EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0394

2012/394/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Diċembru 2011 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-UE tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Italja skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

ĠU L 187, 17.7.2012, p. 57–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/394/oj

17.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/57


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2011

dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-UE tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Italja skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

(2012/394/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'ittra tal-20 ta' Settembru 2011, li l-Kummissjoni rċeviet fil-21 ta' Settembru 2011, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni bil-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, u li għandhom l-għan li jintegraw, jaġġornaw u jemendaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa, approvati mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-25 ta' Ġunju 2007 (2).

(2)

Il-Kummissjoni vverifikat, fi żmien tliet xhur minn din in-notifika, li dawn il-miżuri huma kumpatibbli mal-liġi tal-Komunità, b'mod partikulari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta' konsultazzjoni nazzjonali.

(3)

Fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset id-dejta disponibbli fix-xena tal-midja Taljana.

(4)

Il-lista emendata tal-avvenimenti li għandhom importanza ewlenija għas-soċjetà inklużi fil-miżuri nnotifikati mill-Italja, tħejjiet b'mod ċar u trasparenti u tnediet konsultazzjoni wiesgħa fl-Italja dwar l-emendar tal-lista preċedenti.

(5)

Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-avvenimenti ġodda elenkati fil-miżuri Taljani ssodisfaw tal-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, li huma kkunsidrati bħala indikaturi affidabbli tal-importanza ta' dawn l-avvenimenti għas-soċjetà. (i) dwarhom hemm qbil ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu l-isport jew l-attività konċernata; (ii) għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru u, b'mod partikulari, iservu ta' katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment minn dejjem ixxandar fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u kien segwit minn udjenzi kbar.

(6)

Il-Grand Prix tal-Moto GP huwa avveniment li jgawdi minn popolarità partikolari mal-Italja kollha u jinteressa wkoll udjenza li normalment ma ssegwix dan l-avveniment, proprju minħabba s-sehem ta' sewwieqa u manifatturi Taljani f'turnew internazzjonali ta' importanza kbira ħafna. Dan l-avveniment dejjem ixxandar minn stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u dejjem segwewh numru kbir ta' telespettaturi.

(7)

Il-finali u s-semifinali tal-kampjonati tad-dinja tal-baskitbol, tal-water polo u tal-volibol li fihom ikun qiegħed jieħu sehem t-tim nazzjonali Taljan, minbarra li jissodisfaw il-kriterju ta' tim nazzjonali involut f'turnew internazzjonali ta' importanza kbira ħafna, joħolqu interess partikolari mal-Italja kollha, saħansitra fost l-udjenzi li normalment ma jsegwux dawn id-dixxiplini sportivi, u kienu dejjem jixxandru fuq stazzjonijiet ta' televiżjoni bla ħlas u jkollhom bosta telespettaturi differenti.

(8)

Il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby li jkun qed jilgħab fihom it-tim nazzjonali Taljan, minbarra li jissodisfaw il-kriterju ta' tim nazzjonali involut f'turnew internazzjonali ta' importanza kbira ħafna, joħolqu interess partikolari mal-Italja kollha, kif ukoll fost l-udjenzi li normalment ma jsegwux din id-dixxiplina sportiva.

(9)

Il-logħbiet tar-rugby tas-Sitt Nazzjonijiet li jintlagħbu mit-tim nazzjonali Taljan, minbarra li jissodisfaw il-kriterju ta' tim nazzjonali involut f'turnew internazzjonali ta' importanza kbira ħafna, joħolqu interess partikolari mal-Italja kollha, kif ukoll fost l-udjenzi li normalment ma jsegwux din id-dixxiplina sportiva u dejjem jixxandru fuq stazzjonijiet ta' televiżjoni bla ħlas b'rata ta' telespettaturi dejjem aktar sinifikanti.

(10)

Is-semifinali u l-finali tat-Tazza Davis u tat-Tazza Fed li fihom ikun qiegħed jieħu sehem it-tim nazzjonali Taljan, minbarra li jissodisfaw il-kriterju ta' tim nazzjonali involut f'turnew internazzjonali ta' importanza kbira ħafna, joħolqu interess partikolari mal-Italja kollha, kif ukoll fost l-udjenzi li normalment ma jsegwux din id-dixxiplina sportiva.

(11)

Il-finali u s-semifinali tat-turnew tat-tenis Internazionali d'Italia li fih ikunu qegħdin jieħdu sehem plejers Taljani, minbarra li jkunu qed jinvolvu persuni Taljani f'turnew internazzjonali ta' importanza kbira ħafna, joħolqu interess partikolari mal-Italja kollha, kif ukoll fost l-udjenzi li normalment ma jsegwux din id-dixxiplina sportiva, u dan parzjalment minħabba l-post fejn iseħħu. L-importanza partikolari ta' dan l-avveniment hija kkonfermata mir-rata ta' udjenza, li tixhed żieda ċara fl-interess tal-pubbliku u wkoll il-passjoni li l-pubbliku, f'dawn l-aħħar snin, rawwem għal din id-dixxiplina.

(12)

Il-Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċikliżmu fit-Triq (tellieqa professjonali tal-irġiel) joħolqu interess partikolari mal-Italja kollha u ma jinteressawx biss lil dawk in-nies li normalment isegwu dan it-tip ta' avveniment, u dan ukoll minħabba li jinvolvu atleti Taljani u dejjem jixxandru fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u jkollhom numru kbir ta' telespettaturi.

(13)

L-ewwel spettaklu li jiftaħ l-istaġun tal-opera fit-Teatru La Scala f'Milan joħloq interess partikolari mal-Italja kollha, kif ukoll fost l-udjenzi li normalment ma jsegwux dan l-avveniment, u għandu importanza kulturali ġeneralment rikonoxxuta fl-Italja, filwaqt li jservi ta' katalista għall-identità kulturali Taljana.

(14)

Ix-xandir tal-Kunċert tal-Ewwel tas-Sena mit-Teatru La Fenice f'Venezja joħloq interess partikolari mal-Italja kollha, kif ukoll fost l-udjenzi li normalment ma jsegwux dan it-tip ta' avveniment, u għandu importanza kulturali ġeneralment rikonoxxuta fl-Italja, iservi ta' katalista għall-identità kulturali Taljana u dejjem ixxandar fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u jkollu numru kbir ta' telespettaturi.

(15)

Il-miżuri Taljani jidhru proporzjonali biex jiġġustifikaw id-deroga mil-libertà fundamentali li jipprovdu s-servizzi kif stipulati fl-Artikolu 56 tat-TFUE, minħabba r-raġuni predominanti ta' interess ġenerali li jiġi żgurat aċċess pubbliku wiesa' għax-xandiriet ta' avvenimenti ta' importanza kbira ħafna għas-soċjetà.

(16)

Safejn id-definizzjoni ta' xandara eliġibbli biex ixandru l-avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi (kopertura meħtieġa), li jippermettu kompetizzjoni effettiva u potenzjali għall-kisba tad-drittijiet tax-xandir ta' dawn l-avvenimenti, il-miżuri Taljani huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-għadd ta' avvenimenti elenkati mhuwiex sproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni bla ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas.

(17)

Il-proporzjonalità ġenerali tal-miżuri proposti mill-Italja hija stabbilita minn diversi fatturi. L-ewwel nett, it-tnaqqis minn 90 % għal 80 % tal-livell ta' kopertura tal-popolazzjoni meħtieġ għal xandara eliġibbli jżid il-proporzjonalità tal-miżuri, għall-fatt li jżid in-numru ta' xandara li jistgħu jkunu eliġibbli. It-tieni nett, ġie introdott mekkaniżmu volontarju għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn ix-xandara fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet tekniċi tax-xandir u l-ħlas ta' kumpens ġust għas-subliċenzjar ta' drittijiet esklussivi ta' xandir. It-tielet nett, id-dħul fis-seħħ tal-miżuri Taljani finali se jiġi pospost għall-1 ta' Settembru 2012, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm effetti negattivi fuq in-negozjati li jistgħu jkunu qegħdin iseħħu. Fl-aħħar nett, il-miżuri Taljani jipprovdu għal sitwazzjonijiet fejn id-drittijiet li jikkonċernaw l-avvenimenti elenkati jinxtraw mix-xandara li mhumiex eliġibbli, sabiex ikun żgurat li jkun hemm l-arranġamenti xierqa għas-subliċenzjar tad-drittijiet lil xandara eliġibbli, u għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm xerrejja eliġibbli għall-avvenimenti msemmija, sabiex ikun żgurat li x-xandara mhux eliġibbli jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod li jevitaw li l-avveniment imsemmi ma jkunx imxandar.

(18)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri li se jittieħdu mill-Italja u nnotifikati minnha u ppreżentat ir-riżultati ta' din il-verifika fil-laqgħa tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE. Il-Kumitat adotta opinjoni favorevoli f'din il-laqgħa,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

1.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Italja, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, u nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/13/UE fil-21 ta' Settembru 2011, huma kumpatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

2.   Il-miżuri, skont kif jittieħdu finalment mill-Italja, se jkunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewroipea hekk kif jiġu adottati fil-livell nazzjonali u nnotifikati lill-Kummissjoni. Din tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni stipulata fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/13/UE.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/475/KE tal-25 ta' Ġunju 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, tal-miżuri meħuda mill-Italja skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 180, 10.7.2007, p. 5).


ANNESS

Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

Il-miżuri li ttieħdu mill-Itaja, li għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE, huma stipulati fl-estratti li ġejjin tad-Deċiżjoni Nru 131/12/CONS tal-Awtorità tal-Komunikazzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 2012


“IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

1.   L-Awtorità tapprova b’mod definittiv il-lista tal-avvenimenti b’importanza partikolari għas-soċjetà li jridu jiġu mxandra fuq stazzjonijiet televiżivi bla ħlas skont it-tifsira tal-Artikolu 32b tat-test konsolidat dwar is-servizzi awdjoviżivi u tar-radju, stipulat fl-Annessi A u B, li jikkostitwixxu partijiet integrali ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2012 u għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana u fuq il-websajt tal-Awtorità filwaqt li l-Anness A biss għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ruma, il-15 ta’ Marzu 2011 (1)

Il-President

Corrado CALABRÒ

Il-Kummissarju li qed jirrapporta

Nicola D’ANGELO

Il-Kummissarju li qed jirrapporta

Antonio MARTUSCIELLO

Jiċċertifikaw il-konformità mad-Deċiżjoni

Is-Segretarju Ġenerali

Roberto VIOLA”

AWTORITÀ GĦALL-GARANZIJI FIL-KOMUNIKAZZJONIJIET

[Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni]

“L-ANNESS A TAD-DEĊIŻJONI NRU 131/12/CONS TAL-15 TA’ MARZU 2012

LISTA TAL-AVVENIMENTI TA’ IMPORTANZA PARTIKOLARI GĦAS-SOĊJETÀ LI GĦANDHOM JIXXANDRU FUQ STAZZJONIJIET TELEVIŻIVI BLA ĦLAS

(test b'rilevanza Komunitarja)

Artikolu 1

Avvenimenti ta' importanza partikolari għas-soċjetà

1.   Din id-Deċiżjoni tirrigwarda x-xandir televiżiv ta' avvenimenti meqjusa importanti b'mod partikolari għas-soċjetà.

2.   Għall-finijiet ta’ din il-lista:

A.

“Avveniment ta’ importanza partikolari għas-soċjetà" tfisser avveniment, sportiv jew mhux sportiv, li jissodisfa tal-inqas tnejn mill-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-avveniment u dak li joħroġ minnu huma ta’ interess speċjali u mifrux fl-Italja u jinteressaw lill-persuni oħrajn minbarra dawk li s-soltu jsegwu dan it-tip ta’ avveniment;

(b)

l-avveniment igawdi minn għarfien ġenerali min-naħa tal-popolazzjoni, għandu importanza partikolari kulturali u jsaħħaħ l-identità kulturali Taljana;

(c)

l-avveniment jinvolvi lit-tim nazzjonali ta’ dixxiplina sportiva speċifika f’turnament internazzjonali ta’ importanza kbira;

(d)

tradizzjonalment, l-avveniment jixxandar fuq it-televiżjoni mingħajr ħlas u ġabar pubbliku wiesa’ ta’ telespettaturi fl-Italja.

B.

“Stazzjon tax-xandir ikkwalifikat” tfisser stazzjon tax-xandir suġġett għall-ġuriżdizzjoni Taljana li kapaċi jiżgura l-possibbiltà li l-avvenimenti jiġu segwiti minn tal-inqas 80 % tal-popolazzjoni Taljana mingħajr ħlas żejjed.

Artikolu 2

Lista tal-avvenimenti u tal-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tax-xandir

1.   L-Awtorità stabbiliet il-lista li ġejja ta' avvenimenti meqjusa bħala ta’ importanza partikolari għas-soċjetà, li l-istazzjonijiet tax-xandir suġġetti għall-ġuriżdizzjoni Taljana ma jistgħux jittrażmettu b’mod esklussiv u b'mod li jirrestrinġu l-aċċess, bl-iskop li jkun żgurat li tal-anqas 80 % tal-popolazzjoni Taljana jkollha l-possibbiltà li ssegwihom fuq stazzjon tax-xandir bla ħlas mingħajr ħlasijiet żejda:

(a)

Il-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa;

(b)

il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol kif ukoll il-logħob kollu tat-tim nazzjonali Taljan tal-futbol fit-Tazza tad-Dinja;

(c)

il-finali tal-kampjonat Ewropew kif ukoll il-logħob kollu tat-tim nazzjonali Taljan tal-futbol fil-kampjonat Ewropew;

(d)

il-logħob kollu tat-tim nazzjonali tal-futbol f'kompetizzjonijiet uffiċjali, kemm dawk li jintlagħbu fl-Italja kif ukoll barra mill-Italja;

(e)

il-finali u s-semifinali taċ-Champions League u tal-Europa League jekk ikunu involuti timijiet Taljani;

(f)

il-Giro d’Italia;

(g)

il-Gran Prix tal-Italja tal-karozzi tal-Formula 1;

(h)

il-Gran Prix tal-Italja tal-muturi tal-Moto GP;

(i)

il-finali u s-semifinali tal-kampjonati dinjija tal-baskitbol, il-woterpowlo, il-volibol u r-ragbi li fihom ikunu involuti t-timijiet nazzjonali Taljani;

(j)

il-logħbiet tat-turnament tas-Sitt Nazzjonijiet tar-ragbi li fihom jipparteċipa t-tim nazzjonali Taljan;

(k)

il-finali u s-semifinali tat-Tazza Davis u tat-Tazza tal-Federazzjonijiet li fihom jipparteċipaw it-tim nazzjonali Taljan u tat-turnament Internazzjonali tal-Italja tat-tenis li fih jipparteċipaw atleti Taljani;

(l)

il-kampjonat dinji taċ-ċikliżmu fit-triq;

(m)

il-Festival tal-mużika Taljana ta’ Sanremo;

(n)

l-ewwel serata tal-istaġun tal-opri tat-Teatru La Scala f’Milan;

(o)

il-kunċert tal-Ewwel tas-Sena fit-Teatru La Fenice ta’ Venezja.

2.   L-avvenimenti msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 hawn fuq jixxandru diretti fil-verżjoni sħiħa tagħhom. Għall-avvenimenti l-oħrajn huwa f'idejn l-istazzjonijiet tat-televiżjoni sabiex jiddeċiedu l-mod ta' xandir bla ħlas, li jista’ jkun dirett fil-verżjoni sħiħa jew parti minnhom jew mhux dirett fil-verżjoni sħiħa jew parti minnhom.

3.   Fejn id-drittijiet tax-xandir ta’ avveniment wieħed jew aktar imniżżla fil-paragrafu 1 jinkisbu minn stazzjon tax-xandir mhux ikkwalifikat, dan għandu jippubblika, f'perjodu raġonevoli qabel l-avveniment, fuq il-websajt tiegħu, il-proposta sabiex jagħti, b'kundizzjonijiet kummerċjali li jkunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji, drittijiet li jippermettu li l-avveniment jixxandar skont il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1, filwaqt li fl-istess ħin jinforma lill-Awtorità.

4.   Jekk ebda stazzjon tax-xandir ikkwalifikat ma jitfa’ offerta jew l-offerti mitfugħa ma jkunux skont kundizzjonijiet kummerċjali li jkunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji, l-istazzjon tax-xandir li għandu f’idu d-drittijiet jista' jeżerċitahom, b’deroga mill-kundizzjonijiet skont il-paragrafu 1.

5.   L-Awtorità tirriserva d-dritt li temenda, wara perjodu xieraq, b’deċiżjoni tagħha, il-lista fil-paragrafu 1 u l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2.

Artikolu 3

Proċedura għal tilwim

1.   Fil-każ li tinqala’ tilwima bejn stazzjonijiet tax-xandir fir-rigward tax-xandir ta’ avveniment imniżżel fil-lista tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 hawn fuq, fir-rigward tad-definizzjoni tal-arranġamenti tekniċi tax-xandir u tal-ħlas ġust għall-għoti ta' sottoliċenzja ta' drittijiet esklussivi tax-xandir, jiġu applikati r-regoli ta' proċedura previsti mir-Regolament anness mad-Deċiżjoni Nru 352/08/CONS, bis-segħat previsti minn dak ir-Regolament lill-Kumitat għall-Infrastruttura u n-netwerks jitqiesu bħala li jingħataw lill-Kunsill, bid-‘Direttorat’ jinftiehem bħala d-Direttorat tas-Servizzi tal-Midja u bid-‘Direttur’ jinftiehem bħala d-Direttur tad-Direttorat tas-Servizzi tal-Midja.”



Top