EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0866

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 866/2013 tad- 9 ta’ Settembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 798/2008 dwar it-tranżitu ta’ kunsinni ta’ laħam tat-tjur mill-Bjelorussja li jgħaddi mil-Litwanja għat-territorju Russu ta’ Kaliningrad Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 241, 10.9.2013, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/866/oj

10.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 866/2013

tad-9 ta’ Settembru 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 798/2008 dwar it-tranżitu ta’ kunsinni ta’ laħam tat-tjur mill-Bjelorussja li jgħaddi mil-Litwanja għat-territorju Russu ta’ Kaliningrad

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1) u b’mod partikolari l-frażi ta’ introduzzjoni tal-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 8, il-punt 4 tal-Artikolu 8, u l-Artikolu 9(4)(c) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/99/KE tistabbilixxi r-regoli sanitarji ġenerali tal-annimali u li jirregolaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni fl-Unjoni, kif ukoll l-introduzzjoni minn pajjiżi terzi ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman, u tipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli speċifiċi u ċertifikazzjoni għat-tranżitu.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu importati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (2) jistabbilixxi li ċerti prodotti għandhom jiġu importati fi jew jgħaddu fi tranżitu mill-Unjoni biss minn pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti elenkati fit-Tabella li tinsab fil-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Jistipula wkoll ir-rekwiżiti ta’ ċertfikazzjoni veterinarja għal dawn il-prodotti. Dawk ir-rekwiżiti jqisu wkoll jekk ġewx mitluba garanziji addizzjonali minħabba l-istatus tal-mard ta’ dawk il-pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti. Il-garanziji addizzjonali li dawk il-prodotti jridu jkunu konformi magħhom huma elenkati fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

(3)

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 jistipula li bajd speċifikat ħieles mill-patoġeni, laħam, laħam ikkapuljat u laħam mekkanikament isseparat ta’ tjur, għasafar li ma jtirux u tajr selvaġġ tal-priża, bajd u prodotti tal-bajd fi tranżitu minn ġewwa l-Unjoni għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat imfassal skont il-mudell taċ-ċertifikat stipulat fl-Anness XI u li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-istess ċertifikat.

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika iżolata tat-territorju Russu ta’ Kaliningrad, l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 jidderoga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) ta’ dak ir-Regolament u jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għat-tranżitu ta’ ċertu kunsinni minn u intiżi għar-Russja u li jgħaddu mil-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu kontrolli addizzjonali u l-issiġillar tal-kunsinni.

(5)

Il-Bjelorussja talbet lill-Kummissjoni biex tawtorizza t-tranżitu mill-Unjoni ta’ laħam tat-tjur mill-Bjelorussja biex jgħaddi mil-Litwanja għat-territorju Russu ta’ Kaliningrad.

(6)

Minħabba l-qagħda ġeografika ta’ Kaliningrad u l-istrutturi proċedurali li diġà jeżistu stabbiliti fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 fir-rigward ta’ tranżitu ta’ prodotti minn u intiżi għar-Russja, it-tranżitu ta’ laħam tat-tjur mill-Bjelorussja li jgħaddi mil-Litwanja għat-territorju Russu ta’ Kaliningrad bil-ferrovija jew bit-triq għandu jkun permess, sakemm jiġu rispettati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(2), (3) u (4) għal prodotti oħra.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 għandu jiġi emendat sabiex jinkludi l-prodott tal-laħam tat-tjur fl-Artikolu 18(2) u biex tinbidel l-annotazzjoni għall-Bjelorussja fil-Parti 1 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu ta’ introduzzjoni tal-Artikolu 18(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-Artikolu 4(4), it-tranżitu bit-triq jew bil-ferrovija għandu jkun awtorizzat bejn il-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera fil-Litwanja elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/821/KE, ta’ kunsinni ta’ bajd, prodotti tal-bajd u laħam tat-tjur li ġejjin mill-Bjelorussja u intiżi għat-territorju Russu ta’ Kaliningrad, fejn jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:”

(2)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti 1, l-annotazzjoni għall-Bjelorussja tinbidel b’dan li ġej:

“BY — Il-Bjelorussja

BY-0

Il-pajjiż kollu

EP, E u POU (biss għat-tranżitu mil-Litwanja)

IX”

 

 

 

 

 

 

(2)

Fil-Parti 2, fis-sezzjoni “Garanzi addizzjonali (AG)”, l-annotazzjoni “IX” tinbidel b’dan li ġej:

“IX

:

it-tranżitu ta’ kunsinni ta’ bajd, prodotti tal-bajd u laħam tat-tjur li ġejjin mill-Bjelorussja u li huma intiżi għat-territorju Russu ta’ Kaliningrad biss għandu jitħalla jgħaddi biss mil-Litwanja sakemm hu konformi mal-Artikolu 18(2), (3) u (4).”


Top