EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1507

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1507 tad-9 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet kunsinjati fost l-oħrajn mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kemm jekk le

ĠU L 236, 10.9.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/11/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1507/oj

10.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1507

tad-9 ta' Settembru 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet kunsinjati fost l-oħrajn mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kemm jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku) u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 13(4) tiegħu,

Billi:

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping residwu ta' 62,9 % fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

Wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-miżuri t'hawn fuq ġew estiżi għall-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ konsenjati fost l-oħrajn mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja jew le, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 (3) (“il-miżuri estiżi”).

B.   TALBA GĦAL RIEŻAMI

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) sussegwentament irċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku.

(4)

It-talba tressqet minn Pyrotek India Pvt. Ltd. (“l-applikant”), produttur esportatur ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mill-Indja (“il-pajjiż konċernat”) u kienet limitata fl-ambitu għall-possibbiltà li tikseb eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza sottomessa mill-applikant u qisitha suffiċjenti biex tiġġustifika li tinbeda investigazzjoni skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku. B'hekk, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fit-23 ta' Settembru 2014 bil-pubblikazzjoni ta' notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4).

C.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(6)

Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, mingħajr id-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew konsenjati mill-Indja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indja kif ukoll jekk le (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00.

D.   INVESTIGAZZJONI

(a)   Il-perjodu tal-investigazzjoni

(7)

Il-perjodu tal-investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sat-30 ta' Ġunju 2014, waqt li l-perjodu tar-rapportar kopra l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014.

(8)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lil Pyrotek u lir-rappreżentanti tal-Indja dwar il-bidu tar-rieżami. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u kienu mgħarrfa bil-possibbiltà li jitolbu seduta ta' smigħ. Tali talba ma saritx.

(9)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Pyrotek u rċeviet risposta sal-iskadenza stipulata. Il-Kummissjoni fittxet u verifikat l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tar-rieżami. Saret żjara ta' verifika fil-bini ta' Pyrotek f'Chennai u f'Pune, l-Indja.

(b)   Applikant

(10)

L-applikant huwa sussidjarja Indjana tal-grupp multinazzjonali bbażati fl-Istati Uniti, Pyrotek. Il-grupp Pyrotek li huwa fornitur ta' diversi tipi ta' oġġetti ta' konsum u għodod għall-industrija tal-metall u l-aluminju.

(11)

B'mod partikolari, l-applikant produċa l-prodott taħt rieżami fl-impjant Indjan tiegħu f'Chennai u biegħu lill-kumpaniji relatati tiegħu fl-Unjoni. Il-kumpaniji relatati fl-Unjoni fil-maġġoranza tal-każijiet komplew jipproċessaw il-prodott taħt rieżami u jbiegħu l-prodott li jirriżulta lill-konsumaturi aħħarin.

(c)   Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(12)

L-investigazzjoni wriet li l-applikant kien beda l-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f'Awwissu 2011, u konfermat li l-applikant kien kapaċi jipproduċi l-kwantità sħiħa li kien esporta lejn l-Unjoni mill-bidu tal-perjodu tal-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri estiżi. B'mod partikolari, instab li l-volumi tal-bejgħ kienu kompatibbli mal-kapaċità ta' produzzjoni u max-xiri tal-materja prima (ħajt).

(13)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-applikant mhuwa relatat mal-ebda produttur esportatur suġġett għall-miżuri fis-seħħ.

(14)

L-investigazzjoni kkonfermat ukoll li l-applikant ma kienx involut fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni kif definiti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

(15)

B'mod partikolari, l-investigazzjoni stabbiliet li, għalkemm ammont sinifikanti ta' materja prima (b'mod partikolari l-ħajt) tinxtara mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, dan ma setax jitqies bħala li jikkostitwixxi operazzjoni ta' assemblaġġ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(16)

Fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-prodott taħt rieżami u li għalhekk għandu jkun eżentat mill-miżuri estiżi.

E.   PROĊEDURA

(17)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikoli 1(1) u 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1371/2013 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħrajn kollha’ impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 791/2011 fuq importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta' daqs taċ-ċellula ta' iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2 mingħajr id-diski tal-ħġieġ tal-fibra, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa b'dan estiż għall-importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta' daqs taċ-ċellula ta' iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2 mingħajr id-diski tal-ħġieġ tal-fibra, kunsinjati mill-Indja u l-Indoneżja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indja u l-Indoneżja u sew jekk le, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019510014, 7019510015, 7019590014 u 7019590015), bl-eċċezzjoni ta' dawk prodotti minn Montex Glass Fibre Industries Pvt.Ltd. (il-kodiċi addizzjonali TARIC B942) u minn Pyrotek India Pvt. Ltd. (il-kodiċi addizzjonali TARIC C051).

2.   L-applikazzjoni tal-eżenzjoni mogħtija lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd. u lill-Pyrotek India Pvt. Ltd. tkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata l-fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata, japplika d-dazju antidumping kif impost mill-paragrafu 1.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Settembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 tat-3 ta' Awwissu 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kunsinjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kif ukoll jekk le (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 20).

(4)  Avviż ta' bidu ta' rieżami interim parzjali tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kif ukoll jekk le (ĠU C 330, 23.9.2014, p. 8).


Top