EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0189

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2009 tad- 9 ta' Marzu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malażja

ĠU L 67, 12.3.2009, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/09/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/189/oj

12.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/5


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 189/2009

tad-9 ta' Marzu 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malażja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/1996 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA TA’ QABEL

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 1425/2006 il-Kunsill impona dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00 (kodiċi TARIC 3923210020), ex 3923 29 10 (kodiċi TARIC 3923291020) u ex 3923 29 90 (kodiċi TARIC 3923299020), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) u t-Tajlandja. Billi hemm numru kbir ta’ produtturi li jesportaw li kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), intgħażel kampjun ta’ produtturi Ċiniżi u Tajlandiżi li jesportaw u rati individwali tad-dazju li jvarjaw minn 4,8 % għal 14,3 % ġew imposti fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, waqt li kumpaniji oħra li kkooperaw imma mhux inklużi fil-kampjun ingħataw rata ta’ dazju ta’ 8,4 % għar-RPĊ u 7,9 % għat-Tajlandja. Ġew imposti rati ta’ dazju ta’ 28,8 % għar-RPĊ u 14,3 % għat-Tajlandja fuq kumpaniji li jew ma ddikjarawx ruħhom inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(2)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 jistipula li, fir-RPĊ jew fit-Tajlandja, fejn xi produttur ġdid li jesporta jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li

ma esportax lejn il-Komunità l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (l-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005) (“il-perjodu tal-investigazzjoni”) (l-ewwel kriterju);

mhux relatat ma’ xi wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ jew fit-Tajlandja li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti minn dan ir-Regolament (it-tieni kriterju); kif ukoll

fil-fatt esporta lejn il-Komunità l-prodotti kkonċernati wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikattiva lejn il-Komunità (it-tielet kriterju);

mela l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi tingħata lill-produttur ġdid li jesporta r-rata ta’ dazju applikabbli lill-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 8,4 % għall-kumpaniji Ċiniżi u 7,9 % għall-kumpaniji Tajlandiżi.

B.   TALBIET TAL-PRODUTTURI ĠODDA LI JESPORTAW

(3)

Seba’ kumpaniji (ħames Ċiniżi u żewġ Tajlandiżi) applikaw biex jingħataw l-istess trattament bħall-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali li ma kinux inklużi fil-kampjun (“trattament ta’ produttur ġdid li jesporta”).

(4)

Sar eżami biex jiġi stabbilit jekk is-seba’ kumpaniji jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw trattament ta’ produttur ġdid li jesporta kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006.

(5)

Intbagħtet formola ta’ applikazzjoni lis-seba’ applikanti kollha kemm huma li ntalbu wkoll jipprovdu xhieda biex juru li jissodisfaw it-tliet kriterji msemmija hawn fuq.

(6)

Żewġ kumpaniji Ċiniżi li talbu trattament ta’ produttur ġdid li jesporta ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba. Għalhekk ma kienx possibbli li jiġi vverfikat jekk dawn il-kumpaniji jissodisfawx il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006, u t-talba tagħhom kellha tiġi rrifjutata.

(7)

Kumpanija waħda Tajlandiża pprovdiet informazzjoni qarrieqa u għalhekk it-talba tagħha ġiet irrifjutata.

(8)

Kumpanija oħra Tajlandiża esportat il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk ma ssodisfatx l-ewwel kriterju u t-talba tagħha ġiet irrifjutata.

(9)

Ix-xhieda pprovduta mit-tliet produtturi Ċiniżi l-oħra li jesportaw hija meqjusa suffiċjenti biex turi li huma jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 u għalhekk jistgħu jingħataw ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (8,4 % għal kumpaniji Ċiniżi) u b’konsegwenza ta’ dan isimhom jiġi miżjud fil-lista tal-produtturi li jesportaw fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006.

(10)

L-applikanti kollha u l-industrija Komunitarja ġew infurmati bis-sejbiet tal-istħarriġ u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(11)

L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-partijiet interessati ġew analizzati u meħuda sewwa inkonsiderazzjoni fejn meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpaniji li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ produtturi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006:

Kumpanija

Belt

Huiyang Kanlun Polyethylene Manufacture Factory

Huizhou

Bao Xiang Plastic Bag Manufacturing (Shenzhen) Co., Ltd.

Shenzhen

Quanzhou Polywin Packaging Co. Ltd.

Nanan

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Gurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.


Top