EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0796

2014/796/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 330, 15.11.2014, p. 46–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/796/oj

15.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/46


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Novembru 2014

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(2014/796/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1) (“id-Direttiva tal-VAT”), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-1 ta' Lulju 2014, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta' deroga mill-Artikolu 287(10) tad-Direttiva tal-VAT sabiex teżenta ċerti persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 50 000 (“il-miżura”). Il-miżura teħles dawk il-persuni taxxabbli minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT. Miżura bħal din kienet diġà ngħatat lil-Latvja bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE (2) li skadiet fil-31 ta' Diċembru 2013.

(2)

Permezz ta' ittra datata s-7 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li saret mil-Latvja. Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra it-talba.

(3)

Skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar hija diġà disponibbli għall-Istati Membri taħt it-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT. Il-miżura tidderoga mit-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT biss sa fejn il-limitu tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli għall-iskema speċjali jkun ogħla minn dak permess fir-rigward tal-Latvja taħt l-Artikolu 287(10) tad-Direttiva tal-VAT, li huwa EUR 17 200.

(4)

Limitu ogħla għall-iskema speċjali hu miżura ta' simplifikazzjoni peress li dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-iżgħar negozji, filwaqt li dik l-iskema speċjali hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli u tippermetti lin-negozji jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(5)

Mill-informazzjoni pprovduta mil-Latvja, id-deroga ser ikollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali ta' dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum.

(6)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 287(10) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Latvja hija awtorizzat li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 50 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE tas-27 ta' Settembru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 29).


Top