EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1070

Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 300, 14.11.2009, p. 34–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1070/oj

14.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/34


REGOLAMENT (KE) Nru 1070/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2009

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni tal-politika komuni tat-trasport tirrekjedi sistema ta’ trasport tal-ajru effiċjenti li tippermetti operat sikur, operat sostenibbli u regolari ta’ servizzi ta’ trasport tal-ajru, li tottimizza l-kapaċità u tiffaċilita l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni u servizzi.

(2)

L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-ewwel pakkett tal-leġiżlazzjoni dwar l-ajru uniku Ewropew, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-10 ta’ Marzu 2004 li stabbilixxa l-qafas għall-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (4), ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (5), ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-ajru) (6), u r-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabbiltà tan-netwerk Ewropew tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ir-Regolament ta’ interoperabilità) (7) stabbilixxa bażi legali soda għal sistema ta’ amministrazzjoni tat-traffiku uniformi, interoperabbli u sikura (ATM).

(3)

B’rispons għad-domanda kbira mill-industrija, l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra, għal simplifikazzjoni u żieda fl-effettività tal-qafas regolatorju għall-avjazzjoni fl-Ewropa, f’Novembru 2006 kien stabbilit Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-qafas regolatorju Ewropew dwar l-avjazzjoni (minn hawn ‘il quddiem “il-Grupp ta’ Livell Għoli”). Il-Grupp ta’ Livell Għoli, magħmul minn rappreżentanti tal-maġġoranza tal-partijiet interessati, issottometta rapport f’Lulju 2007 li kien fih rakkomandazzjonijiet dwar kif tittejjeb u tkun regolata l-prestazzjoni tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni. Il-Grupp ta’ Livell Għoli rrakkomanda li l-ambjent jingħata l-istess importanza fis-sistema tal-avjazzjoni daqs is-sikurezza u l-effiċjenza u insista li l-industrija u r-regolaturi għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-ATM tikkontribwixxi kemm jista’ jkun għas-sostenibbiltà.

(4)

Waqt il-laqgħa tiegħu tas-7 ta’ April 2008, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli, approċċ ta’ sistema ġenerali li tkun konformi mal-kunċett ta’ gate-to-gate biex ittejjeb is-sikurezza, ittejjeb l-ATM u żżid l-effiċjenza tan-nefqa.

(5)

Sabiex ikun komplut il-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew, hu meħtieġ li jiġu adottati miżuri fuq livell Komunitarju, b’mod partikolari biex tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni f’oqsma prinċipali bħalma huma l-ambjent, il-kapaċità u r-rapport bejn l-ispiża u l-effiċjenza tat-titjiriet, ilkoll fi ħdan l-għanijiet dominanti ta’ sigurezza. Jeħtieġ ukoll li l-leġiżlazzjoni dwar l-ajru uniku Ewropew tiġi adattata għall-progress tekniku.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar it-twaqqif ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (8) jitlob għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Pjan Komprensiv tal-ATM. L-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM jirrikjedi miżuri regolatorji biex isostnu l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-finanzjament ta’ kunċetti u teknoloġiji ġodda. Dan għandu jirriżulta f’sistema li tkun komposta minn komponenti kompletament armonizzati u interoperabbli li jiggarantixxu attivitajiet tat-trasport bl-ajru bi prestazzjoni għolja fl-Ewropa. L-iskeda għall-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew għandha tqis il-kalendarju previst għall-fażijiet tal-iżvilupp u tal-applikazzjoni tal-programm SESAR bħala parti mill-ajru uniku Ewropew. Iż-żewġ proċessi għandhom ikunu kkoordinati mill-qrib.

(7)

Il-kunċett ta’ proġetti komuni, immirati biex jassistu lill-utenti tal-ispazju tal-ajru u/jew lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru biex itejbu l-infrastruttura kollettiva tan-navigazzjoni tal-ajru, il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u l-użu tal-ispazju tal-ajru, b’mod partikulari dawk li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan Ġenerali tal-ATM, m’għandux jippreġudika proġetti li diġà jeżistu, li huma deċiżi minn Stat Membru wieħed jew minn diversi Stati Membri b’objettivi simili. Id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-applikazzjoni ta’ proġetti komuni m’għandhomx jippreġudikaw il-mod li bih jiġu stabbiliti dawn il-proġetti komuni. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li l-finanzjament, bħal m’huwa l-finanzjament min-Netwerk Trans-Ewropew jew mill-Bank Ewropew għall-Investiment jista’ jintuża bħala appoġġ għal proġetti komuni, b’mod partikulari biex titħaffef l-applikazzjoni tal-programm SESAR, fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali. Mingħajr ħsara għall-aċċess għal dak il-finanzjament, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jiddeċiedu kif għandu jintuża d-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-konċessjonijiet tas-settur tal-avjazzjoni taħt l-Iskema ta’ Negozjar tal-Emissjonijiet u li jqisu f’dan il-kuntest jekk sehem minn dan id-dħul jistax jintuża biex jiffinanzja proġetti komuni fil-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

(8)

B’mod partikulari fejn ikunu applikati proġetti komuni, wieħed għandu jara, inter alia, permezz tal-applikazzjoni ta’ kontabilità komprensiva u trasparenti, sabiex jiġi assigurat li l-utenti tal-ispazju tal-ajru ma jkunux mitluba jħallsu darbtejn. Il-proġetti komuni għandhom ikunu applikati għall-benefiċċju tal-partijiet kollha interessati u għandhom jiżguraw li lkoll ikunu ttrattati b’mod indaqs.

(9)

Biex tiġi żgurata sorveljanza konsistenti u soda tal-forniment tas-servizzi madwar l-Ewropa, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandu jkollhom garanzija ta’ indipendenza u riżorsi suffiċjenti. Din l-indipendenza m’għandhiex iżżomm lil dawk l-awtoritajiet milli jeżerċitaw il-kompiti tagħhom fi ħdan qafas amministrattiv.

(10)

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom irwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew u l-Kummissjoni għandha, għalhekk, taġevola l-koperazzjoni ta’ bejniethom sabiex tagħmel possibbli li jiġu skambjati l-aħjar prattiki u li jkun żviluppat approċċ komuni, inkluż permezz ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib fil-livell reġjonali. Din il-koperazzjoni għandha sseħħ fuq bażi regolari.

(11)

L-imsieħba soċjali għandhom ikunu informati u kkonsultati aħjar dwar il-miżuri kollha li jkollhom implikazzjonijiet soċjali sinifikanti. Fil-livell Komunitarju, il-Kumitat dwar id-Djalogu Settorjali mwaqqaf skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1998/500/KE (9) għandhom ukoll ikunu kkonsultati.

(12)

Biex tiġi xprunata prestazzjoni aħjar tal-ATM u s-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (ANS), jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas għad-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ miri li jorbtu għall-prestazzjoni f’oqsma prinċipali ta’ prestazzjoni b’konformità mal-politiki tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). Mekkaniżmu xieraq għar-rappurtar, l-eżami, l-evalwazzjoni u t-tixrid ta’ data tal-prestazzjoni tal-ATM u l-ANS għandu jkun karatteristika indispensabbli ta’ qafas bħal dan flimkien ma skema ta’ inċentivi rilevanti biex jiġi inkoraġġit li jintlaħqu l-miri.

(13)

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sorvelja għandu jkollhom il-flessibilità li jirriflettu ċ-ċirkostanzi nazzjonali jew reġjonali speċifiċi meta jifformulaw il-pjani nazzjonali u reġjonali tagħhom. Meta japprovaw jew jadottaw pjani nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jagħmlu l-modifiki xierqa.

(14)

Meta jistabbilixxu t-tariffi għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jużaw tbassir komuni. Għandha tkun permessa xi ftit tal-flessibilità f’dawk il-każijiet fejn it-traffiku jiddiverġixxi bil-bosta mit-tbassir, l-aktar billi jintużaw mekkaniżmi ta’ allerta approprijati.

(15)

L-ispejjeż determinati mill-Istati Membri f’livell nazzjonali jew f’livell ta’ blokka funzjonali tal-ispazju tal-ajru li jkunu maħsuba biex ikunu diviżi bejn l-utenti għandhom iqisu l-miri tal-prestazzjoni.

(16)

Għall-għoti ta’ servizzi transkonfinali, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kif jintgħaraf min jagħti s-servizzi ta’ traffiku bl-ajru ma jkunx projbit minn xi ordinament ġuridiku nazzjonali fuq il-bażi li dan ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor jew li jkun proprjetà ta’ ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

(17)

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorvelja għandhom jieħdu l-miżuri approprijati biex jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza inkluża l-possibilità li jinħareġ ċertifikat individwali għal kull tip ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru, filwaqt li tiġi rrispettata l-ħtieġa tar-rapport bejn l-ispiża u l-effiċjenza u l-konsistenza u l-evitar tad-duplikazzjoni.

(18)

Il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru huma instigaturi prinċipali biex itejbu l-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru sabiex tittejjeb il-prestazzjoni u jinħolqu s-sinerġiji. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru f’terminu ta’ żmien raġonevoli. Għal dan il-għan u sabiex tiġi ottimizzata l-interfaċċa tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru fl-ajru waħdani Ewropew, l-Istati Membri kkonċernati ta’ min jikkoperaw ma’ xulxin u fejn meħtieġ ta’ min ukoll jikkoperaw ma’ pajjiżi terzi.

(19)

Fejn l-Istati Membri jistabbilixxu blokka funzjonali tal-ispazju tal-ajru, l-Istati Membri l-oħrajn, il-Kummissjoni u partijiet interessati oħrajn għandhom opportunità jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-għan li tiffaċilitaw l-iskambju ta’ opinjonijiet. Dawk l-osservazzjonijiet għandhom ikunu biss f’għamla ta’ parir għall-Istat/i Membru/i kkonċernat/i.

(20)

F’każ ta’ diffikultajiet fil-proċess tan-negozjar biex jitwaqqfu l-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, il-Kummissjoni tista’ taħtar Kordinatur għas-Sistema tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru (“il-Kordinatur”). Ix-xogħol tal-Kordinatur għandu jimmira sabiex jagħti assistenza fit-tegħlib ta’ tali diffikultajiet mingħajr ma jinterferixxi f’materji ta’ sovranità tal-Istat/i Membru/i kkonċernat/i, u, fejn japplika, dik ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jieħdu sehem fl-istess blokka funzjonali tal-ispazju tal-ajru. L-ispejjeż magħmula għall-attivitajiet tal-Kordinatur preferibbilment ma għandhomx iħallu impatt fuq il-baġits nazzjonali tal-Istati Membri.

(21)

Ir-rapporti tal-Kummissjoni tal-Eurocontrol dwar l-Analiżi tal-prestazzjoni u r-rapport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli jikkonfermaw li netwerk tar-rotot u l-istruttura tal-ispazju tal-ajru ma jistgħux jiġu żviluppati f’iżolament, minħabba li kull Stat Membru hu eelement integrali tan-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (NEATA), kemm ġewwa l-àKomunità u kemm barra. Spazju tal-ajru operattiv li hu progressivament aktar integrat għandu għaldaqstant jiġi stabbilit għat-traffiku tal-ajru ġenerali.

(22)

Bil-ħsieb tal-ħolqien ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali u t-twaqqif tal-iskema tal-prestazzjonijiet, il-Kummissjoni ta’ min tiddetermina u tqis il-kondizzjonijiet neċessarji għall-Komunità sasabiex jinħoloq Reġjun Ewropew ta’ Informazzjoni tat-Titjira (SEFIR), li tkun rikjesta mill-Istati Membri mill-ICAO skont it-termini kemm tal-proċeduri stabbiliti ta’ dik l-organizzazzjoni kif ukoll mal-jeddijiet, l-obbligazzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri sko nt il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”). Billi jkopri l-ispazju tal-ajru taħt ir-àresponsabbiltà tal-Istati Membri, is-SEFIR għandu jiffaċilita l-ippjanar komuni u l-ġestjoni integrati biex jiġu evitati d-diffikultajiet fuq livell reġjonali. Tali SEFIR ta’ min jinkludi l-flessibilità neċessarja biex jirrifletti l-ħtiġiet speċifiċi bħalma huma d-densità tat-traffiku u l-livell ta’ kumplessità meħtieġ.

(23)

L-utenti tal-ispazju tal-ajru jiffaċċjaw kundizzjonijiet diversi ta’ aċċess u għall-ħelsien ta’ moviment fil-ispazju tal-ajru Komunitarju. Dan jiġri minħabba n-nuqqas ta’ regoli Komunitarji armonizzati tal-ajru u, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ klassifika armonizzata ta’ spazju tal-ajru. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tarmonizza dawn ir-regoli fuq il-bażi tal-istandards tal-ICAO.

(24)

In-NEATA għandha tkun imfassla u implimentata bil-ħsieb li tikseb is-sikurezza u, s-àsostenibbiltà, il-kapaċità għat-titjib u l-effiċjenza mtejba tal-ispejjeż tan-netwerk sħiħ tat-trasport bl-ajru. Kif elenkat fir-rapport tal-Kummissjoni tal-Eurocontrol tal-analiżi tal-prestazzjoni msejjaħ “Evalwazzjoni tal-Inizjattivi ta’ Blokk ta’ Spazju tal-ajru Funzjonali u l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-prestazzjoni” tal-31 ta’ Ottubru 2008, dan jista’ jiġi assigurat bl-aħjar mod permezz ta’ ġestjoni koordinata tan-netwerk tat-trasport bl-ajru fuq livell Komunitarju.

(25)

Konformement mad-Dikjarazzjoni mill-Istati Membri dwar il-ikwistjonijiet militari marbutin mal-Ajru uniku Ewropew li jakkumpanja r-Regolament (KE) Nru 549/2004, il-kooperazzjoni l-koordinazzjoni ċivili-militari għandu jkollhom rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Ajru uniku Ewropew, sabiex ikun hemm ċaqliqa lejn użu mtejjeb flessibbli tal-ispazju tal-ajru għall-ksib tal-objettivi tas-ajru uniku Ewropew, filwaqt li titqies l-effettività tal-missjoni militari.

(26)

Huwa essenzjali li tinkiseb struttura komuni, armonizzata tal-ispazju tal-ajru f’termini ta’ rotot tal-ajru biex l-organizzazzjoni tal-preżent u tal-futur tal-ispazju tal-ajru tkun ibbażata fuq prinċipji komuni, biex jiġi żgurat l-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv tal-ATM, biex isir l-aqwa użu tar-riżorsi skarsi ħalli jiġu evitati spejjeż mhux meħtieġa ta’ tagħmir, u biex jissawwar u jiġi amministrat l-ispazju tal-ajru skont ir-regoli armonizzati. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-adozzjoni tar-regoli neċessarji u d-deċiżjonijiet implimentattivi li b’effett vinkolanti.

(27)

L-elenku ta’ funzjonijiet għall-ġestjoni u d-diżinn ta’ netwerk ta’ min ikunu emendati biex jiġu integrati, jekk ikun meħtieġ, il-funzjonijiet ta’ netwerks futuri kif definiti mill-ATM Master Plan. Hi u tagħmel dan, il-Kummissjoni ta’ min tagħmel l-aħjar użu possibbli tal-perizja tal-Eurocontrol.

(28)

Il-Grupp ta’ Livell Għoli rrakkomanda l-bini ta’ funzjonijiet ġodda u mtejba tal-pedamenti eżistenti u li jissaħħaħ l-irwol tal-Eurocontrol, filwaqt li l-àKomunità titqiegħed bħala l-uniku oregolatur u li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-separazzjoni tar-regolament mill-forniment tas-servizz. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tafda f’idejn l-Eurocontrol riformat u mogħni b’metodi ġodda ta’ ġestjoni, it-twettiq ta’ ħidma marbuta ma’ funzjonijiet differenti, li ma jinvolvix l-adozzjoni ta’ miżuri li jorbtu ta’ ambitu ġenerali jew l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali. It-twettiq ta’ dawn il-kompiti mill-Eurocontrol għandu jsir b’mod imparzjali u b’valur għall-flus u bl-involviment sħiħ tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru.

(29)

Miżuri adegwati għandhom ikunu introdotti biex itejbu l-effikaċja tal-amministrazzjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru biex jassistu unitajiet operazzjonali eżistenti, inkluża l-àUnità Ċentrali Amministrattiva tal-Fluss tal-Eurocontrol, jiżguraw operazzjonijiet ta’ titjir effiċjenti. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta’ azzjoni għall-kapaċità tal-ajruporti, l-effiċjenza u s-sikurezza fl-Ewropa tisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza operattiva bejn il-pjani għat-titjiriet u l-allokazzjonijiet fl-ajruport. Barra minn hekk, l-Osservatorju tal-Komunità dwar il-Kapaċità tal-Ajruporti jista’ jgħin biex jipprovdi lill-Istati Membri b’informazzjoni objettiva sabiex il-kapaċità tal-ajruporti tkun allinjata mal-kapaċità tal-ATM, bla ħsara għall-kompetenza tagħhom f’dan il-qasam.

(30)

Il-forniment ta’ informazzjoni ajrunawtika moderna, kompluta, ta’ kwalità għolja u f’waqtha għandha impatt sinifikanti fuq is-sikurezza u fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ispazju tal-ajru Komunitarju u l-moviment ħieles fih. Filwaqt li tqis il-Pjan Komprensiv tal-ATM, il-Komunità għandha tieħu l-inizzjattiva biex timmodernizza dan is-settur b’kooperazzjoni mal-Eurocontrol u tiżgura li l-utenti jkunu jistgħu jikkonsultaw din id-data permezz ta’ punt uniku ta’ aċċess pubbliku li jipprovdi informazzjoni integrata moderna, validata u li tista’ tintuża faċilment.

(31)

Fir-rigward tal-portal elettroniku dwar l-informazzjoni meteoroloġika, il-Kummissjoni għandha tqis is-sorsi varji ta’ informazzjoni inkluż minn fornituri ta’ servizzi nnominati, fejn ikun relevanti.

(32)

Biex jiġi evitat piż amministarttiv bla bżonn u proċeduri ta’ verifika dduplikati, ċertifikati li jinħarġu skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (10), għandhom jiġu aċċettati għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, fejn ikunu japplikaw għall-kostitwenti jew is-sistemi.

(33)

Ċertifikat maħruġ skont ir-regolament (KE) Nru 216/2008 u użat biex jintwerew mezzi alternattivi ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, għandu jkun akkumpanjat minn fajl tekniku kif meħtieġ għall-fini ta’ ċertifikazzjoni mill-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (EASA).

(34)

Ċerti rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 m’għandhomx japplikaw għas-sistemi li bdew jaħdmu qabel l-20 ta’ Ottubru 2005. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jkollhom il-libertà li jiftiehmu, fil-livell nazzjonali, dwar il-proċeduri u d-dokumentazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità tas-sistemi tal-ATM li bdew jaħdmu qabel l-20 ta’ Ottubru 2005, mar-rekwiżiti essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 552/2004. Ir-regoli implimentattivi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-Komunità adottati wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom iqisu dan l-arranġament u dan m’għandux iwassal għal rekwiżit retroattiv ta’ evidenza dokumentarja.

(35)

Il-Grupp ta’ Livell Għoli irrakkomanda fir-rapport finali tiegħu lill-Kummissjoni li l-programm SESAR għandha tindirizza b’mod speċifiku d-definizzjoni tal-proċeduri interoperabbli, sistemi u skambji ta’ informazzjoni fl-Ewropa u mal-bqija tad-dinja. Dan għandu jinkludi wkoll l-iżvilupp tal-istandards rilevanti u l-identifikazzjoni tar-regoli implimentattivi jew l-ispeċifikazzjonijiet tal-àKomunità fil-kuntest tal-ajru uniku Ewropew.

(36)

Meta tkun qed tadotta miżuri implimentattivi, inklużi standards stipulati mill-Eurocontrol, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jinkludu t-titjib kollu neċessarju għall-istandards oriġinali u jiqsu bis-sħiħ il-ħtieġa li tiġi evitata regolamentazzjoni doppja.

(37)

It-tfittxija simultanja tal-ilħuq tal-għanijiet tat-tkattir tal-istandards tas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru u t-titjib tal-prestazzjoni ġenerali tal-ATM u l-ANS għat-traffiku tal-ajru ġenerali fl-Ewropa teħtieġ li jitqies il-fattur uman. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iqisu l-introduzzjoni tal-prinċipji ta’ “kultura ġusta”.

(38)

Fid-dawl tal-estensjoni proposta tal-kompetenzi tal-EASA sabiex tiġi inkluża s-sikurezza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, għandha tiġi żgurata konsistenza bejn ir-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008.

(39)

Il-miżuri meħtieġa sabiex dan ir-Regolament ikun implimentat għandhom jiġu adottati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri tal-implimentazzjon konferiti fuq il-Kummissjoni (11). Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati f’perjodu ta’ żmien xieraq sabiex jiġu ssodisfati l-iskadenzi stipulati f’dan ir-Regolament u r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004, (KE) Nru 552/2004 u (KE) 216/2008.

(40)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li taġġorna l-miżuri minħabba żviluppi tekniċi u operattivi kif ukoll biex jiġu stabbiliti l-kriterji u l-proċeduri bażiċi tal-eżerċizzju ta’ ċerti funzjonijiet ta’ amministrazzjoni tan-netwerk. Billi dawk il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u ġew imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004, billi jissupplimentawhom b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju pprovduta fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(41)

Meta għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza l-limiti ta’ żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju ma jkunx possibbli li jinżammu, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(42)

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà, miftiehma f’Kordoba fit-18 ta’ Settembru 2006 (“id-Dikjarazzjoni Ministerjali”), matul l-ewwel laqgħa Ministerjali tal-Forum ta’ Djalogu dwar Ġibiltà, ser tissostitwixxi d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà magħmula f’Londra fit-2 ta’ Diċembru 1987, u l-konformità sħiħa ma’ dik id-Dikjarazzjoni se titqies li tikkostitwixxi konformità mad-Dikjarazzjoni tal-1987.

(43)

Dan ir-Regolament japplika bis-sħiħ għall-Ajruport ta’ Ġibiltà fil-kuntest u permezz tad-Dikjarazzjoni Ministerjali. Mingħajr ħsara għad Dikjarazzjoni Ministerjali, l-applikazzjoni għall-Ajruport ta’ Ġibilità u l-miżuri relatati mal-implimentazzjoni tagħha għandhom jikkonformaw bis-sħiħ ma’ dik id-Dikjarazzjoni u l-arranġamenti kollha li hemm ġewwa fiha.

(44)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandu jigi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Għan u Ambitu

1.   L-għan tal-inizzjattiva dwar l-ajru uniku Ewropew hu li jittejbu l-istandards attwali tat-traffiku tal-ajru, biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru u biex ittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u s-sistema ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (ANS) għat-traffiku tal-ajru ġenerali fl-Ewropa, bil-ħsieb li jinqdew il-ħtiġijiet ta’ dawk li jużaw l-ispazju tal-ajru. L-ajru uniku Ewropew se jkun jikkonsisti minn netwerk pan-Ewropew koerenti ta’ rotot, ġestjoni tan-netwerk u sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bbażati biss fuq is-sikurezza, l-effiċjenza u l-kunsiderazzjonijiet tekniċi, għall-benefiċċju tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru. Biex jilħaq dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat għall-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew.

2.   L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu bla ħsara għas-Sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom u għar-rekwiżiti tal-Istati Membri marbuta mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u ma’ kwistjonijiet ta’ difiża, kif stabbilit fl-Artikolu 13. Dan ir-Regolament u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ma jkoprux operazzjojijiet u taħriġ militari.

3.   L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3 għandha tkun mingħajr ħsara għad-drittijiet u doveri ta’ Stati Membri taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (‘il-Konvenzjoni ta’ Chicago’). F’dan il-kuntest, għan ieħor ta’ dan ir-Regolament hu, fl-oqsma li jkopri, li jgħin lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago, billi jipprovdi bażi għall- interpretazzjoni komuni u l-implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tiegħu, filwaqt li jkun żgurat li dawn id-dispożizzjonijiet jitqiesu kif jixraq f’dan ir-Regolament u fir-regoli mfassla għall-implimentazzjoni tiegħu.

4.   L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà tiftiehem li hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward it-tilwima fuq is-sovranità fuq it-territorju li fih qiegħed l-ajruport.”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.

‘utenti tal-ispazju tal-ajru’ tfisser l-inġenji tal-ajru kollha operati bħala traffiku tal-ajru ġenerali;”;

(b)

il-punt 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.

‘ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM)’ tfisser l-aggregazzjoni tal-funzjonijiet fl-ajru u dawk ibbażati fl-art (servizzi ta’ traffiku tal-ajru, ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u ġestjoni tal-fluss ta’ traffiku tal-ajru) rekwiżita biex ikun żgurat il-moviment salv u effiċjenti tal-inġenju tal-ajru matul il-fażijiet kollha tal-operati;”;

(c)

il-punt li ġej huwa inserit:

“13a.

‘Pjan Komprensiv tal-ATM’ tfisser il-pjan li għandu approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE (*) tat-20 ta’ Marzu 2009, skont l-Artikolu Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (**);

(*)  ĠU L 95, 9.4.2009, p. 41."

(**)  ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.”;"

(d)

il-punt 15 huwa mibdul b’dan li ġej:

“15.

‘ċertifikat’ tfisser dokument maħruġ minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza f’kull għamla li jikkonforma mal-liġi nazzjonali, li jikkonferma li l-fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru jissodisfa r-rekwiżiti biex jipprovdi servizz speċifiku;”;

(e)

Il-punt 21 huwa mħassar;

(f)

il-punt 22 huwa mibdul b’dan li ġej:

“22.

‘użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru’ tfisser kunċett ta’ ġestjoni tal-ispazju tal-ajru applikat fiż-żona tal-Konferenza Ewropea dwar Avjazzjoni Ċivili, fuq il-bażi tal-‘Manwal ta’ Amministrazzjoni tal-Ispazju tal-ajru għall-applikazzjoni tal-Kunċett tal-Użu Flessibbli tal-Ispazju tal-ajru’ maħruġ minn Eurocontrol;”;

(g)

il-punti li ġejjin huma mdaħħla:

“23a.

‘servizz ta’ informazzjoni dwar it-titjira’ tfisser servizz provdut sabiex jingħataw pariri u informazzjoni utli għat-tmexxija sikura u effiċjenti tat-titjiriet;

23b.

‘servizz ta’ twissija ta’ allarm’ tfisser servizz provdut biex javża lill-organizzazzjonijiet xierqa dwar ajruplani fi bżonn ta’ għajnuna ta’ tiftix u salvataġġ, u biex jgħin tali organizzazzjonijiet skont il-ħtieġa;”;

(h)

il-punt 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“25.

‘blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru’ tfisser blokk tal-ajru bbażat fuq ir-rekwiżiti operattivi u stabbiliti irrispettivament mill-fruntieri tal-Istat, fejn il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet relatati huma misjuqa mill-prestazzjoni u msaħħa bil-ħsieb li tidħol, f’kull blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru, il-koperazzjoni mtejba fost il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jew, fejn jixraq, fornitur integrat;”;

(i)

Il-punt punt 37 huwa mħassar;

(j)

il-punt li ġej huwa miżjud:

“41.

‘servizzi transkonfinali’ tfisser kull sitwazzjoni fejn is-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru jingħataw fi Stat Membru minn fornitur tas-servizzi li jkun iċċertifikat fi Stat Membru ieħor.”;

(3)

L-Artikolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza

1.   L-Istati Membri, b’mod konġunt jew b’mod individwali, għandhom jew jaħtru jew jistabbilixxu korp jew korpi bħala awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza biex tidħol għax-xogħlijiet assenjat lil din l-àawtorità skont dan ir-Regolament u skont il-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom ikunu indipendenti mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Din l-indipendenza għandha tinkiseb permezz tas-separazzjoni xierqa, għall-inqas fil-livell funzjonali, bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u dawn il-fornituri.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, indipendenti u trasparenti. Dan għandu jinkiseb bl-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, fosthom fl-amministrazzjoni ta’ Stat Membru. Madankollu, dan m’għandux iwaqqaf lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza milli jeżerċitaw il-kompiti tagħhom fi ħdan ir-regoli ta’ organizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili jew ta’ korpi pubbliċi oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ikollhom ir-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet l-kompiti li jingħatawlhom bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament b’mod effiċjenti u fil-ħin.

5.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u indirizzi tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, kif ukoll bil-bidliet li jsirulhom, u bil-miżuri meħuda biex tkun żgurata l-konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.”;

(4)

L-Artikolu 5(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1), (2), (4), (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

(5)

L-Artikoli 6 sa 11 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Korp Konsultattiv tal-Industrija

Bla ħsara għall-funzjoni tal-Kumitat u ta’ Eurocontrol, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ‘korp konsultattiv tal-industrija’, li hgħalih għandhom jjappartjenu fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru, assoċjazzjonijiet ta’ utenti tal-ispazju tal-ajru, operaturi tal-ajruporti, l-industrija tal-manifattura u korpi rappreżentattivi tal-persunal professjonali. Il-funzjoni ta’ dan il-korp għandha tkun biss li tagħti parir lill-Kummissjoni dwar aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew.

Artikolu 7

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi Ewropej

Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jimmiraw għal u jappoġġjaw l-estensjoni tal-ajru uniku Ewropew għal pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea. Għal dak il-għan, huma għandhom jagħmlu sforz, jew fil-qafas tal-ftehim konklużi ma’ pajjiżi terzi, jew fil-kuntest tal-ftehim dwar it-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, biex jestendu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u l-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3, għal dawk il-pajjiżi.

Artikolu 8

Il-regoli implimentattivi

1.   Għall-iżvilupp tar-regoli implimentattivi l-Kummissjoni tista’ toħroġ mandati lill-Eurocontrol jew, fejn ikun xieraq, lil korp ieħor billi tistabbilixxi l-kompiti li jridu jitwettqu u l-iskeda biex dan isir, filwaqt li jitqiesu l-iskadenzi relevanti stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).

2.   Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li toħroġ mandat f’konformità mal-paragrafu 1, hija għandha tirsisti biex tagħmel l-aħjar użu mill-arranġementi eżistenti għall-involviment u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati kollha, fejn dawn l-arranġamenti jkunu jikkorrispondu mal-prattiki tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta’ trasparenza u konsultazzjoni u ma jkunx hemm konflitt mal-obbligi istituzzjonali tagħha.

Artikolu 9

Penali

Il-penali li l-Istati Membri għandhom jistipulaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 b’mod partikulari mill-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri ta’ servizzi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 10

Konsultazzjoni tal-partijiet interessati

1.   L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni għall-involviment xieraq tal-partijiet interessati, inklużi l-korpi rappreżentattivi tal-istaff professjonali, fl-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni fil-livell tal-Komunità. Il-Kumitat dwar id-Djalogu Settorjali speċifiku mwaqqaf skont id-Deċiżjoni 98/500/KE għandu jkun involut fil-konsultazzjoni.

3.   Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati għandha tkopri, b’mod partikolari, l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ kunċetti u teknoloġiji ġodda fl-EATMN.

Il-partijiet interessati jistgħu jinkludu:

il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru,

l-operaturi tal-ajruporti,

l-utenti tal-ispazju tal-ajru relevanti jew il-gruppi relevanti li jirrappreżentaw l-utenti tal-ispazju tal-ajru,

l-awtoritajiet militari,

l-industrija tal-manifattura, u

il-korpi rappreżentattivi tal-istaff professjonali.

Artikolu 11

Skema ta’ prestazzjoni

1.   Biex jitjiebu l-prestazzjoni tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-netwerks fl-ajru uniku Ewropew, għandha titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk. Din għandha tinkludi:

(a)

miri ta’ prestazzjoni fil-Komunità kollha dwar l-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-effiċjenza tan-nefqa;

(b)

il-pjani nazzonali jew il-pjani għal blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, fosthom il-miri ta’ prestazzjoni, li jiżguraw konsistenza mal-miri ta’ prestazzjoni fil-Komunità kollha; u

(c)

reviżjoni perjodika, monitoraġġ u kejl tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u ta’ netwerk.

2.   F’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja l-Eurocontrol jew lil korp imparzjali u kompetenti ieħor biex jaġixxi bħala ‘korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni’. Ir-rwol tal-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni għandu jkun li jassisti lill-Kummissjoni f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, u biex jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, meta jiġi mitlub, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jaġixxi b’mod indipendenti meta jwettaq il-kompiti li jkunu fdati lilu mill-Kummissjoni.

3.

(a)

Il-miri tal-prestazzjoni tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru madwar il-Komunità kollha għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3), wara li jitiqesu l-inputs relevanti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fil-livell nazzjonali u jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

(b)

Il-pjani nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jitfasslu mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni u adottati mill-Istat Membru/mill-Istati Membri. Dawn il-pjani għandhom jinkludu miri nazzjonali vinkolanti jew miri fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u skema ta’ inċentivi xierqa kif adottata mill-Istat Membru/mill-Istati Membri. L-abbozzar tal-pjani għandu jkun suġġett għal konsultazzjoni mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u, fejn relevanti, mal-operaturi tal-ajruporti u l-koordinaturi tal-ajruporti.

(c)

Il-konsistenza tal-miri nazzjonali jew tal-miri tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali mal-miri ta’ prestazzjoni fil-Komunità kollha għandha tiġi evalwata mill-Kummissjoni permezz tal-kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 6.

Fil-każ li l-Kummissjoni tiskopri li jkun hemm mira waħda jew aktar minn waħda nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ evalwazzjoni, tista’ tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), li toħroġ rakkomandazzjoni sabiex l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni ikkonċernati jipproponu mira jew miri ta’ prestazzjoni riveduti. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jadottaw miri ta’ prestazzjoni riveduti u miżuri xierqa li għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut.

Meta l-Kummissjoni ssib li l-miri ta’ prestazzjoni riveduti u l-miżuri xierqa ma jkunux adatti, tista’ tiddeċiedi, bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3), li l-Istati Membri kkonċernati jkollhom jieħdu miżuri korrettivi.

Inkella, l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, bl-appoġġ ta’ evidenza adegwata, li tirrevedi l-miri tal-prestazzjoni madwar il-Komunità bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3).

(d)

Il-perjodu ta’ referenza għall-iskema ta’ prestazzjoni għandu jkopri minimu ta’ tliet snin u massimu ta’ ħames snin. Tul dan il-perjodu, fil-każ li l-miri nazzjonali jew il-miri tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali ma jintlaħqux, l-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom japplikaw il-miżuri xierqa li jkunu ddefinixxew. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jkopri l-ewwel tliet snin wara l-adozzjoni tar-regoli implimentattivi msemmija fil-paragrafu 6.

(e)

Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet regolari fir-rigward tal-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni u għandha tippreżenta r-riżultati lill-Kumitat tal-Ajru Uniku.

4.   Il-proċeduri li ġejjin għandhom japplikaw għall-iskema ta’ prestazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

il-ġbir, il-validazzjoni, l-eżami, l-evalwazzjoni u t-tixrid tad-data relevanti marbuta mal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u mal-funzjonijiet tan-netwerk mill-partijiet rilevanti kollha, inklużi il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-operaturi tal-ajruporti, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-Istati Membri u l-Eurocontrol;

(b)

l-għażla ta’ oqsma elwenin ta’ prestazzjoni xierqa fuq il-bażi tad-Dokument ICAO Nru 9854 ‘il-Kunċett Operazzjonali tal-Immaniġġjar tat-Traffiku tal-Ajru Globali’, u ‘f’konsistenza mal-Qafas’ ta’ Rendiment tal-Pjan Ġenerali tal-ATM, inklużi l-oqsma tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-effiċjenza fl-ispiża, adattati, fejn xieraq, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ajru uniku Ewropew u l-objettivi relevanti għal dawn l-oqsma u d-definizzjoni ta’ sett limitat ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin għall-kejl tal-prestazzjoni;

(c)

l-iffissar ta’ miri ta’ prestazzjoni, li japplikaw għall-Komunità kollha, li għandhom jiġu definiti filwaqt li jitqiesu l-inputs identifikati fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(d)

l-evalwazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali fuq il-bażi tal-pjan nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali; u

(e)

il-monitoraġġ tal-pjani ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali, inklużi mekkaniżmi ta’ twissija xierqa.

Il-Kummissjoni tista’ żżid mal-lista tal-proċeduri msemmija f’dan il-paragrafu. Dawn il-miżuri, imfassla biex jiġu emendati elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5(4).

5.   L-istabbiliment tal-iskema ta’ prestazzjoni għandu jieħu kont tas-servizzi en route, is-servizzi fit-terminal u l-funzjonijiet ta’ netwerks huma differenti u għandhom jiġu ttrattati bħala tali anke, jekk ikun neċessarju, għal skopijiet ta’ kejl tal-prestazzjoni.

6.   Għall-iffunzjonar dettaljat tal-iskema ta’ prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha, sal-4 ta’ Diċembru 2011 u fi żmien xieraq biex jiġu ssodisfati l-iskadenzi stipulati f’dan ir-Regolament, tadotta regoli implimentattivi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3). Dawn ir-regoli implimentattivi għandhom ikopru b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

il-kontenut u l-iskeda tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 4;

(b)

il-perjodu ta’ referenza u l-intervalli għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni u l-iffissar ta’ miri ġodda;

(c)

il-kriterji għall-iffissar, mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, ta’ pjani tal-prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, li jkun fihom il-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u l-iskema ta’ inċentivi. Il-pjani tal-prestazzjoni għandhom:

(i)

ikunu bbażati fuq pjani kummerċjali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru;

(ii)

jindirizzaw l-elementi kollha tal-ispiża bażi tan-nefqa nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(iii)

jinkludu miri vinkolanti ta’ prestazzjoni konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni li japplikaw għall-Komunità kollha;

(d)

il-kriterji biex jiġi evalwat jekk il-miri nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali humiex konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni li japplikaw għall-Komunità kollha matul il-perjodu ta’ referenza u biex jiġu appoġġjati l-mekkaniżmi ta’ twissija;

(e)

il-prinċipji ġenerali għat-twaqqif ta’ skema ta’ inċentivi mill-Istati Membri;

(f)

il-prinċipji għall-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu tranżitorju neċessarju għall-adattazzjoni għat-tħaddim tal-iskema ta’ prestazzjoni ta’ mhux aktar minn 12-il xahar minn wara l-adozzjoni tar-regoli implimentattivi.”;

(6)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi perjodikament l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, u qabel xejn għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-4 ta’ Ġunju 2011, u minn hemm ‘il quddiem fit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 11 (3)(d). Meta dan ikun iġġustifikat għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob mill-Istati Membri informazzjoni addizzjonali għall-informazzjoni li qiegħda fir-rapporti ppreżentati minnhom skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Ir-rapporti għandu jkun fihom stima tar-riżultati miksuba mill-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament inkluża informazzjoni xierqa dwar żviluppi fis-settur, b’mod partikulari dwar aspetti ekonomiċi, soċjali, ta’ impjiegi u teknoloġiċi, kif ukoll dwar il-kwalità ta’ servizz, fid-dawl tal-għanijiet oriġinali u bil-ħsieb ta’ ħtiġiet futuri.”;

(7)

l-Artikolu li ġej huwa inserit:

“Artikolu 13a

L-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea

Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolamenti (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 u r-Regolament KE Nru 216/2008tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (***), l-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’konformità mal-irwoli rispettivi tagħhom kif stipulat f’dan ir-Regolament, għandhom jikkoordinaw kif xieraq mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-aspetti kollha tas-sikurezza jiġu indirizzati b’mod xieraq.

(***)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.”."

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 2 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Kompiti għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament qafas għandhom jassiguraw is-sorveljanza xierqa tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari rigward is-sigurtà u l-operazzjoni effiċjenti tal-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru li jipprovdu servizzi relatati mal-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Istat Membru li jkun innomina jew stabbilixxa l-awtorità relevanti.

2.   Għal dan il-għan, kull awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha torganizza spezzjonijiet u stħarriġ xierqa biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, inklużi r-rekwiżiti tar-riżorsi umani għall-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru konċernat għandu jiffaċilita tali xogħol.

3.   Fir-rigward ta’ blokok funzjonali ta’ spazju tal-ajru li jestendu min-naħa għall-oħra tal-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà responsabbiltà ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkonkludu ftehim dwar is-sorveljanza li jipprovdi għalih dan l-Artikolu rigward il-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru li jipprovdu servizzi konnessi ma’ dawk il-blokok.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jikkoperaw mill-qrib biex jiżguraw sorveljanza adegwata fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru li jkollhom ċertifikat validu minn Stat Membru li wkoll jipprovdi servizzi konnessi mal-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru ieħor. Kooperazzjoni tali għandha tinkludi arranġamenti għall-ittrattar ta’ każijiet li jinvolvu non-konformità mar-rekwiżiti komuni applikabbli miġjuba fl-Artikolu 6 jew mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

5.   Fil-każ tal-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu ftehim dwar l-għarfien reċiprioku tal-ħidma ta’ sorveljanza stipulata fil-paragrafi 1 u 2 u tar-riżultati ta’ din il-ħidma. Dan l-għarfien reċiproku għandu japplika wkoll meta l-arranġamenti għall-għarfien bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jitwettqu għall-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizz.

6.   Meta jkun permess mil-liġi u bil-għan li jkun hemm koperazzjoni reġjonali, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jikkonkludu wkoll ftehim li dwar il-qsim tar-responsabilitajiet fir-rigward tal-kompiti ta’ sorveljanza.

Artikolu 3

Entitajiet kwalifikati

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jiddeċiedu li jiddelegaw, b’mod sħiħ jew b’mod parzjali, l-ispezzjonijiet u l-istħarriġ imsemmija fl-Artikolu 2(2) lil entitajiet kwalifikati li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness I.

2.   Delegazzjoni tali mogħtija minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha tkun valida ġewwa l-Komunità għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jagħtu struzzjonijiet lil kull waħda mill-entitajiet kwalifikati li qegħdin fil-Komunità biex jidħlu għal dawn l-ispezzjonijiet u stħarriġ.

Artikolu 4

Rekwiżiti tas-sikurezza

Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, taddotta r-regoli implimentattivi li jinkorporaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-rekwiżiti o’regolatorji ta’ sikurezza tal-Eurocontrol (ESARRs) u l-emendi sussegwenti ta’ dawk ir-rekwiżiti fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, fejn ikun possibli l-adattazzjonijiet u xierqa.”;

2.

l-Artikolu 5 huwa mħassar;

3.

fl-Artikolu 7, il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.   Bla ħsara għall-Artikoli 8 u 9, il-ħruġ ta’ ċertifikati għandu jikkonferixxi fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru l-possibbiltà li joffru s-servizzi tagħhom lill-fornituri oħra ta’ navigazzjoni tal-ajru, utenti ta’ spazju tal-ajru u ajruporti ġewwa l-Komunità.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jimmonitorjaw il-konformita mar-rekwiżiti komuni u mal-kondizzjonijiet mehmuża maċ-ċertifikati. Dettalji ta’ tali moniteraġġ għandhom ikunu inklużi fir-rapporti annwali li għandhom ikunu sottomessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament qafas. Jekk awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza ssib li d-detentur ta’ ċertifikat m’għadux jissodisfa rekwiżiti jew tali kundizzjonijiet, hija għandha tieħu miżuri xierqa filwaqt li tiżgura l-kontinwita ta’ servizzi bil-kondizzjoni li ma tiġix kompromessa s-sikurezza. Miżuri tali jistgħu jinkludu r-revoka taċ-ċertifikat.”;

(4)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Nominazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-forniment ta’ servizzi ta’ traffiku tal-ajru fuq bażi esklussiva ġewwa blokok speċifiċi ta’ spazju tal-ajru rigward l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għal dan il-għan, Stati Membri għandhom jinnominaw fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru li jkollu ċertifikat validu fil-Komunità.

2.   Għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità ma’ dan l-artikolu u mal-Artikolu 10(3) ma tkunx imxekkla mis-sistema legali nazzjonali tagħhom li tkun tirrikjedi li l-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru li jipprovdu s-servizzi fi spazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru:

(a)

ikunu proprjetà diretta jew permezz ta’ ishma maġġoritarji ta’ dak l-Istat Membru jew taċ-ċittadini tiegħu;

(b)

ikollhom il-post prinċipali tal-operazzjoni jew uffiċju reġistrat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru; jew

(c)

jużaw biss il-faċilitajiet f’dak l-Istat Membru.

3.   Stati Membri għandhom jiddefinixxu d-drittijiet u obbligi li l-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru nominati għandhom jissodisfaw. L-obbligi jistgħu jinkludu kundizzjonijiet għall-provvista f’waqtha ta’ informazzjoni relevanti li tagħmel possibbli li l-movimenti kollha ta’ ajruplani fl-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom ikunu identifikati.

4.   Stati Membri għandu jkollhom setgħa diskrezzjonali fil-għażla ta’ fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar jissodisfa r-rekwiżiti u kundizzjonijiet li jirreferu għalihom l-Artikli 6 u 7.

5.   Rigward il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 9a li jestendu ruħhom min-naħa għall-oħra tal-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà responsabbiltà ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom b’mod konġunt jinnominaw fornitur ta’ servizz tal-ispazju tal-ajru jew aktar minn wieħed, talanqas xahar qabel l-implimentazzjoni tal-blokk tal-ispazju tal-ajru.

6.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra immedjatament bi kwalunkwe deċiżjoni fi ħdan il-qafas ta’ dan l-Artikolu rigward in-nominazzjoni ta’ fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fi ħdan blokok ta’ spazju tal-ajru fir-rigward tal-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom.”;

5.

l-Artikoli li ġejjin huma inseriti:

“Artikolu 9a

Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru

1.   Sal-4 ta’ Diċembru 2012 l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru bil-ħsieb li tiġi akkwistata l-kapaċità u l-effikaċja meħtieġa tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew u li jinżamm livell għoli ta’ effiċjenza u li jingħata kontribut għall-prestazzjoni ġenerali tas-sistema ta’ trasport bl-ajru u impatt ambjentali mnaqqqas. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sakemm hu possibbli l-aktar dawk l-Istati Membri li jistabbilixxu blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru ġirien, sabiex jiżguraw li jkunu konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Fejn ikun rilevanti, il-koperazzjoni tista’ tinkludi wkoll pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

2.   Blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru għandhom, b’mod partikolari:

(a)

ikunu sostnuti minn spazju ta’ sikurezza;

(b)

jagħmlu possibbli l-aħjar użu tal-ispazju tal-ajru, filwaqt li jieħdu kont tal-flussi tat-traffiku tal-ajru;

(c)

jiżguraw konsistenza man-netwerk Ewropew tar-rotot stabbilit skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-ispazju tal-ajru;

(d)

ikunu ġġustifikati mill-valur miżjud ġenerali tagħhom, inkluż l-aħjar użu ta’ riżorsi umani u tekniċi, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-relazzjoni bejn in-nefqa u l-benefiċċju;

(e)

jiżguraw trasferiment bla skossi u flessibbli ta’ responsabbiltàjiet għal kontroll ta’ traffiku tal-ajru bejn unitajiet ta’ servizz ta’ traffiku tal-ajru;

(f)

jiżguraw il-kompatibilità bejn il-konfigurazzjoniiet differenti tal-ispazju tal-ajru; filwaqt li jottimizzaw, inter alia, ir-Reġjuni attwali ta’ Informazzjoni dwar Titjiriet;

(g)

ikunu konformi ma’ kundizzjonijiet li joħorġu minn ftehim reġjonali konklużi ġewwa l-ICAO;

(h)

jirrrispettaw ftehim reġjonali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikulari dawk li jinvolvu pajjiżi terzi Ewropej; u

(i)

jiffaċilitaw il-konformità mal-objettivi ta’ prestazzjoni madwar il-Komunità.

3.   Blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru għandu biss inkun stabbilit bi ftehim reċiproku bejn l-Istati Membri kollha u, jekk ikun il-każ, ma’ pajjiżi terzi li jkollhom responsabbiltà għal xi parti mill-ispazju tal-ajru inkluż fil-blokk. Qabel ma jgħarraf/jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-istabbiliment ta’ blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru l-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) għandu/hom jipprovdi/u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-partijiet interessati l-oħra bl-informazzjoni adegwata u jagħtihom l-opportunità biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

4.   Fejn blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru jkollu x’jaqsam ma’ spazju tal-ajru li jkun kompletament jew parzjalment taħt ir-responsabbiltà responsabbiltà ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, il-ftehim li bih il-blokk ikun stabbilit għandu jkun fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-manjiera li biha l-blokk jista’ jiġi mmodifikat u l-manjiera li biha Stat Membru jkun jista’ jirtira mill-blokk, inklużi arranġamenti tranżizzjonali.

5.   Fejn iqumu diffikulatjiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar rigward blokk funzjonali ta’ spazju tal-ajru min-naħa għall-oħra tal-konfini li jikkonċerna spazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jressqu b’mod konġunt il-materja quddiem il-Kumitat ta’ Ajru Uniku għal opinjoni. L-opinjoni għandha tintbagħat lill-Istati Membri kkonċernati. Bla ħsara għall-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’ dik l-opinjoni biex isibu soluzzjoni.

6.   Wara li tkun irċeviet in-notifiki mingħand l-Istati Membri dwar l-arranġamenti u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk kull blokka funzjonali tal-ispazju tal-ajru tissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2 u tippreżenta r-riżultati lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku sabiex dawn jiġu diskussi. Jekk il-Kummissjoni ssib li waħda jew aktar mill-blokok funzjonali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti hija għandha tiddiskuti mal-Istati Membri kkonċernati bil-għan li tilħaq konsensus dwar il-miżuri meħtieġa biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni.

7.   Bla ħsara għall-paragrafu 5a, il-ftehim u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-pubblikazzjoni għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni relevanti.

8.   Il-materjal ta’ gwida għat-twaqqif u l-modifika tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru għandu jiġi żviluppat sal-4 ta’ Diċembru 2010 skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament qafas.

9.   Il-Kummissjoni għandha, sal-4 ta’ Diċembru 2011 u skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, tadotta regoli implimentattivi dwar it-tagħrif li jrid jingħata mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i) qabel ma jitwaqqaf jew jiġi mmodifikat blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9b

Koordinatur tas-Sistema tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru

1.   Sabiex jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta’ blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, il-Kummissjoni tista’ taħtar persuna fiżika bħala Koordinatur tas-Sistema tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru (‘Il-Koordinatur’). Il-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 9a(5) il-Koordinatur għandu, fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati u jekk ikun il-każ, il-pajjiżi terzi li jieħdu sehem fl-istess blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru, jiffaċilita li jingħelbu d-diffikultajiet fil-proċess ta’ negozjati bil-għan li jitaħaffef l-istabbiliment tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru. Il-Koordinatur għandu jaġixxi fuq il-bażi tal-mandat mogħti mill-Istati Membri kollha kkonċernati u, jekk ikun il-każ, pajjiżi terzi li jieħdu sehem fl-istess blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

3.   Il-Koordinatur għandu jaġixxi b’mod imparzjali l-aktar fir-rigward tal-Istati Membri, tal-pajjiżi terzi, tal-Kummissjoni u tal-partijiet interessati.

4.   Il-Koordinatur m’għandu jikxef l-ebda tagħrif miksub waqt il-qadi tal-funzjoni tiegħu/tagħha ħlief meta jingħata/tingħata l-awtorizzazzjoni mill-Istat(i) Membru(i) biex jagħmel/tagħmel dan, jew, jekk ikun il-każ, minn pajjiżi terzi kkonċernati.

5.   Wara l-ħatra tiegħu/tagħha, il-Koordinatur għandu jirrapporta lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tal-Ajru Uniku u lill-Parlament Ewropew kull tliet xhur. Ir-rapport għandu jinkludi sommarju tan-negozjati u tar-riżultati tagħhom.

6.   Il-mandat tal-Koordinatur għandu jiskadi meta jiġi ffirmat l-aħħar ftehim dwar blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru iżda mhux aktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2012.”;

6.

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Relazzjonijiet ma’ awtoritajiet militari

Fil-kuntest tal-politika komuni għat-trasport, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li jiġu stabbiliti jew imġedda l-ftehim bil-miktub bejn l-awtoritajiet ċivili u militari kompetenti jew arranġamenti legali ekwivalenti fir-rigward tal-ġestjoni tal-blokok tal-ispazju tal-ajru speċifiċi.”;

7.

L-Artikolu 12(3), huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta jipprovdu għadd ta’ servizzi, il-fornituri tas-servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru għandhom jidentifikaw u jniżżlu l-ispejjeż u d-dħul li ġej mis-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, elenkati skont l-iskema għat-talbiet ta’ ħlas għas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru msemmi fl-Artikolu 14 u, fejn ikun xieraq, għandhom jinżammu l-kontijiet konsolidati għal sevizzi oħra mhux ta’ navigazzjoni tal-ajru, kif ikunu meħtieġa jagħmlu jekk is-servizzi kkonċernati jkunu pprovduti minn impriżi separati.”;

8.

L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Ġenerali

F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 15 u 16, l-iskema tat-talbiet għall-ħlas għas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru għandha tikkontribwixxi għal aktar trasparenza fid-determinazzjoni, l-impożizzjoni u l-infurzar tal-ħlasijiet lill-utenti tal-ispazju tal-ajru u għandha tikkontribwixxi mal-effiċjenza tan-nefqa għal forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u għall-effiċjenza tat-titjiriet, filwaqt li jinżamm livell tajjeb ta’ sikurezza. Din l-iskema għandha wkoll tkun konsistenti mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u mas-sistema ta’ ħlas tal-Eurcontrol għal ħlasijiet ta’ waqt ir-rotta.”;

9.

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Prinċipji

1.   L-iskema ta’ tariffi ghandha tkun ibbażata fuq il-kont ta’ spejjeż ghas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru minfuqa minn fornituri ta’ servizz ghall-beneficcju tal-utenti tal-ispazju tal-ajru. L-iskema ghandha talloka dawn l-ispejjeż fost il-kategoriji tal-utenti.

2.   Il-principji li gejjin ghandhom ikunu applikati meta l-bażi ta’ spejjeż ghall-hlasijiet tkun se tigi stabbilita:

(a)

L-ispejjeż li għandhom jitqassmu bejn l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom ikunu l-ispejjeż determinati tal-forniment tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, inklużi ammonti xierqa għal imgħax fuq kapital investit u deprezzar ta’ assi, kif ukoll l-ispejjeż ta’ manutenzjoni, operazzjoni, ġestjoni u amministrazzjoni. L-ispejjeż iddeterminati għandhom ikunu l-ispejjez iddeterminati mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru fil-bidu tal-perjodu ta’ referenza għal kull sena kalendarja tal-perjodu ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 11 tal-qafas ta’ Regolament, jew matul il-perjodu ta’ referenza, wara li jsiru l-aġġustamenti neċessarji billi jiġu applikati l-mekkaniżmi ta’ twissija stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament qafas;

(b)

L-ispejjeż li għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest għandhom ikunu dawk stmati f’konnessjoni mal-faċilitajiet u servizzi provduti għal implimentati taħt il-Pjan Reġjonali ta’ Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO, ir-Reġjun Ewropew. Jistgħu wkoll jinkludu spejjeż minfuqa mill-autoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u/jew entitajiet kwalifikati, kif ukoll spejjeż oħra minfuqa mill-Istati Membri u l-fornituri ta’ servizz relevanti f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru; huma ma għandhomx jinkludu l-ispejjeż tal-pieni imposti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament qafas u lanqas l-ispejjeż ta’ kwalunkwe miżura korrettiva imposta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11 tar-Regolament qafas;

(c)

Fir-rigward tal-blokok funzjonali tal-Ispazju tal-ajru u bħala parti mill-ftehim qafas rispettivi tagħhom, l-Istati membri għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jaqblu fuq il-prinċipji komuni għall-politika ta’ ħlasijiet;

(d)

l-ispiża ta’ servizzi differenti ta’ navigazzjoni tal-ajru ghandha tkun identifikata b’mod separat, kif jipprovdi l-Artikolu 12(3);

(e)

Ma għandux ikun permess sussidju trażversali bejn servizzi ta’ waqt ir-rotta u servizzi fit-terminal. L-ispejjez li huma relatati kemm mas-servizzi li jingħataw fit-terminals u s-servizzi en-route għandhom jiġu allokali b’mod proporzjonali bejn is-servizzi en-route u s-servizzi fit-terminals fuq il-bażi ta’ metodoloġija trasparenti. Sussidju trażversali għandu jitħalla jsir bejn servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fi kwalunkwe waħda miż-żewġ kategoriji biss meta dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi, suġġett għal identifikazzjoni ċara;

(f)

trasparenza tal-bażi ta’ spiża ħgħal hlasijiet ħgħandha tkun iggarantita. Regoli ta’ implimentazzjoni ħgħall-forniment ta’ informazzjoni minn fornituri ta’ servizz ħgħandhom ikunu addottati biex jippermettu reviżjonijiet tal-previżjonijiet talfornitur, spejjeż attwali u ħdħul (introjtu). ħGħandu jkun hemm skambju regolari ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, fornituri ta’ servizz, utenti tal-ispazju tal-ajru, il-Kummissjoni u Eurocontrol.

3.   L-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-prinċipji li ġejjin meta jiġu stabbiliti t-tariffi skont il-paragrafu 2:

(a)

it-tariffi għandhom ikunu stabbiliti għas-servizzi disponibbli tan-navigazzjoni tal-ajru taħt kundizzjonijiet non-diskriminatorji. Meta jkunu imposti ħlasijiet fuq utenti differenti tal-ispazju tal-ajru ħgħall-użu tal-istess servizzi, ebda distinzjoni m’għandha ssir f’konnessjoni ma’ nazzjonalità jew kategorija tal-utent;

(b)

eżenzjoni ta’ certi utenti, ċspecjalment ta’ operaturi ta’ speċjalment ajruplani ħħfief u ajruplani tal-Istat, tista’ tkun permessa, sakemm l-ispiża ta’ talita’ eżenzjoni ma tintefax fuq utenti ohra;

(c)

it-tariffi għandhom jiġu stabbiliti għal kull sena kalendarja fuq il-bażi ta’ spejjeż iddeterminati, jew jistgħu jiġu stabbiliti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri biex jiġi ddeterminat il-livell massimu tar-rata tal-unità jew tad-dħul ta’ kull sena fuq firxa ta’ perjodu li ma jeċċedix il-ħames snin;

(d)

is-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jirrendu dħul suffiċjenti biex jiġġenera akkwist raġonevoli mill-assi biex tkun tista’ ssir kontribuzzjoni għaż-żidiet inkrimentali meħtieġa tal-kapital;

(e)

it-tariffi għandhom jirriflettu l-ispejjeż tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-faċilitajiet disponibbli għall-utenti tal-ajruport, b’kont meħud tal-kapaċitajiet produttivi tat-tipi differenti ta’ ajruplani konċernati;

(f)

it-tariffi għandhom jinkoraġġixxu l-forniment sikur, effiċjenti u effettiv u sostenibbli ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru bil-ħsieb tal-kisba ta’ livell għoli ta’ sikurezza u ta’ effiċjenza mqabbla mal-ispiża u li jilħqu l-miri ta’ prestazzjoni u huma għandhom jistimulaw il-forniment ta’ servizz integrat filwaqt li jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni. Għal dak il-għan u b’rabta mal-pjani ta’ prestazzjoni jew blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jwaqqfu mekkaniżmi, inklużi inċentivi li jikkonsistu f’vantaġġi u żvantaġġi, biex jinkorraġġixxu l-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u/jew utenti tal-ajru ħalli jstostnu t-titjib fil-forniment tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru bħalma hi l-kapaċità miżjuda, dewmien imnaqqas u żvilupp sostenibbli, filwaqt li jinżamm livell tajjeb ta’ sikurezza.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati għal dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas.”

10.

l-Artikolu li ġej huwa inserit:

“Artikolu 15a

Proġetti komuni

1.   Proġetti komuni jistgħu jgħinu l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan Regolatorju tal-ATM. Proġetti bħal dawn għandhom jappoġġjaw l-objettivi ta’ dan ir-Regolament sabiex tiġi mtejba l-prestazzjoni tas-sistema tal-avjazzjoni tal-Ewropa f’oqsma prinċipali bħalma huma l-kapaċità, it-titjiriet u l-effiċjenza f’termini ta’ spejjeż kif ukoll is-sostenibbiltà ambjentali, fi ħdan objettivi dominanti ta’ sikurezza.

2.   Il-Kummissjoni tista’, f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5 (3) tar-Regolament qafas, tiżviluppa materjal ta’ gwida rigward il-mod li bih dawn il-proġetti jistgħu jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM. Materjal ta’ gwida bħal dan m’għandux idgħajjef il-mekkaniżmi għall-iskjerament ta’ tali proġetti rigward blokok funzjonali tal-ispazzju tal-ajru kif ġie miftiehem mill-partijiet ta’ dawk il-blokok.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, biex tistabbilixxi proġetti komuni għall-operazzjonijiet marbuta man-netwerk, li huma ta’ importanza partikulari għat-titjib tal-prestazzjoni globali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fl-Ewropa. Proġetti komuni bħal dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju fi ħdan il-qafas finanzjarju multiannwali. Għal dan il-għan, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq l-użu tar-riżorsi finanzjarji tagħhom, il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi indipendenti fuq il-benefiċċji f’temini ta’ nfiq u konsultazzjonijiet kif xieraq mal-Istati Membri u l-partijiet kollha relevanti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament qafas, filwaqt li jiġu eżaminati bir-reqqa il-mezzi xierqa biex jiffinanzjaw l-iskjerament. L-ispejjeż eliġibbli ta’ skjerament ta’ proġetti komuni għandhom jiġu koperti skont il-prinċipji tat-trasparenza u tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.”;

11.

L-Artikoli 16 sa 18 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Reviżjoni tal-konformità

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għall-analiżi kontinwa ta’ konformità mal-prinċipji u regoli li jirreferi għalihom l-Artikoli 14 u 15, filwaqt li taġixxi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi neċessarji biex isir użu mill-esperti tal-Eurocontrol u għandhom jaqsmu r-riżultati tar-reviżjoni mal-Istati Membri, il-Eurocontrol u r-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

2.   Fuq talba ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri li jikkunsidraw li l-prinċipji u regoli msemmija aktar ‘il fuq ma kinux applikati b’mod proprju, jew fuq inizjattiva tagħha proprja, il-Kummissjoni għandha tagħmel investigazzjoni dwar kull allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ applikazzjoni tal-prinċipji u/jew regoli konċernati. Mingħajr preġudizzju tal-Artikolu 18(1), il-Kummissjoni għandha taqsam ir-riżultati tal-investigazzjoni mal-Istati Membri, l-Eurocontrol u r-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru. Fi żmien xahrejn mir-riċeviment ta’ talba, wara li tkun semgħet lilll-Istat Membru kkonċernat u wara li tikkonsulta l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 15 ta’ dan ir-Regolament u rigward jekk il-prattika konċerntata tistax tissokta.

3.   Il-Kummissjoni ħgħandha tindirizza d-deciżjoni ħtagħha lill-Istati Membri u ħtgħarraf biha lill-fornitur ta’ servizz, sakemm ikun legalment ċikkonċernat. Kull Stat Membru jista’ jirreferi d-ċdeċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fi żmien xahar. Il-Kunsill, filwaqt li jagixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fi żmien perjodu ta’ xahar.

Artikolu 17

Reviżjoni ta’ Annessi

Miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tal-Anness sabiex jittieħed kont ta’ żviluppi tekniċi u operattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament qafas.

F’każijiet ta’ urġenza assoluta, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament qafas.

Artikolu 18

Kunfidenzjalità

1.   La l-awtoritjiet superviżorji nazzjonali, li jkunu qed jaġixxu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u lanqas il-Kummissjoni ma għandhom jiżvelaw l-informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali, b’mod partikulari informazzjoni dwar il-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru, ir-relazzjonijiet ta’ negozju jew il-komponenti tal-ispejjeż tagħhom.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-dritt ta’ żvelar mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jew mill-Kummissjoni fejn ikun essenzali għall-għanijiet biex jissodisfaw dmirijiethom, f’liema każ dan l-iżvelar għandu jkun proporzjonat u għandu jirrispetta l-interessi leġittimi tal-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ajruporti jew il-partijiet interessati rilevanti l-oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

3.   L-informazzjoni u d-data pprovduti skont l-iskema ta’ tariffi msemmija fl-Artikolu 14 għandhom jiġu żvelati pubblikament.”;

12.

Dan l-Artikolu huwa inserit:

“Artikolu 18a

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta studju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2012 filwaqt li tagħmel evalwazzjoni tal-impatti legali, soċjali, tas-sikurezza, tal-industrija, u tal-ekonomija tal-applikazzjonijiet tal-prinċipji tas-suq għall-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni, in-navigazzjoni, is-sorveljanza u l-informazzjoni ajrunawtika, meta mqabbel mal-prinċipji ta’ organizzazzjoni eżistenti jew alternattivi u filwaqt li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fil-blokok funzjonali tal-ispjazju tal-ajru fit-teknoloġija disponibbli.”;

13.

L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

It-Titolu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“ĦTIĠIJIET GĦALL-ENTITAJIET KWALIFIKATI”;

(b)

Il-kliem tal-bidu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“L-entitajiet kwalifikati għandhom:”.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa mħassar;

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Ir-Reġjun Ewropew għall-Informazzjoni dwar it-Titjiriet Aktar ‘il Fuq (EUIR)

1.   Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jimmiraw għat-twaqqif u r-rikonoxximent min-naħa tal-ICAO ta’ EUIR uniku. Għal dak l-iskop, minħabba kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha, tippreżenta rakkomandazzjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 300 tat-Trattat sal-4 ta’ Diċembru 2011.

2.   L-EUIR għandu jitfassal biex jikkomprendi l-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 1(3) u jista’ wkoll jinkludi spazju tal-ajru ta’ pajjiżi terzi Ewropej.

3.   L-istabbiliment tal-EUIR għandu jkun bla ħsara għar-responsabbiltà ta’ Stati Membri għad-deżinjazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ traffiku tal-ajru għall-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-forniment ta’ servizzi.

4.   L-Istati Membri għandhom iżommu ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn l-ICAO fil-limiti ġeografiċi tar-reġjuni ta’ informazzjoni ta’ titjir ta’ aktar ‘il fuq fdata lilhom mill-ICAO fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”;

(3)

l-Artikolu li ġej huwa inserit:

“Artikolu 3a

Informazzjoni ajrunawtika elettronika

1.   Bla ħsara għall-pubblikazzjoni mill-Istati Membri tal-informazzjoni areonawtika, u b’mod konsistenti ma’ din il-pubblikazzjoni il-Kummissjoni, f’ħidma b’kooperazzjoni mal-Eurocontrol, għandha tiżgura d-àdisponibbiltà tal-informazzjoni ajrunawtika ta’ kwalità għolja, ippreżentata b’mod armonizzat u li sservi l-ħtiġijiet tal-utenti rilevanti kollha f’termini tal-àkwalità tad-data u fiż-żamma tal-ħin.

2.   Għall-għan ta’ paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ informazzjoni ajrunawtika fuq livell Komunitarju taħt forma ta’ portal elettroniku ta’ informazzjoni integrata b’aċċess għall-partijiet interessati. L-infrastruttura għandha tintegra l-aċċess u l-forniment tal-elementi meħtieġa għad-data, iżda mhux limitati għall-informazzjoni ajrunawtika, informazzjoni tal-uffiċjal tar-rapportaġġ tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ARO), informazzjoni meterjoloġika u informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fluss;

(b)

Issostni l-immodernizzar u l-armonizzazzjoni għall-forniment tal-informazzjoni ajrunawtika fl-aktar sens wiesa’ tiegħu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurocontrol u l- ICAO.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli implimentattivi dettaljati għal dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas.”;

(4)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Regoli ta’ klassifikazzjoni tal-ajru u l-ispazju tal-ajru

Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċeduri regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, tadotta regoli implimentattivi sabiex:

(a)

tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa dwar ir-regoli tal-ajru fuq il-bażi tal-istandards tal-ICAO u l-prattiki rakkomandati;

(b)

tarmonizza l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-ICAO, b’adattament xieraq, sabiex ikun żgurat forniment mingħajr intoppi ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru sikuri u effiċjenti fi ħdan l-ajru uniku Ewropew.”;

(5)

Artikolu 5 huwa mħassar;

(6)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Il-ġestjoni u t-tfassil tan-netwerk

1.   Il-funzjonijiet tan-netwerk ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) għandhom jippermettu l-aqwa użu tal-ispazju tal-ajru u jiżguraw li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jkunu jistgħu joperaw fuq it-trajettorji ppreferuti, filwaqt li jippermettu aċċess massimu għall-ispazju tal-ajru u s-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru. Dawn il-funzjonijiet tan-netwerk għandhom ikunu mmirati biex jiġu appoġġjati l-inizjattivi fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u għandhom jitwettqu b’mod li jirrispetta s-separazzjoni tal-ħidmiet regolatorji u operattivi.

2.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet msemmija fil-paragrafu 1, u bla ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tar-rotot nazzjonali u l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jitwettqu l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tfassil tan-netwerk Ewropew tar-rotot;

(b)

il-koordinazzjoni tar-riżorsi skarsi, ġewwa l-faxex ta’ frekwenza tal-avjazzjoni użati mit-traffiku tal-ajru, b’mod partikolari il-frekwenzi tar-radju u l-kodiċi tar-radar transponder.

Il-funzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu m’għandhomx jinvolvu l-adozzjoni ta’ miżuri vinkolanti ta’ ambitu ġenerali jew l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni politika. Huma għandhom iqisu l-proposti stabbiliti fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali. Dawn għandhom jitwettqu f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet militari skont il-proċeduri miftiehma li jikkonċernaw l-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru.

Il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Ajru Uniku u f’konformità mar-regoli implimentattivi msemmija fil-paragrafu 4, tinkariga lill-Eurocontrol jew lil korp ieħor kompetenti u imparzjali bil-kompiti neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu. Dawn il-kompiti għandom jitwettaqu b’mod imparzjali, ekonomikament effettiv; u għandhom jitwettqu f’isem l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Huma għandhom ikunu soġġetti għal governanza xierqa, li tirrikonoxxi r-responsabilitajiet separati għall-provvediment tas-servizzi u għar-regolamentazzjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati il-ħtiġijiet tan-netwerk sħiħ tal-ATM u bl-involviment sħiħ tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru.

3.   Il-Kummissjoni tista’ żżid mal-lista ta’ funzjonijiet fil-paragrafu 2 wara konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati tal-industrija. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentah, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 5(4) tar-Regolament qafas.

4.   Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu, apparti għal dawk imsemmija fil-paragrafi 6 sa 9, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas. Dawk ir-regoli implimentattivi għandhom jindirizzaw b’mod partikulari:

(a)

il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċessi u l-proċeduri biex titjieb l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-frekwenza ajrunawtika inkluż l-iżvilupp ta’ prinċipji u kriterji;

(b)

il-funzjoni ċentrali biex jiġu kkoordinati l-identifikazzjoni bikrija u r-riżoluzzjoni tal-ħtiġijiet ta’ frekwenza fil-faxex allokati għat-traffiku tal-ajru ġenerali Ewropew biex jiġu appoġġjati d-disinn u l-operat tan-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni;

(c)

il-funzjonijiet addizzjonali tan-netwerk kif definit fil-Pjan Ġenerali tal-ATM;

(d)

l-arranġamenti dettaljati għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod koperattiv bejn l-Istati Membri, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-funzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk għall-ħidmiet imsemmija fil-paragrafu 2;

(e)

l-arranġamenti għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati relevanti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew; u

(f)

fi ħdan l-ispektrum tar-radju allokat għat-traffiku tal-ajru ġenerali mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, qsim tal-ħidmiet u r-responsabbilitajiet bejn il-funzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk u l-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat li l-funzjonijiet tal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali jkomplu jwettqu dawk il-kompiti ta’ frekwenza li m’għandhom l-ebda impatt fuq in-netwerk. Fir-rigward ta’ dawk il-każijiet li m’għandhom l-ebda impatt fuq in-netwerk, il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jikkooperaw ma’ dawk responsabbli għall-funzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk biex jiġi ottimizzat l-użu tal-frekwenzi.

5.   Aspetti ta’ tfassil tal-ispazju tal-ajru minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu kkunsidrati fuq livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali. Dan il-proċess tat-tfassil għandu jikkunsidra t-talbiet u l-kumplessità tat-traffiku, il-pjani tal-prestazzjoni tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jew nazzjonali u għandu jinkludi konsultazzjoni sħiħa mal-utenti tal-ispazju tal-ajru relevanti jew mal-gruppi relevanti li jirrappreżentaw l-utenti tal-ispazju tal-ajru u mal-awtoritajiet militari skont kif ikun xieraq.

6.   L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-Eurocontrol jew lil korp ieħor kompetenti u imparzjali bil-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, u dan soġġett għal arranġamenti ta’ sorveljanza xierqa.

7.   Ir-regoli implimentattivi għall-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, inklużi l-arranġamenti ta’ sorveljanza neċessarji, għandhom jiġu żviluppati f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament qafas u adottati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, bil-għan li tiġi ottimizzata l-kapaċità disponibbli fl-użu tal-ispazju tal-ajru u jitjiebu l-proċessi tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru. Dawn ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq trasparenza u effiċjenza, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi pprovduta kapaċità b’mod flessibbli u f’waqtha, konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan Reġjonali ta’ Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO, Reġjun Ewropew.

8.   Ir-regoli implimentattivi għall-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru għandhom isostnu d-deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, mill-operaturi ta’ ajruporti u mill-utenti tal-spazju tal-ajru u għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-ippjanar tat-titjiriet;

(b)

l-użu tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru disponibbli matul il-fażijiet kollha tat-titjir, inkluż l-assenjazzjoni tas-slots; u

(c)

l-użu ta’ rotot mit-traffiku tal-ajru ġenerali, inklużi

il-ħolqien ta’ pubblikazzjoni unika għall-orjentazzjoni tar-rotot u tat-traffiku;

possibilitajiet għad-devjazzjoni tat-traffiku tal-ajru ġenerali minn żoni ta’ konġestjoni, u

regoli ta’ prijorita dwar l-aċċess għall-ispazju tal-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali, b’mod partikulari matul perjodi ta’ konġestjoni u kriżi.

9.   Meta tkun qed tiżviluppa u tadatta ir-regoli ta’ implimentazzjoni il-Kummissjoni għandha, kif ikun xieraq u mingħajr preġudizzju għas-sikurezza, tieħu kont tal-konsistenza bejn il-pjani tat-titjiriet u l-islots tal-ajruporti u l-koordinazzjoni meħtieġa ma reġjuni qrib.”;

(7)

L-Artikolu 9 huwa mħassar.

Artikolu 4

Ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu li ġej huwa inserit:

“Artikolu 6a

Verifika alternattiva ta’ konformità

Ċertifikat maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (****), fejn ikun japplika għall-kostitwenti jew għas-sistemi, għandhom jiġu kkunsidrati, għall-iskop tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament, bħala dikjarazzjoni tal-KE dwar il-konformità u s-sostenibbilità għall-użu, jew bħala dikjarazzjoni tal-KE tal-verifika, jekk din tkun tinkludi dimostrazzjoni ta’ konformità mal-elementi essenzjali ta’ dan ir-Regolament u r-regoli implimentattivi rilevanti għall-interoperabbiltà.

(****)  * ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.”"

(2)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Reviżjoni ta’ annessi

Miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tal-Annessi, sabiex jittieħed kont ta’ żviluppi tekniċi u operattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura oregolatorja bl-istkrutinju msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament qafas.”

(3)

fl-Artikolu 10 il-paragrafu li ġej huwa inserit:

“2a.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw sistemi u kostitwenti tal-EATMN bħala konformi mar-rekwiżiti essenzjali u eżentati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6.”

(4)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-Parti A, l-ewwel paragrafu tal-punt 2, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EATMN, is-sistemi tagħha u l-kostitwenti tagħhom għandhom jappoġġaw, fuq bażi kkordinata, kunċetti ġodda ta’ operat maqbula u validati li jtejbu l-kwalità u l-effikaċja ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, b’mod partikulari f’termini ta’ sikurezza u kapaċita.”;

(b)

Il-Parti B hija emendata kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu tal-punt 3.1.2, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sistemi ta’ pproċessar ta’ data għal titjir għandhom jaċċettaw l-implimentazzjoni progressiva ta’ kunċetti ta’ operat avvanzati, maqbula u validati għal fażijiet kollha ta’ titjir, b’mod partikolari kif previsti mill-Pjan Komprensiv tal-ATM.”;

(ii)

il-punt 3.2.2, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.2.2.

Appoġġ għal kunċetti ġodda ta’ operat

Sistemi ta’ pproċessar ta’ data ta’ sorveljanza għandhom jaċċettaw id-disponibbiltà progressiva ta’ sorsi ġodda ta’ informazzjoni ta’ sorveljanza f’manjiera tali li ttejjeb il-kwalità ġenerali tas-servizz, b’mod partikolari kif previst mill-Pjan Komprensiv tal-ATM.”

(iii)

il-punt 4.2, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.2.

Appoġġ għal kunċetti ġodda ta’ operat

Sistemi ta’ komunikazzjoni għandhom isostnu l-implimentazzjoni ta’ kunċetti avvanzati ta’ operat, maqbula u validati għal fażijiet kollha ta’ titjir, b’mod partikolari kif previsti mill-Pjan Komprensiv tal-ATM.”;

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 6(2) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 kif emendat b’dan ir-Regolament għandu japplika mid-data speċifikata fir-regoli implimentattivi rispettivi tagħhom imma mhux aktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 50.

(2)  ĠU C 120, 28.5.2009, p. 52.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2009.

(4)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(6)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(7)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(8)  ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500 tal-20 ta’ Mejju 1998, dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu ‘l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27).

(10)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Top