EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31960R0011

Addendum (Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej P 52 tas-16 ta' Awwissu 1960)

ĠU 52, 16.8.1960, p. 1121–1126 (DE, FR, IT, NL)
ĠU L 387, 19.11.2020, p. 23–28 (CS, ET, LV, LT, MT, PL, SK)
ĠU L 387, 19.11.2020, p. 24–29 (HU)
ĠU L 387, 19.11.2020, p. 26–31 (SL)
Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1959-1962 P. 60 - 64

Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1960/11/oj

19.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 387/23


Addendum

( Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej P 52 tas-16 ta' Awwissu 1960 )

Ir-Regolament Nru 11 dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea huwa miżjud għall-Edizzjoni Speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali bil-Malti fil-Kapitolu 7 kif ġej:

REGOLAMENT Nru 11

dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

Billi, skont l-Artikolu 79(3), il-Kunsill għandu jistabbilixxi regoli li jiżguraw it-tneħħija tad-diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 79(1) fit-traffiku ġewwa l-Komunità;

Billi, tali tneħħija teħtieġ il-projbizzjoni tal-forom ta' diskriminazzjoni msemmija hawn fuq, inkluż l-istabbiliment permezz ta' tariffi jew b'mod ieħor, ta' rati u kondizzjonijiet ta' trasport li, meta jiġu applikati, jikkostitwixxu diskriminazzjoni;

Billi, biex ikunu jistgħu jivverifikaw ir-rati u l-kondizzjonijiet ta' trasport applikati u tiġi identifikata kwalunkwe diskriminazzjoni, jenħtieġ li t-trasportaturi u l-aġenti kkonċernati jkunu obbligati jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa, joħolqu dokument tat-trasport li jippermetti li din l-informazzjoni tkun verifikata u jgħaddu minn spezzjoni;

Billi, jenħtieġ mekkaniżmu ta' sanzjonijiet, taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja kif previst fl-Artikolu 172 tat-Trattat, li jiżgura l-konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għat-trasport tal-merkanzija kollha bil-ferrovija, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-merkanzija elenkata fl-Annessi I u III għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

Artikolu 2

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għat-trasport kollu minn jew lejn punt fit-territorju ta' Stat Membru, inkluż it-trasport bejn Stati Membri u pajjiżi terzi jew pajjiżi assoċjati.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal dawk il-partijiet tal-vjaġġ li jsiru ġewwa l-Komunità.

3.   Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għal dawk il-partijiet ta' vjaġġ li jsir bil-ferrovija, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni fejn il-merkanzija tinġarr b'mezzi oħra tat-trasport fuq partijiet oħra tal-vjaġġ.

Artikolu 3

Fejn trasport irregolat b'termini ta' kuntratt wieħed jitwettaq minn trasportaturi suċċessivi, kull trasportatur għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' dik il-parti ta' trasport li huwa jwettaq.

Artikolu 4

1.   Hija pprojbita kull diskriminazzjoni fit-traffiku ġewwa l-Komunità li tikkonsisti fl-applikazzjoni minn trasportatur, għall-istess merkanzija ttrasportata fuq l-istess rotot, ta' prezzijiet u kondizzjonijiet tat-trasport li jvarjaw skont il-pajjiż tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija trasportata.

Din il-projbizzjoni m'għandhiex taffettwa l-validità tal-kuntratti magħmula skont id-dritt privat.

2.   Huwa wkoll ipprojbit l-istabbiliment, permezz ta' tariffi jew b'mod ieħor, ta' rati u kondizzjonijiet tat-trasport li, meta jiġu applikati, jikkostitwixxu diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1.

3.   Il-projbizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu għandhom isiru effettivi fl-1 ta' Lulju 1961.

Artikolu 5

1.   Qabel l-1 ta' Lulju 1961 il-Gvernijiet għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tariffa, ftehim formali jew ftehim ieħor dwar ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport fis-seħħ fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, fejn ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport għall-istess merkanzija ttrasportata fuq l-istess rotot ġewwa l-Komunità jvarjaw skont il-pajjiż tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni. Kull miżura ta' dan it-tip li tiġi introdotta sussegwentement għandha wkoll tiġi nnotifikata minnufih lill-Kummissjoni.

2.   Qabel l-1 ta' Jannar 1961 l-impriżi tat-trasport għandhom jipprovdu lill-Gvernijiet rispettivi tagħhom l-informazzjoni rilevanti kollha dwar kwalunkwe tariffa, ftehim formali jew ftehim ieħor dwar ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport imsemmija fl-ewwel paragrafu u għandhom jinnotifikawhom minnufih bi kwalunkwe miżura ta' dan it-tip introdotta sussegwentement.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għat-trasport li l-punt tat-tluq jew tal-wasla tiegħu jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.

Artikolu 6

1.   Għal kull kunsinna ta' merkanzija fil-Komunità għandu jkun meħtieġ dokument tat-trasport li jagħti d-dettalji li ġejjin:

l-isem u l-indirizz tal-ispeditur;

in-natura u l-piż tal-merkanzija;

il-post u d-data tal-aċċettazzjoni tal-merkanzija għat-trasport;

il-post fejn għandha tiġi kkonsenjata l-merkanzija;

ir-rotta li għandha tittieħed, jew id-distanza tal-vjaġġ, jekk dawn il-fatturi jiġġustifikaw rata differenti minn dik applikabbli normalment;

il-punti tal-qsim tal-fruntiera, jekk ikun hemm.

2.   Id-dokumenti tat-trasport għandhom isiru f'żewġ kopji u għandhom jiġu nnumerati. Kopja waħda għandha takkumpanja l-merkanzija; il-kopja l-oħra għandha tinżamm mit-trasportatur għal sentejn, ikkalkulati mid-data tat-trasport, u għandhom jiġu ffajljati f'ordni numeriku. Din il-kopja tal-aħħar għandha turi l-prezz finali tat-trasport, tkun xi tkun il-forma tiegħu, kwalunkwe spiża oħra u, jekk ikun il-każ, kwalunkwe tnaqqis jew fatturi oħra li jaffettwaw ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport.

3.   Fejn id-dokumenti eżistenti jagħtu d-dettalji kollha speċifikati fil-paragrafu 1 u, flimkien mas-sistema tar-reġistrazzjoni u kontabbiltà tat-trasportaturi, jippermettu li ssir verifika sħiħa tar-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport, sabiex b'hekk jistgħu jitrażżnu jew jiġu evitati l-forom ta' diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 79(1) tat-Trattat, it-trasportaturi ma għandhomx ikunu meħtieġa jintroduċu dokumenti ġodda.

4.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli għat-tħejjija xierqa tad-dokumenti tat-trasport.

Artikolu 7

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1961.

2.   Madankollu, għal ċerti klassijiet ta' trasport li għandhom jiġu determinati aktar tard, il-Kummissjoni tista', qabel dik id-data u b'Regolament maħruġ wara li tkun ikkonsultat lill-Kunsill, tipposponi tali dħul fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1964.

Artikolu 8

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ma għandhomx japplikaw:

(a)

għat-trasport ta' merkanzija kkonsenjata minn speditur wieħed lil destinatarju wieħed, meta l-piż totali ma jaqbiżx il-ħames tunnellati metriċi;

(b)

għat-trasport ta' merkanzija ġewwa Stat Membru, fuq distanza totali ta' mhux aktar minn 100 kilometru;

(c)

għat-trasport ta' merkanzija bejn Stati Membri, fuq distanza totali ta' mhux aktar minn 30 kilometru.

Artikolu 9

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ma għandhomx japplikaw għat-trasport ta' merkanzija minn impriża għall-ħtiġijiet tagħha stess, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

it-trasport għandu jsir bl-użu ta' mezzi tat-trasport li huma ta' proprjetà tal-impriża jew mixtrija minnha u misjuqa mill-persunal tagħha stess;

it-trasport għandu jkun biss attività anċillari fil-qafas tal-attivitajiet ġenerali tal-impriża;

il-merkanzija trasportata għandha tkun ta' proprjetà ta' din l-impriża jew tkun ġiet mibjugħa, mixtrija, mislufa, imsellfa, meħuda jew mogħtija b'kera, prodotta, ipproċessata jew imsewwija mill-impriża;

it-trasport għandu jsir bil-għan li l-merkanzija tinġarr lejn l-impriża, tintbagħat minn din l-impriża jew biex tiġi mċaqalqa, kemm fi ħdan l-impriża kif ukoll 'il barra minnha, għall-ħtiġijiet tagħha.

Artikolu 10

Jekk, sal-1 ta' Lulju 1963, ma tkun saret ebda regolamentazzjoni skont l-Artikolu 74 u b'applikazzjoni tal-Artikolu 75 tat-Trattat fir-rigward tal-pubblikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet li jikkonċernaw in-natura, il-forma u l-firxa ta' tali pubblikazzjoni, flimkien ma' kull miżura oħra xierqa, fil-limiti tal-Artikolu 79(1) u (3) tat-Trattat, u kif previst hemmhekk, filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li tali deċiżjonijiet u miżuri għandhom f'kull każ ikunu konsistenti mal-politika komuni tat-trasport.

Artikolu 11

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, il-Gvernijiet u l-impriżi għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jipprovdu kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa dwar tariffi, ftehimiet formali jew ftehimiet oħra dwar ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiffissa limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn xahar biex tintbagħat din l-informazzjoni.

3.   Jekk il-Kummissjoni titlob lil impriża biex tipprovdilha informazzjoni, hija għandha tinnotifika minnufih lill-Gvern tal-Istat Membru li fih l-impriża għandha s-sede tagħha billi tibgħat kopja tat-talba għal informazzjoni lil dak il-Gvern.

4.   Informazzjoni tista' tiġi miċħuda jekk din tinvolvi l-iżvelar ta' fatti li Stat Membru jqis li l-komunikazzjoni tagħhom tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

Artikolu 12

1.   Kwalunkwe trasportatur li jitlob rati u jimponi kondizzjonijiet għall-istess merkanzija ttrasportata fuq l-istess rotot li jkunu differenti skont il-pajjiż tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni għandu, fuq talba tal-Kummissjoni, juri li tali azzjoni ma tkunx qed tikser id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   L-impożizzjoni ta' rati differenti u kondizzjonijiet differenti ma għandhiex tikkostitwixxi ksur ta' dan ir-Regolament jekk din tkun biss ir-riżultat ta' kompetizzjoni bejn trasportaturi jew ta' kondizzjonijiet operazzjonali tekniċi jew ekonomiċi speċifiċi għat-trasport fuq ir-rotot inkwistjoni.

Artikolu 13

1.   Il-burdnara u l-aġenti l-oħra kkonċernati bit-trasport tal-merkanzija għandhom, fuq talba tal-Gvern tagħhom jew tal-Kummissjoni, jipprovdu l-informazzjoni kollha marbuta mas-servizzi pprovduti u mar-rati u l-kondizzjonijiet applikati.

2.   Dan l-obbligu għandu japplika wkoll għall-impriżi li jipprovdu servizzi anċillari tat-trasport, dment li r-remunerazzjoni tagħhom u dik tat-trasportaturi jkunu inklużi fi prezz globali uniku.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandhom japplikaw ukoll għal talbiet għal informazzjoni magħmula skont dan l-Artikolu.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw it-twettiq tal-obbligi imposti fuq it-trasportaturi fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikoli 6 u 11 ta' dan ir-Regolament, kif ukoll l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni previst fl-Artikolu 13.

Huma għandhom jintroduċu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan qabel l-1 ta' Lulju 1961, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni.

2.   Sa fejn jista' jkun meħtieġ sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tibgħat l-uffiċjali tagħha jew esperti dwar żjarat ta' spezzjoni biex jivverifikaw u jissorveljaw il-konformità mal-obbligi imposti fuq l-impriżi skont l-Artikoli 5, 6, 11 u 13 ta' dan ir-Regolament.

Għal dan il-għan, kull rappreżentant awtorizzat tal-Kummissjoni għandu jkollu d-drittijiet u l-poteri li ġejjin:

(a)

li jivverifika l-kotba u dokumenti professjonali oħra tal-impriżi;

(b)

li jieħu kopji ta' jew estratti minn dawn il-kotba u dokumenti fil-post;

(c)

li jkollu aċċess għall-uffiċċji, l-art u l-vetturi tal-impriżi;

(d)

li jitlob spjegazzjonijiet dwar il-kotba u d-dokumenti.

Ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw dawn id-drittijiet filwaqt li juru pass li jindika li għandhom is-setgħa li jwettqu, sa fejn meħtieġ, spezzjonijiet meħtieġa skont dan l-Artikolu. Għandhom iġorru l-awtorità bil-miktub li ssemmi l-impriża li trid tiġi spezzjonata u l-iskop tal-ispezzjoni. L-awtorità bil-miktub u l-istatus tal-persuni responsabbli mit-twettiq tal-ispezzjoni għandhom jiġu notifikati debitament minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat.

L-uffiċjali ta' dak l-Istat jistgħu, fuq it-talba tiegħu jew tal-Kummissjoni, jassistu lir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni fil-qadi ta' dmirijiethom.

Jekk impriża tirrifjuta spezzjoni prevista f'dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni tali appoġġ u assistenza li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jitwettqu l-ispezzjonijiet tagħhom skont l-istruzzjonijiet mogħtija. L-Istati Membri għandhom jintroduċu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan qabel l-1 ta' Lulju 1961, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni.

3.   Il-persuni kollha li jieħdu sehem fi spezzjonijiet kif previst f'dan l-Artikolu għandhom josservaw is-segretezza professjonali, skont l-Artikolu 214 tat-Trattat.

Artikolu 15

1.   Mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda skont l-Artikolu 79(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fatti kollha mgħarrfa lilhom skont l-Artikoli 5, 11, 13 u 14 jibqgħu kunfidenzjali.

2.   Sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b'mod unanimu, l-informazzjoni miksuba b'dan il-mod tista' tintuża biss għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni u fil-limitu ta' żmien previst fl-Artikolu 14(1), jistabbilixxu l-penali xierqa applikabbli:

(a)

għat-trasportaturi li ma jikkonformawx mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 6;

(b)

għall-imprendituri li, wara li jintalbu jagħmlu dan, ma jipprovdux lill-Gvern tagħhom l-informazzjoni prevista fl-Artikoli 11 u 13 fiż-żmien stipulat;

(c)

għall-imprendituri li konxjament jipprovdu informazzjoni falza lill-Gvern tagħhom.

Artikolu 17

1.   Jekk l-imprenditur jonqos milli jippreżenta l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 11 jew 13 fiż-żmien stipulat, jew jekk jagħti konxjament informazzjoni falza, il-Kummissjoni tista', skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(3) tat-Trattat, tieħu deċiżjoni li timponi penali ta' mhux aktar minn 500 unità tal-kont fuq l-imprenditur ikkonċernat u tista' tispeċifika data ġdida għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni mitluba. Jekk l-imprenditur jonqos milli jipprovdi din l-informazzjoni sad-data l-ġdida, id-deċiżjoni tista' tiġi ripetuta.

2.   Madankollu, tali penali jistgħu jiġu imposti biss jekk it-talba għall-informazzjoni tkun ġiet ippreżentata fil-forma ta' deċiżjoni li tirreferi espressament għall-penali previsti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 18

1.   Il-Kummissjoni, wara li tkun aċċertat li hemm diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 79(1) tat-Trattat, tista', fir-rigward ta' kull każ ta' diskriminazzjoni u fil-qafas tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 79(4), timponi, fuq it-trasportatur responsabbli, penali li ma tkunx iktar minn għoxrin darba l-prezz tat-trasport miksub jew mitlub.

2.   Jekk, minkejja deċiżjoni mill-Kummissjoni li tordna li tali diskriminazzjoni tintemm, id-diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 79(1) tat-Trattat tkompli, il-Kummissjoni tista' timponi fuq it-trasportatur responsabbli, fir-rigward ta' kull każ ta' diskriminazzjoni u skont l-Artikolu 79(4) tat-Trattat, penali ta' mhux aktar minn 10 000 unità tal-kont.

3.   Qabel ma timponi penali skont l-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri kollha kkonċernati, li għandhom jingħataw kopji tad-dokumenti u l-evidenza kollha miġbura b'rabta mal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 79(4) tat-Trattat. Kull Stat Membru kkonsultat jista' jitlob l-opinjoni ta' awtorità nazzjonali indipendenti u għandu jwieġeb fi żmien xahrejn.

Artikolu 19

Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 17 u 18 ma għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Artikolu 20

Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 17 u 18, l-impriża kkonċernata għandha tkun notifikata bil-miżura proposta.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 17 u 18 lill-Istati Membri kkonċernati għall-informazzjoni.

Artikolu 21

Għall-finijiet tal-Artikoli preċedenti, l-unità tal-kont għandha tkun dik adottata għat-tfassil tal-baġit tal-Komunità skont l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat.

Artikolu 22

L-impriżi kollha, ta' status ġuridiku sew pubbliku jew privat, għandhom ikunu responsabbli għall-azzjonijiet tal-aġenti tagħhom f'dak li jikkonċerna l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għall-penali previsti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Il-penali imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 17 u 18 għandhom jiġu infurzati kif previst fl-Artikolu 192 tat-Trattat. Is-somom miġbura fl-infurzar tad-deċiżjonijiet li jimponu dawn il-penali għandhom jitħallsu lill-Komunità Ekonomika Ewropea u għandhom jidhru bħala dħul fil-baġit tagħha.

Artikolu 24

Meta Stat Membru jitlob l-investigazzjoni ta' każ li huwa jqis bħala diskriminazzjoni, skont l-Artikolu 79(4) tat-Trattat, huwa għandu jipprovdi motivazzjoni għal din it-talba.

Artikolu 25

1.   Qabel tieħu deċiżjoni jew timponi penali skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tisma' l-ispjegazzjonijiet tal-persuna kkonċernata jew tar-rappreżentant awtorizzat tagħha; hija tista' taħtar wieħed mill-uffiċjali tagħha biex jisma' dawn l-ispjegazzjonijiet.

2.   Skont l-Artikolu 172 tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward ta' kwalunkwe penali imposta skont l-Artikoli 17 u 18. Il-Kummissjoni ma tistax tipproċedi bl-eżekuzzjoni tal-penali sakemm jiskadi l-perijodu previst għall-appell.

Artikolu 26

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fis-27 ta' Ġunju 1960.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRÉGOIRE


Top