EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0174

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/174/PESK tat- 23 ta’ Marzu 2012 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta′ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta′ piraterija u ta′ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja

ĠU L 89, 27.3.2012, p. 69–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/12/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/174(1)/oj

27.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/69


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/174/PESK

tat-23 ta’ Marzu 2012

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta′ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta′ piraterija u ta′ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (1).

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2009, fit-30 ta’ Lulju 2010 u fis-7 ta’ Diċembru 2010 rispettivament, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/907/PESK (2), id-Deċiżjoni 2010/437/PESK (3) u d-Deċiżjoni 2010/766/PESK (4), li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK.

(3)

Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill adotta Qafas Strateġiku għal Qarn tal-Afrika bil-għan li jiġi żviluppat approċċ komprensiv lejn il-problemi li joħorġu mill-Qarn tal-Afrika. Il-ġlieda kontra l-piraterija hija parti minn dan l-isforz.

(4)

L-atti ta′ piraterija u ta′ serq bl-użu tal-armi fuq u ’l barra mix-xtut tas-Somalja jkomplu jheddu t-tbaħħir fiż-żona u b’mod speċjali l-kunsinna tal-għajnuna tal-ikel lill-popolazzjoni tas-Somalja mill-Programm Dinji tal-Ikel u jiġġeneraw influss finanzjarju li kontra tiegħu iridu jiżdiedu l-isforzi mittieħda.

(5)

L-operazzjoni militari tal-UE imsemmija fl-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (“Atalanta”) għandha tiġi estiża sat-12 ta’ Diċembru 2014.

(6)

Huwa wkoll neċessarju li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja intiża biex tkopri l-ispejjeż komuni tal-Atalanta għal perjodu bejn it-13 ta’ Diċembru 2012 u t-12 ta’ Diċembru 2014.

(7)

Fis-16 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adottat Riżoluzzjoni 1851 (2008) dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, li tawtorizza lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet reġjonali li qed jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar ’il barra mill-kosta tas-Somalja li għalihom ġiet provduta notifika bil-quddiem mill-Gvern Federali Transizzjonali Somalu (TFG) lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jieħu l-miżuri neċessarji kollha li huma adatti fis-Somalja għall-iskop tat-trażżin ta′ atti ta′ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, sakemm kwalunkwe miżuri bħal dawn jittieħdu b’mod konsistenti mal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem applikabbli.

(8)

Fit-22 ta’ Novembru 2011, l-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2020 (2011) li ġġedded l-awtorizzazzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni 1846 (2008) u l-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1851 (2008).

(9)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2012 l-UE għamlet offerta biex testendi l-kooperazzjoni mat-TFG, li tikkumplimenta l-offerta tagħha magħmula permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2008.

(10)

It-TFG innotifika s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 2012 bl-offerta magħmula mill-UE, f’konformità mal-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1851(2008) tal-KSNU u l-paragrafu 9 tar-Riżoluzzjoni 2020(2011) tal-KSNU.

(11)

Huwa meħtieġ li tiġi estiża ż-żona ta’ operazzjonijiet ta’ Atalanta sabiex tinkludi l-ilmijiet interni Somali u t-territorju tal-art tas-Somalja.

(12)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet taħt liema jistgħu jiġu trasferiti suspettati arrestati u miżmuma fl-ilmijiet interni jew territorjali ta’ Stati oħra minbarra s-Somalja.

(13)

L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea (UE) għandha tmexxi operazzjoni militari b’appoġġ għar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008) u 1851 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), b’mod konsistenti ma′ azzjoni permessa fir-rigward tal-piraterija skont l-Artikolu 100 et seq tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar”) u permezz, b’mod partikolari, ta′ impenji magħmula ma’ Stati terzi (“Atalanta”) sabiex jikkontribwixxu għal:

l-protezzjoni ta’ bastimenti tal-għajnuna alimentari WFP twassil lill-persuni spostati fis-Somalja, skont il-mandat stabbilit fir-Riżoluzzjoni KSNU 1814 (2008); u

il-protezzjoni ta’ bastimenti vulnerabbli moderata barra mill-kosta tas-Somalja, u d-deterrenza, prevenzjoni u ripressjoni ta’ atti ta’ piraterija u serq armat barra mill-kosta tas-Somalja, skont il-mandat stabbilit fir-Riżoluzzjonijiet KSNU 1846 (2008) u 1851 (2008).

2.   Iz-zona ta’ operat tal-forzi skjerati għal dik il-fini għandhom jikkonsistu minn l-ilmijiet teritorjali u l-ilmijiet interni tas-Somalja, u zoni marittimi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja u pajjiżi ġirien fir-reġjun tal-Oċean Indjan, f’konformità mal-objettiv politiku ta′ operazzjoni marittima tal-UE, kif definit fil-kunċett ta’ maniġġar ta’ kriżijiet approvat mill-Kunsill fil-5 ta’ Awwissu 2008.

3.   Barra minn hekk, Atalanta għandha tikkontribwixxi għal moniteraġġ ta’ attivitajiet tas-sajd barra mill-kosta Somala.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

tipprovdi protezzjoni lill-bastimenti mikrija mill-PDI, inkluż permezz tal-preżenza abbord dawk il-bastimenti ta’ unitajiet armati ta’ Atalanta, inkluż meta jkunu qed ibaħħru fl-ilmijiet territorjali u interni tas-Somalja;”;

(b)

l-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

tissorvelja ż-żoni ‘l barra mix-xatt tas-Somalja, inklużi l-ilmijiet interni u territorjali tas-Somalja, li jippreżentaw riskji għal attivitajiet marittimi, b’mod partikolari t-traffiku marittimu;”;

(ċ)

l-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

tikkomunika ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet, kif ukoll Stati, li jaħdmu fir-reġjun għall-ġlieda kontra atti ta’ piraterija u serq armat barra mill-kosta tas-Somalja, b’mod partikolari “t-Task Force Magħquda 151” forza marittima li topera fil-qafas ta’ “Operazzjoni għal Libertà Dejjiema”;”;

(3)

L-artikolu 12 huwa sostitwit kif ġej:

“Artikolu 12

Trasferiment ta’ persuni arrestati u miżmuma bil-ħsieb li jiġu proċessati

1.   Abbażi tal-aċċettazzjoni mis-Somalja tal-eżerċitar ta’ ġurisdizzjoni minn Stati Membri jew Stati terzi, minn naħa, u l-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, min-naħa l-oħra, persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali u interni tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni tagħhom, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, għandhom jiġu ttrasferiti:

lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew ta’ Stat terz parteċipanti fl-operazzjoni, li l-bastiment li jkun qabadhom itajjar il-bandiera tiegħu, jew

jekk dak l-Istat ma jistax, jew ma jixtieqx, jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu, lil Stat Membru jew kwalunkwe Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-persuni jew il-proprjetà msemmija hawn fuq.

2.   Persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb li jiġu proċessati minn Atalanta fl-ilmijiet territorjali, fl-ilmijiet interni jew fl-ilmijiet tal-arċipelagu ta’ Stati oħra fir-reġjun bi ftehim ma’ dawn l-Istati, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, jistgħu jiġu ttrasferiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ikkonċernat, jew, bil-kunsens tal-Istat ikkonċernat, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor.

3.   Ebda persuna msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu trasferiti fi Stat terz sakemm il-kondizzjonijiet għat-trasferiment kienu maqbula ma’ dak l-Istat terz b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, notevolment il-liġi internazzjonali dwar drittijiet tal-bniedem, sabiex tiggarantixxi b’mod partikolari li ħadd ma għandu jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għal tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.”;

(4)

Fl-Artikolu 14 ġie miżjud il-paragrafu li ġej:

“3.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għal perjodu bejn it-13 ta’ Diċembru 2012 sat-12 ta’ Diċembru 2014 għandu jkun ta’ EUR 14 900 000. Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK għandu jkun ta’ 0 %.”;

(5)

L-Artikolu 16(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-operazzjoni militari tal-UE għandha tintemm fit-12 ta’ Diċembru 2014.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.

(2)  ĠU L 322, 9.12.2009, p. 27.

(3)  ĠU L 210, 11.8.2010, p. 33.

(4)  ĠU L 327, 11.12.2010, p. 49.


Top