EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1336

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1336 tal-31 ta' Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

ĠU L 206, 1.8.2015, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1336/oj

1.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1336

tal-31 ta' Lulju 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

(2)

Fl-24 ta' Novembru 2013, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“Rappreżentant Għoli”), laħqu ftehim mal-Iran dwar Pjan ta' Azzjoni Konġunt li jistabbilixxi approċċ għall-kisba ta' soluzzjoni komprensiva fit-tul għall-kwistjoni nukleari Iranjana. Ġie miftiehem li l-proċess li jwassal għal din is-soluzzjoni komprensiva jinkludi, bħala l-ewwel pass, miżuri inizjali maqbula b'mod reċiproku li għandhom jittieħdu miż-żewġ naħat għal perijodu ta' sitt xhur u jiġġeddu bi qbil komuni.

(3)

Fit-2 ta' April 2015, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli, laħqu ftehim dwar il-parametri ewlenin ta' Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran.

(4)

Fl-14 ta' Lulju 2015, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli, laħqu ftehim mal-Iran dwar soluzzjoni komprensiva fit-tul għall-kwistjoni nukleari Iranjana. L-implimentazzjoni b'suċċess tal-PAKK ser tiżgura n-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari Iranjan u tipprevedi t-tneħħija totali tas-sanzjonijiet kollha relatati mal-kwistjonijiet nukleari.

(5)

Fl-20 ta' Lulju 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2231 (2015) li tapprova l-PAKK, filwaqt li ħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tagħha fl-iskeda ta' żmien stabbilita fil-PAKK u ppreveda l-azzjonijiet li għandhom isiru f'konformità mal-PAKK.

(6)

L-UNSCR 2231 (2015) tipprevedi li l-miżuri imposti fir-Riżoluzzjonijiet 1696 (2006), 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008), 1835 (2008) u 1929 (2010) ma għandhomx japplikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal attivitajiet mill-Istati parteċipanti fil-PAKK jew mill-Istati Membri tan-NU li jaġixxu f'koordinazzjoni magħhom, relatati direttament mal-modifika ta' żewġ kaskati fil-faċilita' ta' Fordow għall-produzzjoni stabbli ta' isotopi, l-esportazzjoni ta' uranju arrikkit tal-Iran 'il fuq minn 300 kilogramma bi skambju għal uranju naturali, jew l-immodernizzar tar-reattur Arak abbażi tad-disinn kunċettwali miftiehem u, sussegwentement abbażi tad-disinn finali miftiehem ta' reattur bħal dan.

(7)

L-UNSCR 2231 (2015) tipprevdi wkoll li l-miżuri imposti fir-Riżoluzzjonijiet 1696 (2006), 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008), 1835 (2008) u 1929 (2010) ma għandhomx japplikaw sakemm ma jkunx meħtieġ li jsiru, taħt ċertu kundizzjonijiet, trasferimenti u attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni ta' ċerti impenji relatati man-nukleari speċifikati fil-PAKK, meħtieġa għat-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-PAKK, jew determinati mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilit skont il-UNSCR 1737 (2006) biex ikunu konsistenti mal-objettivi tal-UNSCR 2231 (2015).

(8)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri previsti minn din id-Deċiżjoni.

(9)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 26b

1.   Il-miżuri imposti minn din id-Deċiżjoni ma għandhomx japplikaw għall-provvista, il-bejgħ, jew it-trasferimenti ta' oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija, jew il-provvista ta' kwalunkwe assistenza teknika relatata, taħriġ, assistenza finanzjarja, investiment, senserija jew servizzi oħra, mill-Istati parteċipanti tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt PAKK jew l-Istati Membri tan-NU li jaġixxu f'koordinazzjoni magħhom, li hija relatata direttament ma':

(a)

il-modifika ta' żewġ kaskati fil-faċilità ta' Fordow għall-produzzjoni stabbli ta' isotopi;

(b)

l-esportazzjoni ta' uranju arrikkit tal-Iran 'il fuq minn 300 kilogramma bi skambju għal uranju naturali; jew

(c)

l-immodernizzar tar-reattur Arak abbażi tad-disinn kunċettwali miftiehem u, sussegwentement, abbażi tad-disinn finali miftiehem ta' reattur bħal dan.

2.   L-Istati Membri involuti fl-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li:

(a)

l-attivitajiet kollha bħal dawn isiru strettament f'konformità mal-PAKK;

(b)

jinnotifikaw lill-Kumitat u, meta kkostitwita f'konformità mal-PAKK, lill-Kummissjoni Konġunta, jew lill-Istati Membri l-oħra, kif adatt, għaxart ijiem qabel attivitajiet bħal dawn;

(c)

jintlaħqu r-rekwiżiti, skont il-każ, speċifikati fis-subparagrafu 22(c) tal-UNSCR 2231 (2015);

(d)

jkunu kisbu u jkunu fil-pożizzjoni li jeżerċitaw b'mod effettiv dritt li jivverifikaw l-użu aħħari u l-post tal-użu aħħari ta' kwalunkwe oġġett provdut; u

(e)

fil-każ tal-provvista ta' oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija speċifikata fis-subparagrafu 22(e) tal-UNSCR 2231 (2015), jinnotifikaw ukoll lill-IAEA fi żmien għaxart ijiem mill-provvista, bejgħ jew trasferimenti.

3.   Il-miżuri imposti minn din id-Deċiżjoni ma għandhomx japplikaw sakemm mhux meħtieġ li jsiru trasferimenti u attivitajiet, kif approvati minn qabel skont xi jkun il-każ mill-Kumitat jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru rilevanti, kif adatt, li huma:

(a)

relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet relatati man-nukleari speċifikati fil-paragrafi 15.1 sa 15.11 tal-Anness V tal-PAKK;

(b)

meħtieġa għat-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-PAKK; jew

(c)

determinati mill-Kumitat, kif adatt, biex ikunu konsistenti mal-objettivi tal-UNSCR 2231 (2015).

L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn b'kull approvazzjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.).


Top