EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1794

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1794 tas-16 ta’ Settembru 2020 li jemenda l-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6224

ĠU L 402, 1.12.2020, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1794/oj

1.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 402/23


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1794

tas-16 ta’ Settembru 2020

li jemenda l-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/848 u b’mod partikolari l-Parti I tal-Anness II tiegħu, jistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku.

(2)

Fid-dawl tal-eliminazzjoni gradwali tad-derogi mill-użu ta’ materjal organiku għar-riproduzzjoni tal-pjanti stabbiliti fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2018/848, huwa importanti li jiżdiedu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) 2018/848, il-materjal riproduttiv tal-pjanti jista’ jiġi kkummerċjalizzat bħala “fil-fażi ta’ konverżjoni” meta jkun rispettat perjodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas 12-il xahar. Skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, l-Istati Membri jridu jiżguraw li tiġi stabbilita bażi ta’ data aġġornata regolarment għall-elenkar ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni, eskluża n-nebbieta, iżda inkluża l-patata taż-żrigħ, li hija disponibbli fit-territorji tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(2) jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ sistemi li jippermettu lill-operaturi li jikkummerċjalizzaw materjal riproduttiv tal-pjanti organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni u li jkunu kapaċi jfornuh fi kwantitajiet suffiċjenti u fi żmien raġonevoli, li fuq bażi volontarja, mal-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, jippubblikaw informazzjoni b’xejn dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni, bħall-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku jew ta’ varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika, eskluża n-nebbieta, iżda inkluża l-patata taż-żrigħ, li hija disponibbli bil-kwantità f’dak li hu piż ta’ dak il-materjal u l-perjodu tas-sena li fiha tkun disponibbli. Madankollu, l-Artikolu 26(5) jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw sistemi ta’ informazzjoni rilevanti diġà eżistenti.

(4)

Għalhekk, huwa importanti li meta l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti ma jkunx disponibbli biżżejjed u tali nuqqas ta’ disponibbiltà jintwera permezz ta’ rekords miġbura fil-bażi tad-data u s-sistemi msemmija hawn fuq, tingħata prijorità għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni fuq materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(i) tar-Regolament (UE) 2018/848, jenħtieġ li jkun permess l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni.

(5)

Filwaqt li jitqiesu l-prattiki diverġenti attwali fl-Istati Membri, huwa wkoll ta’ importanza partikolari li fejn ma jkunx disponibbli materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni fi kwalità jew kwantità suffiċjenti, jiġu armonizzati l-kriterji u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku. Jenħtieġ li din l-armonizzazzjoni tippermetti li tiġi evitata kompetizzjoni inġusta potenzjali fil-produzzjoni organika u li tiżgura li ċerti dispożizzjonijiet prekawzjonarji jiġu applikati għall-materjal riproduttiv tal-pjanti u, fil-każ ta’ trattamenti fitosanitarji preskritti, jenħtieġ li fejn xieraq tkun soġġetta għal perjodu ta’ konverżjoni tar-roqgħa tal-art kif previst fil-punti 1.7.3. u 1.7.4. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848.

(6)

Minkejja l-isforzi li saru mill-operaturi involuti fil-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti, għad hemm ħafna speċijiet, sottospeċijiet jew varjetajiet li ma jkunx disponibbli materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni għalihom, u li jeħtieġ li jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ awtorizzazzjonijiet għalihom, billi mingħajr ma tiġi pperikolata n-natura organika tal-prodotti jitnaqqas il-piż amministrattiv. Għalhekk, sabiex jitnaqqas in-numru ta’ talbiet għal awtorizzazzjonijiet individwali, huwa xieraq li jiġu previsti awtorizzazzjonijiet ġenerali nazzjonali annwali għal speċijiet, sottospeċijiet jew varjetajiet, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, u għall-adozzjoni ta’ listi nazzjonali ta’ speċijiet jew sottospeċijiet li għalihom huma disponibbli varjetajiet xierqa ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni fi kwantità suffiċjenti. Jenħtieġ li dak l-approċċ jippermetti li jiġi limitat ir-rikors għal awtorizzazzjonijiet individwali. Barra minn hekk, dawk il-listi nazzjonali jikkostitwixxu informazzjoni rilevanti, li hija mistennija li żżid l-għarfien u ċ-ċertezza fis-settur tal-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti u b’hekk tiffaċilita l-iżvilupp ulterjuri kemm f’dan is-settur tal-produzzjoni speċjalizzat ħafna kif ukoll fl-użu ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti.

(7)

Jenħtieġ għalhekk li l-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tiġi emendata skont dan.

(8)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 hija emendata f’konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.


ANNESS

Il-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 hija emendata kif ġej:

(1)

il-punti 1.8.5.1. sa 1.8.5.5. huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.8.5.1.

B’deroga mill-punt 1.8.1, meta d-data miġbura fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2) turi li l-ħtiġijiet kwalitattivi jew kwantitattivi tal-operatur fir-rigward ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti rilevanti ma jintlaħqux, l-operatur jista’ juża materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4).

Fejn materjal riproduttiv organiku tal-pjanti u dak fil-fażi ta’ konverżjoni ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-operatur, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti soġġett għall-punti 1.8.5.3. sa 1.8.5.7.

Tali awtorizzazzjoni individwali għandha tinħareġ biss f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-ebda varjetà tal-ispeċi li l-operatur jixtieq jikseb ma tkun irreġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2);

(b)

meta l-ebda fornitur, jiġifieri operatur li jikkummerċjalizza materjal riproduttiv tal-pjanti, ma jkun jista’ jipproduċi l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni fil-ħin għaż-żrigħ jew għat-tħawwil f’sitwazzjonijiet fejn l-utent ikun ordna l-materjal riproduttiv tal-pjanti fi żmien raġonevoli biex jippermetti l-preparazzjoni u l-provvista ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew f’fażi ta’ konverżjoni;

(c)

fejn il-varjetà li l-operatur jixtieq jikseb ma tkunx irreġistrata bħala materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2), u l-operatur ikun jista’ juri li l-ebda waħda mill-alternattivi rreġistrati tal-istess speċi ma hija xierqa b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet agronomiċi u pedoklimatiċi u l-proprjetajiet teknoloġiċi neċessarji għall-produzzjoni li trid tinkiseb u li, għalhekk, l-awtorizzazzjoni hija sinifikanti għall-produzzjoni tiegħu jew tagħha;

(d)

fejn ikun ġustifikat għall-użu fir-riċerka, test bi provi fuq il-post fuq skala żgħira, għal skopijiet ta’ konservazzjoni tal-varjetà jew għal innovazzjoni tal-prodott u bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

Qabel ma jitlob kwalunkwe awtorizzazzjoni bħal din, l-operatur għandu jikkonsulta l-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2) sabiex jivverifika jekk huwiex disponibbli materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni rilevanti u b’hekk jekk it-talba tiegħu tkunx ġustifikata.

Meta jkunu f’konformità mal-Artikolu 6(i), l-operaturi jistgħu jużaw kemm il-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti kif ukoll dak fil-fażi ta’ konverżjoni li jkun inkiseb mill-impriża tagħhom stess, irrispettivament mid-disponibbiltà kwalitattiva u kwantitattiva skont il-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew skont is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2).

1.8.5.2

B’deroga mill-punt 1.8.1., l-operaturi f’pajjiżi terzi jistgħu jużaw materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) meta jkun iġġustifikat li l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż terz li fih ikun jinsab l-operatur.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali rilevanti, l-operaturi f’pajjiżi terzi jistgħu jużaw kemm il-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti kif ukoll dak fil-fażi ta’ konverżjoni li jkunu nkisbu mill-impriża tagħhom stess.

L-awtoritajiet jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) jistgħu jawtorizzaw operaturi f’pajjiżi terzi biex jużaw materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku f’unità tal-produzzjoni organika, meta l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż terz fejn jinsab l-operatur, skont il-kundizzjonijiet stipulati taħt il-punti 1.8.5.3, 1.8.5.4 u 1.8.5.5.

1.8.5.3

Il-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti ma għandux ikun trattat bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti wara l-ħsad ħlief dawk awtorizzati għat-trattament tal-materjal riproduttiv tal-pjanti f’konformità mal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx ġie preskritt trattament kimiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031 għal finijiet fitosanitarji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għall-varjetajiet kollha u l-materjal eteroġenju kollu ta’ speċijiet partikolari fiż-żona fejn irid jintuża l-materjal riproduttiv tal-pjanti.

Meta jintuża l-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti li jkun ġie ttrattat bit-trattament kimiku preskritt imsemmi fl-ewwel paragrafu, il-pakkett li fuqu jkun qed jikber il-materjal riproduttiv tal-pjanti ttrattat għandu jkun soġġett, fejn xieraq, għal perjodu ta’ konverżjoni kif previst fil-punti 1.7.3. u 1.7.4.

1.8.5.4

L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku għandha tinkiseb qabel ma jinżergħu jew jitħawlu l-għelejjel.

1.8.5.5

L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti għandha tingħata lil utenti individwali għal staġun wieħed kull darba, u l-awtoritajiet kompetenti, l-awtorita ta’ kontroll u l-korp responsabbli għall-awtorizzazzjonijiet għandha telenka l-kwantitajiet tal-materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat.”

(2)

jiddaħħlu l-punti 1.8.5.6. u 1.8.5.7. li ġejjin:

“1.8.5.6.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom joħolqu lista uffiċjali ta’ speċijiet, ta’ sottospeċijiet jew ta’ varjetajiet (raggruppati jekk applikabbli) li għalihom jiġi stabbilit li l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew dak fil-fażi ta’ konverżjoni jkun disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti u għall-varjetajiet xierqa fit-territorju tagħhom. L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tinħareġ għall-ispeċijiet, is-sottospeċijiet jew il-varjetajiet inklużi f’dik il-lista fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat skont il-punt 1.8.5.1. sakemm dawn ma jkunux ġustifikati minn wieħed mill-iskopijiet imsemmija fil-punt 1.8.5.1.(d). Jekk il-kwantità jew il-kwalità tal-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew dak fil-fażi ta’ konverżjoni disponibbli għall-ispeċijiet, is-sottospeċijiet jew il-varjetajiet fuq il-lista tirriżulta li ma tkunx biżżejjed jew li mhijiex xierqa, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jneħħu speċi, sottospeċi jew varjetà mil-lista.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iżommu l-lista tagħhom aġġornata kull sena u għandhom jagħmlu dik il-lista disponibbli għall-pubbliku.

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena u għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-link għas-sit web fejn il-lista aġġornata tkun disponibbli pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-links għal-listi nazzjonali aġġornati fuq sit web apposta.

1.8.5.7

B’deroga mill-punt 1.8.5.5., l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu ta’ kull sena jagħtu awtorizzazzjoni ġenerali lill-operaturi kollha kkonċernati għall-użu ta’:

(a)

speċi jew sottospeċi meta u jekk kemm-il darba l-ebda varjetà ma tkun reġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2);

(b)

għal varjetà partikolari meta u jekk kemm-il darba jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1.8.5.1.(c).

Meta jużaw awtorizzazzjoni ġenerali, l-operaturi għandhom iżommu rekords tal-kwantità użata u l-awtorità kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjonijiet għandha telenka l-kwantitajiet ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti awtorizzat.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iżommu l-lista tagħhom tal-ispeċijiet, is-sottospeċijiet jew tal-varjetajiet li għalihom tkun inħarġet awtorizzazzjoni ġenerali aġġornata kull sena u għandhom jagħmlu dik il-lista disponibbli għall-pubbliku.

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena u għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-link għas-sit web fejn il-lista aġġornata tkun disponibbli pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-links għal-listi nazzjonali aġġornati fuq sit web apposta.”


Top