EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010H0572

2010/572/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Settembru 2010 dwar l-aċċess irregolat għan-Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 251, 25.9.2010, p. 35–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2010/572/oj

25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/35


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Settembru 2010

dwar l-aċċess irregolat għan-Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/572/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet (COCOM),

Billi:

(1)

Is-suq waħdieni tal-UE għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ broadband b’veloċità għolja ħafna, huwa ta’ importanza ewlenija sabiex jinħoloq tkabbir ekonomiku u jintlaħqu l-miri tal-istrateġija “Ewropa 2020”. Ir-rwol fundamentali tal-użu tat-telekomunikazzjonijiet u tal-broadband f’termini ta’ investiment, ħolqien ta’ impjiegi u rkupru ekonomiku ġenerali tal-UE ġie sottolinjat b’mod partikolari mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu ta’ Marzu 2009. Waħda mis-seba’ inizjattivi prinċipali ta’ Ewropa 2020 hija l-iżvilupp tal-“Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, li kienet ippreżentata f’Mejju 2010.

(2)

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tistabbilixxi miri għall-użuużu u l-assorbiment ta’ broadband b’veloċità għolja u għolja ħafna, u tipprevedi għadd ta’ miżuri sabiex tippromwovi l-użu ta’ Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) ibbażati fuq il-fibrottika u biex isostnu l-investimenti sostanzjali li huma meħtieġa fis-snin li ġejjin. Ir-Rakkomandazzjoni preżenti, li għandha titqies f’dan il-kuntest, tfittex li tippromwovi l-investiment u l-innovazzjoni effiċjenti f’infrastruttura ġdida u mtejba, filwaqt li tikkunsidra r-riskji li jġorru l-impriżi kollha li jinvestu u l-ħtieġa li tinżamm kompetizzjoni effettiva, li hija xprun importanti għall-investiment matul iż-żmien.

(3)

L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN) taħt l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21/KE qegħdin jiżviluppaw risposti regolatorji għall-isfidi maħluqa mit-tranżizzjoni min-netwerks ibbażati fuq ir-ram għan-netwerks ibbażati fuq il-fibrottika. Is-swieq rilevanti f’dan ir-rigward huma s-swieq għall-aċċess għall-infrastruttura tan-netwerk bl-ingrossa (Suq 4) u l-aċċess għall-broadband bl-ingrossa (Suq 5). Il-konsistenza tal-approċċi regolatorji adottati mill-ARN hija ta’ importanza fundamentali sabiex tiġi evitata distorsjoni fis-suq waħdieni u sabiex tinħoloq ċertezza legali għall-impriżi kollha li jinvestu. Għalhekk huwa xieraq li tiġi pprovduta gwida lill-ARN bil-għan li tkun evitata kwalunkwe diverġenza mhux f’waqtha bejn l-approċċi regolatorji, filwaqt li tippermetti lill-ARN li tqis sew iċ-ċirkustanzi nazzjonali meta tfassal rimedji xierqa. Il-firxa xierqa ta’ rimedji imposti minn ARN għandha tirrifletti applikazzjoni proporzjonata tal-gradwalità tal-prinċipju tal-investiemnt.

(4)

L-ambitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jkopri prinċipalment ir-rimedji li għandhom jiġu imposti fuq operaturi meqjusa li għandhom Saħħa Sinifikanti fis-Suq (SMP) fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE. Madankollu, fejn ikun ġustifikat minħabba li d-duplikazzjoni tal-infrastruttura tkun ekonomikament ineffiċjenti jew fiżikament mhux prattikabbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll obbligi ta’ kondiviżjoni reċiproka tal-faċilitajiet fuq impriżi li jkunu qed joperaw netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu 12 ta’ dik id-Direttiva li jkunu adattati sabiex jiġu megħluba ostakoli fl-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u s-segmenti ta’ terminazzjoni.

(5)

Il-kundizzjonijiet tad-domanda u l-provvista huma mistennija li jinbidlu b’mod sinifikanti kemm fil-livell bl-ingrossa kif ukoll f’dak bl-imnut wara li jibdew jintużaw in-netwerks tal-NGA. Għaldaqstant jista’ jkun hemm bżonn li jiġu imposti rimedji ġodda, u tista’ tkun meħtieġa kombinazzjoni ġdida ta’ rimedji attivi u passivi għall-aċċess fuq is-Swieq 4 u 5.

(6)

Iċ-ċertezza regolatorja hija fundamentali għall-promozzjoni ta’ investimenti effiċjenti mill-operaturi kollha. L-applikazzjoni ta’ approċċ regolatorju konsistenti maż-żmien hija importanti sabiex tagħti lill-investituri l-fiduċja għat-tfassil tal-pjanijiet kummerċjali tagħhom. Sabiex tittaffa l-inċertezza assoċjata mal-valutazzjonijiet perjodiċi tas-suq, l-ARN għandhom jikkjarifikaw kemm jista’ jkun possibbli kif il-bidliet prevedibbli fiċ-ċirkustanzi tas-suq jistgħu jaffettwaw ir-rimedji.

(7)

Fejn netwerks ġodda tal-fibra jiġu installati fuq siti f’żoni ġodda, l-ARN għandhom jirrevedu u, jekk ikun meħtieġ, jaġġustaw l-obbligi regolatorji eżistenti sabiex jassiguraw li dawn japplikaw indipendentement mit-teknoloġija tan-netwerk li tintuża.

(8)

L-użu ta’ netwerks NGA huwa probabbli li jwassal għal bidliet importanti fl-ekonomiji tal-forniment tas-servizz u s-sitwazzjoni kompetittiva.

(9)

F’kuntest bħal dan, l-ARN għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-kundizzjonijiet emerġenti ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-użu tal-NGAs. L-ARN għandhom jiddefinixxu swieq ġeografiċi subnazzjonali skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/879/KE tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante skont id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (2) jekk huma jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod sostanzjali u oġġettiv kundizzjonijiet differenti ta’ kompetizzjoni li jkunu stabbli maż-żmien. F’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx jista’ jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet differenti ta’ kompetizzjoni jiġġustifikaw id-definizzjoni ta’ swieq ġeografiċi subnazzjonali, jista’ xorta waħda jkun xieraq għall-ARN li jirrispondu għall-kundizzjonijiet kompetittivi diverġenti bejn żoni differenti fi ħdan suq definit ġeografikament, pereżempju minħabba l-preżenza ta’ diversi infrastrutturi alternattivi jew operaturi bbażati fuq l-infrastruttura, billi jimponu rimedji u prodotti ta’ aċċess differenzjati.

(10)

It-tranżizzjoni minn netwerks ibbażati fuq ir-ram għal netwerks ibbażati fuq il-fibra tista’ tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’żoni ġeografiċi differenti u tista’ tkun teħtieġ valutazzjoni tal-ambitu ġeografiku tas-Suq 4 u 5 jew tar-rimedji tas-Suq 4 u 5 f’każijiet fejn dawn is-swieq jew rimedji jkun ġew segmentati fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni minn local loop unbundling (LLU).

(11)

Fejn tinstab SMP fi ħdan is-Suq 4, għandu jkun applikat sett xieraq ta’ rimedji.

(12)

L-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili huwa kruċjali għall-użu ta’ netwerks tal-fibra paralleli. Għalhekk huwa importanti li l-ARN jiksbu l-informazzjoni neċessarja sabiex jivvalutaw jekk humiex disponibbli kanali u loop facilities lokali oħra għall-iskop tal-użu użuta’ netwerks NGA. L-ARN għandhom jużaw is-setgħat tagħhom skont id-Direttiva 2002/21/KE sabiex jiksbu l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-pożizzjoni, il-kapaċità u d-disponibbiltà ta’ dawn il-faċilitajiet. Operaturi alternattivi għandu jkollhom idealment il-possibbiltà li użaw in-netwerks tal-fibra tagħhom fl-istess ħin li jagħmel hekk l-operatur SMP, filwaqt li jaqsmu l-ispejjeż tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili.

(13)

Il-mandat tal-aċċess għall-inġinerija ċivili se jkun effettiv biss jekk l-operatur SMP jipprovdi aċċess bl-istess kundizzjonijiet lill-fergħa downstream tiegħu stess u lil partijiet terzi li jfittxu aċċess. L-ARN għandhom jibnu fuq l-esperjenza tagħhom fl-iżvilupp ta’ proċeduri u għodod għal-LLU sabiex jistabbilixxu l-proċessi kummerċjali neċessarji fir-rigward tal-ordnar u l-aċċess operattiv għall-faċilitajiet tal-inġinerija ċivili. L-awtorizzar tal-pubblikazzjoni mill-operatur SMP ta’ offerta ta’ referenza adegwata, mill-aktar fis possibbli wara li tkun ġiet mitluba minn min ifittex l-aċċess, hija proporzjonata mal-mira li jkunu mħeġġa l-investiment effiċjenti u l-kompetizzjoni tal-infrastruttura. Din l-offeta ta’ referenza għandha tispeċifika il-kundizzjonjiet u l-proċeduri tal-aċċess għall-infsrastruttura tal-inġinerija ċivili, fosthom il-prezzijiet tal-aċċess.

(14)

Il-prezzijiet orjentati lejn l-ispejjeż jimplikaw qligħ raġonevoli fuq il-kapital użat. Meta investimenti f’assi fiżiċi mhux replikabbli bħalma hija l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili ma jkunux speċifiċi għall-użu ta’ netwerks NGA (u ma jinvolvux livell simili ta’ riskju sistematiku), il-profil tar-riskju tagħhom m’għandux jitqies bħala differenti minn dak tal-infrastruttura tar-ram eżistenti.

(15)

Fejn ikun possibbli, l-ARN għandhom jaħdmu sabiex jassiguraw li l-faċilitajiet tal-operatur SMP li jinbnew ġodda ikunu ddisinjati b’mod li jippermettu li diversi operaturi jkunu jistgħu jużaw il-linji tal-fibra tagħhom.

(16)

F’kuntest ta’ Fibra sad-Dar (FTTH), id-duplikazzjoni tas-segment ta’ terminazzjoni tal-loop tal-fibra normalment tkun għalja u mhux effiċjenti. Sabiex ikun hemm kompetizzjoni sostenibbli tal-infrastruttura, għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi pprovdut aċċess għas-segment ta’ terminazzjoni tal-infrastruttura tal-fibra użata mill-operatur SMP. Sabiex ikun assigurat dħul effiċjenti, huwa importanti li jingħata aċċess fil-livell tan-netwerk tal-operatur SMP li jippermetti lil dawk li jidħlu jiksbu livell minimu ta’ effiċjenza sabiex isostnu kompetizzjoni effettiva u sostenibbli. Fejn ikun hemm bżonn jistgħu jkunu meħtieġa interfaċċji speċifiċi sabiex jassiguraw aċċess effiċjenti.

(17)

Huma meħtieġa obbligi ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni sabiex jassiguraw l-effettività tal-aċċess għas-segment ta’ terminazzjoni. Meta tintalab, il-pubblikazzjoni ta’ offerta ta’ referenza adegwata mill-operatur SMP fi żmien qasir hija neċessarja sabiex tippermetti lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu aċċess jagħmlu għażliet ta’ investiment.

(18)

L-ARN iridu jassiguraw li l-prezzijiet tal-aċċess jirriflettu l-ispejjeż li fil-fatt jagħmel l-operatur SMP, fosthom konsiderazzjoni xierqa tal-livell tar-riskju tal-investiment.

(19)

Netwerks ibbażati fuq linji ta’ fibra multipli jistgħu jintużaw bi prezz marġinalment ogħla min-netwerks ta’ fibra waħda, filwaqt li operaturi alternattivi jitħallew jikkontrollaw il-kollegament tagħhom stess sal-utent finali. Dawn aktarx li jwasslu għal kompetizzjoni sostenibbli fit-tul skont il-miri tal-qafas regolatorju tal-UE. Għaldaqstant huwa mixtieq li l-ARN jużaw is-setgħat tagħhom sabiex jiffaċilitaw l-użu ta’ linji ta’ fibra multipli fibri multipli fis-segment ta’ terminazzjoni, waqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari d-domanda u l-ispejjeż involuti.

(20)

L-operaturi alternattivi, li xi wħud minnhom diġà qed jużaw in-netwerks tagħhom stess sabiex jaqbdu mal-unbundled loop ibbażat fuq ir-ram tal-operatur SMP, jeħtiġilhom jiġu pprovduti bi prodotti ta’ aċċess xierqa sabiex ikomplu jikkompetu f’kuntest ta’ NGA. Għall-FTTH dawn jistgħu jikkonsistu f’aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, għas-segment ta’ terminazzjoni, għall-unbundled loop tal-fibra (inkluża fibra skura) jew f’aċċess għall-broadband bl-ingrossa, skont kif ikun il-każ. Fejn ir-rimedji imposti fuq is-Suq 4 iwasslu għal kompetizzjoni effettiva fis-suq downstream korrispondenti, fis-suq sħiħ jew f’ċerti żoni ġeografiċi, jistgħu jiġu rtirati rimedji oħra fis-suq jew fiż-żoni kkonċernati. Irtirar bħal dan ikun ideali, pereżempju, jekk minħabba l-impożizzjoni b’suċċess ta’ rimedji fiżiċi għall-aċċess, tispiċċa l-ħtieġa tar-rimedji bitstream addizzjonali. Barra minn hekk, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-ARN jistgħu joqogħdu lura milli jimponu aċċess unbundled għal-loop tal-fibra f’żoni ġeografiċi fejn il-preżenza ta’ diversi infrastrutturi alternattivi, bħal netwerks FTTH u/jew bil-kejbil, flimkien ma’ offerti kompetittivi ta’ aċċess fuq il-bażi ta’ unbundling, aktarx li twassal għal kompetizzjoni effettiva fil-livell downstream.

(21)

L-obbligi imposti bl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE huma bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, mingħajr ma jitqiesu t-teknoloġija jew l-arkitettura implimentata minn operatur SMP. Għalhekk il-fatt jekk operatur SMP jużax topoloġija ta’ netwerk ta’ punt għal punti multipli jew ta’ punt għal punt, m’għandux bħala tali jaffettwa l-għażla tar-rimedji, meta wieħed iqis id-disponibbiltà tat-teknoloġiji ġodda ta’ unbundling sabiex jindirizzaw il-problemi tekniċi li jista’ jkun hemm f’dan ir-rigward. L-ARN għandhom ikun jistgħu jadottaw miżuri għal-perjodu tranżizzjonali li jawtorizzaw prodotti alternattivi tal-aċċess li joffru l-eqreb ekwivalenti li jikkostitwixxi sostitut għall-unbundling fiżiku, sakemm dawn ikunu flimkien mal-aktar salvagwardji xierqa sabiex jiżguraw l-ekwivalenza għall-aċċess u kompetizzjoni effettiva (3). Fi kwalunkwe każ, l-ARN għandhom f’dawn il-każijiet jawtorizzaw unbundling fiżiku hekk kif ikun teknikament u kummerċjalment vijabbli.

(22)

Fejn ikun impost aċċess unbundled għal-loop tal-fibra, l-offerta ta’ referenza eżistenti ta’ LLU għandha tiġi emendata sabiex tinkludi l-kundizzjonijiet ta’ aċċess kollha rilevanti fosthom il-kundizzjonijiet finanzjarji relattivi mal-unbundling tal-loop tal-fibra, skont l-Anness II għad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Emenda bħal din għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien bla bżonn sabiex jinħoloq il-livell neċessarju ta’ trasparenza u s-sigurtà tal-ippjanar għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu aċċess.

(23)

L-użu ta’ FTTH normalment jinvolvi riskji konsiderevoli, minħabba l-ispejjeż kbar tal-użu tiegħu għal kull dar u l-għadd li preżentement għadu baxx ta’ servizz bl-imnut li jeħtieġu karatteristiċi mtejba (bħal throughput ogħla) li jistgħu jitwasslu biss permezz ta’ fibra. L-amortizzazzjoni tal-investimenti fil-fibra jiddependu fuq l-adozzjoni ta’ servizzi ġodda pprovduti fuq netwerks ta’ NGA fil-perjodu qasir u medju. L-ispejjeż tal-kapital tal-operatur SMP għall-iskop ta’ stabbiliment tal-prezzijiet tal-aċċess għandhom jirriflettu r-riskju akbar tal-investiment meta mqabbel mal-investiment fin-netwerks preżenti bbażati fuq ir-ram.

(24)

Id-diversifikazzjoni tar-riskju tal-użu tista’ twassal għal użu aktar malajr u effettiv tan-netwerks NGA. L-ARN għalhekk għandhom jivvalutaw l-iskemi tal-prezzijiet proposti mill-operatur SMP sabiex jiddiversifika r-riskju tal-investiment.

(25)

Fejn l-operaturi SMP joffru prezzijiet ta’ aċċess aktar baxxi għall-unbundled loop tal-fibra bi tpattija għal impenji bil-quddiem fuq kuntratti fit-tul jew fi kwantità, dawn m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminatorji żżejjed fejn l-ARN ikunu sodisfatti li l-prezzijiet aktar baxxi jirriflettu b’mod xieraq tnaqqis reali fir-riskju tal-investiment. Madankollu, l-ARN għandhom jassiguraw li tali arranġamenti tal-prezzijiet ma jwasslux għal pressjoni fuq il-marġini li timpedixxi dħul effiċjenti fis-suq.

(26)

Tista’ tiġi ppruvata pressjoni fuq il-marġini billi jintwera li l-operazzjonijiet downstream tal-operatur SMP innifsu ma setgħux jinnegozjaw b’mod profittabbli fuq il-bażi tal-prezz upstream mitluba lill-kompetituri tiegħu mill-fergħa operattiva upstream tal-operatur SMP (test tal-“kompetitur effiċjenti b’mod ugwali”). Inkella, tista’ tiġi ppruvata wkoll pressjoni fuq il-marġini billi jintwera li l-marġini bejn il-prezz mitlub lill-kompetituri fuq is-suq upstream għall-aċċess u l-prezz li l-fergħa downstream tal-operatur SMP tiċċarġja fis-suq downstream ma jkunx suffiċjenti sabiex jippermetti li fornitur ta’ servizz, fis-suq downstream u li jkun raġonevolment effiċjenti, jaqla’ qligħ normali (test tal-“kompetitur raġonevolment effiċjenti”). Fil-kuntest speċifiku ta’ kontrolli ex ante tal-prezzijiet li jfittxu li jżommu kompetizzjoni effettiva bejn operaturi li ma jgawdux mill-istess ekonomiji ta’ skala u ambitu u li jkollhom spejjeż tal-unità għan-netwerk differenti, normalment ikun aktar xieraq “test tal-kompetitur raġonevolment effiċjenti”. Barra minn hekk il-valutazzjoni ta’ kwalunkwe pressjoni fuq il-marġini għandha ssir fuq qafas ta’ żmien xieraq. Sabiex jippromwovu l-previdibbiltà, l-ARN għandhom jispeċifikaw sewwa minn qabel il-metodoloġija li jkunu se jsegwu sabiex jidentifikaw it-test tal-imputazzjoni, il-parametri li għandhom jintużaw u l-mekkaniżmi ta’ rimedju f’każ li tiġi stabbilita pressjoni fuq il-marġini.

(27)

In-netwerks ibbażati fuq linji tal-fibra multipli jassiguraw li dawk li jfittxu aċċess ikunu jistgħu jiksbu kontroll sħiħ fuq il-linji tal-fibra, mingħajr ma jkollhom jirrepetu investimenti li jiswew il-flus jew jirriskjaw trattament diskriminatorju f’każ ta’ unbundling impost fuq fibra waħda. In-netwerks ibbażati fuq linji tal-fibra multipli għalhekk aktarx li jwasslu għal kompetizzjoni aktar f’waqtha u aktar qawwija fis-suq downstream. Il-koinvestiment f’netwerks ta’ NGA jista’ jnaqqas kemm l-ispejjeż kif ukoll ir-riskju li ġġarrab l-impriża li tinvesti, u għalhekk jista’ jwassal għal użu aktar estensiv ta’ FTTH.

(28)

L-arranġamenti għal koinvestiment f’FTTH ibbażat fuq linji tal-fibra multipli jistgħu f’ċerti kundizzjonijiet jwasslu għal sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva fiż-żoni ġeografiċi koperti mill-koinvestiment. Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw b’mod partikolari l-għadd ta’ operaturi involuti, l-istruttura tan-netwerk ikkontrollat b’mod konġunt u arranġamenti oħra bejn il-koinvestituri li jfittxu li jassiguraw kompetizzjoni effettiva fis-suq downstream.’ F’sitwazzjoni bħal din, jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fiż-żoni kkonċernati jkunu sostanzjalment u oġġettivament differenti minn dawk li jkun hemm f’postijiet oħra, dan jista’ jiġġustifika d-definizzjoni ta’ suq separat fejn, wara l-analiżi tas-suq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE ma jinstab l-ebda SMP.

(29)

L-ARN għandhom jivvalutaw l-ispejjeż tas-subloop unbundling. Fejn ikun xieraq, l-ARN għandhom jorganizzaw konsultazzjoni bil-quddiem ma’ operaturi alternattivi li jistgħu jkunu interessati li jikkondividu l-kabinetti tat-toroq, u fuq din il-bażi jistabbilixxu fejn għandhom jiġu addattati l-kabinetti tat-toroq u kif għandhom jiġu allokati l-ispejjeż.

(30)

Meta jiġu imposti rimedji ta’ subloop unbundling, l-ARN għandhom jadottaw miżuri xierqa ta’ backhaul sabiex dawn ir-rimedji jkunu effettivi. Dawk li jfittxu aċċess għandhom ikunu jistgħu jagħżlu s-soluzzjoni li taqdi bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom, sew jekk tkun fibra skura (u fejn ikun rilevanti ram), backhaul tal-Ethernet jew aċċess permezz ta’ kanal. L-ARN jistgħu, fejn ikun meħtieġ, jieħdu miżuri li jirrigwardaw id-daqs adegwat tal-kabinetti tat-triq proprjetà tal-operatur SMP.

(31)

It-trasparenza tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-subloops tista’ tiġi żgurata l-aħjar bl-inklużjoni tagħhom fl-Offerta ta’ Referenza eżistenti ta’ LLU. Huwa importanti li dan ir-rekwiżit tat-trasparenza japplika għall-affarijiet kollha meħtieġa għall-forniment ta’ subloop unbundling, fosthom il-backhaul u s-servizzi anċillari sabiex jippermettu l-kontinwità tal-offerti kompetittivi eżistenti. L-offerta ta’ referenza għandha tinkorpora l-kundizzjonijiet kollha tal-ipprezzar sabiex dawk li jidħlu jkunu jistgħu jikkalkulaw il-każ kummerċjali għal subloop unbundling.

(32)

Konsistenti mal-ipprezzar tal-local loop unbundling, l-ipprezzar tal-affarijiet kollha neċessarji għall-forniment ta’ subloop unbundling irid ikun orjentat lejn l-ispejjeż u skont il-metodoloġiji kurrenti użati għall-ipprezzar tal-aċċess għall-unbundled loop tar-ram. Is-sostituzzjoni tar-ram bil-fibra sa punt ta’ distribuzzjoni intermedju jirrapreżenta investiment importanti li jinvolvi ċertu riskju, anki jekk ir-riskju huwa meqjus aktar baxx milli għan-netwerks FTTH, tal-anqas f’żoni b’popolazzjoni densa, minħabba l-ispejjeż relattivi tal-użu għal kull dar involuta u l-inċertezza tad-domanda għal servizzi mtejba jew avvanzati.

(33)

L-ARN għandhom japplikaw prinċipji mhux diskriminatorji sabiex jevitaw kwalunkwe vantaġġ ta’ żmien tal-kummerċ għall-fergħa bl-imnut tal-operatur SMP. Dan tal-aħħar għandu jkun obbligat li jaġġorna l-offerta bitstream tiegħu bl-ingrossa qabel ma jniedi servizzi bl-imnut ġodda bbażati fuq il-fibra sabiex jippermetti lill-operaturi kompetituri li jgawdu aċċess, perjodu raġonevoli sabiex jirreaġixxu għat-tnedija ta’ dawn il-prodotti. Sitt xhur huma kkunsidrati bħala perjodu raġonevoli sabiex isiru l-aġġustamenti meħtieġa, sakemm ma jeżistux salvagwardji effettivi oħra li jiggarantixxu n-nondiskriminazzjoni.

(34)

Huwa mistenni li l-prodotti ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa, ibbażati fuq il-fibra, jistgħu jkunu konfigurati teknikament b’modi li jippermettu aktar flessibbiltà u karatteristiċi ta’ servizzi mtejba meta pparagunati ma’ prodotti bitstream ibbażati fuq ir-ram. Sabiex tkun promossal-kompetizzjoni fil-prodotti bl-imnut, huwa importanti li tali karatteristiċi differenti tas-servizz ikunu riflessi f’diversi prodotti rregolati bbażati fuq NGA, inklużi s-servizzi ta’ livell kummerċjali.

(35)

Prodotti bitstream differenti, li jistgħu jintgħarfu downstream f’termini pereżempju tal-medda ta’ frekwenzi, l-affidabbiltà, il-kwalità tas-servizzi jew parametri oħra, jistgħu jitwasslu permezz ta’ netwerk NGA partikolari.

(36)

Rimedji ġodda għall-aċċess iridu jiġu speċifikati b’attenzjoni, pereżempju fir-rigward tal-protokolli u l-interfaċċji tekniċi li jaqdu l-interkonnessjoni tan-netwerks ottiċi jew l-ambitu u l-karatteristiċi tar-rimedji bitstream ġodda. L-ARN għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, ma’ korpi internazzjonali għall-istandards u mal-partijiet interessati tal-industrija sabiex jiżviluppaw standards tekniċi komuni f’dan ir-rigward.

(37)

Fejn tiġi applikata regolazzjoni ex ante tal-prezzijiet, il-prezzijiet tal-aċċess bitstream bl-ingrossa għandhom jiġu derivati permezz ta’ orjentazzjoni lejn l-ispejjeż. L-ARN jistgħu jużaw metodoloġiji tal-kontroll tal-prezzijiet xierqa oħra fosthom eż. bl-imnut imnaqqsa, meta jkun hemm biżżejjed diffikultajiet kompetittivi min-naħa tal-bejgħ downstream tal-operatur SMP. L-ARN għandhom jistabbilixxu prezzijiet differenti għal prodotti bitstream differenti sakemm tali differenzi fil-prezzijiet jistgħu jiġu ġġustifikati mill-ispejjeż sottostanti tal-forniment tas-servizz sabiex l-operaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn differenzazzjoni sostnuta fil-prezzijiet kemm fil-livell bl-ingrossa kif ukoll f’dak bl-imnut. Ir-riskju mġarrab mill-operatur SMP għandu jiġi kkunsidrat sewwa fl-iffissar tal-prezz tal-aċċess.

(38)

Rimedji effettivi għall-aċċess fiżiku jistgħu, f’ċerti żoni, jirrendu l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa li ma jkunux meħtieġa sabiex tinkiseb kompetizzjoni effettiva fis-suq downstream. B’mod partikolari, fejn l-operatur SMP ikun qed juża netwerk FTTH u jkun hemm aċċess effettiv għall-unbundled loop tal-fibra għal operaturi alternattivi (b’mod partikolari f’użui ta’ punt għal punt), ARN tista’ tikkunsidra li aċċess bħal dan ikun biżżejjed sabiex jassigura kompetizzjoni effettiva fis-suq downstream, speċjalment f’żoni popolati densament. Li wieħed joqgħod lura milli jimponi obbligu ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa f’ċirkustanzi simili jista’ jwassal għal inċentivi aħjar ta’ investiment għall-operaturi kollha u jippromwovi użu f’waqtu.

(39)

Fejn ikun hemm rekord ippruvat li s-separazzjoni funzjonali jew arranġamenti simili jkunu wasslu għal aċċess ekwivalenti sħiħ għal netwerks NGA minn operaturi alternattivi u l-fergħa downstream tal-operatur SMP, u fejn ikun hemm restrizzjonijiet kompetittivi suffiċjenti fuq il-fergħa downstream tal-operatur SMP, l-ARN għandhom aktar flessibbiltà meta jfasslu rimedji għall-aċċess għall-broadband bl-ingrossa. B’mod partikolari, il-prezz tal-prodott bitstream jista’ jitħalla għas-suq. Madankollu, monitoraġġ bir-reqqa u t-twettiq ta’ test xieraq tal-pressjoni fuq il-marġini jkunu essenzjali sabiex jiġu evitati riżultati antikompetittivi.

(40)

L-operaturi li bħalissa jgawdu aċċess għandhom interess leġittimu li jkollhom żmien xieraq sabiex jippreparaw għall-bidliet li jaffettwaw sostanzjalment l-investimenti tagħhom u l-każ kummerċjali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ ftehim kummerċjali, l-ARN għandhom jassiguraw li jkun hemm passaġġ xieraq ta’ migrazzjoni. Tali passaġġ ta’ migrazzjoni għandu jkun trasparenti u żviluppat fil-livell ta’ dettall neċessarju sabiex l-operaturi li bħalissa jgawdu aċċess ikunu jistgħu jippreparaw għall-bidliet, fosthom regoli għal kwalunkwe xogħol konġunt li jkun meħtieġ minn dawk li jfittxu aċċess u l-operatur SMP kif ukoll għall-modalitajiet eżatti tal-punti ta’ għeluq tal-interkonnessjoni. L-obbligi eżistenti ta’ SMP għandhom jinżammu għal perjodu tranżizzjonali xieraq. Dan il-perjodu tranżitorju għandu jkun allinjat mal-perjodu standard ta’ investiment għall-unbundling ta’ loop lokali jew ta’ subloop lokali li ġeneralment huwa 5 snin. Jekk l-operatur SMP jipprovdi aċċess ekwivalenti fil-MDF, l-ARN tista’ tiddeċiedi li tiffissa perjodu iqsar.

(41)

Fejn l-operatur SMP ikun qed jipprevedi li jissostitwixxi bil-fibra parti min-netwerk ta’ aċċess eżistenti tiegħu bbażat fuq ir-ram u jkollu l-intenzjoni li jagħlaq punti ta’ interkonnessjoni użati attwalment, l-ARN għandhom jiksbu l-informazzjoni rilevanti mingħand l-operatur SMP, u skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/19/KE għandhom jassiguraw li l-impriżi li jgawdu aċċess għan-netwerk tal-operatur SMP jirċievu l-informazzjoni kollha neċessarja fil-ħin sabiex jaġġustaw in-netwerks tagħhom u l-pjanijiet għall-estensjoni tan-netwerks tagħhom kif xieraq. L-ARN għandhom jiddefinixxu l-format u l-livell ta’ dettall ta’ din l-informazzjoni, filwaqt li jassiguraw li tali informazzjoni tintuża biss għall-iskop li għalih tkun maħsuba li sservi u li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni tkun żgurata matul il-proċess kollu,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Għan u Ambitu

1.

L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp tas-suq waħdieni billi tkabbar iċ-ċertezza legali u tippromwovi l-investiment, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fis-suq għas-servizzi tal-broadband b’mod partikolari fit-tranżizzjoni għan-netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGAs).

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi approċċ komuni għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni konsistenti ta’ rimedji fir-rigward tal-NGAs, abbażi tal-proċedura tal-analiżi tas-suq skont id-Direttivi 2002/19/KE u 2002/21/KE.

3.

Meta fil-kuntest tal-proċeduri ta’ analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE, l-ARN jikkunsidraw l-impożizzjoni ta’ rimedji regolatorji, huma għandhom ifasslu rimedji effettivi skont id-Direttivi msemmija qabel u l-approċċ komuni stabbilit f’din ir-Rakkomandazzjoni. Il-qafas regolatorju jipprovdi lill-ARN b’firxa ta’ rimedji u jippermettilhom ifasslu miżuri xierqa biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-suq u jiksbu l-għanijiet regolatorji intenzjonati f’kull Stat Membru. L-ARN għandhom jikkunsidraw l-arranġamenti li jkunu għamlu l-operaturi mmirati sabiex jiddiversifikaw ir-riskju tal-użu ta’ netwerks ibbażati fuq il-fibrottika sabiex jikkonnettjaw djar jew bini, u sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni.

Approċċ konsistenti

4.

L-ARN għandhom jużaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE sabiex jassiguraw li l-operatur SMP jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jitfasslu rimedji regolatorji xierqa fit-tranżizzjoni għal NGAs, bħal informazzjoni dwar il-bidliet ippjanati fit-topoloġija tan-netwerk tiegħu jew dwar id-disponibbiltà tal-kanali.

5.

Il-valutazzjoni tas-Swieq 4 u 5 tar-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE għandha tikkunsidra n-netwerks ta’ NGA u għandha ssir b’mod ikkoordinat u f’waqtu minn kull ARN. L-ARN għandhom jassiguraw li r-rimedji awtorizzati fis-Swieq 4 u 5 ikunu konsistenti ma’ xulxin.

6.

Fejn l-analiżijiet tas-suq rilevanti jindikaw li l-kundizzjonijiet tas-suq jibqgħu ġeneralment kostanti, l-ARN għandhom japplikaw approċċ regolatorju konsistenti fuq perjodi xierqa ta’ valutazzjoni. Fejn ikun possibbli, l-ARN għandhom jispjegaw fid-deċiżjonijiet tagħhom kif ikunu beħsiebhom jaddattaw ir-rimedji fis-Swieq 4 u 5 fil-valutazzjonijiet futuri tas-suq b’reazzjoni għall-bidliet probabbli fiċ-ċirkustanzi tas-suq.

7.

Meta japplikaw miżuri simetriċi skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/21/KE li jagħtu aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u s-segment ta’ terminazzjoni ta’ impriża, l-ARN għandhom jieħdu miżuri implimentattivi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19/KE.

8.

Meta tkun qed tintuża l-fibra fin-netwerk ta’ aċċess fuq siti f’żoni ġodda, l-ARN m’għandhomx jeħtieġu lill-operatur SMP juża wkoll netwerk parallel tar-ram sabiex jissodisfa l-obbligi eżistenti tiegħu, fosthom l-obbligi ta’ servizz universali, iżda jippermettu l-forniment ta’ kwalunkwe prodott jew servizz regolat eżistenti bi prodotti jew servizzi funzjonalment ekwivalenti fuq il-fibra.

Varjazzjoni ġeografika

9.

L-ARN għandhom jeżaminaw id-differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’żoni ġeografiċi differenti sabiex jistabbilixxu jekk tkunx ġustifikati d-definizzjoni ta’ swieq ġeografiċi subnazzjonali jew l-impożizzjoni ta’ rimedji differenzjati. Fejn id-differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jkunu stabbli u sostanzjali, l-ARN għandhom jiddefinixxu swieq ġeografiċi subnazzjonali skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/879/KE. F’każijiet oħra, l-ARN għandhom jimmonitorjaw jekk l-użu tan-netwerks NGA u l-iżvilupp suċċessiv tal-kundizzjonijiet kompetittivi fi ħdan suq definit ġeografikament jiġġustifikawx l-impożizzjoni ta’ rimedji differenzjati.

10.

Fejn fl-imgħoddi ġew identifikati swieq ġeografiċi subnazzjonali jew rimedji fis-Suq 5 li jiddependu fuq prodotti ta’ aċċess fis-Suq 4, li jistgħu jsiru superfluwi minħabba l-użu tal-NGAs, tali segmentazzjonijiet jew rimedji għandhom jiġu vvalutati.

Definizzjonijiet

11.

Għall-iskop ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

 

“Netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA)’ (NGAs) tfisser netwerks ta’ aċċess bil-wajer li jikkonsistu kompletament jew parzjalment minn elementi ottiċi u li jistgħu jwasslu servizzi ta’ aċċess tal-broadband b’karatteristiċi mtejba (bħal throughput ogħla) meta mqabbla ma” dawk ipprovduti fuq netwerks tar-ram li diġà jeżistu. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-NGAs huma r-riżultat ta’ titjib ta’ netwerk ta’ aċċess diġà eżistenti bbażat fuq ir-ram jew dawk koassjali.

 

“Infrastruttura tal-inġinerija ċivili” tfisser il-faċilitajiet fiżiċi tal-loop lokali użati minn operatur tal-komunikazzjoni elettronika sabiex jgħaddi kejbils tal-loop lokali bħal wajers tar-ram, fibrottika jew kejbils koassjali. Din ġeneralment tirreferi, iżda mhix limitata għal, assi taħt l-art jew ’il fuq mill-art bħal sottokanali, kanali, toqob tal-ispezzjonar u arbli.

 

“Kanal” ifisser pajp jew kondjuwit taħt l-art li jintuża sabiex jitqiegħdu kejbils (fibra, ram jew koassjali) ta’ netwerks prinċipali jew ta’ aċċess.

 

“Toqob tal-ispezzjonar” tfisser toqob, ġeneralment b’għatu, li minnhom persuna tista’ tidħol f’kamra tal-utilità taħt l-art li tintuża sabiex jitqiegħed punt ta’ aċċess sabiex isiru kontrokonnessjonijiet jew biex issir manutenzjoni fuq kejbils tal-komunikazzjoni elettronika taħt l-art.

 

Il-“Punt ta’ Preżenza Metropolitan” (MPoP - Metropolitan Point of Presence) tfisser il-punt ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerks prinċipali u ta’ aċċess ta’ operatur ta’ NGA. Huwa ekwivalenti għall-Qafas Prinċipali ta’ Distribuzzjoni (MDF - Main Distribution Frame) fil-każ ta’ netwerk ta’ aċċess ibbażat fuq ir-ram. Il-konnessjonijiet kollha tal-abbonati ta’ NGA f’żona partikolari (ġeneralment belt jew parti minn belt) huma ċentralizzati mal-MPoP fuq Qafas ta’ Distribuzzjoni Ottika (ODF - Optical Distribution Frame). Mill-ODF, il-loops tal-NGA huma mqabbda mat-tagħmir tan-netwerk prinċipali tal-operatur tal-NGA jew ta’ operaturi oħra, possibbilment permezz ta’ links ta’ backhaul intermedji fejn it-tagħmir ma jkunx kopożizzjonat fil-MPoP.

 

Il-“punt ta’ distribuzzjoni” tfisser punt intermedju f’netwerk NGA minn fejn kejbil wieħed jew diversi kejbils tal-fibra li ġejjin mill-MPoP (is-segment tal-alimentazzjoni) jiġu maqsuma u distribwiti sabiex jikkonnettjaw mal-bini tal-utenti finali (is-segment ta’ terminazzjoni jew drop segment). Punt ta’ distribuzzjoni ġeneralment jaqdi diversi binjiet jew djar. Jista’ jkun pożizzjonat jew fil-bażi ta’ bini (fil-każ ta’ unitajiet b’ħafna djar), jew fit-triq. Punt ta’ distribuzzjoni jkollu fih qafas ta’ distribuzzjoni li jirreċiproka d-drop cables, u possibbilment tagħmir mhux enerġizzat bħal splitters ottiċi.

 

Is-“segment ta’ terminazzjoni” jfisser is-segment ta’ netwerk ta’ aċċess NGA li jikkonnettja bini tal-utent finali mal-ewwel punt ta’ distribuzzjoni. Is-segment ta’ terminazzjoni għalhekk jinkludi wajers vertikali fil-bini u possibbilment wajers orizzontali sa splitter ottiku pożizzjonat fil-parti ta’ taħt l-art ta’ bini jew f’toqba tal-ispezzjonar fil-qrib.

 

“FTTH” jew “fibre-to-the-home” huwa netwerk ta’ aċċess li jikkonsisti minn linji ta’ fibrottika kemm fis-segmenti tal-alimentazzjoni kif ukoll fid-drop segments tan-netwerk ta’ aċċess, jiġifieri li jikkonnettjaw il-bini ta’ klijent (id-dar jew l-appartament fil-każ ta’ unitajiet b’aktar minn abitazzjoni waħda) mal-MPoP permezz ta’ fibrottika. Għall-finijiet preżenti, FTTH għandu jirreferi kemm għall-“fibre-to-the-home” kif ukoll għall-“fibre-to-the-building” (FTTB)

 

“FTTH b’fibri multipli ” hija forma ta’ użu ta’ fibri li fiha l-investitur juża għadd akbar ta’ linji tal-fibra milli meħtieġ għall-iskopijiet tiegħu stess kemm fis-segment tal-alimentazzjoni kif ukoll fid-drop segments tan-netwerk ta’ aċċess bil-għan li jbigħ aċess għal linji tal-fibra addizzjonali lil operaturi oħra, b’mod partikolari fil-forma ta’ drittijiet tal-użu impreskrittibbli (IRU - indefeasible rights of use).

 

“Koinvestiment f’FTTH” tfisser arranġament bejn fornituri indipendenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bil-għan li jużaw netwerks FTTH b’mod konġunt, speċjalment f’żoni popolati inqas densament. Il-koinvestiment ikopri arranġamenti legali differenti, iżda ġeneralment il-koinvestituri jibnu l-infrastruttura tan-netwerk u jikkondividu l-aċċess fiżiku għal dik l-infrastruttura.

Aċċess għall-infrastruttura ta’ netwerk fiżiku bl-ingrossa (Suq 4)

12.

Meta jinstab SMP fis-Suq 4, l-ARN għandhom jimponu sett xieraq ta’ rimedji li jqisu b’mod partikolari l-prinċipji stipulati hawn taħt.

Aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SM

13.

Fejn ikun hemm kapaċità ta’ kanal, l-ARN għandhom jawtorizzaw l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili. L-aċċess għandu jiġi pprovdut skont il-prinċipji tal-ekwivalenza kif stipulati fl-Anness II.

14.

L-ARN għandhom jassiguraw li l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili jiġi pprovdut bi prezzijiet orjentati lejn l-ispejjeż skont l-Anness I.

15.

Meta tintalab offerta ta’ referenza għall-aċċess għall-infrastruttura tal-inġenerija ċivili l-ARN għandha tawtorizza din l-offerta mill-aktar fis possibbli. L-offerta ta’ referenza għandha tkun saret mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun saret it-talba.

16.

L-ARN għandhom, skont id-domanda tas-suq, jinkoraġġixxu, jew, fejn ikun legalment possibbli skont il-liġi nazzjonali, jobbligaw lill-operatur SMP, meta jkun qed jibni l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, sabiex jinstalla kapaċità suffiċjenti għal operaturi oħra biex jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet.

17.

L-ARN għandhom jaħdmu ma’ awtoritajiet oħra sabiex jistabbilixxu database li jkun fiha informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika, il-kapaċità disponibbli u karatteristiċi fiżiċi oħra tal-infrastruttura tal-inġenerija ċivili kollha li jistgħu jintużaw għall-użu ta’ netwerks tal-fibrottika f’suq jew segment tas-suq. Database bħal din għandha tkun aċċessibbli għall-operaturi kollha.

Aċċess għas-segment ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ FTTH

18.

Fejn operatur SMP juża FTTH, l-ARN għandhom, minbarra li jawtorizzaw aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, jawtorizzaw aċċess għas-segment ta’ terminazzjoni tan-netwerk ta’ aċċess tal-operatur SMP, inkluż il-mogħdija tal-wajers fil-bini. Għal dan il-għan, l-ARN għandhom jobbligaw lill-operatur SMP sabiex jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-arkitettura tan-netwerk ta’ aċċess tiegħu u, wara konsultazzjoni ma’ dawk li potenzjalment ikunu qed ifittxu aċċess fuq punti ta’ aċċess vijabbli, jistabbilixxu fejn għandu jkun il-punt ta’ distribuzzjoni tas-segment ta’ terminazzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-iskop li jawtorizzaw l-aċċess, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/19/KE. Fit-teħid ta’ deċiżjoni bħal din, l-ARN għandhom jikkunsidraw il-fatt li kwalunkwe punt ta’ distribuzzjoni jrid jilqa’ għadd suffiċjenti ta’ konnessjonijiet ta’ utenti finali sabiex ikun kummerċjalment vijabbli għal min ifittex l-aċċess.

19.

L-operatur SMP għandu jkun obbligat li jipprovdi aċċess għall-punti ta’ distribuzzjoni skont il-prinċipji tal-ekwivalenza kif stipulati fl-Anness II. Meta jkun hemm talba għal offerta ta’ referenza għal aċċess għas-segment ta’ terminazzjoni, l-ARN għandha tawtorizza din l-offerta mill-aktar fis possibbli. L-offerta ta’ referenza għandha tkun saret mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun saret it-talba.

20.

L-ARN għandhom jassiguraw li l-aċċess għas-segment ta’ terminazzjoni jiġi pprovdut bi prezzijiet orjentati lejn l-ispejjeż skont l-Anness I.

21.

L-ARN għandhom, skont id-domanda tas-suq, jinkoraġġixxu, jew, fejn ikun legalment possibbli skont il-liġi nazzjonali, jobbligaw lill-operatur SMP sabiex juża linji b’fibri multipli fis-segment ta’ terminazzjoni.

Aċċess unbundled għal-loop tal-fibra fil-każ ta’ FTTH

22.

Skont il-prinċipji previsti fid-Direttiva 2002/19/KE (5), fejn l-operatur SMP juża FTTH, l-ARN għandhom fil-prinċipju jawtorizzaw aċċess unbundled għal-loop tal-fibra. Kull eċċezzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss f’żoni ġeografiċi fejn il-preżenza ta’ diversi infrastrutturi alternattivi, bħal netwerks FTTH u/jew kejbil, flimkien ma’ offerti kompetittivi ta’ aċċess, aktarx li twassal għal kompetizzjoni effettiva fil-livell downstream. L-impożizzjoni ta’ aċċess unbundled għal-loop tal-fibra għandha tkun akkumpanjata b’miżuri xierqa li jassiguraw kopożizzjoni u backhaul. L-aċċess għandu jingħata fl-iżjed punt xieraq fin-netwerk, li normalment huwa l-Punt ta’ Preżenza Metropolitan (MPoP).

23.

L-ARN għandhom jawtorizzaw aċċess unbundled għal-loop tal-fibra, irrispettivament mill-arkitettura tan-netwerk u t-teknoloġija implimentata mill-operatur SMP.

24.

L-offerta ta’ referenza eżistenti ta’ LLU għandha tkun kumplimentata kemm jista’ jkun malajr sabiex tinkludi l-aċċess unbundled għal-loop tal-fibra. Id-Direttiva 2002/19/KE Anness II tistabbilixxi lista minima ta’ kundizzjonijiet li jridu jkunu parti mill-offerta ta’ referenza għal LLU, u li għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aċċess unbundled għal-loop tal-fibra. L-offerta ta’ referenza għandha tkun fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sitt xhur wara li ARN tkun imponiet l-obbligu li jingħata aċċess.

25.

Il-prezz tal-aċċess għal-loop unbundled tal-fibra għandu jkun orjentat lejn l-ispejjeż. L-ARN għandhom jikkunsidraw sewwa r-riskju ta’ investiment addizzjonali u kwantifikabbli li jkun għamel l-operatur SMP meta jistabbilixxu l-prezz tal-aċċess għal-loop unbundled tal-fibra. Fil-prinċipju, dan ir-riskju għandu jkun rifless fi primjum inkluż fil-prezz tal-kapital għall-investiment rilevanti kif stipulat fl-Anness I.

26.

L-ARN għandhom jivvalutaw ukoll l-iskemi tal-ipprezzar proposti mill-operatur SMP sabiex jiddiversifika r-riskju tal-investiment. L-ARN għandhom jaqblu ma’ skemi bħal dawn biss jekk ikunu sodisfatti li l-operatur SMP ikun ipprovda l-informazzjoni kollha rilevanti relatata mal-investiment, u biss jekk tali skemi ma jkollhomx effett diskriminatorju jew ta’ esklużjoni. Kriterji għall-valutazzjoni ta’ dawn l-iskemi ta’ pprezzar huma stabbiliti fl-Anness I.

27.

F’każijiet bħal dawn, l-ARN għandhom jassiguraw li jibqa’ marġini suffiċjenti bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut sabiex jippermetti d-dħul fis-suq minn kompetitur effiċjenti. L-ARN għalhekk għandhom jivverifikaw l-imġiba fl-ipprezzar tal-operatur SMP billi japplikaw test speċifikat kif għandu jkun tal-pressjoni fuq il-marġini tul qafas ta’ żmien xieraq. L-ARN għandhom jispeċifikaw minn qabel il-metodoloġija li jkunu ser jużaw sabiex jidentifikaw it-test tal-imputazzjoni, il-parametri għat-test tal-pressjoni fuq il-marġini u l-mekkaniżmi ta’ rimedju f’każ ta’ stabbiliment ta’ pressjoni fuq il-marġini.

28.

Fejn il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fiż-żona koperta mill-użu konġunt ta’ netwerks FTTH ibbażati fuq linji tal-fibra multipli minn diversi koinvestituri jkunu differenti b’mod sostanzjali, jiġifieri li jiġġustifikaw id-definizzjoni ta’ suq ġeografiku separat, l-ARN għandhom jeżaminaw, matul l-analiżi tas-suq tagħhom, jekk, fid-dawl tal-livell ta’ kompetizzjoni tal-infrastruttura li tirriżulta mill-koinvestiment, tkunx ġustifikata sejba ta’ SMP fir-rigward ta’ dak is-suq. F’dan il-kuntest, l-ARN għandhom b’mod partikolari jeżaminaw jekk kull koinvestitur igawdix aċċess ekwivalenti u orjentat lejn l-ispejjeż għall-infrastrutura konġunta u jekk il-koinvestituri fil-fatt ikunux qegħdin jikkompetu fis-suq downstream. Huma għandhom jeżaminaw ukoll jekk il-koinvestituri jinstallawx kapaċità suffiċjenti ta’ kanali għal partijiet terzi sabiex jużawha u jagħtux aċċess orjentat lejn l-ispejjeż għal tali kapaċità.

Obbligi ta’ aċċess fil-każ ta’ FTTN

29.

L-ARN għandhom jimponu obbligu ta’ aċċess unbundled għas-subloop tar-ram. Rimedju ta’ unbundling tas-subloop tar-ram għandu jkun supplimentat b’miżuri ta’ backhaul, fosthom fibra u backhaul tal-Ethernet fejn ikun xieraq, u b’rimedji anċillari li jassiguraw l-effikaċja u l-vijabilità tiegħu, bħall-aċċess mhux diskriminatorju għal faċilitajiet għal kopożizzjoni, jew fin-nuqqas tagħhom, kopożizzjoni ekwivalenti. L-offerta ta’ referenza għandha tkun fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sitt xhur wara li ARN tkun imponiet l-obbligu li jingħata aċċess.

30.

Meta l-ARN jimponu unbundling ta’ subloop tar-ram, l-operatur SMP għandu jkun meħtieġ li jikkumplimenta l-offerta ta’ referenza eżistenti għal LLU bl-affarijiet kollha neċessarji. Il-prezz tal-aċċess għall-affarijiet kollha għandu jkun orjentat lejn l-ispejjeż skont l-Anness I.

Aċċess għall-broadband bl-ingrossa (Suq 5)

31.

Meta jinstab SMP fis-Suq 5, għandhom jinżammu jew jiġu emendati r-rimedji eżistenti ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa għas-servizzi u s-sostituti tal-katina tagħhom. L-ARN għandhom jikkunsidraw l-aċċess għall-broadband bl-ingrossa fuq VDSL bħala sostitut ta’ katina għall-aċċess eżistenti għall-broadband bl-ingrossa fuq loops tar-ram biss.

32.

L-ARN għandhom jobbligaw lill-operatur SMP ipoġġi għad-dispożizzjoni prodotti ġodda ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa fil-prinċipju tal-inqas sitt xhur qabel ma l-operatur SMP jew is-sussidjarju tiegħu bl-imnut jikkummerċjalizza s-servizzi ta’ NGA bl-imnut korrispondenti tiegħu, sakemm ma jkunx hemm salvagwardji effettivi oħra li jiggarantixxu n-nondiskriminazzjoni.

33.

L-ARN għandhom jawtorizzaw il-forniment ta’ prodotti differenti bl-ingrossa li jirriflettu l-aħjar f’termini tal-medda ta’ frekwenzi u l-kwalità, il-kapaċitajiet teknoloġiċi inerenti fl-infrastruttura NGA sabiex jippermettu operaturi alternattivi jikkompetu b’mod effettiv, fosthom għal servizzi ta’ livell kummerċjali.

34.

L-ARN għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiddefinixxu speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa għall-prodotti ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa pprovduti fuq NGAs u jipprovdu informazzjoni lill-korpi internazzjonali għall-istandards sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ standards rilevanti għall-industrija.

35.

L-ARN għandhom fil-prinċipju jimponu orjentament lejn l-ispejjeż fuq il-prodotti awtorizzati ta’ aċċess għall-broadband bl-ingrossa skont l-Anness I, billi jqisu d-differenzi fil-medda ta’ frekwenzi u l-kwalità tad-diversi offerti bl-ingrossa.

36.

L-ARN għandhom janalizzaw jekk ikunx meħtieġ obbligu ta’ orjentament lejn l-ispejjeż fuq l-aċċess awtorizzat għall-broadband bl-ingrossa sabiex tinkiseb kompetizzjoni effettiva f’każ li s-separazzjoni funzjonali jew forom oħra ta’ separazzjoni jkunu ġew ippruvati b’mod effettiv li jipprovdu ekwivalenza tal-aċċess. Fin-nuqqas ta’ orjentament lejn l-ispejjeż, l-ARN għandhom jimmonitorjaw l-imġiba tal-operatur SMP fl-ipprezzar billi japplikaw test speċifikat xieraq tal-pressjoni fuq il-marġini.

37.

Fejn l-ARN iħossu li, f’żona ġeografika partikolari, ikun hemm aċċess effettiv għall-unbundled loop tal-fibra tan-netwerk tal-operatur SMP u li tali aċċess ikun probabbli li jirriżulta f’kompetizzjoni effettiva fil-livell downstream, l-ARN għandhom jikkunsidraw it-tneħħija tal-obbligu ta’ aċċess bitstream bl-ingrossa fiż-żona kkonċernata.

38.

Meta jeżaminaw jekk tkunx preżenti SMP, l-ARN għandhom, fil-każ ta’ koinvestiment, ikunu ggwidati mill-prinċipji stipulati fil-paragrafu 28.

Migrazzjoni

39.

L-obbligi eżistenti ta’ SMP fir-rigward tas-Swieq 4 u 5 għandhom jissoktaw u m’għandhomx jitneħħew b’bidliet fl-arkitettura u t-teknoloġija tan-netwerk eżistenti, sakemm ma jintlaħaqx ftehim dwar passaġġ ta’ migrazzjoni xieraq bejn l-operatur SMP u l-operaturi li fil-preżent igawdu aċċess għan-netwerk tal-operatur SMP. Fin-nuqqas ta’ ftehim simili, l-ARN għandhom jassiguraw li l-operaturi alternattivi jiġu infurmati mhux inqas minn ħames snin, u fejn xieraq iqisu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, qabel kwalunkwe għeluq ta’ punti ta’ interkonnessjoni bħal-loop exchange lokali. Dan il-perjodu jista’ jkun inqas minn ħames snin jekk jiġi pprovdut aċċess għal kollox ekwivalenti fil-punt tal-interkonnessjoni.

40.

L-ARN għandhom jimplimentaw qafas trasparenti għall-migrazzjoni minn netwerks ibbażati fuq ir-ram għal netwerks ibbażati fuq il-fibra. L-ARN għandhom jassiguraw li s-sistemi u l-proċeduri mdaħħla mill-operatur SMP, inklużi s-sistemi ta’ appoġġ operattiv, ikunu ddisinjati b’mod li jiffaċilitaw il-qlib ta’ fornituri alternattivi għal prodotti ta’ aċċess ibbażati fuq NGA.

41.

L-ARN għandhom jużaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE biex jiksbu informazzjoni mingħand l-operatur SMP dwar kwalunkwe pjanijiet ta’ modifika fin-netwerk li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet kompetittivi f’suq jew sottosuq partikolari. Fejn l-operatur SMP ikun qiegħed jipprevedi li jibdel parti min-netwerk ta’ aċċess eżistenti tiegħu bbażat fuq ir-ram, bil-fibra, u jkollu f’moħħu li jagħlaq punti ta’ interkonnessjoni li f’dak il-ħin ikunu qegħdin jintużaw, l-ARN għandhom, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/19/KE jassiguraw li l-impriżi li jgawdu aċċess għan-netwerk tal-operatur SMP jirċievu l-informazzjoni kollha neċessarja fil-ħin sabiex jaġġustaw in-netwerks u l-pjanijiet ta’ estensjoni ta’ netwerks tagħhom stess kif meħtieġ. L-ARN għandhom jiddefinixxu l-format u l-livell ta’ dettall ta’ dik l-informazzjoni, u jassiguraw li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità stretta tal-informazzjoni żvelata.

42.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(2)  ĠU L 344, 28.12.2007, p. 65.

(3)  Ara wkoll il-Premessa 60 tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37).

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(5)  Ara b’mod partikolari l-Premessa 19


ANNESS I

Prinċipji tal-ipprezzar u r-riskju

1.   PRINĊIPJI KOMUNI GĦALL-IPPREZZAR TAL-AĊĊESS GĦALL-NGA

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-ARN għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-forniment ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika, servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u s-servizzi u l-faċilitajiet assoċjati, inter alia billi jinkoraġġixxu investiment effiċjenti fl-infrastruttura. Meta jiddeterminaw il-bażi tal-ispejjeż użata għall-obbligi tal-orjentament lejn l-ispejjeż, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/19/KE, l-ARN għandhom jikkunsidraw jekk id-duplikazzjoni tal-infrastruttura rilevanti għall-aċċess ta’ NGA tkunx ekonomikament vijabbli u effiċjenti. Fejn dan ma jkunx il-każ, l-għan prinċipali huwa li jinħolqu kundizzjonijiet ugwali ġenwini bejn il-fergħa downstream tal-operatur SMP u l-operaturi ta’ netwerks alternattivi. Approċċ regolatorju konsistenti għalhekk jista’ jimplika li l-ARN jużaw bażijiet differenti ta’ spejjeż għall-kalkolu tal-prezzijiet orjentati lejn l-ispejjeż għal assi replikabbli u mhux replikabbli, jew għallinqas jaġġustaw il-parametri li fuqhom huma bbażati l-metodoloġiji tal-ispejjeż tagħhom fil-każ tal-aħħar.

F’każijiet fejn l-investiment f’NGAs jiddependi għall-profittabilità tiegħu fuq ċerti fatturi bħas-suppożizzjonijiet ta’ ARPUs konsiderevolment ogħla jew żieda fl-ishma tas-suq, l-ARN għandhom jivvalutaw jekk l-ispiża tal-kapital tirriflettix ir-riskju akbar tal-investiment meta pparagunat mal-investiment fin-netwerks preżenti bbażati fuq ir-ram. Jistgħu jintużaw ukoll mekkaniżmi addizzjonali li jservu biex jallokaw ir-riskju tal-investiment bejn l-investituri u dawk li jfittxu aċċess u biex jippromwovu l-penetrazzjoni fis-suq, bħal prezzijiet tal-aċċess għal perjodu fit-tul jew skontijiet għall-volum. Tali mekkaniżmi tal-ipprezzar għandhom jiġu valutati mill-ARN skont il-kriterji stipulati fis-sezzjonijiet 7 u 8 aktar ’l isfel.

Sabiex jinfurzaw l-obbligi ta’ orjentament lejn l-ispejjeż, l-ARN għandhom jimponu separazzjoni tal-kontabilità skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/19/KE. Għandhom jiġu stabbiliti kontijiet separati għall-infrastruttura NGA u/jew għal elementi tas-servizz li għalihom ikun ġie awtorizzat l-aċċess b’mod li l-ARN tkun tista’ (i) tidentifika l-ispiża tal-assi kollha rilevanti sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-aċċess (inklużi d-deprezzament u l-bidliet fil-valutazzjoni) u (ii) timmonitorja b’mod effettiv jekk l-operatur SMP jagħtix aċċess bl-istess kundizzjonijiet u prezzijiet lil parteċipanti oħra tas-suq bħal tal-fergħa downstream tiegħu. Monitoraġġ bħal dan għandu jinkludi t-twettiq ta’ testijiet tal-pressjoni fuq il-marġini. L-ispejjeż għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bejn id-diversi prodotti bl-ingrossa u bl-imnut li jiddependu fuq tali inputs, sabiex jiġi evitat l-għadd doppju.

L-ARN għandhom jikkalkulaw l-ispejjeż inkrimentali li jkunu meħtieġa sabiex jiġi pprovdut aċċess għall-faċilitajiet ikkonċernati. Tali spejjeż jirrigwardaw l-ordnar u l-provvediment tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili jew il-fibra; l-ispejjeż operattivi u ta’ manutenzjoni għas-sistemi tal-IT; u l-ispejjeż operattivi assoċjati mal-immaniġġjar tal-prodotti bl-ingrossa. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu allokati fuq bażi proporzjonata bejn l-impriżi kollha li jgawdu aċċess, inkluża l-fergħa downstream tal-operatur SMP.

2.   IPPREZZAR TAL-AĊĊESS GĦALL-INFRASTRUTTURA TAL-INĠINERIJA ĊIVILI

L-aċċess għall-infrastruttura eżistenti tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP fis-Suq 4 għandu jkun awtorizzat bi prezzijiet orjentati lejn l-ispejjeż. L-ARN għandhom jirregolaw il-prezzijiet tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili b’mod konsistenti mal-metodoloġija użata għall-ipprezzar tal-aċċess għall-unbundled loop lokali tar-ram. L-ARN għandhom jassiguraw li l-prezzijiet tal-aċċess jirriflettu l-ispejjeż li fil-fatt jagħmel l-operatur SMP. L-ARN għandhom b’mod partikolari jqisu t-tul reali tal-ħajja tal-infrastruttura rilevanti u l-ekonomiji possibbli ta’ użu tal-operatur SMP. Il-prezzijiet tal-aċċess għandhom jirriflettu l-valur proprju tal-infrastruttura kkonċernata, fosthom id-deprezzament tagħha.

Meta jiffissaw il-prezz tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, l-ARN m’għandhomx iqisu l-profil tar-riskju bħala differenti minn dak tal-infrastruttura bbażata fuq ir-ram, ħlief fejn l-operatur SMP kellu jagħmel spejjeż speċifiċi ta’ inġinerija ċivili – lil hinn mill-ispejjeż normali ta’ manutenzjoni – sabiex juża netwerk NGA.

3.   IPPREZZAR TAL-AĊĊESS GĦAS-SEGMENT TA’ TERMINAZZJONI FIL-KAŻ TA’ FTTH

L-ARN għandhom jiffissaw il-prezzijiet tal-aċċess għall-punt ta’ distribuzzjoni b’mod konsistenti mal-metodoloġija użata għall-ipprezzar tal-aċċess għall-unbundled loop lokali tar-ram. L-ARN għandhom jassiguraw li l-prezzijiet tal-aċċess jirriflettu l-ispejjeż li fil-fatt jagħmel l-operatur SMP, fosthom, fejn ikun xieraq, primjum ogħla tar-riskju biex jirrifletti kwalunkwe riskju addizzjonali u kwantifikabbli li jassumi l-operatur SMP.

4.   IPPREZZAR TAL-AĊĊESS GĦALL-FIBRA FIL-MPOP FIL-KAŻ TA’ FTTH (UNBUNDLED LOOP TAL-FIBRA)

Meta jiffissaw il-prezzijiet tal-aċċess għall-unbundled loop tal-fibra, l-ARN għandhom jinkludu primjum ogħla tar-riskju sabiex jirrifletti kwalunkwe riskju ta’ investiment addizzjonali u kwantifikabbli li jagħmel l-operatur SMP. Il-primjum tar-riskju għandu jiġi stmat skont il-metodoloġija stabbilita fis-sezzjoni 6 aktar ’l isfel. Tista’ tingħata flessibbiltà addizzjonali fil-prezzijiet skont is-sezzjonijiet 7 u 8 aktar ’l isfel.

Bil-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-prezz mitlub lill-fergħa downstream tal-operatur SMP għandu jkun l-istess bħall-prezz mitlub lil partijiet terzi.

5.   IPPREZZAR TAL-AĊĊESS GĦAS-SUBLOOP TAR-RAM FIL-KAŻ TA’ FTTN

L-ARN għandhom jimponu aċċess ibbażat fuq l-ispejjeż għall-affarijiet kollha neċessarji sabiex jippermettu unbundling tas-subloops, fosthom miżuri ta’ backhaul u rimedji anċillari, bħall-aċċess nondiskriminatorju għall-faċilitajiet għal kopożizzjoni, jew fin-nuqqas tagħhom, kopożizzjoni ekwivalenti.

Il-prezzijiet irregolati tal-aċċess m’għandhomx ikunu ogħla mill-ispiża li jagħmel operatur effiċjenti. Għal dan il-għan, l-ARN jistgħu jikkunsidraw li jevalwaw dawn l-ispejjeż billi jużaw mudellar jew standards minn isfel għal fuq, fejn disponibbli.

Meta jiffissaw il-prezz tal-aċċess għas-subloop tar-ram, l-ARN m’għandhomx iqisu l-profil tar-riskju bħala differenti minn dak tal-infrastruttura eżistenti tar-ram.

6.   KRITERJI GĦALL-ISTABBILIMENT TAL-PRIMJUM TAR-RISKJU

Ir-riskji tal-investiment għandhom jiġu kkompensati permezz ta’ primjums tar-riskju inkorporati fl-ispiża tal-kapital. Il-profitt fuq il-kapital permess ex ante għall-investiment f’netwerks ta’ NGA għandu joħloq bilanċ bejn, minn naħa waħda, il-provvediment ta’ inċentivi adegwati sabiex l-impriżi jinvestu (li timplika rata suffiċjentement għolja ta’ profitt) u l-promozzjoni ta’ effiċjenza allokattiva, kompetizzjoni sostenibbli, u benefiċċji massimi għall-konsumatur min-naħa l-oħra (li timplika rata ta’ profitt li ma tkunx eċċessiva). Biex isir dan, l-ARN għandhom, fejn ikun ġustifikat, jinkludu fuq il-perjodu meħtieġ sabiex jinfdew l-ispejjeż tal-investiment, suppliment li jirrifletti r-riskju tal-investiment fil-kalkolu tal-WACC li attwalment isir sabiex jiġi ffissat il-prezz tal-aċċess għall-unbundled loop tar-ram. Il-kalibrazzjoni tal-flussi tad-dħul sabiex jiġi kkalkulat il-WACC għandha tqis id-dimensjonijiet kollha tal-kapital użat, fosthom l-ispejjeż xierqa tal-ħaddiema, l-ispejjeż tal-bini, it-tkabbir previst fl-effiċjenza u l-valur terminali tal-assi, skont il-Premessa 20 tad-Direttiva 2002/19/KE.

L-ARN għandhom jistmaw ir-riskju tal-investiment inter alia billi jqisu l-fatturi ta’ inċertezza li ġejjin: (i) inċertezza relatata mad-domanda bl-imnut u bl-ingrossa; (ii) inċertezza relatata mal-ispejjeż tal-użu, ix-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili u l-eżekuzzjoni maniġerjali; (iii) inċertezza relatata mal-progress teknoloġiku; (iv) inċertezza relatata mad-dinamiċi tas-suq u s-sitwazzjoni kompetittiva li tevolvi, bħal-livell ta’ kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u/jew il-kejbil; u (v) inċertezza makroekonomika. Dawn il-fatturi jistgħu jinbidlu maż-żmien, b’mod partikolari minħabba ż-żieda progressiva fid-domanda bl-imnut u bl-ingrossa. L-ARN għalhekk għandhom jirrevedu s-sitwazzjoni f’intervalli regolari u jaġġustaw il-primjum tar-riskju maż-żmien, billi jikkunsidraw il-varjazzjonijiet fil-fatturi hawn fuq imsemmija.

Kriterji bħall-eżistenza ta’ ekonomiji ta’ skala (speċjalment jekk l-investiment isir f’żoni urbani biss), ishma għoljin fis-suq bl-imnut, il-kontroll ta’ infrastrutturi essenzjali, l-iffrankar tal-OPEX, il-qligħ mill-bejgħ ta’ beni immobbli kif ukoll l-aċċess privileġġjat għas-swieq tal-ekwità u tad-djun huma probabbli li jtaffu r-riskju tal-investiment f’NGA għall-operatur SMP. Dawn l-aspetti għandhom jerġgħu jiġu valutati wkoll b’mod perjodiku mill-ARN meta jirrevedu l-primjum tar-riskju.

Il-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq japplikaw b’mod partikolari għall-investiment f’FTTH. L-investiment f’FTTN, mill-banda l-oħra, li huwa titjib parzjali f’netwerk ta’ aċċess eżistenti (bħal pereżempju VDSL), normalment għandu profil ta’ riskju aktar baxx minn investiment f’FTTH, tal-anqas f’żoni b’popolazzjoni densa. B’mod partikolari, hemm inqas inċertezza involuta dwar id-domanda għall-medda ta’ frekwenzi li għandha titwassal permezz ta’ FTTN/VDSL, u l-ħtiġijiet ġenerali ta’ kapital huma iżjed baxxi. Għalhekk, filwaqt li l-prezzijiet irregolati għal WBA bbażat fuq FTTN/VDSL għandhom jikkunsidraw kwalunkwe riskju ta’ investiment involut, tali riskju m’għandux jitqies li huwa tal-istess daqs bħar-riskju marbut ma’ prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa bbażati fuq FTTH. Meta jistabbilixxu primjums tar-riskju għal WBA bbażati fuq FTTN/VDSL, l-ARN għandhom jikkunsidraw sewwa dawn il-fatturi, u m’għandhomx fil-prinċipju japprovaw l-iskemi ta’ pprezzar stipulati fis-sezzjonijiet 7 u 8 aktar ’l isfel. L-ARN għandhom jikkonsultaw pubblikament dwar il-metodoloġija tagħhom sabiex jistabbilixxu l-primjum tar-riskju.

7.   KRITERJI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-IPPREZZAR TAL-AĊĊESS FUQ PERJODU FIT-TUL FIL-KAŻ TA’ FTTH

Il-prezzijiet tal-aċċess aġġustati għar-riskju, ibbażati fuq aċċess għal perjodu fit-tul, jistgħu jvarjaw bħala funzjoni taż-żmien li fuqu jsiru l-impenji tal-aċċess. Il-kuntratti ta’ aċċess għal perjodu fit-tul ikunu pprezzati f’livell aktar baxx għal kull linja ta’ aċċess milli kuntratti ta’ aċċess għal perjodu qasir. Il-prezzijiet tal-aċċess għal perjodu fit-tul għandhom jirriflettu biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur u għalhekk ma jistgħux ikunu iżjed baxxi mill-prezz orjentat lejn l-ispejjeż li miegħu ma jiżdied l-ebda primjum ogħla tar-riskju li jirrifletti r-riskju sistematiku tal-investiment. B’kuntratti fit-tul, il-konkorrenti jiksbu kontroll sħiħ tal-assi fiżiċi, li joffrilhom ukoll il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom f’kummerċ sekondarju. Il-kuntratti fuq perjodu qasir ikunu disponibbli mingħajr impenji fit-tul u għalhekk normalment ikunu pprezzati ogħla għal kull linja ta’ aċċess, bil-prezzijiet tal-aċċess jirriflettu l-valur potenzjali marbut mal-flessibbiltà ta’ din il-forma ta’ aċċess li jgawdi minnha min ifittex l-aċċess.

L-ipprezzar tal-aċċess fuq perjodu fit-tul jista’ madankollu maż-żmien jiġi abbużat mill-operatur SMP sabiex ibigħ is-servizzi bl-imnut tiegħu bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk għas-servizzi bl-ingrossa rregolati tiegħu (billi jitlob lill-fergħa downstream bl-imnut tiegħu prezzijiet baxxi għall-impenn fuq perjodu fit-tul), u b’hekk effettivament jagħlaq is-suq. Barra minn hekk, fornituri alternattivi li jkollhom bażi iżgħar ta’ klijenti u perspettivi kummerċjali mhux ċari, jiffaċċjaw livelli ogħla ta’ riskju. Dawn jistgħu ma jkunux kapaċi jintrabtu li jixtru fuq perjodu fit-tul. Għaldaqstant huma jistgħu jkollhom iqassmu l-investiment tagħhom u jixtru aċċess irregolat fi stadju aktar tard.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ipprezzar tal-aċċess fuq perjodu fit-tul ikun aċċettabbli biss jekk l-ARN jassiguraw li jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-prezzijiet tal-impenn fuq perjodu fit-tul jirriflettu biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur; u

(b)

Tul qafas ta’ żmien xieraq, ikun hemm marġini suffiċjenti bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut sabiex jippermetti dħul fis-suq minn kompetitur effiċjenti fis-suq downstream.

8.   KRITERJI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-ISKONTIJIET SKONT IL-VOLUM FIL-KAŻ TA’ FTTH

Il-prezzijiet tal-aċċess aġġustati għar-riskju bbażati fuq skontijiet skont il-volum jirriflettu l-fatt li r-riskju tal-investiment jonqos mal-għadd totali ta’ loops tal-fibra li diġà jkunu nbiegħu f’żona partikolari. Ir-riskju tal-investiment huwa marbut mill-qrib mal-għadd ta’ loops tal-fibra li jibqgħu mhux użati. Akbar ma jkun is-sehem tal-loops tal-fibra użati, inqas ikun ir-riskju. Il-prezzijiet tal-aċċess jistgħu għalhekk ivarjaw skont il-volum li jinxtara. Għandu jiġi awtorizzat skont f’livell wieħed li jkunu disponibbli bi prezz uniformi għal kull linja għall-operaturi kollha li jikkwalifikaw. L-ARN għandhom jidentifikaw il-volum ta’ linji li għandhom jinxtraw sabiex jinkiseb aċċess għal dan l-iskont skont il-volum, billi titqies l-iskala operattiva minima stmata li hija neċessarja għal min ikun qed ifittex aċċess biex jikkompeti b’mod effiċjenti fis-suq u l-ħtieġa li tinżamm l-istruttura tas-suq b’għadd suffiċjenti ta’ operaturi biex tkun żgurata kompetizzjoni effettiva. L-iskontijiet skont il-volum għandhom jirriflettu biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur u għalhekk ma jistgħux jirriżultaw fi prezzijiet tal-aċċess li jkunu iżjed baxxi mill-prezz orjentat lejn l-ispejjeż li miegħu ma jiżdied l-ebda primjum ogħla tar-riskju li jirrifletti r-riskju sistematiku tal-investiment. Meta wieħed iqis li l-primjum tar-riskju normalment għandu jonqos wara li tintlaħaq iż-żieda ġenerali fid-domanda bl-imnut u bl-ingrossa, l-iskont skont il-volum għandhom ukoll imbagħad jonqsu u ma jkunux aktar ġustifikati ladarba d-domanda bl-imnut u bl-ingrossa tintlaħaq f’livelli għolja.

Skont skont il-volum għandhom jiġu aċċettati biss mill-ARN bil-kundizzjoni li jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Jiġi kkalkulat livell wieħed ta’ skont skont il-volum għal kull żona kif imkejla kif xieraq mill-ARN filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali u l-istruttura tan-netwerk u li japplika l-istess għal dawk kollha li jfittxu aċċess li, fiż-żona kkonċernata, ikunu lesti li jixtru tal-anqas il-volum ta’ linji li jagħti aċċess għall-iskont; u

(b)

L-iskont skont il-volum jirrifletti biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur; u

(c)

Tul qafas ta’ żmien xieraq ikun hemm marġini suffiċjenti bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut sabiex jippermetti d-dħul fis-suq ta’ kompetitur effiċjenti.


ANNESS II

Applikazzjoni tal-prinċipju tal-ekwivalenza għall-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP għall-iskop tat-tixrid tan-netwerks NGA

1.   PRINĊIPJU TAL-EKWIVALENZA

L-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP jista’ jirrappreżenta input importanti għall-użu tan-netwerks NGA. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali fost il-konkorrenti u l-operatur SMP, huwa importanti li tali aċċess jiġi pprovdut fuq bażi strettament ekwivalenti. L-ARN għandhom jeħtieġu li l-operatur SMP jipprovdi aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tiegħu bl-istess kundizzjonijiet għal dawk li jtiffxu aċċess internament u dawk ta’ parti terza. B’mod partikolari l-operatur SMP għandu jaqsam l-informazzjoni kollha neċessarja rigward il-karatteristiċi tal-infrastruttura, u japplika l-istess proċeduri għall-ordnar u l-provvediment tal-aċċess. L-offerti ta’ referenza u l-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz huma strumentali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-ekwivalenza. Bl-istess mod, huwa importanti li kwalunkwe għarfien asimetriku li jkollu l-operatur SMP dwar il-pjanijiet għat-tixrid ta’ partijiet terzi li jkunu qegħdin ifittxu aċċess ma jintużax mill-operatur SMP sabiex jikseb vantaġġ kummerċjali mhux ġustifikat.

2.   INFORMAZZJONI DWAR L-INFRASTRUTTURA TAL-INĠINERIJA ĊIVILI U L-PUNTI TA’ DISTRIBUZZJONI

L-operatur SMP għandu jipprovdi lill-partijiet terzi li jkunu qegħdin ifittxu aċċess l-istess livell ta’ informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u l-punti ta’ distribuzzjoni tiegħu bħalma jkun disponibbli internament. Din l-informazzjoni għandha tkopri l-organizzazzjoni tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tal-elementi differenti li tkun magħmula minnhom l-infrastruttura. Fejn tkun disponibbli, għandha tingħata l-pożizzjoni ġeografika ta’ dawn l-elementi, fosthom kanali, arbli u assi fiżiċi oħra (eż. kompartimenti għall-manutenzjoni), kif ukoll l-ispazju disponibbli fil-kanali. Għandha tiġi pprovduta wkoll il-pożizzjoni ġeografika tal-punti ta’ distribuzzjoni u lista tal-binjiet ikkonnettjati.

L-operatur SMP għandu jispeċifika r-regoli ta’ intervent u l-kundizzjonijiet tekniċi kollha relatati mal-aċċess u l-użu ta’ infrastruttura tal-inġinerija ċivili u l-punti ta’ distribuzzjoni tiegħu, u tal-elementi differenti li minnhom tkun magħmula l-infrastruttura. Għandhom japplikaw l-istess regoli u kundizzjonijiet għal terzi li jfittxu aċċess bħal ta’ dawk li jfittxu aċċess internament.

L-operatur SMP għandu jipprovdi l-għodod sabiex ikun assigurat aċċess tajjeb għall-informazzjoni, bħal direttorji, databases jew portals tal-web faċilment aċċessibbli. L-informazzjoni għandha tiġi aġġornata b’mod regolari, b’mod li tqis l-evoluzzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-informazzjoni ulterjuri li tinġabar, b’mod partikolari fl-okkażjoni ta’ proġetti ta’ tnedija tal-użu tal-fibra mill-operatur SMP jew oħrajn li jfittxu aċċess.

3.   ORDNAR U PROVVEDIMENT TAL-AĊĊESS

L-operatur SMP għandu jimplimenta l-proċeduri u l-għodod neċessarji sabiex jassiguraw aċċess u użu effiċjenti tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u l-punti ta’ distribuzzjoni tiegħu, u l-elementi differenti li minnhom tkun magħmula l-infrastruttura. B’mod partikolari, l-operatur SMP għandu jipprovdi lil terzi li jfittxu aċċess, b’ordnaru provvediment minn punt għal punt u b’sistemi għall-ġestjoni tal-ħsarat, ekwivalenti għal dawk ipprovduti lil dawk li jfittxu aċċess internament. Dan għandu jinkludi miżuri mmirati sabiex jiddekonġestjonaw kanali użati fil-preżent.

It-talbiet għall-informazzjoni, l-aċċess u l-użu tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, il-punti ta’ distribuzzjoni u l-elementi differenti li tikkonsisti minnhom l-infrastruttura, minn partijiet terzi li jfittxu aċċess għandhom jiġu pproċessati fl-istess żmien bħal talbiet ekwivalenti minn dawk li jfitxu aċċess internament. Għandu jiġi pprovdut ukoll l-istess livell ta’ viżibilità dwar il-progress tat-talbiet, u t-tweġibiet negattivi għandhom jiġu ġġustifikati b’mod oġġettiv.

Is-sistemi tal-informazzjoni tal-operatur SMP għandhom iżommu rekords tal-immaniġġjar tat-talbiet li għandhom ikunu disponibbli għall-ARN.

4.   INDIKATURI TAL-LIVELL TA’ SERVIZZ

Sabiex ikun assigurat li l-aċċess u l-użu tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP jiġi pprovdut fuq bażi ekwivalenti, għandhom jiġu definiti u kkalkulati indikaturi tal-livell ta’ servizz għal dawk li jfittxu aċċess internament kif ukoll għall-partijiet terzi. L-indikaturi tal-livell ta’ servizz għandhom ikejlu r-reattività tal-operatur SMP sabiex iwettaq dawk l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jipprovdi aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tiegħu. Il-livelli ta’ servizz fil-mira għandhom jiġu miftiehma ma’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-aċċess.

L-indikaturi tal-livell ta’ servizz għandhom jinkludu ż-żmien sabiex jitwieġbu talbiet għall-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ elementi tal-infrastruttura, fosthom kanali, arbli, assi fiżiċi oħra (eż. toqob tal-ispezzjonar), jew punti ta’ distribuzzjoni; id-dewmien sabiex titwieġeb talba għall-possibbiltà li jintużaw elementi tal-infrastruttura; kejl tar-reattività sabiex jiġu mmaniġġjati talbiet għall-aċċess u l-użu ta’ elementi tal-infrastruttura; kejl tar-reattività għal proċessi ta’ soluzzjoni tal-ħsarat.

Il-kalkolu tal-indikaturi tal-livell ta’ servizz għandha ssir f’intervalli fissi, regolari u tiġi ppreżentata lill-partijiet terzi li jfittxu aċċess. L-ARN għandha tikkontrolla li l-livelli ta’ servizz mogħtija lill-partijiet terzi li jfittxu aċċess jkunu ekwivalenti għal dawk mogħtija internament mill-operatur SMP. L-operatur SMP għandu jintrabat li jagħti kumpens adegwat f’każ li ma jirrispettax il-livelli ta’ servizz fil-mira miftiehma mal-partijiet terzi li jfittxu aċċess.

5.   OFFERTA TA’ REFERENZA

L-affarijiet differenti li huma meħtieġa sabiex jiġi pprovdut aċċess ekwivalenti għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP għandhom jiġu ppubblikati f’offerta ta’ referenza, jekk issir talba għal din l-offerta minn min ifittex aċċess. Bħala minimu, l-offerta ta’ referenza għandha tinkludi l-proċeduri u l-għodod rilevanti sabiex tinkiseb informazzjoni dwar l-assi tal-inġinerija ċivili; tiddeskrivi l-kundizzjonijiet tal-aċċess u l-użu għall-elementi differenti li jiffurmaw l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili; tiddeskrivi l-proċeduri u l-għodod għall-ordnar tal-aċċess, il-provvediment u l-ġestjoni tal-ħsarat; u tistabbilixxi l-livelli ta’ servizz fil-mira u l-penali għall-ksur ta’ dawk il-livelli ta’ servizz. Il-provvediment tal-aċċess intern għandu jkun ibbażat fuq l-istess termini u kundizzjonijiet li jinsabu fl-offerta ta’ referenza pprovduta lill-partijiet terzi li jfittxu aċċess.

6.   MONITORAĠĠ MILL-ARN

L-ARN għandhom jiżguraw li l-prinċipju tal-ekwivalenza jiġi applikat b’mod effettiv. Għal dan il-għan huma għandhom jaraw li meta jitolbu, il-partijiet terzi li jfittxu aċċess jiġu pprovduti b’offerta ta’ referenza għal aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili fil-waqt. Barra minn hekk, flimkien mar-rapporti dwar il-livell ta’ servizz, l-ARN għandhom jassiguraw li l-operaturi SMP iżommu rekord tal-elementi kollha neċessarji sabiex jimmonitorjaw l-osservanza tar-rekwiżit tal-aċċess ekwivalenti. Din l-informazzjoni għandha tippermetti lill-ARN jagħmlu kontrolli regolari, sabiex jivverifikaw li l-operatur SMP jipprovdi l-livell meħtieġ ta’ informazzjoni lill-partijiet terzi li jfittxu aċċess u li l-proċeduri għall-ordnar u l-provvediment tal-aċċess ikunu applikati sewwa.

Barra minn hekk, l-ARN għandhom jassiguraw li jkun hemm proċedura ex-post rapida għas-soluzzjoni tat-tilwimiet.

7.   ASIMETRIJA TAL-INFORMAZZJONI

L-operatur prinċipali jkollu għarfien minn qabel tal-pjanijiet ta’ użu tal-partijiet terzi li jfittxu aċċess. Sabiex jiġi evitat li tali informazzjoni tintuża sabiex jinkiseb vantaġġ kompetittiv mhux xieraq, l-operatur SMP responsabbli mit-tħaddim tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili m’għandux jaqsam dik l-informazzjoni mal-fergħa bl-imnut downstream tiegħu.

L-ARN għandhom bħala minimu jassiguraw li dawk il-persuni involuti fl-attivitajiet tal-fergħa bl-imnut tal-operatur SMP ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fi strutturi tal-kumpanija tal-operatur SMP li jkunu responsabbli, direttament jew indirettament, għall-immaniġġjar tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili.


Top