EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22013A0112(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

ĠU L 8, 12.1.2013, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

Related Council decision

22013A0112(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

Official Journal L 008 , 12/01/2013 P. 0002 - 0007


TRADUZZJONI

Ftehim

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA (UE)

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħin il-"Partijiet",

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, inkluż l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi jew l-operazzjonijiet umanitarji.

(2) L-Unjoni Ewropea għandha tiddeċiedi jekk Stati terzi jkunux mistiedna jipparteċipaw f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Ir-Repubblika tal-Moldova tista’ taċċetta l-istedina tal-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribut tagħha. F’tali każ, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar jekk taċċettax dak il-kontribut propost.

(3) Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni fil-ġejjieni, pjuttost milli dawn il-kondizzjonijiet jiġu definiti abbażi ta’ każ b’każ għal kull operazzjoni konċernata.

(4) Tali ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u ma għandux jiġġudika minn qabel in-natura speċifika tad-deċiżjonijiet tar-Repubblika tal-Moldova li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, f’konformità mas-sistema legali.

(5) Tali ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-futur u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim eżistenti, li jirregola l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, li tkun diġà nbdiet.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1. Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tistieden lir-Repubblika tal-Moldova biex tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ladarba r-Repubblika tal-Moldova tkun iddeċidiet li tipparteċipa, tali Stat għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni Ewropea.

2. Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut propost għandha ssir b’konsultazzjoni ma’ dik li kienet ir-Repubblika tal-Moldova.

3. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lir-Repubblika tal-Moldova b’indikazzjoni bikrija ta’ kontribut probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lir-Repubblika tal-Moldova fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.

4. L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika l-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni lir-Repubblika tal-Moldova permezz ta’ ittra bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Qafas

1. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE ser twettaq l-operazzjoni għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ma’ kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta’ implimentazzjoni meħtieġ.

2. Il-kontribut tar-Repubblika tal-Moldova għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.

Artikolu 3

Status ta’ persunal u forzi

1. L-istatus ta’ persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u/jew tal-forzi kontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet mir-Repubblika tal-Moldova għandhom jiġu rregolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk konkluż bejn l-UE u l-Istat(i) li fihom titwettaq l-operazzjoni.

2. L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta’ kmand li jinsabu barra l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, għandu jkun irregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand ikkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Moldova.

3. Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmi fil-paragrafu 1, ir-Repubblika tal-Moldova għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. F’każijiet fejn il-forzi tar-Repubblika tal-Moldova joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta’ Stat Membru tal-UE, dan l-Istat tal-aħħar għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni f’konformità mal-liġijiet u l-proċeduri interni tiegħu.

4. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tkun responsabbli biex tirrispondi għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal tagħha u għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra membri tal-persunal tagħha skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

5. Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta’ assi ta’ proprjetà ta’/operati minn Parti jew oħra, jew għall-korriment jew mewt ta’ persunal ta’ Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-ftehim, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

6. Ir-Repubblika tal-Moldova tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li fiha tipparteċipa r-Repubblika tal-Moldova, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

7. L-Unjoni Ewropea tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tar-Repubblika tal-Moldova f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tieħu miżuri adatti sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun imħarsa skont ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal- 31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE [1], u skont linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jew mill-Kap tal-Missjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2. Fejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova jkunu kkonkludew ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

1. Ir-Repubblika tal-Moldova:

(a) għandha tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jidħol għall-missjoni tiegħu b’mod konformi ma’:

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 2 (1).

- il-Pjan tal-Operazzjoni;

- il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

(b) għandha tinforma fi żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet (minn hawn ‘il quddiem il-"Kap tal-Missjoni") u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ("RGħ") bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2. Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili ta-UE tal-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jiġi sottopost għal eżami mediku, vaċċinazzjoni u għandu jiġi ċertifikat b’mod mediku li huwa jinsab b’saħħtu għax-xogħol minn awtoritá kompetenti mir-Repubblika tal-Moldova. Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jipproduċi kopja ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta’ kmand

1. Il-persunal issekondat mir-Repubblika tal-Moldova għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu bl-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE tal-immaniġġar ta’ kriżijiet biss f’moħħu.

2. Il-persunal kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

4. Il-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-livell strateġiku.

5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fuq il-post u jassumi l-immaniġġar ta’ kuljum.

6. Ir-Repubblika tal-Moldova għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ mmaniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, skont l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).

7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari tal-persunal tal-operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

8. Għandu jiġi maħtur Punt Kontinġenti ta’ Kuntatt Nazzjonali ("NPC") mir-Repubblika tal-Moldova biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent.

9. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova jekk hija tkun għadha qed tikkontribwixxi lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, ir-Repubblika tal-Moldova għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni.

2. F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-status tal-missjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3 (1).

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv

1. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-budget operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2. Tali kontribuzzjoni għall-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:

(a) is-sehem tal-ammont ta’ referenza li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-DNG tar-Repubblika tal-Moldova fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni; jew

(b) is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operattiv li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal tar-Repubblika tal-Moldova parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, ir-Repubblika tal-Moldova ma għandha tagħmel l-ebda kontribut għall-finanzjament ta’ għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Repubblika tal-Moldova minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a) l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li r-Repubblika tal-Moldova tipprovdi kontribuzzjoni sinifikattiva li hija essenzjali għal din l-operazzjoni; jew

(b) ir-Repubblika tal-Moldova għandha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

5. Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tar-Repubblika tal-Moldova għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jiġi ffirmat bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova. Dak l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-ammont ikkonċernat,

(b) l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja,

(c) il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

1. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tiżgura li l-forzi tagħha u l-persunal li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jidħlu għall-missjoni tagħhom b’mod konformi ma’:

(a) id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif previst fl-Artikolu 2 (1),

(b) il-Pjan tal-Operazzjoni,

(c) il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

2. Il-persunal issekondat mir-Repubblika tal-Moldova għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu bl-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet biss f’moħħu.

3. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fi żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta’ kmand

1. Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operattiv u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li għandu d-dritt li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3. Ir-Repubblika tal-Moldova għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħal Stati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea.

4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Moldova, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tar-Repubblika tal-Moldova.

5. Rappreżentant Militari Għoli ("SMR") għandu jiġi maħtur mir-Repubblika tal-Moldova biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta lill-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar il-materji kollha li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent tar-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim, ir-Repubblika tal-Moldova għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) [2].

2. F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-status tal-forzi, imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2. Tali kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata abbażi ta’ waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema waħda tipproduċi l-inqas ammont:

(a) is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-DNG tar-Repubblika tal-Moldova fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b) is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mir-Repubblika tal-Moldova parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u r-Repubblika tal-Moldova tikkontribwixxi biss persunal għall-Operazzjoni jew għall-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tiegħu għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. F’każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit mir-Repubblika tal-Moldova għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.

3. Minkejja l-paragrafu 1 t’hawn fuq, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Repubblika tal-Moldova minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta’ operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a) l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li r-Repubblika tal-Moldova tipprovdi kontribut sinifikattiv għall-assi u/jew għall-kapaċitajiet li jkunu essenzjali għall-operazzjoni; jew

(b) ir-Repubblika tal-Moldova għandha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

4. Għandu jiġi konkluż arranġament bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tar-Repubblika tal-Moldova. Dak l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet dwar:

(a) l-ammont ikkonċernat,

(b) l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja,

(c) il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 (5) u 12 (4) kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet adatti tal-UE u l-awtoritajiet adatti tar-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 14

Nonkonformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tibgħat avviż bil-miktub minn xahar qabel.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2. Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal reviżjoni regolari.

3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1.

4. Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn kull Parti b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

Magħmul fi Brussell, fit- tlettax-il jum ta’ Diċembru tas-sena elfejn u tnax bl-Ingliż f’żewġ kopji.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tal-Moldova

[1] ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

[2] ĠU L 343, 23.12.2011, p. 35

--------------------------------------------------

TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

"L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li fiha tipparteċipa r-Repubblika tal-Moldova, jagħmlu dak li jistgħu, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, sabiex jirrinunzjaw, safejn ikun possibbli, pretensjonijiet kontra r-Repubblika tal-Moldova għal korriment, mewt ta’ persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà tagħhom u użat mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

- kienu kkawżati mill-persunal mir-Repubblika tal-Moldova fit-twettiq tad-doveri tiegħu b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ diliġenza jew ta’ kondotta skorretta volontarja,

- jew irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi fil-pussess tar-Repubblika tal-Moldova, sakemm l-assi ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba skorretta volontarja ta’ persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet mir-Repubblika tal-Moldova li kienet qed tuża dawk l-assi."

Test għar-Repubblika tal-Moldova:

"Ir-Repubblika tal-Moldova filwaqt li tapplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tagħmel ħilitha, sa fejn is-sistema legali interna tagħhom tippermetti, biex tirrinunzja sa fejn ikun possibbli pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għal korriment, mewt ta’ persunal tiegħu, jew dannu lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li jkun proprjetà tiegħu u użat mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

- kienu kkawżati minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew ta’ kondotta skorretta volontarja, jew

- jew irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi li jkun proprjetà tal-Istati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, dment li l-assi jkunu ntużaw b’rabta mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba skorretta volontarja tal-membri tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li jużaw dawk l-assi."

--------------------------------------------------

Top