EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1128

Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq internTest b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 168, 30.6.2017, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/06/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1128/oj

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1128 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Ġunju 2017

dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-aċċess mhux ostakolat fl-Unjoni kollha għal servizzi tal-kontenut online li huma pprovduti legalment lill-konsumaturi fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom huwa importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-moviment liberu tal-persuni u servizzi. Peress li s-suq intern jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni li tiddependi, inter alia, fuq il-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-kontenut online portabbli li joffru aċċess għal kontenut bħal mużika, logħob, films, programmi ta’ divertiment jew avvenimenti sportivi, mhux biss fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom, iżda wkoll meta jkunu temporanjament preżenti fi Stati Membru ieħor għal raġunijiet ta’, per eżempju, rikreazzjoni, vjaġġar, vjaġġi għal finijiet ta’ xogħol jew mobilità tat-tagħlim. Għalhekk, jenħtieġ li l-ostakli li jfixklu l-aċċess għal u l-użu ta’ tali servizzi tal-kontenut online transfruntier f’każijiet bħal dawn jiġu eliminati.

(2)

L-iżviluppi teknoloġiċi li wasslu għall-proliferazzjoni ta’ apparati portabbli bħal laptops, tablets u smartphones qed jiffaċilitaw dejjem aktar l-użu tas-servizzi tal-kontenut online billi jipprovdu aċċess għalihom irrispettivament minn fejn jinsabu l-konsumaturi. Hemm domanda dejjem akbar mill-konsumaturi għall-aċċess għall-kontenut u għas-servizzi online innovattivi, mhux biss fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, iżda wkoll meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor.

(3)

Il-konsumaturi qegħdin jidħlu dejjem aktar f’arranġamenti kuntrattwali mal-fornituri tas-servizzi għall-forniment ta’ servizzi tal-kontenut online. Madankollu, il-konsumaturi li huma temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom ta’ spiss ma jkunux jistgħu jkomplu jaċċessaw u jużaw is-servizzi tal-kontenut online li jkunu akkwistaw legalment id-dritt għall-użu fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom.

(4)

Hemm għadd ta’ ostakli li jfixklu l-forniment tas-servizzi tal-kontenut online lill-konsumaturi temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Ċerti servizzi online jinkludu kontenut bħal mużika, logħob, films jew programmi ta’ divertiment li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati skont il-liġi tal-Unjoni. Attwalment, l-ostakli għall-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online huma differenti minn settur għal ieħor. L-ostakli jirriżultaw mill-fatt li d-drittijiet għat-trażmissjoni tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, bħax-xogħlijiet awdjoviżivi, ta’ spiss jiġu liċenzjati fuq bażi territorjali, kif ukoll mill-fatt li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online għandhom mnejn jagħżlu li jservu swieq speċifiċi biss.

(5)

L-istess japplika għal kontenut, bħal avvenimenti sportivi, li mhuwiex protett bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati skont il-liġi tal-Unjoni, iżda li jista’ jkun protett bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet relatati skont il-liġi nazzjonali jew permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika oħra u li spiss ikun liċenzjat ukoll mill-organizzaturi ta’ tali avvenimenti jew ikun offrut mill-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online fuq bażi territorjali. It-trażmissjonijiet ta’ dan il-kontenut minn organizzazzjonijiet tax-xandir huma protetti bi drittijiet relatati li ġew armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-trażmissjoni ta’ dan il-kontenut ta’ spiss tinkludi elementi protetti bid-drittijiet tal-awtur, bħal mużika, sekwenzi ta’ vidjos tal-ftuħ jew tal-għeluq jew elementi grafiċi. Barra minn hekk, ċerti aspetti tat-trażmissjonijiet ta’ dan il-kontenut, speċifikament dawk relatati ma’ avvenimenti tax-xandir ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà kif ukoll ma’ rapporti qosra tal-aħbarijiet dwar avvenimenti ta’ interess kbir għall-pubbliku, ġew armonizzati bid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fl-aħħar nett, is-servizzi tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE jinkludu servizzi li jipprovdu aċċess għal kontenut bħal avvenimenti sportivi, aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti.

(6)

Is-servizzi tal-kontenut online qed jiġu kkummerċjalizzati dejjem aktar f’pakkett li fih il-kontenut li ma jkunx protett bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati ma jistax jiġi separat mill-kontenut li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati mingħajr ma l-valur tas-servizz ipprovdut lill-konsumaturi jitnaqqas b’mod sostanzjali. Dan huwa speċjalment il-każ tal-kontenut premium bħal avvenimenti sportivi jew avvenimenti oħra ta’ interess sinifikanti għall-konsumaturi. Sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online jkunu jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi l-aċċess sħiħ għas-servizzi tal-kontenut online tagħhom meta l-konsumaturi jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, huwa indispensabbli li dan ir-Regolament ikopri wkoll dan il-kontenut użat mis-servizzi tal-kontenut online u, għalhekk, li japplika għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fit-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE, kif ukoll għat-trażmissjonijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir fl-intier tagħhom.

(7)

Id-drittijiet fix-xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur u f’materjal ieħor protett bi drittijiet relatati (“xogħlijiet u materjal ieħor protett”) huma armonizzati, inter alia, fid-Direttivi 96/9/KE (5), 2001/29/KE (6), 2006/115/KE (7) u 2009/24/KE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati konklużi mill-Unjoni b’mod partikolari l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ anness bħala Anness 1C għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tal-15 ta’ April 1994, it-Trattat dwar id-Drittijiet tal-Awtur tal-WIPO tal-20 ta’ Diċembru 1996 u t-Trattat dwar l-Interpretazzjonijiet u l-Fonogrammi tal-WIPO tal-20 ta’ Diċembru 1996, kif emendat, jifformaw parti integrali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-liġi tal-Unjoni, sa fejn huwa possibbli, tiġi interpretata b’mod li huwa konsistenti mal-liġi internazzjonali.

(8)

Huwa essenzjali li fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li jagħmlu użu minn xogħlijiet jew materjal protett ieħor, bħal kotba, xogħlijiet awdjoviżivi, mużika rrekordjata jew xandiriet jingħataw id-dritt għall-użu ta’ dan il-kontenut għat-territorji rilevanti.

(9)

It-trażmissjoni minn fornituri ta’ servizzi tal-kontenut online tal-kontenut li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati teħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti, bħal awturi, artisti, produtturi jew organizzazzjonijiet tax-xandir, rigward il-kontenut inkluż fit-trażmissjoni. Dan huwa daqstant minnu meta din it-trażmissjoni sseħħ għall-iskop li konsumatur jitħalla jniżżel materjal sabiex juża servizz tal-kontenut online.

(10)

L-akkwist ta’ liċenzja għal drittijiet rilevanti mhuwiex dejjem possibbli, b’mod partikolari meta d-drittijiet fil-kontenut jiġu liċenzjati fuq bażi esklużiva. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità effettiva mal-esklużività territorjali, il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online ta’ spiss jimpenjaw ruħhom, fil-kuntratti tal-liċenzji tagħhom mad-detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet tax-xandir jew organizzaturi tal-avvenimenti, biex jipprevjenu lill-abbonati tagħhom milli jaċċessaw u jużaw is-servizzi tagħhom barra t-territorju li għandhom l-liċenzja għalihom il-fornituri. Tali restrizzjonijiet kuntrattwali imposti fuq il-fornituri jeħtieġuhom jieħdu miżuri bħal li ma jippermettux aċċess għas-servizzi tagħhom mill-indirizzi tal-protokoll tal-Internet (IP) li jinsabu barra mit-territorju kkonċernat. Għalhekk, wieħed mill-ostakli għall-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online jinsab fil-kuntratti konklużi bejn il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online u l-abbonati tagħhom, li jirriflettu l-klawżoli tar-restrizzjonijiet territorjali inklużi f’kuntratti konklużi bejn dawk il-fornituri u d-detenturi tad-drittijiet.

(11)

Jenħtieġ li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiġi kkunsidrata meta jsir il-bilanċ tal-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(12)

Għalhekk, l-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jadatta l-qafas legali armonizzat dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u li jipprovdi approċċ komuni għall-forniment tas-servizzi tal-kontenut online lill-abbonati li jkunu temporanjament preżenti fi Stati Membri oħra għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, billi jitneħħew l-ostakli għall-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online li huma pprovduti legalment. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online fis-setturi kollha kkonċernati u għalhekk jipprovdi lill-konsumaturi b’mezz addizzjonali biex jaċċessaw il-kontenut online legalment, mingħajr ma jiġi affettwat il-livell għoli ta’ protezzjoni garantit bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fl-Unjoni, mingħajr ma jbiddlu l-mudelli eżistenti ta’ liċenzjar, bħal liċenzjar territorjali, u mingħajr ma jkollha effett fuq mekkaniżmi eżistenti ta’ finanzjament. Jenħtieġ li l-kunċett ta’ portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online jkun distint mill-kunċett ta’ aċċess transfruntier mill-konsumaturi għal servizzi tal-kontenut online pprovduti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, li mhuwiex kopert minn dan ir-Regolament.

(13)

Minħabba li jeżistu strumenti tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, huwa meħtieġ li l-qasam tat-tassazzjoni jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni relatata mat-tassazzjoni.

(14)

Dan ir-Regolament jiddefinixxi diversi kunċetti meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu, inkluż l-Istat Membru tar-residenza. Jenħtieġ li l-Istat Membru tar-residenza jkun determinat billi jitqiesu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-ħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Unjoni. Id-definizzjoni tal-Istat Membru tar-residenza timplika li l-abbonat għandu residenza reali u stabbli tiegħu jew tagħha f’dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li fornitur ta’ servizz tal-kontenut online li jkun ivverifika l-Istat Membru tar-residenza f’konformità ma’ dan ir-Regolament ikun f’pożizzjoni li jassumi, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, li l-Istat Membru tar-residenza kif verifikat huwa l-uniku Stat Membru tar-residenza tal-abbonat. Jenħtieġ li l-fornituri ma jkunux obbligati jivverifikaw jekk l-abbonati tagħhom humiex ukoll abbonati ma’ servizz tal-kontenut online fi Stat Membru ieħor.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għas-servizzi tal-kontenut online li fornituri, wara li jkunu kisbu d-drittijiet rilevanti mid-detenturi tad-drittijiet f’territorju partikolari, jipprovdu lill-abbonati tagħhom fuq il-bażi ta’ kuntratt, bi kwalunkwe mezz inkluż streaming, tniżżil, permezz ta’ applikazzjonijiet jew kwalunkwe teknika oħra li tippermetti l-użu ta’ dak il-kontenut. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-kuntratt ta’ terminu jitqies li jkopri kwalunkwe ftehim bejn fornitur u abbonat, inkluż kwalunkwe arranġament li bih l-abbonat jaċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornitur għall-provvista tas-servizzi tal-kontenut online, sew jekk bi ħlas ta’ flus jew mingħajr tali ħlas. Jenħtieġ li reġistrazzjoni biex jiġu riċevuti twissijiet tal-kontenut jew aċċettazzjoni sempliċi tal-cookies tal-HTML ma titqiesx bħala kuntratt għall-forniment ta’ servizzi tal-kontenut online għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(16)

Jenħtieġ li servizz online li mhuwiex servizz tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE u li juża xogħlijiet, materjal protett ieħor jew trażmissjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir b’mod sempliċiment anċillari ma jkunx kopert b’dan ir-Regolament. Dawn is-servizzi jinkludu siti web li jużaw xogħlijiet jew materjal protett ieħor b’mod anċillari biss bħal elementi grafiċi jew mużika użata bħala sfond, fejn l-għan ewlieni ta’ dawn is-siti web ikun, pereżempju, il-bejgħ ta’ oġġetti.

(17)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għas-servizzi tal-kontenut online li l-abbonati jistgħu jaċċessaw u jużaw b’mod effettiv fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom mingħajr ma jiġu limitati għal post speċifiku, peress li mhuwiex xieraq li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li ma joffrux servizzi portabbli tal-kontenut online fl-Istat Membru tar-residenza ta’ abbonat ikunu meħtieġa jagħmlu hekk b’mod transfruntier.

(18)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għas-servizzi tal-kontenut online li huma pprovduti bi ħlas ta’ flus. Il-fornituri ta’ dawn is-servizzi huma f’pożizzjoni li jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Jenħtieġ li id-dritt għall-użu ta’ servizz tal-kontenut online jitqies li huwa akkwistat bi ħlas ta’ flus, kemm jekk dan il-ħlas isir direttament lill-fornitur tas-servizz kif ukoll jekk lil parti oħra bħal fornitur li joffri pakkett li jgħaqqad servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizz tal-kontenut online operat minn fornitur ieħor. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ħlas ta’ tariffa obbligatorja għal servizzi ta’ xandir pubbliku ma jitqiesx bħala ħlas ta’ flus għal servizz tal-kontenut online.

(19)

Jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online ma jissoġġettawx lill-abbonati tagħhom għal kwalunkwe ħlas ulterjuri għall-forniment ta’ portabilità transfruntiera ta’ servizzi tal-kontenut online f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Madankollu huwa possibbli li l-abbonati, sabiex jaċċessaw u jużaw is-servizzi tal-kontenut online fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, jistgħu jkunu soġġetti għal tariffi pagabbli lil operaturi ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati biex jaċċessaw tali -servizzi.

(20)

Il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta’ flus ġeneralment ma jivverifikawx l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. L-inklużjoni ta’ tali servizzi tal-kontenut online fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tinvolvi bidla kbira fil-mod kif dawk is-servizzi jingħataw u tinvolvi spejjeż sproporzjonati. Madankollu, l-esklużjoni ta’ dawk is-servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun tfisser li l-fornituri ta’ dawk is-servizzi ma jkunux jistgħu jieħdu vantaġġ mill-mekkaniżmu legali previst f’dan ir-Regolament u li jippermetti lill-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online joffru portabilità transfruntiera ta’ tali servizzi, anki meta dawn jiddeċiedu li jinvestu f’mezzi li jippermettulhom jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li huma pprovduti mingħajr ħlas ta’ flus ikunu jistgħu jagħżlu li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Jekk tali fornituri jeżerċitaw dik l-għażla, jenħtieġ li jikkonformaw mal-istess obbligi imposti taħt dan ir-Regolament fuq fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li huma pprovduti bi ħlas ta’ flus. Barra minn hekk, jenħtieġ li huma jinformaw fil-ħin lill-abbonati, lid-detenturi rilevanti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati u lid-detenturi rilevanti ta’ kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut tas-servizz tal-kontenut online, bid-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw dik l-għażla. Tali informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fuq is-sit web tal-fornitur.

(21)

Sabiex tiġi żgurata l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online, huwa meħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li huma koperti minn dan ir-Regolament jiġu obbligati jippermettu lill-abbonati jużaw tali servizzi fl-Istat Membru fejn ikunu preżenti temporanjament bl-istess mod bħal fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Jenħtieġ li l-abbonati jkollhom aċċess għas-servizzi tal-kontenut online li joffru l-istess kontenut, fuq l-istess firxa u għadd ta’ apparati, għall-istess għadd ta’ utenti u bl-istess firxa ta’ funzjonalitajiet bħal dawk offruti fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Huwa essenzjali li l-obbligu li tiġi pprovduta l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online huwa obbligatorju u għalhekk jenħtieġ li l-partijiet ma jkunux jistgħu jeskluduh, jidderogaw minnu jew ivarjaw l-effett tiegħu. Jenħtieġ li kwalunkwe azzjoni minn fornitur li tkun tista’ tipprevjeni lill-abbonati milli jaċċessaw jew jużaw is-servizz waqt li jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, pereżempju, restrizzjonijiet fil-funzjonalitajiet tas-servizz jew fil-kwalità tal-konsenja tiegħu, tiġi meqjusa bħala evażjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online u għalhekk tmur kontra dan ir-Regolament.

(22)

Ir-rekwiżit li l-konsenja tas-servizzi tal-kontenut online għall-abbonati temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom tkun tal-istess kwalità bħal fl-Istat Membru tar-residenza, jista’ jirriżulta fi spejjeż kbar għall-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar għall-abbonati. Għalhekk, mhuwiex xieraq li dan ir-Regolament jeħtieġ li l-fornituri jiżguraw il-kwalità tal-konsenja ta’ dawn is-servizzi li tkun lil hinn mill-kwalità disponibbli permezz tal-aċċess online lokali magħżul minn abbonat waqt li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-fornitur ma jkunx responsabbli jekk il-kwalità tal-konsenja tas-servizz tkun aktar baxxa. Minkejja dan, jekk il-fornitur jiggarantixxi espressament ċerta kwalità ta’ konsenja lill-abbonati waqt li jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jkun marbut minn dik il-garanzija. Il-fornitur, fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tiegħu, jenħtieġ li jipprovdi bil-quddiem lill-abbonati tiegħu b’informazzjoni rigward il-kwalità tal-konsenja ta’ servizz tal-kontenut online fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, b’mod partikolari l-fatt li l-kwalità tal-konsenja tista’ tkun differenti minn dik applikabbli fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Jenħtieġ li l-fornitur ma jkunx taħt obbligu li jfittex b’mod attiv informazzjoni dwar il-kwalità tal-konsenja ta’ servizz fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. L-informazzjoni rilevanti tista’ tiġi pprovduta fuq is-sit web tal-fornitur.

(23)

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online koperti minn dan ir-Regolament jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu portabilità transfruntiera tas-servizzi tagħhom mingħajr ma jakkwistaw id-drittijiet rilevanti fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ li jiġi stipulat li dawk il-fornituri jenħtieġ li jkunu dejjem intitolati li jipprovdu tali servizzi lill-abbonati meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Jenħtieġ li dan jinkiseb billi jiġi stabbilit li l-forniment, l-aċċess għal u l-użu ta’ tali servizzi tal-kontenut online jenħtieġ li jitqiesu li jseħħu fl-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Jenħtieġ li dan il-mekkaniżmu legali jkun applikabbli biss għall-iskop uniku li tiġi żgurata l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online. Jenħtieġ li servizz tal-kontenut online jiġi meqjus bħala pprovdut b’mod legali jekk kemm is-servizz kif ukoll il-kontenut jiġu pprovduti b’mod legali fl-Istat Membru tar-residenza. Dan ir-Regolament, u b’mod partikolari l-mekkaniżmu legali li permezz tiegħu il-provvista, l-aċċess għal u l-użu ta’ servizz tal-kontenut online jitqiesu li jseħħu fl-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, ma jipprevjenix lill-fornitur milli jippermetti lill-abbonat jaċċessa u juża b’mod addizzjonali l-kontenut legalment offrut mill-fornitur fl-Istat Membru fejn l-abbonat ikun temporanjament preżenti.

(24)

Għal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, il-mekkaniżmu legali stipulat f’dan ir-Regolament ifisser li l-atti rilevanti tar-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor, kif ukoll l-atti ta’ estrazzjoni jew utilizzazzjoni mill-ġdid f’relazzjoni ma’ databases protetti bi drittijiet sui generis, li jseħħu meta s-servizz jiġi pprovdut lill-abbonati meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza, jenħtieġ li jitqiesu li jseħħu fl-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati. Il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li huma koperti minn dan ir-Regolament, għalhekk, jenħtieġ li jitqiesu li jwettqu tali atti fuq il-bażi tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi mid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati għall-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Kull meta l-fornituri jkollhom id-dritt li jwettqu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew riproduzzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tal-abbonati tagħhom fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, jenħtieġ li abbonati li jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw is-servizz u meta jkun meħtieġ, iwettqu kwalunkwe att rilevanti ta’ riproduzzjoni, bħat-tniżżil ta’ materjal, li jkunu intitolati jagħmlu fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Jenħtieġ li l-forniment ta’ servizz tal-kontenut online minn fornituri għal abbonati temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom u l-aċċess għal u l-użu tas-servizz minn tali abbonati f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma jikkostitwixxux ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati jew kwalunkwe drittijiet oħrajn rilevanti għall-forniment, l-aċċess għal u l-użu tas-servizz tal-kontenut online.

(25)

Jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online koperti minn dan ir-Regolament ma jinżammux responsabbli għall-ksur ta’ xi dispożizzjonijiet kuntrattwali li jmorru kontra l-obbligu biex jippermettu lill-abbonati tagħhom jużaw tali servizzi fl-Istat Membru fejn ikunu preżenti temporanjament. Għalhekk, jenħtieġ li klawsoli fil-kuntratti mfassla biex jipprojbixxu jew jillimitaw il-portabilità transfruntiera ta’ tali servizzi tal-kontenut online ma jkunux infurzabbli. Jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet rilevanti għall-forniment tas-servizzi tal-kontenut online ma jitħallewx jevitaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż terz bħala l-liġi applikabbli għal kuntratti bejniethom. Jenħtieġ li l-istess japplika għall-kuntratti konklużi bejn il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online u l-abbonati.

(26)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti lill-abbonati jgawdu servizzi tal-kontenut online li huma jkunu abbonaw għalihom fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom, meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-abbonati jkunu eliġibbli għal portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online biss jekk ikunu residenti fi Stat Membru tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jobbliga lill-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li jagħmlu użu minn mezzi raġonevoli, proporzjonati u effettivi sabiex jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li fornituri jużaw il-mezzi tal-verifika elenkati f’dan ir-Regolament. Dan ma jipprekludix ftehim bejn il-fornituri u d-detenturi tad-drittijiet fuq dawk il-mezzi ta’ verifika fil-limiti ta’ dan ir-Regolament. L-objettiv tal-lista huwa li tipprovdi ċertezza legali dwar il-mezzi ta’ verifika li għandhom jintużaw mill-fornituri kif ukoll biex jiġi limitat l-indħil fil-privatezza tal-abbonati. F’kull każ, jenħtieġ li jitqiesu l-effettività u l-proporzjonalità ta’ mezz ta’ verifika partikolari fi Stat Membru partikolari u għal tip partikolari ta’ servizz tal-kontenut online. Sakemm l-Istat Membru tar-residenza ta’ abbonat ikun jista’ jiġi verifikat b’ċertezza suffiċjenti fuq il-bażi ta’ mezz ta’ verifika uniku, jenħtieġ li l-fornituri jiddependu fuq żewġ mezzi ta’ verifika. F’każijiet fejn il-fornitur ikollu dubji raġonevoli dwar l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, jenħtieġ li l-fornitur ikun kapaċi jirrepeti l-verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Jenħtieġ li l-fornitur jimplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa taħt ir-regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali miġbura għall-fini ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat skont dan ir-Regolament. Eżempji ta’ tali miżuri tekniċi u organizzattivi jinkludu l-provvediment ta’ informazzjoni trasparenti lill-individwi dwar il-metodi użati għall-verifika u l-għanijiet tagħha u miżuri ta’ sigurtà adegwati.

(27)

Sabiex jiġi verifikat l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, jenħtieġ li l-fornitur tas-servizzi tal-kontenut online jiddependi, jekk possibbli, fuq informazzjoni li tkun fil-pussess tal-fornitur, bħal informazzjoni relatata mal-kontijiet. Fir-rigward tal-kuntratti konklużi qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u fir-rigward tal-verifika mwettqa fil-mument tat-tiġdid ta’ kuntratt, jenħtieġ li l-fornitur jitħalla jitlob lill-abbonat biex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vverifikat l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat biss meta dan ma jkunx jista’ jiġi determinat fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab diġà fil-pussess tal-fornitur.

(28)

Jenħtieġ li kontrolli tal-indirizz tal-IP imwettqa taħt dan ir-Regolament jitwettqu f’konformità mad-Direttivi 95/46/KE (9) u 2002/58/KE (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Barra minn hekk, meta wieħed iqis li għall-iskop ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat dak li jgħodd mhuwiex il-post preċiż fejn jinsab l-abbonat, iżda f’liema Stat Membru l-abbonat ikun qiegħed jaċċessa s-servizz. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-data dwar il-post preċiż fejn jinsab l-abbonat jew kwalunkwe data personali oħra ma tinġabarx jew ma tiġix ipproċessata għal dak l-għan. Fejn il-fornitur ikollu dubji raġonevoli dwar l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat u jwettaq kontroll tal-indirizz tal-IP biex jivverifika l-Istat Membru tar-residenza, jenħtieġ li l-uniku skop ta’ tali kontrolli jkun li jiġi stabbilit jekk abbonat ikunx qiegħed jaċċessa jew juża s-servizz tal-kontenut online fi ħdan jew barra l-Istat Membru tar-residenza. Għalhekk, f’tali każijiet, jenħtieġ li d-data li tirriżulta mill-kontroll tal-indirizzi tal-IP tinġabar f’format binarju u f’konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli. Jenħtieġ li l-fornitur ma jeċċedix dak il-livell ta’ dettall.

(29)

Jenħtieġ li detentur ta’ drittijiet tal-awtur, drittijiet relatati, jew kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizz tal-kontenut online jkun jista’ jibqa’ jeżerċita l-libertà kuntrattwali biex jawtorizza li tali kontenut jiġi pprovdut, aċċessat u użat skont dan ir-Regolament mingħajr verifika tal-Istat Membru tar-residenza. Dan jista’ jkun partikolarment rilevanti f’setturi bħall-mużika u l-kotba elettroniċi. Jenħtieġ li kull detentur tad-drittijiet ikun kapaċi jieħu tali deċiżjonijiet liberament meta jidħol f’kuntratti ma’ fornituri ta’ servizzi tal-kontenut online. Jenħtieġ li kuntratti bejn il-fornituri u d-detenturi tad-drittijiet ma jillimitawx il-possibilità li d-detenturi tad-drittijiet jirtiraw tali awtorizzazzjoni ladarba jagħtu notifika fi żmien raġonevoli lill-fornitur. L-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn detentur ta’ dritt individwali per se ma teħlisx lill-fornitur mill-obbligu li jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Huwa biss f’każijiet fejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, drittijiet relatati jew kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut użat mill-fornitur jiddeċiedu li jawtorizzaw li l-kontenut tagħhom jiġi pprovdut, aċċessat u jintuża mingħajr il-verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat li jenħtieġ li l-obbligu ta’ verifika ma japplikax, u jenħtieġ li l-kuntratt bejn il-fornitur u l-abbonat għall-għoti ta’ servizz tal-kontenut online jintuża biex jiddetermina l-Istat Membru tar-residenza ta’ dan tal-aħħar. Jenħtieġ li l-aspetti l-oħra kollha ta’ dan ir-Regolament jibqgħu applikabbli f’tali każijiet.

(30)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt ta’ proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali. Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u huwa essenzjali li tali pproċessar ikun f’konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online jiżguraw li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament ikun meħtieġ, raġonevoli u proporzjonat sabiex jikseb l-għan rilevanti. Meta l-awtentikazzjoni ta’ abbonat tkun biżżejjed biex jiġi pprovdut is-servizz, jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa l-identifikazzjoni tal-abbonat. Jenħtieġ li d-data miġbura skont dan ir-Regolament għall-finijiet ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza ma tiġix maħżuna mill-fornitur għal tul ta’ żmien li jkun itwal minn dak meħtieġ biex titlesta tali verifika. Jenħtieġ li data bħal din tinqered minnufih u b’mod irreversibbli wara li titlesta l-verifika. Madankollu, dan huwa mingħajr preġudizzju għall-ħżin ta’ data li nġabret għal għan leġittimu ieħor, soġġett għal regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli, inklużi regoli dwar il-ħżin ta’ dik id-data.

(31)

Il-kuntratti li bihom jiġi liċenzjat il-kontenut normalment jiġu konklużi għal perjodu relattivament twil. Konsegwentement, u sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha li joqgħodu fl-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu l- portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online fuq bażi ugwali fil-ħin u mingħajr dewmien bla bżonn, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għal kuntratti konklużi u drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu jekk, dawk il-kuntratti u drittijiet ikunu rilevanti għall-portabilità transfruntiera ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut wara dik id-data. Tali applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huwa meħtieġ ukoll sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali għall-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online koperti minn dan ir-Regolament li joperaw fis-suq intern, b’mod partikolari għall-SMEs, billi jiġi permess li l-fornituri li kkonkludew kuntratti mad-detenturi tad-drittijiet għal perjodu twil joffru portabilità transfruntiera lill-abbonati tagħhom, indipendentement mill-kapaċità tal-fornitur li jerġa’ jinnegozja tali kuntratti. Barra minn hekk, tali applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura li meta l-fornituri jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-portabilità transfruntiera tas-servizzi tagħhom, huma jkunu jistgħu joffru din il-portabilità fir-rigward tal-kontenut online tagħhom kollu. Jenħtieġ li dan japplika wkoll għall-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online li joffru pakketti li jgħaqqdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma’ servizzi tal-kontenut online. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li tali applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tippermetti wkoll li d-detenturi tad-drittijiet ma jkollhomx jerġgħu jinnegozjaw il-kuntratti tal-liċenzjar eżistenti tagħhom, sabiex il-fornituri jkunu jistgħu joffru l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tagħhom.

(32)

Għaldaqstant, peress li dan ir-Regolament ser japplika għal xi kuntratti konklużi u drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu, huwa wkoll xieraq li jingħata perjodu raġonevoli ta’ żmien bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u d-data tal-applikazzjoni tiegħu, li jippermetti lid-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online koperti minn dan ir-Regolament jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, u li jippermetti lill-fornituri jemendaw it-termini tal-użu tas-servizzi tagħhom. Jenħtieġ li bidliet fit-termini tal-użu tas-servizzi tal-kontenut online offruti f’pakketti li jgħaqqdu servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizz tal-kontenut online li jsiru strettament sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, ma jagħtu l-ebda dritt lill-abbonati skont il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-qafas regolatorju għan-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jirtiraw mill-kuntratti għall-forniment ta’ tali servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

(33)

Dan ir-Regolament huwa mmirat biex itejjeb il-kompetittività billi jippromwovi l-innovazzjoni fis-servizzi tal-kontenut online u billi jattira aktar konsumaturi. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Jenħtieġ li r-regoli stipulati f’dan ir-Regolament ma jintużawx biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod li jmur kontra t-TFUE.

(34)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u b’mod partikolari t-Titolu III tagħha. Dan ir-Regolament huwa konsistenti mal-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess b’mod legali għall-kontenut, li huwa protett mid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, kif ukoll għas-servizzi marbuta miegħu.

(35)

Sabiex jinkiseb l-għan li tiġi żgurata l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online fl-Unjoni, huwa xieraq li jiġi adottat regolament li jkun applikabbli b’mod dirett fl-Istati Membri. Dan huwa meħtieġ sabiex tiġi garantita applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar il-portabilità transfruntiera fl-Istati Membri kollha, u biex jiġi garantit id-dħul fis-seħħ tagħhom fl-istess ħin fir-rigward tas-servizzi kollha ta’ kontenut online. Regolament biss jista’ jiżgura l-grad ta’ ċertezza legali li huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-portabilità transfruntiera fl-Unjoni kollha.

(36)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-adattament tal-qafas legali sabiex il-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online tiġi pprovduta fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jikseb dak l-għan. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma jaffettwax b’mod sostanzjali l-mod kif jiġu liċenzjati d-drittijiet u ma jobbligax lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri biex jerġgħu jinnegozjaw il-kuntratti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jeħtieġx li l-fornituri jieħdu miżuri biex jiżguraw il-kwalità tal-konsenja ta’ dawn is-servizzi tal-kontenut online barra l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati. Fl-aħħar nett, dan ir-Regolament ma japplikax għal fornituri li joffru servizzi tal-kontenut online mingħajr ħlas ta’ flus u li ma jeżerċitawx l-għażla li jippermettu l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tagħhom. Għalhekk, huwa ma jimponi l-ebda spejjeż sproporzjonati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni fl-Unjoni għall-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online billi jkun żgurat li l-abbonati tas-servizzi tal-kontenut online portabbli li huma pprovduti legalment fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw dawk is-servizzi meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-qasam tat-tassazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“abbonat” tfisser kwalunkwe konsumatur li, fuq il-bażi ta’ kuntratt għall-forniment ta’ servizz tal-kontenut online ma’ fornitur kemm jekk bi ħlas ta’ flus jew mingħajru, huwa intitolat biex jaċċessa u juża dan is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza;

(2)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(3)

“Stat Membru tar-residenza” tfisser l-Istat Membru, determinat fuq il-bażi tal-Artikolu 5, fejn l-abbonat għandu jew għandha r-residenza attwali u stabbli tiegħu jew tagħha;

(4)

“temporanjament preżenti fi Stat Membru” tfisser li tkun preżenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tar-residenza għal perjodu ta’ żmien limitat;

(5)

“servizz tal-kontenut online” tfisser servizz kif definit fl-Artikoli 56 u 57 tat-TFUE li fornitur jipprovdi legalment lil abbonati fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom skont termini miftiehma u online, li huwa portabbli u li huwa:

(i)

servizz tal-midja awdjoviżiva kif iddefinit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, jew;

(ii)

servizz li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija l-forniment ta’, l-aċċess għal, u l-użu tax-xogħlijiet, materjal protett ieħor jew trażmissjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, kemm jekk b’mod lineari jew fuq talba;

(6)

“portabbli” tfisser karatteristika ta’ servizz tal-kontenut online fejn li abbonati jkunu jistgħu effettivament jaċċessaw u jużaw is-servizz tal-kontenut online fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom mingħajr ma jkunu limitati għal post speċifiku.

Artikolu 3

Obbligu li jippermetti portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online

1.   Il-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut bi ħlas ta’ flus għandu jippermetti lil abbonat li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru jaċċessa u juża is-servizz tal-kontenut online bl-istess mod bħal fl-Istat Membru tar-residenza, inkluż billi jiġi pprovdut aċċess għall-istess kontenut, fuq l-istess firxa u għadd ta’ apparati, għall-istess għadd ta’ utenti u bl-istess firxa ta’ funzjonalitajiet.

2.   Il-fornitur m’għandux jimponi tariffi addizzjonali fuq l-abbonat għall-aċċess għal u l-użu tas-servizz tal-kontenut online skont il-paragrafu 1.

3.   L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 m’għandu jestendi għal ebda rekwiżit tal-kwalità applikabbli għall-konsenja ta’ servizz tal-kontenut online li l-fornitur huwa soġġett għalih meta jipprovdi dak is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espress bejn il-fornitur u l-abbonat.

Il-fornitur m’għandu jieħu ebda azzjoni li tnaqqas il-kwalità tal-konsenja tas-servizz tal-kontenut online meta jkun qed jipprovdi s-servizzi tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1.

4.   Il-fornitur għandu, fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tiegħu, jipprovdi lill-abbonat b’informazzjoni rigward il-kwalità tal-konsenja tas-servizz tal-kontenut online pprovduta f’konformità mal-paragrafu 1. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-abbonat qabel ma jiġi pprovdut is-servizz tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1 u permezz ta’ mezzi li huma adegwati u proporzjonati.

Artikolu 4

Il-lokalizzazzjoni tal-forniment, l-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-kontenut online

Il-forniment ta’ servizz tal-kontenut online skont dan ir-Regolament lil abbonat li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru, kif ukoll l-aċċess għal u l-użu ta’ dak is-servizz mill-abbonat, għandhom jitqiesu bħala li jseħħu biss fl-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat

Artikolu 5

Verifika tal-Istat Membru tar-residenza

1.   Fil-konklużjoni u t-tiġdid ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut bi ħlas ta’ flus, il-fornitur għandu jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat bl-użu ta’ mhux iktar minn tnejn minn dawn il-mezzi ta’ verifika u għandu jiżgura li l-mezzi użati jkunu raġonevoli, proporzjonati u effettivi:

(a)

karta tal-identità, mezz elettroniku ta’ identifikazzjoni, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jew kwalunkwe dokument ta’ identità validu ieħor li jikkonferma l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat;

(b)

id-dettalji tal-ħlas bħall-kont bankarju jew karta tal-kreditu jew tad-debitu tal-abbonat;

(c)

il-post ta’ installazzjoni ta’ kaxxa set-top, dekowder jew apparat simili użat għall-forniment tas-servizzi lill-abbonat;

(d)

il-ħlas mill-abbonat ta’ liċenzja għal servizzi oħrajn ipprovduti fl-Istat Membru, bħas-servizzi pubbliċi ta’ xandir;

(e)

kuntratt għall-forniment tal-Internet jew tat-telefon, jew kwalunkwe tip ta’ kuntratt simili li jorbot lill-abbonat mal-Istat Membru;

(f)

ir-reġistrazzjoni fuq il-listi elettorali lokali, jekk l-informazzjoni kkonċernata ssir disponibbli għall-pubbliku;

(g)

il-ħlas ta’ taxxi lokali, jekk l-informazzjoni kkonċernata tkun pubblikament disponibbli;

(h)

kont ta’ utilità tal-abbonat li jorbot lill-abbonat mal-Istat Membru;

(i)

l-indirizz fejn jintbagħat il-kont jew l-indirizz postali tal-abbonat;

(j)

dikjarazzjoni mill-abbonat li tikkonferma l-indirizz tal-abbonat fl-Istat Membru;

(k)

kontroll tal-indirizz tal-protokoll tal-Internet (IP), biex jiġi identifikat l-Istat Membru fejn l-abbonat jaċċessa s-servizz tal-kontenut online.

Il-mezzi ta’ verifika taħt il-punti (i) sa (k) għandhom jintużaw biss flimkien ma’ wieħed minn dawn il-mezzi ta’ verifika taħt il-punti (a) sa (h), sakemm l-indirizz postali taħt il-punt (i) ikun inkluż fir-reġistru uffiċjali disponibbli pubblikament.

2.   Jekk il-fornitur ikollu dubji raġonevoli dwar l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat tul il-kuntratt għall-provvista ta’ servizz tal-kontenut online, il-fornitur jista’ jirrepeti l-verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, f’konformità mal-paragrafu 1. Madankollu, f’tali każ, il-mezz ta’ verifika skont il-punt (k) jista’ jintuża bħala mezz uniku. Data li tirriżulta mill-użu tal-mezzi ta’ verifika taħt il-punt (k) għandha tinġabar biss f’format binarju.

3.   Il-fornitur għandu jkun intitolat jitlob lill-abbonat jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi determinat l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat f’konformità mal-paragrafi 1 u 2. Jekk l-abbonat jonqos milli jipprovdi dik l-informazzjoni, u bħala riżultat il-fornitur ma jkunx jista’ jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, il-fornitur m’għandux, fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, jippermetti lill-abbonat jaċċessa jew juża s-servizz tal-kontenut online meta l-abbonat ikun temporanjament preżenti fi Stat Membru.

4.   Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizz tal-kontenut online jistgħu jawtorizzaw il-forniment, l-aċċess għal u l-użu tal-kontenut tagħhom taħt dan ir-Regolament mingħajr verifika tal-Istat Membru tar-residenza. F’tali każijiet, il-kuntratt bejn il-fornitur u l-abbonat għall-provvista ta’ servizz tal-kontenut online għandu jkun suffiċjenti biex jiddetermina l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat.

Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizz tal-kontenut online għandhom ikunu intitolati li jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-ewwel subparagrafu bil-kondizzjoni li jagħtu avviż fi żmien raġonevoli lill-fornitur.

5.   Il-kuntratt bejn il-fornitur u d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizz tal-kontenut online m’għandux jillimita l-possibilità li tali detenturi tad-drittijiet jirtiraw l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 6

Il-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online pprovduta bla ħlas ta’ flus

1.   Il-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut mingħajr ħlas ta’ flus jista’ jiddeċiedi li jippermetti lill-abbonati tiegħu li jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru biex jaċċessaw u jużaw is-servizz tal-kontenut online, bil-kondizzjoni li l-fornitur jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-fornitur għandu jinforma lill-abbonati tiegħu, lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati rilevanti u lid-detenturi rilevanti ta’ kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut tas-servizz tal-kontenut online bid-deċiżjoni tiegħu li jipprovdi servizz tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1, qabel ma jipprovdi dak is-servizz. L-informazzjoni għandha tingħata permezz ta’ mezzi li huma adegwati u proporzjonati.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal fornituri li jipprovdu servizz tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet kuntrattwali

1.   Kwalunkwe dispożizzjonijiet kuntrattwali, inklużi dawk bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-kontenut online u d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizzi tal-kontenut online, kif ukoll dawk bejn tali fornituri u l-abbonati tagħhom, li jmorru kontra dan ir-Regolament, inklużi dawk li jipprojbixxu l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online jew jillimitaw tali portabilità għal perjodu ta’ żmien speċifiku, m’għandhomx ikunu infurzabbli.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi bejn fornituri tas-servizzi tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizzi tal-kontenut online, jew għal kuntratti konklużi bejn dawn il-fornituri u l-abbonati tagħhom.

Artikolu 8

Protezzjoni ta’ data personali

1.   L-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament inkluż, b’mod partikolari, għall-għanijiet ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat skont l-Artikolu 5, għandu jitwettaq f’konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE. B’mod partikolari, l-użu tal-mezzi ta’ verifika f’konformità mal-Artikolu 5 u kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament, għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu.

2.   Data miġbura skont l-Artikolu 5 għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Ma għandhiex tiġi komunikata, trasferita, kondiviża, liċenzjata jew b’mod ieħor trażmessa jew iddivulgata lil detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati jew lil dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizzi tal-kontenut online jew kwalunkwe parti terza oħra.

3.   Id-data miġbura skont l-Artikolu 5 ma għandhiex tinħażen mill-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online għal aktar milli hu meħtieġ biex titlesta verifika tal-Istat Membru tar-residenza ta’ abbonat skont l-Artikolu 5(1) jew (2). Malli titlesta kull verifika, id-data għandha tinqered minnufih u b’mod irreversibbli.

Artikolu 9

Applikazzjoni għall-kuntratti eżistenti u għad-drittijiet akkwistati

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal kuntratti konklużi u drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu jekk ikunu rilevanti għall-forniment, l-aċċess għal u l-użu ta’ servizz tal-kontenut online f’konformità mal-Artikoli 3 u 6 wara dik id-data.

2.   Sal-21 ta’ Mejju 2018 il-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut bi ħlas ta’ flus għandu jivverifika, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru tar-residenza ta’ dawk l-abbonati li kkonkludew kuntratti għall-forniment tas-servizz tal-kontenut online qabel dik id-data.

Fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut mingħajr ħlas ta’ flus ikun ipprovda għall-ewwel darba s-servizz f’konformità mal-Artikolu 6, il-fornitur għandu jivverifika, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru tar-residenza ta’ dawk l-abbonati li jkunu kkonkludew kuntratti għall-forniment tas-servizz tal-kontenut online qabel dik id-data.

Artikolu 10

Rieżami

Sal-21 ta’ Marzu 2021, u kif mitlub minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fid-dawl ta’ żviluppi legali, teknoloġiċi u ekonomiċi, u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar dan.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jinkludi, inter alia, valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-mezzi ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza msemmi fl-Artikolu 5, b’kont meħud ta’ teknoloġiji, standards tal-industrija u prattiki żviluppati reċentement, u, jekk ikun meħtieġ, jikkunsidra l-ħtieġa ta’ rieżami. Ir-rapport għandu jagħti attenzjoni speċjali lill-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-SMEs u l-protezzjoni tad-data personali. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-20 ta’ Marzu 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Ġunju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

H. DALLI


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 86.

(2)  ĠU C 240, 1.7.2016, p. 72.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2017.

(4)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(6)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(7)  Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali(ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(8)  Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16).

(9)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). Direttiva 95/46/KE hija mħassra u sostitwita, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(11)  Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu online fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).


Top