħha sabiex isiru swieq ta' investiment u impjieg iktar attraenti.

2)

Il-prijoritizzazzjoni ta' l-għarfien u l-innovazzjoni.

3)

Il-ħolqien ta' opportunitajiet aħjar fil-qasam ta' l-impjieg.

2.6

Din l-opinjoni żżid mal-lista twila ta' opinjonijiet importanti tal-KESE li ffokaw fuq aspetti differenti ta' l-intraprenditorija, partikularment fuq It-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim  (5) u iktar reċentement l-opinjoni dwar il-potenzjal ta' l-intrapriżi, speċjalment ta' l-SMEs sabiex tintrifed l-istrateġija ta' Lisbona u l-Intraprenditorija u dwar l-Impjegabilità (6).

2.7

B'żieda ma' dan, il-Kumitat ħejja bosta opinjonijiet dwar l-istrateġija ta' Lisbona, fejn fihom enfasizza l-valur ta' l-innovazzjoni u l-kreattività, li huma kollha kriterji prinċipali ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali bħala kompetenza essenzjali għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' Lisbona. Fl-opinjonijiet l-aktar riċenti tiegħu, il-Kumitat enfasizza l-istess argument (7).

2.8

Din l-opinjoni ser tibni fuq ta' qabilha billi tiffoka fuq il-valur miżjud ta' inklinazzjoni intraprenditorjali, innovattiva u kreattiva għas-soċjetà u kif din tista' tiġi promossa minn atturi differenti. Huwa essenzjali li dawn il-ħiliet u inklinazzjonijiet jitqanqlu sa minn età żgħira sabiex jiġi liberalizzat il-potenzjal ta' l-individwi kollha. Dawn għandhom ikomplu jiġu żviluppati permezz tat-tagħlim matul il-ħajja li jibda fl-iskola primarja, filwaqt li jiġi rrispettat l-iżvilupp ġenerali tal-personalità ta' l-istudenti li għadhom żgħar ħafna.

2.9

L-opinjoni għandha titqies ukoll fil-kuntest u l-enfasi tal-programm attwali tal-President tal-Kumitat: L-intraprenditorija b'wiċċ uman, fejn l-intraprenditorija hija meqjusa bħala l-progress tas-soċjetà daqskemm huma l-ekonomija u l-innovazzjoni, iktar milli sempliċement qasam li jfittex il-profitti. F'dan il-kuntest, il-President tal-KESE jħabbar li l-Kumitat ser jorganizza konferenza fl-2008 bl-isem ta' L-intraprenditorija b'wiċċ uman.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jieħu nota tad-definizzjoni ta' l-Intraprenditorija skond il-Kummissjoni Ewropea u jixtieq jenfasizza minn banda l-approċċ wiesa' tagħha u mill-banda l-oħra l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-atturi pubbliċi u privati ħalli din issir realtà sabiex jitwettqu l-għanijiet ta' Lisbona.

3.2

L-idea tradizzjonali ta' l-intraprenditorija hija ta' grupp ta' individwi li joħolqu u jiżviluppaw l-intrapriżi għal finijiet ekonomiċi u għall-profitti, iżda din għandha titqies f'perspettiva usa' minn din.

3.3

L-inventività, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell tal-grupp, ta' l-intrapriża u tas-soċjetà ma jfissrux biss il-ġbir ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali ta' l-individwi li jagħmluha. Għaldaqstant, il-livelli ta' żvilupp ta' l-intraprenditorija għandhom ikunu differenzjati.

3.4

Sforzi soċjali u sforzi oħrajn li jmexxu l-intraprenditorija għandhom jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ. L-inklinazzjoni intraprenditorjali hija fenomenu soċjetali “li jitwettaq fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem”. B'hekk hija kunċett kulturali li jħaddan kulma għandu x'jaqsam ma' proċessi u azzjonijiet soċjali li jitmexxew min-nies għal skopijiet individwali, soċjali u ekonomiċi. Jekk l-intraprenditorija titqies b'dan il-mod ser ikun jista' jitkattar il-kapital uman u soċjali, li għandu importanza kbira għal soċjetà innovattiva u għal kompetittività ekonomika, flimkien ma' iktar integrazzjoni tal-gruppi differenti.

3.5

L-edukazzjoni għandha tappoġġja din il-perspettiva billi tqanqal spirtu u kultura iktar intraprenditorjali.

3.6

L-imsieħba soċjali għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex isibu bażi komuni għal azzjonijiet olistiċi għall-promozzjoni tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-inklinazzjoni intraprenditorjali li ser iwasslu għal iktar impjiegi u impjiegi aħjar. L-informazzjoni dwar id-djalogu soċjali u dwar it-tisħiħ tiegħu għandhom jagħmlu parti integrali mill-parteċipazzjoni tagħhom.

3.7

Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudni essenzjali li huma rrelatati mal-kompetenza intraprenditorjali (8).

1)

“L-għarfien neċessarju jinkludi l-opportunitajiet disponibbli għall-attivitajiet personali, professjonali u/jew ta' negozju, inklużi kwistjonijiet aktar wiesgħin li jindikaw il-kuntest fejn in-nies jgħixu u jaħdmu, bħal konoxxenza aktar wiesa' tal-mod kif taħdem l-ekonomija, u l-opportunitajiet u l-isfidi li jiffaċċja min iħaddem jew organizzazzjoni. L-individwi għandhom ikunu konxji wkoll mill-pożizzjoni etika ta' l-intrapriża, u kif jistgħu jkunu forza għall-ġid, per eżempju permezz ta' negozju ġust jew intrapriża soċjali”.

2)

“Il-ħiliet jirrigwardaw l-immaniġġar proattiv tal-proġetti (jinvolvu ħiliet bħall-ippjanar, l-organizzazzjoni, l-immaniġġar, tmexxija u delegazzjoni, analiżi, komunikazzjoni, de-briefing u valutazzjoni u reġistrar), u l-abbiltà ta' xogħol kemm bħala individwu kif ukoll b'mod kollaborattiv f'tim. Id-dehen sabiex l-individwu jidentifika fejn hu dgħajjef u fejn hu b'saħħtu u jivvaluta u jieħu r-riskji kif u meta jkun meqjus li jkun iġġustifikat”.

3)

“Attitudni intraprenditorjali hija karatterizzata minn inizjattiva, pro-activity, indipendenza u innovazzjoni fil-ħajja personali u soċjali daqs kemm fil-ħajja tax-xogħol. Tinkludi wkoll il-motivazzjoni u d-determinazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet, kemm jekk ikunu miri personali jew miri maqsuma ma' oħrajn u/jew fuq ix-xogħol”.

3.8

Il-KESE jixtieq iżid ma' dan l-għarfien u l-komprensjoni ta' l-individwu tal-valur tar-responsabilità soċjali korporattiva u ta' l-attivitajiet intraprenditorjali, u dawn mhux dejjem bi skop ta' profitt, li l-intrapriża turi bħala mezz ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Komunitarji, l-integrazzjoni tal-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u objettivi soċjetali oħrajn. Madankollu, huwa essenzjali li jinħolqu l-kondizzjonijiet u l-kompetenzi adattati għal dawn il-gruppi sabiex huma jkunu jistgħu jiżviluppaw l-inklinazzjoni intraprenditorjali tagħhom.

3.9

Hemm bżonn ta' spirtu innovattiv u kreattiv sabiex jinħolqu iżjed impjiegi u impjiegi aħjar, sabiex tinkiseb il-koeżjoni soċjali, sabiex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali, sabiex nilqgħu l-isfidi tal-globalizzazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-ħarsien ta' l-ambjent u sabiex jitqanqal l-għarfien. Spirtu innovattiv huwa għalhekk importanti immens għall-Aġenda ta' Lisbona.

3.10

Xi studi ikkonkludew li mil-lat statistiku hemm rabta sinifikanti bejn l-intraprenditorija u t-tkabbir ekonomiku u li din twassal għal suq dinamiku tax-xogħol u rata ta' qgħad iktar baxxa (9). L-intraprenditorija hija importanti wkoll b'mod partikulari għal gruppi ta' minoranza li ma jagħmlux parti mis-suq tax-xogħol.

3.11

Madankollu, sabiex tiġi realizzata din il-korrelazzjoni pożittiva, huwa importanti li l-intraprenditorija tiġi mqanqla u ttrasformata ħalli ssir proċess sostenibbli ta' ġid u ta' ħolqien ta' l-impjieg.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-ispirtu intraprenditorjali fl-edukazzjoni

4.1.1

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-punti ewlenin għat-tkattir ta' l-intraprenditorija li ġew speċifikati matul l-2006 (10):

1)

Bidu minn kmieni għall-bażi tat-taħriġ u l-edukazzjoni intraprenditorjali

2)

Programmi supplementari ta' l-intraprenditorija fil-curriculum nazzjonali mill-iskola primarja sa l-edukazzjoni għolja

3)

Kooperazzjoni pożittiva u effettiva bejn l-iskejjel/l-universitajiet, l-intrapriżi u l-korpi tal-gvern

4)

Il-parteċipazzjoni ta' l-għalliema, fejn huwa ta' benfiċċju għall-iżvilupp personali

5)

It-tfassil ta' programmi edukattivi għall-intraprenditorija għandu jinvolvi kemm min iħaddem kif ukoll l-impjegati

6)

Il-parteċipazzjoni b'saħħitha u l-preżenza tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' tagħlim

7)

Għandha tiġi kkunsidrata l-importanza ta' l-intraprendituri nisa fl-iskejjel bil-għan li jiġi żviluppat bilanċ pożittiv bejn in-nisa u l-irġiel

8)

L-intraprenditorija għandha titkattar b'mod ugwali fost il-persuni b'diżabilità u gruppi żvantaġġati oħrajn

Żieda fit-trasferiment ta' l-għarfien bejn l-istabbilimenti edukattivi, inklużi l-edukazzjoni għolja u terzjarja, sabiex l-informazzjoni titqassam u l-programmi mmirati lejn l-istudenti jsiru integrati.

4.1.2

Ir-responsabilità globali għall-intraprenditorija fl-edukazzjoni taqa' f'idejn l-istituzzjonijiet edukattivi.

4.1.3

It-taħriġ ta' l-intraprenditorija fl-edukazzjoni tista' titqassar hekk:

Skejjel Primarji — jgħinu lill-istudenti sabiex ikollhom iktar fiduċja fihom infushom, billi jgħinuhom jieħdu u jassumu r-responsabilità, jgħinuhom jesploraw il-kreattività tagħhom u billi jgħinuhom jesperimentaw u jitgħallmu dwar ir-riżorsi tal-komunità lokali tagħhom.

Il-bidu ta' l-iskola sekondarja — matul dan l-istadju, l-istudenti jiżviluppaw ħiliet essenzjali bħat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-ħila li jaħdmu f'tim, soluzzjoni tal-problemi u t-twaqqif ta' netwerks.

Iktar tard fl-iskola sekondarja — it-tagħlim bil-prattika u l-applikazzjoni tal-prattika u t-teorija filwaqt li jiġu inkorporati r-riżorsi, il-finanzi, l-ambjent u l-etika. Ir-relazzjonijiet ta' fuq ix-xogħol jistgħu jiġu żviluppati billi jiġu stabbiliti intrapriżi taż-żgħażagħ.

L-edukazzjoni għolja — l-iżvilupp ta' prodotti, l-identifikar ta' opportunitajiet għan-negozju, ir-relazzjonijiet tal-klijent u tas-suq, il-kreattività u l-innovazzjoni kollha jagħmlu parti mill-ippjanar ta' negozju u t-twaqqif u t-tmexxija ta' kumpanija.

4.1.4

Il-KESE jixtieq ukoll jenfasizza ċerti konklużjonijiet minn studji differenti, li jikkonkludu li l-edukazzjoni fl-intraprenditorija:

tikkontribwixxi lejn kultura li hija iktar intraprenditorjali

hija strateġija għall-iżvilupp tal-kwalitajiet, il-kompetenzi u l-attitudni taż-żgħażagħ lejn l-intraprenditorija (11)

tista' tiżviluppa l-kreattività, il-ħila ta' ħidma f'tim, is-sens ta' responsabilità u l-fiduċja taż-żgħażagħ fihom infushom (12)

twassal sabiex ta' sikwit l-istudenti jsiru intraprendituri (13).

4.1.5

Il-KESE jiddispjaċieh li l-programm Youth in Action (14) ma jagħmel l-ebda referenza għall-intraprenditorija. L-ispirtu intraprenditorjali u l-intraprenditorija ser jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp u t-titjib ta' l-opportunitajiet tal-karriera għaż-żgħażagħ ta' għada. Huwa għalhekk essenzjali li l-valur tiegħu jiġi integrat, kemm jista' jkun, fil-politiki u l-programmi ta' l-UE.

4.2   L-argument tas-soċjetà favur l-ispirtu intraprenditorjali

4.2.1

Approċċ wiesa' lejn l-intraprenditorija jagħmilha possibbli li tiġi żviluppata l-kreattività ta' kulħadd, inklużi dawk l-iktar żvantaġġati. Għalhekk, il-kreattività u l-potenzjal ta' kulħadd għandhom jiġu rikonoxxuti u promossi. L-inklinazzjoni intraprenditorjali tista' titqies bħala sforz għall-għoti ta' setgħa individwali, li tiġġenera għan kollettiv u bidla soċjali. L-Ewropa għandha tisfrutta l-kreattività tal-ħaddiema u ċ-ċittadini tagħha sabiex tħeġġeġ kultura għall-iżvilupp ta' Ewropa soċjali u kompetittiva. Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-soċjetà tista' tittejjeb permezz ta' l-ispirtu ta' l-intraprenditorija.

4.2.2

Sabiex il-programmi jkunu effettivi huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti fil-proċess ta' l-edukazzjoni intraprenditorjali. Storja ta' suċċess, fejn l-atturi tas-soċjetà ċivili ħadmu flimkien sabiex jilħqu l-objettivi ta' l-edukazzjoni ta' l-intrapriża, hija dik ta' l-Istrateġija Norveġiża. Fl-eżempju (15) mehmuż wieħed jista' jara l-mod li bih il-Gvern Norveġiż, il-Ministeri ta' l-Edukazzjoni u l-Intrapriża kif ukoll l-imsieħba soċjali, mil-livell lokali sa dak nazzjonali, ħadmu mill-qrib ħafna mal-JA-YE (16), billi utilizzaw il-kompetenzi kollha u l-impenn ta' min iħaddem, it-trade unions, l-amministrazzjoni pubblika u saħansitra tal-ġenituri.

4.2.3

Għandha titħeġġeġ inklinazzjoni intraprenditorjali fis-settur pubbliku bil-għan li jitwettqu servizzi iktar effettivi u favur il-konsumatur. Iżda dan ma jistax iseħħ biss bl-introduzzjoni ta' filosofiji u mekkaniżmi tas-suq. Dawn ta' l-aħħar iridu jiġu akkumpanjati mill-għan tas-settur pubbliku li jiġu segwiti l-interessi taċ-ċittadini u l-opportunitajiet għall-ħaddiema sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħidma tagħhom billi jiġi lliberat l-ispirtu intraprenditorjali tagħhom f'forom ġodda ta' organizzazzjoni.

4.2.4

Id-DĠ ta' l-Impjieg ippropona strateġija għall-Intraprenditorija għal Kulħadd  (17), li tieħu approċċ wiesa' u ssegwi l-linja partikulari ta' l-intraprenditorija inklusiva u l-intrapriża soċjali tal-programm Equal fi ħdan il-fondi strutturali l-ġodda 2007-2013. Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva u beħsiebu jieħu sehem fiha b'mod attiv iżda jenfasizza li għandha tkun appoġġjata minn struttura permanenti fid-DĠ ta' l-Impjieg li għandu jkollha r-riżorsi finanzjarji adattati.

4.2.5

Il-KESE jixtieq ikompli fuq is-suġġeriment li kien għamel f'opinjoni (18) preċedenti tiegħu bil-promozzjoni tas-Sena Ewropea ta' l-Intraprenditorija għall-2009. Madankollu, skond dak li qed jinftiehem mill-KESE, l-2009 hija identifikata għas-Sena ta' l-Innovazzjoni u l-Kreattività mid-DĠ ta' l-Edukazzjoni. Għalhekk huwa jissuġġerixxi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex permezz ta' impriża konġunta bejn id-DĠ ta' l-Edukazzjoni u d-DĠ ta' l-Intrapriża jippromovu wkoll l-benefiċċji u l-valur ta' l-ispirtu intraprenditorjali fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Lisbona billi l-2009 ssir is-Sena tal-Kreattività, L-Innovazzjoni u l-Ispirtu Intraprenditorjali.

4.3   L-argument ta' l-intrapriża favur l-ispirtu intraprenditorjali:

4.3.1

Skond il-Kummissjoni Ewropea (19), it-tħeġġiġ ta' intrapriżi ġodda huwa fattur ċentrali għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' l-impjiegi u t-titjib fil-kompetittività u t-tkabbir madwar l-Ewropa.

4.3.2

Kwalitajiet intraprenditorjali bħall-kreattività, il-ħila li wieħed jaħdem f'tim u l-fiduċja tal-ħaddiema fihom infushom, huma importanti f'suq tax-xogħol fejn it-tibdil fl-impjieg huwa komuni, fejn l-intrapriża sikwit tgħaddi minn tibdil organizzazzjonali u fejn qiegħed iseħħ żvilupp teknoloġiku rapidu. Dawk li jħaddmu qegħdin kontinwament ifittxu ħaddiema flessibbli, innovattivi, kapaċi jieħdu deċiżjoni u kapaċi jadattaw (20).

4.3.3

B'riżultat ta' diskriminazzjoni bla bażi, l-intraprendituri nisa u dawk li qegħdin jikkunsidraw l-impjieg indipendenti jiffaċċjaw barrieri partikulari, ekonomiċi, prattiċi, soċjali u kulturali Permezz tal-parteċipazzjoni indaqs f'programmi edukattivi u Komunitarji li jħeġġu l-attività intraprenditorjali, dawn il-barrieri jistgħu jiġu megħluba. Dan jista' jwassal mhux biss għal iktar intrapriżi b'sjieda femminili iżda wkoll għal aktar ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.

4.3.4

L-intraprendituri huma mmotivati minn medda sħiħa ta' ambizzjonijiet, bħall-qligħ finanzjarju, l-indipendenza, jew is-sodisfazzjon li jġib miegħu x-xogħol. Tkun xi tkun il-motivazzjoni tagħhom, huwa essenzjali li l-intraprendituri potenzjali u eżistenti jagħrfu r-responsabilitajiet li jagħmlu parti integrali mis-sjieda ta' l-intrapriża (21).

4.3.5

Il-migranti l-ġodda, li huma essenzjali għal kwalunkwe ekonomija, jipprovdu forza tax-xogħol u bażi intraprenditorjali għall-attività ekonomika. Dawn l-individwi huma intraprenditorjali (bis-saħħa tal-migrazzjoni) iżda għandhom tendenza wkoll li jaħdmu fis-settur informali. L-isfida hija li dawn l-individwi jiġu integrati fuq il-post tax-xogħol permezz ta' l-integrazzjoni ekonomika u r-rikoxximent ta' l-attivitajiet intraprenditorjali tagħhom. Sussegwentement dan iwassal għall-aċċettazzjoni ta' komunitajiet diversi u integrazzjoni iktar effettiva.

4.4   L-ispirtu intraprenditorjali fil-kuntest tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiem

4.4.1

It-tendenzi moderni tax-xogħol iħeġġu l-parteċipazzjoni fl-ekonomija u jippermettu lin-nies li jbiddlu bejn li jkunu impjegati u li jaħdmu għal rashom. L-intraprenditorija għandha għaldaqstant titqies bħala għażla, fuq il-perijodu qasir jew fit-tul, li tħeġġeġ iktar nies sabiex jikkunsidraw is-sjieda u l-ġestjoni ta' intrapriża bħala għażla pożittiva. Il-proċeduri burokratiċi għandhom jitnaqqsu kemm jista' jkun sabiex din il-flessibilità tkun tista' sseħħ. Madankollu, l-awtoritajiet għandhom jassiguraw li ma jkunx hemm abbuż fl-iffaċilitar ta' l-iskambji bejn dawn it-tipi ta' impjieg. Huwa importanti li l-impjegati u l-persuni qiegħda, ma jiġux imqarraq jew imġiegħla li jieħdu impjieg indipendenti jew li impjegaturi b'inqas skrupli jitħallew jgħaddu r-responsabilitajiet lill-impjegati.

4.4.2

Aspett importanti tat-tkattir ta' inklinazzjoni intraprenditorjali fl-intrapriża huwa t-tqanqil ta' mezzi innovattivi għat-tqassim tax-xogħol, il-ġestjoni tajba u l-arranġamenti flessibbli għall-ħin tax-xogħol b'konformità mal-ħtiġijiet kemm ta' l-intrapriżi kif ukoll ta' l-impjegati (22).

4.4.3

Għaldaqstant għandha tiġi żviluppata kultura ta' indipendenza u responsabilità fuq il-post tax-xogħol. Il-parteċipazzjoni ikbar min-naħa ta' l-impjegati fid-definizzjoni u t-titjib fil-kwalità tax-xogħol hija prerekwiżit għal dan it-tip ta' kultura ta' indipendenza. F'dan il-kuntest huwa importanti li wieħed isemmi li l-biċċa l-kbira ta' l-intraprendituri oriġinarjament kienu impjegati.

4.4.4

Fil-kuntest tat-tixjiħ demografiku fl-Ewropa, għandu jinħoloq ambjent li fih il-ġenerazzjoni anzjana, li għandha kapaċitajiet kbar, tkun tista' taqsam il-kompetenzi tagħha ta' ġestjoni u tas-sjieda ta' l-intrapriża (23).

4.5   L-ispirtu intraprenditorjali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet permezz ta' l-ekonomija soċjali, l-NGOs u l-intrapriżi soċjali

4.5.1

Ir-rwol u l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ekonomija soċjali ġew enfasizzati f'opinjonijiet oħra tal-KESE (24). L-intrapriżi ta' l-ekonomija soċjali huma fundamentali għall-pluraliżmu intraprenditorjali u d-diversità ekonomika.

4.5.2

Ir-rwol ta' l-intraprenditorija fis-settur mingħajr qligħ ġie enfasizzat f'riċerka reċenti. Intwera b'mod ċar li dan is-settur huwa bbażat fuq spirtu intraprenditorjali. Il-proċess intraprenditorjali huwa marbut mad-dinamiċi tal-grupp u l-movimenti soċjali ta' tipi differenti (25).

4.5.3

Intraprendituri soċjali qegħdin jaħdmu sabiex jipprovaw isibu soluzzjonijiet innovattivi għal problemi rrelatati ma' kwistjonijiet prinċipali bħall-isfidi ambjentali, il-faqar, id-drittijiet tal-bniedem, l-esklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-kultura bis-saħħa ta' attivitajiet organizzati li joffru ideat ġodda għal bidla kbira. Id-demokrazija u s-solidarjetà huma valuri li jirfdu dawn l-inizjattivi.

4.5.4

L-intraprenditorija li tkun soċjalment responsabbli tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-intrapriżi, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-għoti ta' ħajja ġdida lill-komunitajiet lokali. Hija tippromovi wkoll kultura ta' intraprenditorija għan-nisa, għaż-żgħażagħ, għall-immigranti u għall-minoranzi etniċi.

4.5.5

L-intrapriżi soċjali għandhom rwol partikulari x'jaqdu fl-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-gruppi emarġinati fis-suq tax-xogħol. Ta' sikwit dawn joffru toroq adattati għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-iktar persuni żvantaġġati, kompitu li, fuq il-bażi ta' l-approċċ tagħhom, huma iktar adattati għalih minn atturi oħrajn. B'riżultat ta' l-enfasi tagħhom fuq l-għoti tas-setgħa lill-individwu permezz tar-responsabilità personali, dawn għandhom reputazzjoni tajba fl-integrazzjoni soċjali.

4.5.6

L-idea ta' l-intrapriża soċjali qiegħda tkompli tinfirex fl-Ewropa. Ir-rwol speċifiku ta' dawn l-intrapriżi għandu jiġi rikonoxxut fil-livell Ewropew fil-Linji ta' Gwida ġodda għall-Impjieg għall-2008-10.

4.6   Ir-rwol tal-midja

4.6.1

Il-midja għandha rwol importanti x'taqdi fil-promozzjoni ta' l-immaġni ta' l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikro-intrapriżi, tal-kummerċ speċjalizzat u l-attivitajiet tradizzjonali u ta' l-artiġjanat u r-rwol tagħhom fis-soċjetà. B'żieda ma' dan, il-midja għandha tenfasizza l-aħjar prattiki u l-effetti ta' inklinazzjoni intraprenditorjali fuq it-tkabbir u l-impjieg.

4.6.2

Il-midja fil-forom kollha tagħha għandha tenfasizza n-natura varjata tan-negozju u ta' l-intraprenditorija. Il-midja għandha tagħmel tuża eżempji pożittivi meħuda b'mod partikulari minn dawk il-gruppi li huma l-anqas irrappreżentati bħan-nisa, il-gruppi etniċi, il-persuni b'diżabilità u l-immigranti.

Il-midja għandha tikkomunika mudelli tajbin u attivitajiet li jittrasmettu immaġni pożittiva ta' l-iskejjel u l-istrateġiji edukazzjonali li jippromovu l-kreattività u l-prerekwiżiti ta' l-innovazzjoni.

4.6.3

Dan l-aħħar f'xi Stati Membri, programmi tat-televiżjoni qajmu kuxjenza dwar l-intraprenditorija u l-valur ta' ideat ġodda. Żewġ eżempji mir-Renju Unit huma d-Dragons Den, fejn l-intraprendituri u l-inventuri jippreżentaw l-ideat tagħhom lil tim ta' finanzjaturi u The Apprentice (BBC) fejn personalità ewlenija mill-intrapriża tfittex l-apprendist tagħha. Iż-żewġ programmi kemm qajmu l-interess ta' l-istudenti sabiex jibdew l-intrapriżi tagħhom kif ukoll urew kif idea tista' tinbidel f'intrapriża.

4.6.4

Il-promozzjoni ta' avvenimenti bħal dawn elenkati hawn taħt u l-informazzjoni dwarhom, tista' tqajjem kuxjenza wkoll tal-benefiċċji ta' l-intraprenditorija u l-impatt tagħha fuq is-soċjetà:

Summit Ewropew dwar l-Intraprenditorija fl-Edukazzjoni, organizzat minn JA-YE Ewropa mill-5 sas-7 ta' Settembru 2006,

Konferenza dwar L-edukazzjoni ta' l-intraprenditorija fl-Ewropa: Inrawmu l-Ispirtu Intraprenditorjali permezz ta' l-Edukazzjoni u t-Tagħlim — inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea organizzata flimkien mal-gvern Norveġiż, f'Oslo, fis-26 u s-27 ta' Ottubru 2006,

Il-Premijiet għall-Intrapriża Ewropea (Kompetizzjoni Annwali tal-Kummissjoni, li tirrikonoxxi u tippremja inizjattivi li jappoġġjaw l-intraprenditorija).

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  “Fittex l-opportunitajiet u ħaddimhom!” — Strateġija għall-intraprenditorija fl-edukazzjoni 2004/2008, Pjan ta' Strateġija, Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija, Ministeru ta' l-Edukazzjoni u r-Riċerka, Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali.

(2)  “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja” COM(2005) 548 finali Anness: Punt 7.

(3)  Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa — Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi — Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona — COM(2005) 24.

(4)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew ta' Brussell, it-23 u l-24 ta' Marzu 2006, paragrafu 31.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-19.7.2006 dwar “L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona: it-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim”, rapporteur: is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006).

(6)  Ara l-Opinjoni KESE dwar Il-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona) (opinjoni fuq inizjattiva proprja), INT/324 rapporteur: is-Sinjura Faes u Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjaliir-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru (opinjoni esploratorja), SOC/273, rapporteur is-Sur Pariza Castaños.

(7)  Ara l-opinjoniet tal-KESE dwar:

Il-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona) (opinjoni fuq inizjattiva proprja), INT/324, rapporteur is-Sinjura Faes.

Investiment fl-Għarfien u l-Innovazzjoni (Strateġija ta' Lisbona) (opinjoni fuq inizjattiva proprja), INT/325, rapporteur is-Sur Wolff.

L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (L-Istrateġija ta' Lisbona) — (opinjoni fuq inizjattiva proprja) SOC/251, rapporteur is-Sur Greif.

Id-definizzjoni ta' Politika Ewropea għall-Enerġija (Strateġija ta' Lisbona), (opinjoni fuq inizjattiva proprja), TEN/263, rapporteur: is-Sinjura Sirkeinen.

(8)  Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja COM(2005) 548.

(9)  Ara:

The Global Entrepreneurship Monitor (GEM) 2004.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim (COM(2006) 33 finali).

The Challenge to Inspire: Enterprise Education for Young People, ir-raba' sessjoni tat-tim ta' Speċjalisti ta' l-Intraprenditorija fit-tnaqqis tal-faqar: l-Intraprenditorija fost iż-Żgħażagħ Athayde, R. 2004, Ġinevra: Nazzjonijiet Uniti.

(10)  Ara:

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim (COM(2006) 33 finali).

L-opinjoni tal-KESE tad-19.7.2006 dwar L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona: it-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim, rapporteur: is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006).

Il-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar L-edukazzjoni ta' l-intraprenditorija fl-Ewropa: Inrawwmu l-inklinazzjonijiet Intraprenditorjali permezz ta' l-Edukazzjoni u t-Tagħlim — inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea organizzata flimkien mal-gvern Norveġiż, Oslo, 26-27 ta' Ottubru 2006.

(11)  Ara:

Entreprenørskap som strategi for regional utvikling, Spilling, O., Roppen, J., Sanness, A., Simonsen, B., Steinsli, J. og Støylen, A. 2002, BI Dokument ta' diskussjoni 7/2002. Lillehammer: BI.

Helping to create an entrepreneurial cultureA guide on good practices in promoting entrepreneurial attitudes and skills through education, Kummissjoni Ewropea 2004.

http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/craft/craft-women/womenentr_portal.htm.

(12)  Ara:

Helping to create an entrepreneurial cultureA guide on good practices in promoting entrepreneurial attitudes and skills through education, Kummissjoni Ewropea 2004.

http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/training_education/doc/entrepreneurial_culture_en.pdf.

Entreprenørskapsopplæring i skolen. Hovedkonklusjoner fra 3 års følgeforskning av Ungt Entreprenørskaps program: Program for nyskaping og entreprenørskap i opplæring og utdanning i Norge (2001-2005), Johansen, V. and Eide, T. 2006,

http://www.ostforsk.no/notater/pdf/132006.pdf.

Erfaringer fra deltakelse i studentbedrift. Hvordan opplevde de tiden som etablerer av Studentbedrift og hva skjedde etterpå?, Johansen, V. and Eide, T. 2006,

http://www.ostforsk.no/notater/pdf/162006.pdf.

(13)  Ara:

Hva hendte siden? Ungdomsbedrifter i den videregående skolen, Luktvasslimo, M. 2003. NTF-notat 1/2003. Steinkjer: Trøndelag Forskning og utvikling AS.

Ungdomsbedrifter og entreprenørskap2005, Haugum, M. 2005. NTF-notat 4/2005. Steinkjer: Trøndelag Forskning og utvikling AS.

Entrepreneurship in Education: The Practice in OECD Countries, Stevenson, L. 2005, dokument imressaq fil-konferenza Fostering EntrepreneurshipThe Role of Higher Education, Italia: 2005.

Erfaringer fra deltakelse i studentbedrift. Hvordan opplevde de tiden som etablerer av Studentbedrift og hva skjedde etterpå?, Johansen, V. u Eide, T. 2006,

http://www.ostforsk.no/notater/pdf/162006.pdf.

(14)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2006/l_327/l_32720061124en00300044.pdf.

(15)  Ara l-Appendiċi 1, dokument tal-Junior Achievement Young Enterprise (JA-YE), Norveġja.

(16)  Junior Achievement Young Enterprise (JA-YE) Norway,

http://www.ja.org/near/nations/norway.shtml, www: http://www.ue.no.

(17)  Intervenzjoni mid-Direttur Ġenerali M. van der Pas fl-EQUAL Policy Forum Entrepreneurship organizzata mill-Presidenza Ġermaniża ta' l-UE, f'Hannover, 5.6.2007.

(18)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-19.7.2006 dwar L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona: it-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim, rapporteur: is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006).

(19)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim (COM(2006) 33 finali).

(20)  The Challenge to Inspire: Enterprise Education for Young Peopl, ir-raba' sessjoni tat-tim ta' Speċjalisti ta' l-Intraprenditorija fit-tnaqqis tal-faqar: l-Intraprenditorija fost iż-Żgħażagħ Athayde, R. 2004, Ġinevra: Nazzjonijiet Uniti.

(21)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15.09.2004: Komunikat mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-ReġjuniPjan ta' Azzjoni: L-aġenda Ewropea għall-Intrapriża, rapporteur is-Sur Butters (ĠU C 74, 23.3.2005).

(22)  Ara l-opinjoni attwali tal-KESE dwar Il-Promozzjoni tal-produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol Ewropew (opinjoni fuq inizjattiva proprja), rapporteur: is-Sinjura Kurki (SOC/266).

(23)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15.9.2004: Komunikat mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-ReġjuniPjan ta' Azzjoni: L-aġenda Ewropea għall-Intrapriża, rapporteur: is-Sur Butters (ĠU C 74, 23.3.2005).

(24)  Ara l-opinjoniet tal-KESE dwar:

27.10.2004 dwar Il-Ħila ta' l-SMEs u l-intrapriżi ta' l-ekonomika soċjali li jadattaw għat-tibdiliet imposti mit-tkabbir ekonomiku (opinjoni esploratorja), rapporteur: is-Sinjura Fusco.

1.4.2004 dwar Id-diversifikazzjoni ekonomika fil-pajjiżi ta' adeżjoni — ir-rwol ta' l-SMEs u l-intrapriżi ta' l-ekonomika soċjali, rapporteur: is-Sinjura Fusco, korapporteur: is-Sur Glorieux.

(25)  Gawell 2004 Entrepeneurial Process in Civil Society.


Top