EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0992

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 992/2004 tas- 17 ta' Mejju 2004 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju ta' anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew fl-Ukrajna

ĠU L 182, 19.5.2004, p. 23–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 24–28 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/05/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/992/oj

30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

24


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 992/2004

tas-17 ta' Mejju 2004

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju ta' anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u partikolarment l-Artikoli 8, 11(3), 21 u 22 (ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 969/2000 (2) il-Kunsill emenda u estenda l-miżuri mposti bir-Regolament (KE) Nru 3068/92 (3), dwar importazzjonijiet fil-Komunità ta' klorur tal-potassju (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġina fir-Repubblika tal-Belarus (“Belarus”), il-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) u l-Ukrajna.

(2)

Il-miżuri huma ammonti fissi ta' dazju, stabbiliti skond il-kategorija u l-grad ta' prodott, li jvarjaw minn EUR 19,51 għal kull tunnellata metrika għal EUR 48,19 għal kull tunnellata metrika fil-każ tal-Belarus, EUR 19,61 għal kull tunnellata metrika għal EUR 40,63 għal kull tunnellata metrika fil-każ tar-Russja u EUR 19,61 għal kull tunnellata metrika għal EUR 48,19 għal kull tunnellata metrika fil-każ ta' l-Ukrajna.

2.   Investigazzjoni

(3)

Fl-20 ta' Marzu 2004 il-Kummissjoni ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (4) l-bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ (“il-miżuri”) skond l-Artikoli 11(3) u 22(ċ) tar-Regolament bażiku.

(4)

Ir-reviżjoni ngħatat bidu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġi eżaminat jekk, bħala konsegwenza tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (“it-tkabbir”) u, b'kunsiderazzjoni ta' l-aspett ta' interess Komunitarju, hemmx il-bżonn li jiġu adattati l-miżuri sabiex jiġi evitat effett f'daqqa u eċċessivament negattiv fuq il-partijiet kollha nteressati inklużi utenti, distributuri u konsumaturi.

3.   Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni

(5)

Il-partijiet kollha nteressati magħrufa lill-Kummissjoni, inkluża l-industrija Komunitarja, assoċjazzjonijiet ta' produtturi jew utenti fil-Komunità, esportaturi/produtturi fil-pajjizi konċernati, importaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi konċernati kif ukoll partijiet interessati fl-ghaxar Stati Membri ġodda li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (“l-10 ta' l-UE”) kienu avvżati bil-bidu ta' l-investigazzjoni u kienu mogħtija l-opportunità li jagħmlu magħrufa l-fehmiet tagħhom bil-kitba, li jippreżentaw informazzjoni u li jipprovdu provi ta' sostenn fil-limitu taż-żmien indikat fl-avviż tal-bidu. Il-partijiet interessati kollha li għamlu tali talba u li urew li kien hemm raġunijiet għala huma kellhom jingħataw widen kienu ġew mogħtija udjenza.

(6)

F'dan ir-rigward, il-partijiet interessati li ġejjin taw il-fehmiet tagħhom:

(a)

Assoċjazzjoni ta' produtturi Komunitarji:

 

l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Potassa

(b)

Produtturi esportaturi:

 

Production Amalgamation Belaruskali, Soligorsk, il-Belarus

 

JSC Silvinit, Solikamsk, ir-Russja

 

JSC Uralkali, Berezniki, ir-Russja

(ċ)

Esportatur:

 

IPC, Moskow, ir-Russja (relatat ma' JSC Silvinit u Production Amalgamation Belaruskali).

B.   IL-PRODOTT IKKUNSIDRAT

(7)

Il-prodott ikkonċernat hu klorur tal-potassju (potassa, KC1) u ġeneralment jiġi użat bħala fertilizzant agrikolu, direttament, imħallat ma' fertilizzanti oħra jew wara trasformazzjoni għal fertilizzant kumpless magħruf bhala NPK (nitroġenu, fosforu, potassju). Il-kontenut ta' potassju hu varjabbli u jiġi espress bħala perċentwali tal-piż tal-ossidu tal-potassju (K2O) fuq il-prodott anidru niexef. Jiġi ukoll użat bħala materja prima fil-manifattura ta' ċeri prodotti industrijali u farmaċewtiċi.

(8)

Il-potassa hija ġeneralment kummerċjalizzata jew f'forma standard/trab (potassa standard) jew f'forma oħra differenti minn standard li tinkludi imma mhix limitata għal forma granulari (potassa granulari). Il-prodott hu ġeneralment klassifikat fi tlitt kategoriji bażiċi, ibbażati fuq il-kontenut ta' K2O, jiġifieri:

il-kontenut tal-potassju ma jeċċedix 40 % ta' K2O — li jaqa' taħt il-kodiċi NM 3104 20 10,

il-kontenut tal-potassju li jeċċedi l-40 % ta' K2O imma inqas minn jew daqs 62 % — li jaqa' taħt il-kodiċi NM 3104 20 50,

il-kontenut tal-potassju 'il fuq minn 62 % ta' K2O — li jaqa' taħt il-kodiċi NM 3104 20 90.

(9)

Il-miżuri ta' anti-dumping fis-seħħ jispeċifikaw livelli differenti ta' dazji ta' anti-dumping għal potassa standard, min-naħa l-waħda, u għall-forom l-oħra ta' potassa, li jinkludu potassa granulari min-naħa l-oħra. F'dan ir-rigward għandu jkun imfakkar li fl-aħħar investigazzjoni-reviżjoni fis-sena 2000, kien instab li importazzjonijiet ta' ċerti taħlitiet speċjali jew imħallta b'kontenut ta' potassa għola minn normal, li ma jaqgħux taħt il-kodiċi NM indikati għall-potassa indikata hawn fuq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodott ikkonċernat. Din il-konklużjoni ntlaħqet għax tali taħlitiet għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u għandhom l-istess użu bħall-kategoriji bażiċi msemmija hawn fuq. La l-investigazzjoni preżenti ukoll ma rriżultat fl-ebda kunsiderazzjoni li l-approċċ meħud qabel m'għandux jitkompla, u għaldaqstant u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-miżuri ta' anti-dumping, kif ukoll biex tkun evitata klassifikazzjoni żbaljata, ġie kkunsidrat bħala neċessarju, f'dan ir-Regolament, li tiġi kkonfermata l-konklużjoni ta' l-investigazzjoni-reviżjoni ta' qabel li l-kontenut ta' K2O ta' taħlit bħal dan jkun daqs jew iktar minn 35 %, sa kontenut ta' 62 % tal-piż, tal-prodott anidru niexef.

Ċ.   RIŻULTATI TA' L-INVESTIGAZZJONI

1.   Is-sottomissjonijiet ta' partijiet interessati fil-pajjiżi esportaturi

(10)

Żewg produtturi esportaturi Russi u produttur esportatur mill-Belarus, esportatur Russu u l-awtoritajiet Russi ddikjaraw li minħabba l-livell għoli ta' dazji ta' anti-dumping u bħala konsegwenza ta' l-estensjoni tal-miżuri lill-10 ta' l-UE, il-flussi kummerċjali tradizzjonali tagħhom lejn l-10 ta' l-UE jkunu ddisturbati b'mod sinifikattiv.

(11)

Huma ddikjaraw, partikolarment, li ż-żidiet kbar u f'daqqa waħda fil-prezz ipprovokati mid-dazji ta' anti-dumping fuq prezzijiet fissi għamlu l-prodott projbittivament għali għall-utenti finali agrikoli, industrijali u farmaċewtiċi fl-10 ta' l-UE.

(12)

Għandu jiġi notat li l-ebda produttur esportatur/esportatur mill-Ukrajna, jew l-awtoritajiet Ukranjani ma deher.

2.   Kummenti riċevuti mill-Industrija Komunitarja

(13)

L-industrija Komunitarja ddikjarat li għalkemm il-prezzijiet medji fl-10 ta' l-UE kienu iktar minn 30 % aktar baxxi minn dawk fl-Unjoni Ewropea kif kostitwita immedjatament qabel l-1 ta' Mejju 2004 (“il-15 ta' l-UE”), hija ma kienet se topponi l-ebda proposta għal miżuri intermedji li jittieħdu matul perjodu ta' transizzjoni li ma jolqtux ħażin is-sistemi ta' kummerċ tal-preżent fil-15 ta' l-UE.

3.   Kummenti riċevuti minn Stati Membri

(14)

L-awtoritajiet ta' ċerti Stati Membri ta' l-10 ta' l-EU li jinkludu r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja u r-Repubblika Slovakka kkunsidraw li arranġamenti transitorji speċjali għandhom japplikaw għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Belarus u mir-Russja wara t-Tkabbir.

(15)

F'dan ir-rigward, kien sostnut li l-prodott ikkonċernat huwa ta' importanza strateġika għall-utenti agrikoli u industrijali fl-10 ta' l-UE għaliex ma jiġix prodott f'dawn il-pajjiżi u lanqas jista' jiġi faċilment sostitwit bi prodott ieħor. Kien sottomess ukoll li l-produtturi tal-prodott ikkonċernat fil-15 ta' l-UE ma jkollhomx il-kapacità biex jissodisfaw id-domanda ta' l-utenti fl-10 ta' l-UE.

(16)

Kien ukoll ikkunsidrat li żieda kbira u f'daqqa fil-prezzijiet tal-fertilizzant tal-potassa għall-bdiewa ta' l-10 ta' l-UE ma għandhiex titħalla, għaliex, f'dak il-każ, huma jiffaċċjaw iktar tbatija meta jkunu qegħdin jaddattaw ruħhom għall-kompetizzjoni l-ġdida mill-produtturi agrikoli fil-15 ta' l-UE. L-importanza ta' din il-kwistjoni kienet enfasizzata aktar bil-valur notevoli ta' l-esportazzjonijiet (madwar EUR 87 miljun kull sena) mill-Belarus u mir-Russja lejn l-10 ta' l-UE mqabbel ma' l-esportazzjonijiet lejn il-15 ta' l-UE ta' madwar EUR 45 miljun kull sena minn dawn il-pajjiżi.

(17)

Kien għalhekk sostnut li l-provvista ta' importazzjonijiet fl-10 ta' l-UE tal-prodott ikkonċernat bi prezzijiet li ma jogħlux f'daqqa u b'ħafna hija għaldaqstant ta' l-ikbar importanza għal dawn l-utenti finali fl-10 ta' l-UE.

(18)

Għaldaqstant, dawn l-awtoritajiet huma tal-fehma li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-Belarus u fir-Russja fl-10 ta' l-UE għandhom jingħataw trattament speċjali fir-rigward ta' miżuri ta' anti-dumping.

4.   Stima

(19)

Abbażi tad-data u l-informazzjoni disponibbli, saret analiżi li kkonfermat li teżisti tabilħaqq differenza notevoli ta' madwar 32 % bejn il-prezzijiet attwali għall-istess gradi tal-prodott ikkonċernat fl-10 ta' l-UE u l-15 ta' l-UE (eż. grad standard ta' potassa fl-10 ta' l-UE fl-2003 kien madwar EUR 79 għal kull tunnellata metrika, meta l-istess grad fil-15 ta' l-UE fl-2003, kien madwar EUR 117 għal kull tunnellata metrika).

(20)

L-analiżi uriet ukoll li l-volumi ta' importazzjonijiet deħlin fl-10 ta' l-UE mill-Belarus u r-Russja kienu kunsiderevoli fl-2003 (madwar 1,1 miljun tunnellata metrika u għaldaqstant madwar 14 % tat-total stmat ta' konsumazzjoni fl-10 ta' l-UE u fil-15 ta' l-UE flimkien).

(21)

Kien instab ukoll li ma hemm ebda produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fl-10 ta' l-UE u li attwalment m'hemmx biżżejjed kapaċità żejda fost il-produtturi fil-15 ta' l-UE biex jipprovdu għall-konsumaturi fl-10 ta' l-UE. Barra min hekk, minħabba n-natura tal-prodott, hu kkunsidrat li jkun diffiċli għal xerrejja fl-10 ta' l-UE biex jibdlu malajr mis-sorsi tradizzjonali ta' provvista tagħhom.

5.   Konklużjoni

(22)

Dawn id-diversi aspetti u interessi kollha ġew meqjusa u kkunsidrati bħala ħaġa waħda. Joħroġ minn dan li l-interessi ta' l-importaturi u l-utenti fl-10 ta' l-UE ikunu milquta ħażin sostanzjalment bl-applikazzjoni f'daqqa tal-miżuri eżistenti jekk dawn ma jiġux adattati temporanjament.

(23)

Madankollu, b'kuntrast, kif kien ikkonfermat mill-industrija Komunitarja, l-interessi tagħha ma jiġux milquta eċċessivament ħażin jekk il-miżuri kellhom ikunu adattati temporanjament billi bis-sistemi ta' kummerċ fil-15 ta' l-UE eżistenti fil-preżent ma tistax tissodisfa id-domanda tal-klijenti fl-10 ta' l-UE għal kollox.

(24)

F'tali ċirkostanzi, wieħed jista' raġonevolment jikkonkludi fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tat-tkabbir, li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li l-miżuri eżistenti jiġu applikati mingħajr adattament temporanju. Madankollu, dan l-adattament għar-rigward ta' importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-10 ta' l-EU ma għandux ikun tali li tmur kunsiderevolment kontra l-livell mixtieq tal-protezzjoni tal-kummerċ.

(25)

Għal dan l-iskop, modi differenti kienu eżaminati kif l-aħjar tiġi protetta l-industrija Komunitarja minn dumping dannuż waqt li, fl-istess ħin, jiġi meħud kont ta' l-aspetti ta' interess Komunitarju billi jitnaqqas l-impatt ekonomiku tad-dazji ta' anti-dumping fuq ix-xerrejja tradizzjonali fl-Istati Membri ġodda matul il-perjodu ta' aġġustament ekonomiku wara t-tkabbir.

(26)

Kien ikkunsidrat li dan jista' jinkiseb l-aħjar jekk il-volumi tradizzjonali ta' l-esportazzjoni mill-Belarus u r-Russja lejn l-10 ta' l-UE jitħallew jidħlu liberi mid-dazji ta' anti-dumping għal perjodu transitorju, bil-kondizzjoni li, flok li jiġu mposti dazji ta' anti-dumping, il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni lejn dawn l-Istati Membri jiżdiedu, permezz ta' prezzijiet minimi ta' importazzjoni (“MIP”), sa livelli li jikkontribwixxu konsiderevolment għall-eliminazzjoni tad-dannu. F'dan il-kuntest, kwalunkwe esportazzjoni lejn l-10 ta' l-UE 'il fuq minn dawn il-volumi tradizzjonali ta' l-esportazzjoni tiġi soġġetta għad-dazji ta' anti-dumping normali, kif ikunu wkoll esportazzjonijiet lejn il-15 ta' l-UE.

6.   Impenji

(27)

Wara li saret stima tal-metodi differenti kif l-aħjar jitħallew ikomplu dawn il-flussi tradizzjonali ta' esportazzjonijiet lejn l-10 ta' l-UE, u jiġi żgurat il-kontribut sinifikanti għall-eliminazzjoni ta' dannu, kien ikkunsidrat li l-mezz l-aktar xieraq ikun li jiġu aċċettati impenji volontarji mill-partijiet kollaboranti b'elementi għal prezzijiet minimi ta' importazzjoni u limiti massimi kwantitattivi. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, impenji jistgħu jiġu suggeriti mill-Kummissjoni lill-produtturi esportaturi kkonċernati.

(28)

F'dan il-kuntest, ta' min jinnota li, skond l-Artikolu 22(ċ) tar-Regolament bażiku, iċ-ċirkostanzi speċjali tat-tkabbir jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni meta l-kondizzjonijiet ta' l-impenji jiġu stabbiliti. Huma ser jikkostitwixxu miżura speċjali billi jipprovdu mod temporanju ta' adattament tal-miżuri eżistenti għall-25 ta' l-UE.

(29)

Ta' min jinnota wkoll li l-impenji mhumiex ser ikunu direttament ekwivalenti għal dazju ta' anti-dumping billi l-prezzijiet minimi ta' importazzjoni stabbiliti jistgħu jkunu f'livelli aktar baxxi milli s-soltu jkun il-każ. Kif innutat hawn fuq, jekk wieħed jimxi b'mod ieħor ikun qiegħed jagħmel il-prezz tal-prodott ikkonċernat projbittivament għali għall-utenti finali fl-10 ta' l-UE u, għalhekk, dan ma jkunx fl-interess Komunitarju. Madankollu, il-produtturi esportaturi għandhom jimpenjaw ruħhom li jgħollu l-prezzijiet tagħhom għal livelli li jikkontribwixxu kunsiderevolment għall-eliminazzjoni tad-dannu.

(30)

Volumi ta' importazzjonijiet (“limiti massimi”) ġew għalhekk stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-Belarus u r-Russja, bl-użu bħala bażi tal-volumi tradizzjonali ta' l-esportazzjoni tagħhom lejn l-10 ta' l-UE fl-2001, 2002 u 2003. Ta' min jinnota, madankollu, li żidiet anormali fil-volumi ta' l-esportazzjoni lejn l-10 ta' l-UE osservati fl-aħħar xhur ta' l-2003 u l-ewwel xhur ta' l-2004 għandhom jiġu mnaqqsa mil-volumi tradizzjonali użati fid-determinazzjoni tal-limiti massimi.

(31)

Meta jbiegħu fl-10 ta' l-UE taħt il-kondizzjonijiet ta' l-impenji tagħhom, il-produtturi esportaturi kkonċernati għandhom jaqblu b'ġenerali li jirrispettaw is-sistemi tradizzjonali ta' bejgħ lill-klijenti individwali fl-10 ta' l-UE. Il-produtturi esportaturi għandhom għalhekk ikunu jafu li kwalunkwe offerta ta' impenn tista' tkun ikkunsidrata prattikabbli, u għalhekk aċċettabbli, biss jekk, għall-bejgħ kopert mill-impenji, huma jibqgħu jżommu ġeneralment tali sistemi tradizzjonali ta' kummerċ mal-klijenti tagħhom fl-10 ta' l-UE EU10.

(32)

Il-produtturi esportaturi għandhom ukoll ikunu jafu li, taħt il-kondizzjonijiet ta' l-impenji, jekk jinstab li dawn is-sistemi ta' bejgħ jinbidlu notevolment, jew il-kontroll ta' dawn l-impenji isir b'xi mod diffiċli jew impossibbli, il-Kummissjoni għandha d-dritt li ma taċċettax iżjed l-impenn tal-kumpannija u b'hekk jiġu mposti floku dazji ta' anti-dumping definittivi fil-livell speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 3068/92 jew hija tista' taġġusta l-livell tal-limitu massimu, jew tista' tgħaddi għal azzjoni korrettiva oħra.

(33)

Ghaldaqstant, kwalunkwe offerta ta' impenn li tirrispetta l-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq tista' tiġi aċċettata mill-Kummissjoni permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni.

D.   EMENDA TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 3068/92

(34)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, huwa meħtieġ li wieħed jaħseb, fil-każ li l-Kummissjoni taċċetta impenji permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni sussegwenti, biex ikun possibbli li importazzjonijiet lejn il-Komunità magħmula taħt il-kondizzjonijiet ta' tali mpenji jiġu eżentati mid-dazju ta' anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 3068/92 billi jiġi emendat dak ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (KEE) Nru 3068/92, l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 1a

1.   Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera għandhom ikunu eżentati mid-dazji ta' anti-dumping imposti mill-Artikolu 1, bil-kondizzjoni li dawn huma prodotti minn kumpanniji li l-impenji tagħhom huma aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fir-Regolament tal-Kummissjoni pertinenti, kif emendat minn żmien għal żmien, u li ġew importati konformement mad-disposizzjonijiet ta' l-istess Regolament tal-Kummissjoni.

2.   L-importazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżentati mid-dazju ta' anti-dumping bil-kondizzjoni li:

(a)

il-merkanzija ddikjarata u ppreżentata lid-dwana tikkorrespondi preċiżament mal-prodott deskritt fl-Artikolu 1;

(b)

fattura kummerċjali li tikkontjeni mill-inqas l-elementi elenkati fl-Anness tiġi preżentata lill-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Istati Membri mal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera; u

(ċ)

il-merkanzija ddikjarata u ppreżentata lid-dwana tikkorrespondi preċiżament mad-deskrizzjoni fil-fattura kummerċjali.”

Artikolu 2

It-test stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament għandu jiżdied mar-Regolament (KE) Nru 3068/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar is-17 ta' Mejju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. COWEN


(1)  ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, tat-13.3.2004, p. 12)

(2)  ĠU L 112, tal-11.5.2000, p. 4.

(3)  ĠU L 308, ta' l-24.10.92, p. 41. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolamenti 969/2000.

(4)  ĠU C 70, ta' l-20.3.2004, p. 15.


ANNESS

“ANNESS

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu ndikati fuq il-fattura kummerċjali pprovduta mal-bejgħ mill-kumpannija ta' klorur tal-potassju lill-Komunità li jkun soġġett għal kwalunkwe Impenn:

1.

It-titolu ‘FATTURA KUMMERĊJALI PPROVDUTA MA' MERKANZIJA SOĠĠETTA GĦAL IMPENN’.

2.

L-isem tal-kumpannija msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni [DAĦĦAL IN-NUMRU] li ħarġet il-fattura kummerċjali.

3.

In-numru tal-fattura kummerċjali.

4.

Id-data meta ġiet maħruġa l-fattura kummerċjali.

5.

Il-kodiċi addizzjonali TARIC li taħtu l-merkanzija fuq il-fattura għandha tiġi rilaxxata mid-dwana fil-fruntiera Komunitarja.

6.

Id-deskrizzjoni eżatta tal-merkanzija, inklużi:

In-Numru tal-Kodiċi tal-Prodott (PCN) użat għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni u l-impenn (p.e. PCN 1, PCN 2, eċċ),

deskrizzjoni f'lingwaġġ ċar tal-merkanzija li tikkorrespondi għall-PCN ikkonċernat,

in-numru tal-kodiċi tal-prodott tal-kumpannija (CPC) (jekk applikabbli),

kodiċi NM,

kwantità (indikata f'tunnellati metriċ).

7.

Id-deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet tal-bejgħ, inklużi:

il-prezz għal kull tunnellata metrika,

il-kondizzjonijiet ta' ħlas applikabbli,

il-kondizzjonijiet applikabbli tal-ġarr tal-kunsinna,

l-iskonti u r-rimborsi totali.

8.

L-isem tal-kumpannija li topera bħala importatur fil-Komunità li lilha ġiet maħruġa direttament mill-kumpannija l-fattura kummerċjali pprovduta mal-merkanzija soġġett għal impenn.

9.

L-isem ta' l-uffiċjal tal-kumpannija li ħarġet il-fattura u d-dikjarazzjoni li ġejja, iffirmata:

‘Jiena, hawn taħt iffirmat/a, niċċertifika li l-bejgħ għal esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-merkanzija koperta b'din il-fattura qiegħed isir fl-ambitu u taħt il-kondizzjonijiet ta' l-impenn offrut minn [kumpannija], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tar-Regolament [DAĦĦAL IN-NUMRU]. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija kompleta u korretta.’”


Top