Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2512

    Deċiżjoni (UE) 2022/2512 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar in-nonaċċettazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia

    PE/57/2022/REV/1

    ĠU L 326, 21.12.2022, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2512/oj

    21.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 326/1


    DEĊIŻJONI (UE) 2022/2512 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-14 ta’ Diċembru 2022

    dwar in-nonaċċettazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (a) u (b) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    B’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa (ir-Russja) fl-2014, u għall-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni kontinwi tar-Russja fl-Ukrajna tal-lvant, l-Unjoni diġà introduċiet sanzjonijiet ekonomiċi marbuta mal-implimentazzjoni inkompleta tal-ftehimiet iffirmati f’Minsk taħt l-awspiċji tal-Grupp ta’ Kuntatt Tripartitiku tal-OSKE, b’reazzjoni għall-kriżi fl-Ukrajna u madwarha (il-“Ftehimiet ta’ Minsk”), sanzjonijiet fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u sanzjonijiet b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol mir-Russja.

    (2)

    Bħala firmatarja għall-Ftehimiet ta’ Minsk, ir-Russja għandha responsabbiltà ċara u diretta li taħdem biex tinstab soluzzjoni paċifika tal-kunflitt f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Minsk. Bid-deċiżjoni li tirrikonoxxi r-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern fil-Lvant tal-Ukrajna bħala entitajiet indipendenti, ir-Russja kisret b’mod ċar il-Ftehimiet ta’ Minsk, li jistipulaw li dawk ir-reġjuni jirritornaw b’mod sħiħ f’idejn il-kontroll tal-gvern Ukren. Dik id-deċiżjoni u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f’dawk ir-reġjuni tkompli timmina s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, fosthom il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Helsinki, il-Karta ta’ Pariġi u l-Memorandum ta’ Budapest.

    (3)

    Fl-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew, flimkien mas-sħab internazzjonali tiegħu, ikkundanna bl-eħrex mod possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u esprima solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna u mal-poplu tagħha. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, talab li r-Russja twaqqaf immedjatament l-azzjonijiet militari tagħha, tirtira mingħajr kondizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha. Dik il-pożizzjoni ġiet imtennija mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2022, il-31 ta’ Mejju 2022 u l-24 ta’ Ġunju 2022.

    (4)

    Fir-rigward tal-Georgia, fl-1 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew straordinarju, ikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni unilaterali tar-Russja li tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar u ħeġġeġ lil pajjiżi oħra biex ma jirrikonoxxux l-indipendenza tagħhom.

    (5)

    Aggressjoni militari li sseħħ f’pajjiż li jmiss mal-Unjoni, bħal dik li seħħet fl-Ukrajna u li tat lok għall-miżuri restrittivi, tiġġustifika miżuri mfassla sabiex jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    (6)

    Mill-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol fit-18 ta’ Marzu 2014 ’l hawn, ir-Russja ħarġet passaporti internazzjonali Russi lir-residenti ta’ dawk it-territorji. Fl-24 ta’ April 2019, il-President tar-Russja ffirma digriet li jissimplifika l-proċedura għar-residenti tar-reġjuni mhux ikkontrollati mill-Gvern tar-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk biex jiksbu ċ-ċittadinanza Russa, inkluż il-proċedura għall-ħruġ ta’ passaporti internazzjonali Russi lil dawk ir-residenti. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Lulju 2022, ir-Russja estendiet il-prassi tal-ħruġ ta’ passaporti internazzjonali Russi ordinarji lil residenti ta’ reġjuni oħra tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern, b’mod partikolari r-reġjuni ta’ Kherson u Zaporizhzhia. F’Mejju 2022, ir-Russja introduċiet proċedura simplifikata ta’ naturalizzazzjoni Russa għat-tfal orfni mill-hekk imsejħa r-“Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk” u mill-hekk imsejħa r-“Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk”, kif ukoll mill-Ukrajna. Id-digriet japplika wkoll għal tfal mingħajr kura tal-ġenituri u għal persuni legalment inkapaċitati li huma abitanti ta’ dawk iż-żewġ reġjuni okkupati. Il-ħruġ sistematiku ta’ passaporti Russi f’dawk ir-reġjuni okkupati jikkostitwixxi ksur ulterjuri tad-dritt internazzjonali u tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    (7)

    L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, ma rrikonoxxewx l-annessjoni illegali u kkundannaw l-okkupazzjoni illegali tar-reġjuni u t-territorji tal-Ukrajna mir-Russja. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol, l-okkupazzjoni illegali tar-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk, iżda wkoll l-okkupazzjoni illegali ulterjuri fir-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ukrajna, b’mod partikolari r-reġjuni ta’ Kherson u Zaporizhzhia. Dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa (Dokumenti tal-ivvjaġġar tar-Russja) maħruġa f’dawk ir-reġjuni u territorji mhumiex rikonoxxuti jew jinsabu fil-proċess li ma jiġux rikonoxxuti mill-Istati Membri, kif ukoll mill-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein. L-istess japplika għal dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern tal-Georgia fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni (territorji separatisti).

    (8)

    Sabiex jiġu żgurati politika komuni dwar il-viżi u approċċ komuni għall-kontrolli li għalihom huma soġġetti l-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni, jenħtieġ li l-ebda dokument tal-ivvjaġġar Russu maħruġ fi jew lil persuni residenti f’reġjuni jew f’territorji fl-Ukrajna li huma okkupati mir-Russja jew f’territorji separatisti fil-Georgia, ma jiġi aċċettat bħala dokument tal-ivvjaġġar validu għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu deroga għal persuni li kienu ċittadini Russi fid-data li fiha d-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi bdew jinħarġu fir-reġjun jew territorju okkupat jew territorju separatist rispettiv. Dik id-deroga jenħtieġ li tapplika wkoll għad-dixxendenti ta’ tali persuni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu deroga wkoll jekk persuna kienet minorenni jew persuna legalment inkapaċitata fiż-żmien tal-ħruġ ta’ tali dokument tal-ivvjaġġar.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    (10)

    Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal, bl-għajnuna tal-Istati Membri, lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar Russi li mhumiex aċċettati. Jenħtieġ li dik il-lista tinkludi d-dati li minnhom bdew jinħarġu dawk id-dokumenti tal-ivvjaġġar u li minnhom dawk id-dokumenti tal-ivvjaġġar jenħtieġ li ma jiġux aċċettati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li jkun fih dik il-lista. Jenħtieġ li dak l-att ta’ implimentazzjoni jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li l-lista tiġi inkorporata fil-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar stabbilita skont id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) f’tabella ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi u entitajiet territorjali li hija pubblikament disponibbli online.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, inkluż il-possibbiltà għal tali membri tal-familja li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr dokument tal-ivvjaġġar validu fis-sens, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-ftehimiet dwar il-moviment liberu tal-persuni konklużi mill-Unjoni u l-Istati Membri, min-naħa waħda, u ċerti pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra. Id-Direttiva 2004/38/KE tippermetti, skont il-kondizzjonijiet speċifikati fiha, restrizzjonijiet għall-moviment liberu għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

    (12)

    Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea..

    (13)

    Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-acquis tal-Unjoni dwar l-ażil u b’mod partikolari d-dritt li wieħed japplika għall-protezzjoni internazzjonali. Kif ġie mfakkar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2022 intitolata “Li tipprovdi linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna”, l-Istati Membri jtennu l-possibbiltà li jippermettu lid-detenturi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar immirati minn din id-Deċiżjoni li għaldaqstant ma jissodisfawx waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali biex jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri f’każijiet individwali, kif previst fl-Artikolu 25 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2016/399. Jenħtieġ li dawk id-derogi jiġu applikati fil-kriżi attwali kemm jista’ jkun possibbli, b’mod partikolari biex jippermettu d-dħul għall-persuni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (6).

    (14)

    Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jissaħħaħ il-funzjonament tal-politika komuni dwar il-viżi u ż-żona Schengen bl-introduzzjoni ta’ obbligu li ma jiġux aċċettati ċerti dokumenti tal-ivvjaġġar għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u l-qsim tal-fruntieri esterni ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-objettiv.

    (15)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (16)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (7); għalhekk l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (17)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9).

    (18)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

    (19)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (12) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (13).

    (20)

    Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija u l-Kroazja, l-Artikolu 1, il-punt (a) ta’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, filwaqt li l-Artikolu 1, il-punt (b) jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.

    (21)

    Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

    (22)

    Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni malajr tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni u minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza fir-reġjuni u t-territorji fl-Ukrajna okkupati mir-Russja kif ukoll f’territorji separatisti fil-Georgia, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa (Dokumenti tal-ivvjaġġar Russi) maħruġa fi jew lil persuni residenti f’ reġjuni jew f’territorji fl-Ukrajna li huma okkupati mill-Federazzjoni Russa jew f’territorji separatisti fil-Georgia li fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern tal-Georgia ma għandhomx jiġu aċċettati bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-finijiet li ġejjin:

    (a)

    il-ħruġ ta’ viża f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 810/2009;

    (b)

    il-qsim tal-fruntieri esterni f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399.

    Artikolu 2

    B’deroga mill-Artikolu 1, dokument tal-ivvjaġġar Russu msemmi fl-Artikolu 1 jista’ jiġi aċċettat:

    (a)

    jekk id-detentur tiegħu kien ċittadin Russu qabel id-data rilevanti indikata fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 jew jekk id-detentur huwa dixxendent ta’ tali ċittadin Russu;

    (b)

    jekk id-detentur tiegħu kien minorenni jew persuna legalment inkapaċitata fiż-żmien tal-ħruġ ta’ tali dokument tal-ivvjaġġar.

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu lid-detenturi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar koperti minn din id-Deċiżjoni jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri f’każijiet individwali, kif previst fl-Artikoli 25 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 u l-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2016/399.

    Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-acquis tal-Unjoni dwar l-ażil u b’mod partikolari d-dritt li wieħed japplika għall-protezzjoni internazzjonali.

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni għandha tfassal, bl-għajnuna tal-Istati Membri, lista tad-dokumenti tal-ivvjaġġar imsemmija fl-Artikolu 1, inkluż id-dati minn meta dawk id-dokumenti tal-ivvjaġġar bdew jinħarġu.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jkun fih il-lista msemmija fl-ewwel paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-lista għandha tiġi inkorporata fil-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar stabbilita skont id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022.

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b’viża u dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-istabbiliment ta’ din il-lista (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9).

    (3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (8)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (10)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (12)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    Top