EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014R0640-20210903

Consolidated text: Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/640/2021-09-03

02014R0640 — MT — 03.09.2021 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 640/2014

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

(ĠU L 181 20.6.2014, p. 48)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1393 tal-4 ta' Mejju 2016

  L 225

41

19.8.2016

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/723 tas-16 ta' Frar 2017

  L 107

1

25.4.2017

►M3

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/841 tad-19 ta’ Frar 2021

  L 186

12

27.5.2021

►M4

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1418 tat-23 ta’ Ġunju 2021

  L 305

6

31.8.2021


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 227, 20.8.2016, p.  5 (2016/1393)




▼B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 640/2014

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward ta’:

(a) 

il-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar parzjali jew totali tal-għajnuna jew tal-appoġġ;

(b) 

l-identifikazzjoni tal-penali amministrattivi u l-iffissar tar-rata speċifika li għandha tkun imposta;

(c) 

l-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom ma tiġix applikata l-penali amministrattiva;

(d) 

ir-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien li fihom id-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet jew emendi taħbat vaganza pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd;

(e) 

id-definizzjonijiet speċifiċi meħtieġa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistema integrata;

(f) 

il-karatteristiċi bażiċi u r-regoli tekniċi għas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli u l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji;

(g) 

il-karatteristiċi bażiċi, ir-regoli tekniċi u r-rekwiżiti tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament;

(h) 

il-bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, inklużi regoli dwar kif għandhom jiġu ttrattati ċerti każijiet li fihom iż-żoni eliġibbli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ jew siġar;

(i) 

ir-regoli addizzjonali għall-intermedji bħal servizzi, korpi u organizzazzjonijiet, li huma involuti fil-proċedura tal-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ;

(j) 

iż-żamma ta’ mergħat permanenti fir-rigward tal-kundizzjonalità;

(k) 

bażi armonizzata għall-kalkolu ta’ penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità;

(l) 

kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità;

(m) 

żieda mar-regoli pprovduti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli mħassra għar-regoli l-ġodda.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  
Għall-finijiet tas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 67(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1) 

“benefiċjarju” tfisser bidwi kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament, il-benefiċjarju soġġett għall-kundizzjonalità skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u/jew il-benefiċjarju li jirċievi appoġġ għal żvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(2) 

“nuqqas ta’ konformità” tfisser:

(a) 

għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra; jew

(b) 

għall-kundizzjonalità, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorja skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bl-istandards għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba tal-art iddefinita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jew biż-żamma ta’ mergħa permanenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament;

(3) 

“applikazzjoni għal appoġġ” tfisser applikazzjoni għal appoġġ jew għad-dħul f’miżura taħt ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(4) 

“talba għall-pagament” tfisser applikazzjoni minn benefiċjarju għal pagament mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(5) 

“dikjarazzjoni oħra” tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew dokument, minbarra l-applikazzjonijiet għal appoġġ jew it-talbiet għall-pagament, li għandhom jiġu ppreżentati jew miżmuma mill-benefiċjarju jew parti terza sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali;

(6) 

“miżuri ta’ żvilupp rurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata” tfisser il-miżuri ta’ appoġġ mogħtija skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) u l-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u fejn ikun applikabbli l-Artikolu 35(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u l-miżuri skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispiża għall-istabbilment;

(7) 

“sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali” tfisser is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) u/jew is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini jew kaprini stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 ( 3 ) rispettivament;

(8) 

“tikketta tal-widna” tfisser it-tikketta tal-widna biex tidentifika lill-annimali bovini msemmija fl-Artikolu 3(a) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew it-tikketta tal-widna biex tidentifika l-annimali ovini u kaprini msemmija individwalment fil-punt A.3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(9) 

“bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali” tfisser il-bażi tad-dejta kompjuterizzata li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru ċentrali jew il-bażi tad-dejta kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 3(1)(d), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(10) 

“passaport tal-annimal” tfisser il-passaport tal-annimal li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(c) u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

(11) 

“reġistru” fir-rigward tal-annimali tfisser ir-reġistru miżmum mill-indokraturi tal-annimali li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(d) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(1)(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(12) 

“kodiċi ta’ identifikazzjoni” tfisser il-kodiċi ta’ identifikazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew il-kodiċijiet li hemm referenza għalihom fil-punt A.2. tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(13) 

“skema ta’ għajnuna għall-annimali” tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali;

(14) 

“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq l-għadd ta’ annimali jew l-għadd ta’ unitajiet ta’ bhejjem iddikjarati;

(15) 

“applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem” tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(16) 

“annimali ddikjarati” tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali;

(17) 

“annimal potenzjalment eliġibbli” tfisser annimal li a priori jista’ potenzjalment jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jirċievi l-għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew appoġġ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali fis-sena tat-talba inkwistjoni;

(18) 

“annimal determinat” tfisser:

(a) 

għal skema ta’ għajnuna għall-annimali, annimal li fil-każ tiegħu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna; jew

(b) 

għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;

(19) 

“indokratur tal-annimali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-annimali kemm jekk fuq bażi permanenti kif ukoll jekk fuq bażi temporanja, inkluż matul it-trasport jew f’suq;

(20) 

“skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja” tfisser il-pagamenti diretti relatati mal-erja skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(b) tar-Regolament 1306/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-Gżejjer minuri tal-Eġew kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 );

(21) 

“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq id-daqs tal-erja ddikjarata;

(22) 

“użu” fir-rigward tal-erja tfisser l-użu ta’ erja f’termini tat-tip ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, it-tip ta’ bur permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(h) ta’ dak ir-Regolament, bwar permanenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 45(2)(a) ta’ dak ir-Regolament jew erjas ta’ bur, minbarra bur permanenti jew mergħa permanenti, jew kopertura ta’ art jew in-nuqqas ta’ għelejjel;

(23) 

“erja determinata” tfisser:

(a) 

għal skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, l-erja li fil-każ tagħha ġew sodisfatti l-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha jew obbligi oħrajn relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, irrispettivament mill-għadd tad-drittijiet għall-pagament għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju; jew

(b) 

għal miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja, l-erja ta’ ġonot raba’ jew ħbula art kif identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;

(24) 

“Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika” (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “GIS”) tfisser it-tekniki ta’ sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(25) 

“ħabel art ta’ referenza” tfisser erja ġeografikament delimitata li żżomm identifikazzjoni unika kif reġistrata fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(26) 

“materjal ġeografiku” tfisser mapep u dokumenti oħrajn użati biex jiġi kkomunikat il-kontenut tal-GIS bejn l-applikanti għall-għajnuna jew l-appoġġ u l-Istati Membri.

2.  
Għall-finijiet tat-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Barra minn hekk, “standards” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istandards kif iddefiniti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 kif ukoll l-obbligi fir-rigward tal-mergħat permanenti kif stabbiliti fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 3

Applikazzjoni tal-penali kriminali

L-applikazzjoni tal-penali amministrattivi u r-rifjut jew l-irtirar tal-għajnuna jew l-appoġġ kif stipulat f’dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali kriminali, jekk il-liġi nazzjonali tkun tistipula hekk.

Artikolu 4

Force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali

1.  
Fir-rigward ta’ pagamenti diretti, jekk benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà jew obbligi oħra minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-għajnuna fir-rigward tal-erja jew tal-annimali eliġibbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-każ ta’ force majeure jew iċ-ċirkostanza eċċezzjonali.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ tal-iżvilupp rurali skont l-Artikoli 28, 29, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jekk benefiċjarju ma setax jissodisfa l-impenn minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, il-pagament rispettiv għandu jiġi rtirat b’mod proporzjonali għas-snin li matulhom ikunu seħħew il-force majeure jew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-irtirar għandu jirrigwarda biss dawk il-partijiet tal-impenn li għalihom ma sarux spejjeż addizzjonali jew intilef dħul qabel seħħet il-force majeure jew qabel seħħew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-ebda irtirar ma għandu japplika fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u obbligi oħrajn u ma għandha tapplika l-ebda penali amministrattiva.

Rigward miżuri oħrajn ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, l-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu r-rimborż parzjali jew sħiħ tal-appoġġ f’każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Fil-każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, ir-rimborż tal-appoġġ riċevut fis-snin ta’ qabel ma għandux ikun meħtieġ u l-impenn jew il-pagament għandu jkompli fis-snin ta’ wara skont it-tul oriġinali tiegħu.

Meta n-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn din il-force majeure jew miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jikkonċerna l-kundizzjonalità, il-penali amministrattivi korrispondenti msemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma għandhomx jiġu applikati.

2.  
Il-każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu notifikati bil-miktub lill-awtorità kompetenti, bl-evidenza rilevanti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, fi żmien ħmistax-il jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-benefiċjarju, jew il-persuna intitolata permezz tiegħu, tkun f’pożizzjoni biex tagħmel dan.



TITOLU II

IS-SISTEMA INTEGRATA TA’ AMMINISTRAZZJONI U KONTROLL



KAPITOLU I

REKWIŻITI TAS-SISTEMI

Artikolu 5

Identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli

1.  
Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha topera fil-livell ta’ ħabel art ta’ referenza. Ħabel art ta’ referenza għandu jkun fih unità ta’ art li tirrappreżenta żona agrikola kif definita fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Fejn ikun xieraq, ħabel art ta’ referenza għandu jinkludi wkoll żoni kif imsemmija fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u art agrikola kif imsemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw il-ħabel art ta’ referenza b’tali mod li jiżguraw li l-ħabel art ta’ referenza jista’ jitkejjel, jippermetti l-lokalizzazzjoni unika u mhux ambigwa ta’ kull ħabel art agrikolu ddikjarat kull sena u bħala prinċipju, huwa stabbli maż-żmien.

2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ħbula art agrikoli li huma ddikjarati jkunu identifikati b’mod affidabbli. Dawn għandhom b’mod partikolari jeħtieġu li tintbagħat l-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament flimkien ma’ dokumenti speċifikati mill-awtorità kompetenti li jippermettu li jinstab u jitkejjel kull ħabel art. Għal kull ħabel art ta’ referenza, l-Istati Membri għandhom:

(a) 

jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b) 

jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-miżuri relatati mal-erja msemmija fl-Artikoli 28 sa 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(c) 

isibu u jiddeterminaw id-daqs ta’ dawk iż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika elenkati fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li dwarhom l-Istat Membru jkun iddeċieda li jitqiesu bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta’ konverżjoni u/jew ta’ ponderazzjoni stipulati fl-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn xieraq;

(d) 

jiddeterminaw jekk id-dispożizzjonijiet għaż-żoni muntanjużi, żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali konsiderevoli u żoni oħrajn affetwati minn limitazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, iż-żoni ta’ Natura 2000, żoni koperti mid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni miżmuma b’mod naturali fi stat ta’ mergħa jew għat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni magħżula mill-Istati Membri għall implimentazzjoni reġjonali u/jew kollettiva ta’ żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika skont l-Artikoli 46(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni li ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni koperti bi bwar permanenti li huma ambjentalment sensittivi f’żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE ( 7 ) jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ) u żoni sensittivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE Nru 1307/2013 u/jew żoni magħżula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament japplikawx.

3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żona l-aktar eliġibbli skont il-ħabel art ta’ referenza kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) hija kkwantifikata b’mod korrett f’marġni ta’ massimu 2 %, u b’hekk jikkunsidraw il-kontorn u l-kundizzjoni tal-ħabel art ta’ referenza.
4.  
Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 21(1)(a) u l-Artikoli 30 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa sabiex jidentifikaw b’mod uniku l-art soġġetta għall-appoġġ meta dik l-art tkun miksija bil-foresti.
5.  
Il-GIS għandha topera abbażi ta’ sistema nazzjonali ta’ referenza ta’ koordinati kif iddefinita fid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) li tippermetti l-kejl standardizzat u l-identifikazzjoni unika tal-ħbula art agrikoli fl-Istat Membru kollu kkonċernat. Fejn jintużaw sistemi ta’ koordinati differenti, dawn għandhom ikunu reċiprokament esklussivi u kull waħda minnhom għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-punti ta’ informazzjoni li jirreferu għall-istess post.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli

1.  
L-Istati Membri għandhom jivvalutaw kull sena l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli għall-fini tal-iskema ta’ pagament bażiku u l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja kif imsemmi fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Din il-valutazzjoni għandha tinkludi żewġ klassijiet ta’ konformità.

L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:

(a) 

il-kwantifikazzjoni korretta tal-erja massima eliġibbli;

(b) 

il-proporzjon u d-distribuzzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx l-erja agrikola;

(c) 

l-okkorrenza ta’ ħbula art ta’ referenza b’difetti kritiċi.

L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:

(a) 

il-kategorizzazzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli, fejn ma tqisx l-erja agrikola jew tikxef difett kritiku;

(b) 

il-proporzjon ta’ erja ddikjarata relattiva mal-erja massima eliġibbli fil-ħbula art ta’ referenza;

(c) 

il-perċentwal ta’ ħbula art ta’ referenza li kienu soġġetti għal bidla, akkumulata matul is-snin.

Fejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet fis-sistema, l-Istat Membru għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju xierqa.

2.  
L-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ kampjun ta’ ħbula art ta’ referenza li għandu jintgħażel u jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Għandhom jużaw dejta li tippermetti l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali fuq l-art.
3.  
Rapport ta’ valutazzjoni u, fejn xieraq, l-azzjonijiet ta’ rimedju u l-iskeda tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jinbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ wara is-sena kalendarja relatata.

Artikolu 7

Identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament

1.  

Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-drittijiet għall-pagament stipulata fl-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 għandha tkun reġistru elettroniku f’livell ta’ Stat Membru u għandha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroverifiki previsti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, tiżgura traċċabbiltà effettiva tad-drittijiet għall-pagamenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

(a) 

id-detentur;

(b) 

il-valuri annwali;

(c) 

id-data tat-twaqqif;

▼M1 —————

▼B

(e) 

l-oriġini, partikolarment fir-rigward tal-attribuzzjoni, ir-riżerva oriġinali, nazzjonali jew reġjonali kif ukoll ix-xiri, il-kiri u l-wirt tiegħu;

(f) 

meta jiġi applikat l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, id-drittijiet imħaddna bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni;

(g) 

fejn applikabbli, restrizzjonijiet reġjonali.

▼M1

Dak ir-reġistru elettroniku għandu jkun fih it-tagħrif kollu meħtieġ biex jitwettaq ir-riforniment tar-riżerva nazzjonali jew tar-riżerva reġjonali skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

▼B

2.  
L-Istati Membri li fihom hemm aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda jistgħu jiddeċiedu li jħaddmu r-reġistru elettroniku fil-livell tal-aġenzija tal-pagamenti. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li r-reġistri differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin.

Artikolu 8

Identifikazzjoni tal-benefiċjarji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72(3) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013, is-sistema unika għar-reġistrazzjoni tal-identità ta’ kull benefiċjarju kif previst fl-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament għandha tiggarantixxi identifikazzjoni unika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament kollha jew dikjarazzjonijiet oħrajn ippreżentati mill-istess benefiċjarju.



KAPITOLU II

ĦBULA ART AGRIKOLI B’KARATTERISTIĊI TAL-PAJSAĠĠ U SIĠAR

Artikolu 9

Determinazzjoni taż-żoni li fihom il-ħbula art agrikoli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar

1.  
Meta ċerti karatteristiċi tal-pajsaġġ, b’mod partikolari s-sies tal-ħaxix, il-fossijiet u l-ħitan, ikunu tradizzjonalment parti minn prattiki agrikoli tajbin ta’ kultivazzjoni jew użu f’żona agrikola f’ċerti reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona korrispondenti għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ ħabel art agrikolu skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 diment li din ma taqbiżx il-wisa’ totali li għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun ikkonċernat u ma għandux jaqbeż iż-żewġ metri.

Madankollu, meta l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni qabel id-9 ta’ Diċembru 2009 b’wisa’ akbar minn żewġ metri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 ( 10 ), dik il-wisa’ xorta waħda tista’ tiġi applikata.

L-ewwel u t-tieni subparagrafu ma għandhomx japplikaw għall-bwar permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxa jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.

2.  
Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jagħmlu parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ dak il-ħabel art agrikolu.
3.  

Ħabel art agrikolu li fih siġar imferrxin għandu jitqies bħala żona eliġibbli diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-attivitajiet agrikoli jistgħu jitwettqu b’mod simili bħal fi ħbula art mingħajr siġar fl-istess żona; u

▼M1

(b) 

l-għadd ta' siġar għal kull ettaru eliġibbli ma jaqbiżx densità massima.

▼B

Id-densità massima msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri u nnotifikata abbażi tal-prattiki tradizzjonali tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u raġunijiet ambjentali. Din ma għandhiex taqbeż il-100 siġra għal kull ettaru. Madankollu, dak il-limitu ma għandux japplika b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal siġar tal-frott imferrxin li jrendu ħsad ripetut, għal siġar imferrxin li jistgħu jintużaw għall-mergħat f’bur permanenti u għal bur permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxin jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.

Artikolu 10

Sistema prorata għal bwar permanenti li jkun fihom karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar

1.  
Fir-rigward tal-bwar permanenti b’karatteristiċi mferrxin ineliġibbli, bħal karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw sistema prorata sabiex jiddeterminaw iż-żona eliġibbli fil-ħabel art ta’ referenza.

Is-sistema prorata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tikkonsisti f’kategoriji differenti ta’ tipi ta’ kopertura omoġenja tal-art li għalihom jiġi applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis fiss ibbażat fuq il-perċentwal taż-żona ineliġibbli. Il-kategorija li tirrappreżenta l-aktar perċentwal baxx ta’ erja ineliġibbli ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-erja ineliġibbli u ma għandu jiġi applikat ebda koeffiċjent ta’ tnaqqis għal dik il-kategorija.

2.  
Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li tagħmel parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli.
3.  
Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal bwar permanenti li jkun fihom siġar tal-frott li jroddu ħsad ripetut.



KAPITOLU III

APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦAJNUNA U TALBIET GĦAL PAGAMENTI

Artikolu 11

L-applikazzjoni unika

L-applikazzjoni unika għandha mill-inqas tkopri l-applikazzjoni għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja u skemi ta’ għajnuna oħra relatati mal-erja.

▼M1

Artikolu 12

Deroga għall-aħħar data għall-preżentazzjoni u għan-notifika

B'deroga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 ( 11 ), meta waħda mid-dati li ġejjin tkun btala pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd, din titqies li tkun l-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss:

(a) 

l-aħħar data għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-għajnuna, ta' applikazzjoni għall-appoġġ, ta' talba għall-pagament jew ta' dikjarazzjonijiet oħra jew ta' kwalunkwe dokument ta' prova jew ta' kuntratt, jew l-aħħar data għall-emendi tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-pagament;

(b) 

l-aħħar data possibbli għall-preżentazzjoni li ssir tard imsemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-aħħar data possibbli għall-preżentazzjoni li ssir tard imsemmija fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 14 għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-benefiċjarji għall-allokazzjoni jew għaż-żieda tad-drittijiet għall-pagament;

(c) 

l-aħħar data possibbli għan-notifika tar-riżultati tal-verifiki preliminari lill-benefiċjarju msemmija fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 ( 12 ).

(d) 

l-aħħar data possibbli għall-benefiċjarju biex jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar il-modifiki li jkunu saru wara l-verifiki preliminari msemmija fl-Artikolu 15(2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Madankollu, meta l-aħħar dati possibbli għall-preżentazzjoni li ssir tard imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu diġà jitqiesu li jaħbtu fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss, l-aħħar data possibbli għan-notifika msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu għandhom jitqiesu li jaħbtu fit-tieni jum tax-xogħol li jkun imiss.

▼B

Artikolu 13

Preżentazzjoni tard

1.  
Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament skont dan ir-Regolament wara d-data finali ta’ din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li l-benefiċjarju kien ikun intitolat għalihom kieku l-applikazzjoni jew it-talba kienet ippreżentata fi ħdan il-limitu taż-żmien.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura partikolari li għandha tittieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ fi żmien xieraq li jippermetti li jiġu skedati u mwettqa kontrolli effettivi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet oħra li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti meta tali applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet, ikunu kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati. F’dak il-każ, it-tnaqqis għandu jiġi applikat fuq l-ammont pagabbli għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati.

Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni jew it-talba għandha titqies bħala inammissibbli u ma għandhom jingħataw ebda għajnuna jew appoġġ lill-benefiċjarju.

2.  
Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, fejn il-benefiċjarju tal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ) li huwa wkoll soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma jissottomettix il-formola ta’ applikazzjoni unika sad-data finali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol. It-tnaqqis massimu għandu jkun limitat għal 25 %. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri taħt l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.
3.  
Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ emenda għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament wara d-data finali għal din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti relatati mal-użu reali tal-ħbula art agrikoli kkonċernati.

Emendi għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom ikunu ammissibbli biss sal-aħħar data possibbli għat-tressiq tard tal-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif hemm speċifikat fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1. Madankollu, meta dik id-data tkun qabel jew l-istess bħad-data finali għall-preżentazzjoni ta’ emenda fl-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-emendi għall-applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom jitqiesu bħala mhux ammissibbli wara dik id-data.

Artikolu 14

Preżentazzjoni tard ta’ applikazzjoni relatata mad-drittijiet għall-pagament

Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal allokazzjoni jew, meta jkun applikabbli, ta’ żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament wara d-data finali ffissata għal dan il-għan mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal f’dik is-sena għal tnaqqis ta’ 3 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li għandhom jitħallsu fir-rigward tad-drittijiet għall-pagament, jew, fejn ikun applikabbli, fir-rigward taż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.

Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli u l-ebda dritt għall-pagament jew, meta jkun applikabbli, l-ebda żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament ma għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.



KAPITOLU IV

KALKOLU TAL-GĦAJNUNA U TAL-PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-ISKEMI TA’ PAGAMENTI DIRETTI U MIŻURI GĦALL-IŻVILUPP RURALI FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAS-SISTEMA INTEGRATA



TAQSIMA 1

Regoli ġenerali

Artikolu 15

Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi

1.  
Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.
2.  
L-informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-effett li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni attwali.

▼M1

Artikolu 15a

Limitu jew livell massimu individwali

Meta limitu individwali jew livell massimu individwali jkunu applikabbli fil-qafas ta' skema ta' għajnuna jew ta' miżura ta' appoġġ u l-erja jew l-għadd ta' annimali ddikjarati mill-benefiċjarju jkunu jaqbżu l-limitu individwali jew il-livell massimu individwali, l-erja ddikjarata jew l-għadd ta' annimali ddikjarati li jkunu jikkorrispondu magħhom għandhom jiġu aġġustati għal-limitu jew għal-livell massimu stabbilit għall-benefiċjarju kkonċernat.

▼B

Artikolu 16

Nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-erjas kollha

1.  
Jekk, għal sena partikolari, benefiċjarju ma jiddikjarax il-ħbula art agrikoli relatati mal-erja msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u d-differenza bejn l-erja kumplessiva ddikjarata fl-applikazzjoni unika u/jew talba għall-pagament minn naħa u l-erja ddikjarata flimkien mal-erja kumplessiva tal-ħbula art mhux iddikjarati, min-naħa l-oħra, hija aktar minn 3 % tal-erja ddikjarata, l-ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti u/jew l-appoġġ relatat mal-erja taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja pagabbli lil dak il-benefiċjarju għal dik is-sena għandu jitnaqqas b’mhux aktar minn 3 % skont is-severità tal-ommissjoni.

Il-penali kkalkulata skont l-ewwel subparagrafu għandha titnaqqas bl-ammont ta’ kwalunkwe penali amministrattiva applikata skont l-Artikolu 28(2).

2.  
Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal pagamenti relatati mal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament Nru 1308/2013, fejn il-benefiċjarju huwa soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.
3.  
Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-pagamenti taħt l-iskema tal-bdiewa żgħar kif stipulat fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.



TAQSIMA 2

Skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, ħlief il-pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja

Artikolu 17

Prinċipji ġenerali

▼M1

1.  

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, għandha ssir distinzjoni tal-gruppi ta' għelejjel li ġejjin kif xieraq:

(a) 

erjas iddikjarati għall-fini ta' attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-qafas tal-iskema ta' pagament bażiku jew għall-fini li jingħata l-pagament uniku skont l-erja;

(b) 

erjas li jagħtu dritt għall-pagament ridistributtiv;

(c) 

erjas li jagħtu dritt għal pagament fil-qafas tal-iskema tal-bdiewa żgħażagħ;

(d) 

erjas iddikjarati għal kull miżura ta' appoġġ akkoppjat volontarju;

(e) 

grupp ta' kull waħda mill-erjas iddikjarati għall-fini ta' kwalunkwe skema oħra ta' għajnuna jew ta' kwalunkwe miżura oħra ta' appoġġ marbuta mal-erja, li għalih tkun applikabbli rata differenti ta' għajnuna jew ta' appoġġ;

(f) 

erjas iddikjarati fl-intestatura “użi oħra”.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel sottoparagrafu, fir-rigward tal-pagamenti għal erjas b'restrizzjonijiet naturali jew b'restrizzjonijiet speċifiċi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, meta jintużaw ammonti digressivi ta' għajnuna, għandha titqies il-medja ta' dawk l-ammonti b'rabta mal-erjas rispettivi ddikjarati.

▼B

2.  
Meta l-istess erja sservi bħala l-bażi għal applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-pagament taħt aktar minn skema waħda ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżura ta’ appoġġ, dik l-erja għandha titqies b’mod separat għal kull waħda minn dawk l-iskemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ.

Artikolu 18

Bażi għall-kalkolu fir-rigward ta’ pagamenti relatati mal-erja

1.  

Fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, l-iskema tal-bdiewa żgħar, il-pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, il-pagament għall-erjas b’restrizzjonijiet naturali u, fejn applikabbli, l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ u meta l-Istati Membri japplikaw l-iskema ta’ pagament bażiku, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a) 

jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju.

(b) 

jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika fl-ewwel sena ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament.

2.  
Fil-każ tal-pagament għal bdiewa żgħażagħ u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 50(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata skont l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż il-limitu stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 50(9), l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.
3.  
F’każ ta’ pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament tal-erja unika taqbeż il-limiti stabbiliti mill-Istat Membru skont l-Artikolu 41(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.
4.  
Fil-każ ta’ pagament għal erjas b’restrizzjonijiet naturali u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż in-numru massimu stabbilit mill-Istat Membru, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak in-numru.
5.  
F’każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk jiġi stabbilit li l-erja tal-grupp ta’ għelejjel stabbilita hija akbar minn dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-għajnuna jew l-appoġġ.
6.  
Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi skont l-Artikolu 19, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk l-erja ddikjarata taqbeż l-erja stabbilita għal grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita għal dak il-grupp ta’ għelejjel.

Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk id-differenza bejn l-erja totali stabbilita u l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt l-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti fit-Titoli III, IV u V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-erja tkun ta’ 0,1 ettaru jew inqas minn hekk, l-erja stabbilita għandha tiġi ffissata daqs l-erja ddikjarata. Għal dan il-kalkolu għandhom jitqiesu biss id-dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ erjas fil-livell ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1).

It-tieni subparagrafu ma għandux japplika meta dik id-differenza tirrappreżenta aktar minn 20 % tal-erja totali ddikjarata għall-pagamenti.

7.  
Għall-finijiet tal-kalkolu tal-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, għandha titqies il-medja tal-valuri tad-drittijiet għall-pagament differenti skont l-erja rispettiva ddikjarata.

Artikolu 19

Penali amministrattivi f’każijiet ta’ dikjarazzjoni eċċessiva

1.  
Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja, tkun taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18, l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ aktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja stabbilita.

Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 20 % tal-erja stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernat.

2.  
Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 50 %, ma għandha tingħata ebda għajnuna jew appoġġ relatat mal-erja għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna jew appoġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18.

▼M1

3.  
Jekk l-ammont ikkalkolat skont il-paragrafi 1 u 2 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 ( 14 ), il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

▼M1

Artikolu 19a

Penali amministrattivi f'każijiet ta' dikjarazzjoni eċċessiva tal-erjas għall-iskema ta' pagament bażiku, għall-iskema ta' pagament uniku skont l-erja, għall-pagament ridistributtiv, għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, għall-pagament għal erjas b'restrizzjonijiet naturali, għall-iskema tal-bdiewa żgħar, għall-pagamenti ta' Natura 2000 u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u għall-pagamenti għal erjas b'restrizzjonijiet naturali jew b'restrizzjonijiet speċifiċi oħra

1.  
Jekk, fir-rigward ta' grupp ta' għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-iskemi ta' għajnuna previsti fil-Kapitoli 1, 2, 4 u 5 tat-Titolu III u fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-miżuri ta' appoġġ imsemmija fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-erja stabbilita mnaqqsa b'darba u nofs (1,5) tad-differenza li tinstab jekk dik id-differenza tkun iżjed minn 3 % tal-erja stabbilita jew iżjed minn żewġ (2) ettari.

Il-penali amministrattiva ma għandhiex taqbeż il-100 % tal-ammonti bbażati fuq l-erja ddikjarata.

▼C1

2.  
Meta tkun għadha ma ġiet imposta l-ebda penali amministrattiva fuq il-benefiċjarju skont il-paragrafu 1 għal dikjarazzjoni eċċessiva tal-erjas għall-iskema ta' għajnuna jew għall-miżura ta' appoġġ ikkonċernati, il-penali amministrattiva msemmija f'dak il-paragrafu għandha titnaqqas b'50 % jekk id-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita ma taqbiżx l-10 % tal-erja stabbilita.

▼M1

3.  
Meta benefiċjarju titnaqqaslu l-penali amministrattiva tiegħu skont il-paragrafu 2 u trid tiġi imposta penali amministrattiva oħra fuq dak il-benefiċjarju għall-iskema ta' għajnuna jew għall-miżura ta' appoġġ ikkonċernati fir-rigward tas-sena tat-talba li jkun imiss, kif imsemmi f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 21, huwa għandu jħallas il-penali amministrattiva sħiħa fir-rigward ta' dik is-sena tat-talba li jkun imiss u għandu jħallas l-ammont tal-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafu 1 li jkun ġie mnaqqas skont il-paragrafu 2.
4.  
Jekk l-ammont ikkalkolat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

▼B

Artikolu 20

Penali amministrattivi li jikkonċernaw il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton

Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fejn jiġi stabbilit li l-benefiċjarju ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 61(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 ( 15 ), il-benefiċjarju għandu jitlef id-dritt għaż-żieda fl-għajnuna prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Barra minn hekk, l-għajnuna għall-qoton għal kull ettaru eliġibbli skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha titnaqqas bl-ammont taż-żieda li l-benefiċjarju kieku kien jingħata skont l-Artikolu 60(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 21

Penali amministrattivi, minbarra dikjarazzjonijiet eċċessivi tal-erjas, li jikkonċernaw il-pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ skont il-Kapitolu V tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19, fejn huwa stabbilit li l-benefiċjarju ma jikkonformax mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 49 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, l-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ ma għandhiex titħallas jew inkella għandha tiġi rtirata kompletament. Barra minn hekk, meta jkun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza għall-finijiet li jagħti prova tal-konformità mal-obbligi, għandha tiġi applikata penali li tikkorrispondi għal 20 % tal-ammont li jkun irċieva, jew li kieku kien jirċievi l-benefiċjarju, bħala pagament għal bdiewa żgħażagħ skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

▼M1

2.  
Jekk l-ammont tal-pagamenti mhux dovuti u tal-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

▼B



TAQSIMA 3

Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent

▼M2

Artikolu 22

Prinċipji ġenerali

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, meta l-istess erja tiġi stabbilita għal iżjed minn waħda mill-prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent kif imsemmi fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dik l-erja għandha titqies b'mod separat għal kull waħda minn dawk il-prattiki bil-ħsieb li jiġi kkalkolat il-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-pagament ta' ekoloġizzazzjoni”.

▼B

Artikolu 23

Bażi tal-kalkolu tal-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent fir-rigward tal-ettari eliġibbli ddikjarati taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja

1.  

Meta l-Istat Membru japplika l-iskema ta’ pagament bażiku, għandu japplika dan li ġej:

(a) 

jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju;

(b) 

jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa.

▼M2

2.  
Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, jekk l-erja ddikjarata f'applikazzjoni unika għall-pagament bażiku jew il-pagament uniku skont l-erja taqbeż l-erja stabbilita, l-erja stabbilita għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni.

▼B

Madankollu, jekk l-erja stabbilita għall-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja tinstab li hija akbar mill-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku.

▼M2

Artikolu 24

Tnaqqis tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel

1.  
Fir-rigward tar-raba' li għalih l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi minn tal-inqas żewġ għelejjel differenti filwaqt li l-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għalla ewlenija tkun tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas bid-doppju tal-erja tal-għalla ewlenija li teċċedi l-75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita.
2.  
Fir-rigward tar-raba' li għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi minn tal-inqas tliet għelejjel differenti filwaqt li l-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għalla ewlenija tkun tkopri aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas bl-erja tal-għalla ewlenija li teċċedi l-75 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita.
3.  
Fir-rigward tar-raba' li għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi minn tal-inqas tliet għelejjel differenti filwaqt li ż-żewġ għelejjel ewlenin ma għandhomx ikopru aktar minn 95 % tal-erja totali tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għelejjel ewlenin tkun tkopri aktar minn 95 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas b'ħames darbiet l-erja taż-żewġ għelejjel ewlenin li teċċedi l-95 % tal-erja totali tar-raba' li tkun stabbilita.
4.  
Fir-rigward tal-azjendi li għalihom l-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi li l-għalla ewlenija fuq il-kumplament tar-raba' ma għandhiex tkopri iżjed minn 75 % ta' dak il-kumplament tar-raba', iżda l-erja stabbilita għall-għalla ewlenija fuq il-kumplament tar-raba' stabbilit tkun tkopri iżjed minn 75 %, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas bid-doppju tal-erja tal-għalla ewlenija li teċċedi l-75 % tal-kumplament tar-raba' stabbilit.
5.  
Meta benefiċjarju jinstab li ma jkunx konformi mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel kif deskritt f'dan l-Artikolu għal tliet snin, l-erja li biha trid titnaqqas l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont il-paragrafi 1 sa 4 għas-snin sussegwenti għandha tiġi mmultiplikata bi tnejn.

▼B

Artikolu 25

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ bwar permanenti

1.  
Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas bl-erja stabbilita bħala mhux konformi mar-rekwiżiti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
2.  
Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mal-obbligi kif imsemmi fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas biż-żona stabbilita bħala li ma tikkonformax mal-obbligi kif imsemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014.
3.  
In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “stabbiliti” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe tip ta’ kontroll imwettaq skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, l-aġenzija tal-pagamenti, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

Artikolu 26

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika

1.  
Iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa”, għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi taż-żona totali tar-raba’ stabbilita u li tinkludi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.

▼M2

2.  
Jekk l-erja b'fokus ekoloġiku meħtieġa taqbeż l-erja b'fokus ekoloġiku li tkun stabbilita, filwaqt li titqies il-ponderazzjoni tal-erjas b'fokus ekoloġiku kif previst fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas b'10 darbiet l-erja b'fokus ekoloġiku li ma tkunx ġiet stabbilita.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-erja b'fokus ekoloġiku li tkun stabbilita ma għandhiex taqbeż is-sehem tal-erjas b'fokus ekoloġiku li jkunu ġew iddikjarati fl-erja totali ta' raba' ddikjarata.

3.  
Meta benefiċjarju ma jinstabx konformi mar-rekwiżiti tal-erja b'fokus ekoloġiku kif deskritt f'dan l-Artikolu għal tliet snin, l-erja li biha trid titnaqqas l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni skont il-paragrafu 2 għas-snin sussegwenti għandha tiġi mmultiplikata bi tnejn.

▼B

Artikolu 27

Tnaqqis massimu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku

1.  
L-għadd tat-tnaqqis ikkalkolat skont l-Artikoli 24 u 26 f’ettari ma għandux jaqbeż in-numru totali ta’ ettari ta’ raba’ stabbilit inklużi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.
2.  
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, it-tnaqqis totali kkalkolat skont l-Artikoli 24 sa 26 ma għandux jaqbeż il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku kkalkolat skont l-Artikolu 23.

Artikolu 28

Il-penali amministrattivi fir-rigward tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku

1.  
Jekk iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 tkun differenti miż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27, il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għandu jiġi kkalkolat fuq din iż-żona msemmija l-aħħar imnaqqas bid-doppju tad-differenza stabbilita jekk dik id-differenza tkun iktar minn 3 % jew żewġ ettari, iżda mhux iktar minn 20 % taż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.

Jekk id-differenza hija aktar minn 20 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna.

Jekk id-differenza hija ta’ iktar minn 50 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna li jikkorrespondi għad-differenza bejn iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 u ż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.

2.  
Jekk, il-benefiċjarju ma jiddikjarax l-erja kollha tiegħu bħala raba’ bir-riżultat li kien jiġi eżentat mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 44, 45 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, u/jew ma jiddikjarax il-bur permanenti kollu tiegħu li huwa ambjentalment sensittiv skont l-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament, u ż-żona mhux iddikjarata hija aktar minn 0,1 ettaru, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’10 % oħra.
3.  
Skont l-Artikolu 77(6) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi applikata għas-snin tat-talbiet 2015 u 2016. Il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafu 1 u 2 għandha tiġi diviża b’5 u limitata sa 20 % tal-ammont tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku li l-bidwi kkonċernat kien ikun intitolat għalih skont l-Artikolu 23 fis-sena tat-talba 2017, u diviż b’4 u limitat għal 25 % tal-istess ammont għas-snin tat-talba 2018 ‘il quddiem.

▼M1

4.  
Jekk l-ammont tal-penali amministrattivi kkalkolat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

▼B

Artikolu 29

Regoli applikabbli għal prattiki ekwivalenti

Din it-Taqsima għandha tapplika mutatis mutandis għall-prattiki ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.



TAQSIMA 4

Appoġġ akkoppjat u volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali bbażat fuq talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

Artikolu 30

Bażi tal-kalkolu

1.  
Fl-ebda każ ma għandha tingħata għajnuna jew appoġġ għal għadd ta’ annimali akbar minn dak muri fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament.
2.  
L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament. L-annimali identifikati jistgħu jinbidlu mingħajr ma jintilef id-dritt għall-pagament tal-għajnuna jew l-appoġġ, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx għadu ġie infurmat mill-awtorità kompetenti b’nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni jew it-talba jew ma jkunx għadu ngħata avviż dwar l-intenzjoni tal-awtorità li twettaq verifika fuq il-post. Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz li ma hemmx dubju dwar liema annimali huma koperti mill-applikazzjonijiet jew it-talbiet tal-benefiċjarji.
3.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.

▼M1

3a.  
Meta l-annimali jkunu ġew imċaqilqa lejn postijiet oħra għajr dawk innotifikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 matul il-perjodu stabbilit mill-Istat Membru msemmi f'dak il-punt, dawn għandhom jitqiesu bħala stabbiliti jekk dawk l-annimali jinstabu minnufih fl-azjenda waqt il-verifika fuq il-post.

▼M3

4.  

Fejn jinstabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a) 

annimal bovin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef waħda miż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit sakemm ikun identifikat b’mod ċar u individwalment bl-elementi l-oħrajn tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

(b) 

annimal ovin jew kaprin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef wieħed miż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat permezz tal-ewwel mezz ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 u sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħrajn kollha tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini;

(c) 

meta annimal bovin, ovin jew kaprin wieħed li jkun preżenti fl-impriża agrikola jkun tilef żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat individwalment mir-reġistru, mill-passaport tal-annimal, fejn rilevanti, mill-bażi tad-data jew mezz ieħor stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jew ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament u sakemm l-indokratur tal-annimali jkun jista’ jipprovdi evidenza li huwa kien diġà ħa azzjoni biex jirrimedja għas-sitwazzjoni qabel in-notifika tal-verifika fuq il-post;

(d) 

meta n-nuqqas ta’ konformità li jinstab jirrigwarda entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-bhejjem jew fil-bażi tad-data kompjuterizzata għall-annimali, iżda ma jkunx rilevanti għall-verifika tar-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f’minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-annimali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba;

(e) 

meta n-nuqqasijiet ta’ konformità misjuba jkunu relatati ma’ notifiki tard ta’ avvenimenti tal-annimali fil-bażi tad-data kompjuterizzata, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies bħala ddeterminat jekk in-notifika tkun seħħet qabel il-bidu tal-perjodu taż-żamma jew qabel id-data ta’ referenza stabbilita skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014.

L-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini, ovini u kaprini u n-notifiki li jintbagħtulha jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin f’każijiet ta’ żbalji evidenti rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.

▼M3 —————

▼M3

Artikolu 31

Penali amministrattivi fir-rigward ta’ annimali fil-qafas tal-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew tal-miżuri ta’ appoġġ marbuta mal-annimali

1.  

L-ammont totali ta’ għajnuna jew appoġġ li għalih huwa intitolat il-benefiċjarju skont skema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali jew tip ta’ operazzjoni taħt tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitħallas abbażi tal-għadd ta’ annimali stabbilit skont l-Artikolu 30(3), dment li wara l-verifiki amministrattivi jew il-kontrolli fuq il-post:

(a) 

mhux aktar minn tliet annimali jinstabu mhux determinati, u

▼M4

(b) 

l-annimali bovini, ovini u kaprini mhux determinati jistgħu jiġu identifikati individwalment bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi previsti fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali.

▼M3

2.  

►M4  Fil-każ li jkun hemm aktar minn tliet annimali mhux determinati jew fil-każ ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini mhux determinati li ma jistgħux jiġu identifikati individwalment bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi previsti fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, l-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li għalih huwa intitolat il-benefiċjarju fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew it-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bi: ◄

(a) 

bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit f’konformità mal-paragrafu 3, jekk ma jkunx aktar minn 20 %;

(b) 

bid-doppju tal-perċentwal li għandu jiġi stabbilit f’konformità mal-paragrafu 3, jekk ikun aktar minn 20 % iżda ma jkunx aktar minn 30 %.

Jekk il-perċentwal stabbilit f’konformità mal-paragrafu 3 ikun iżjed minn 30 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.

Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 50 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont li jkun daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 30(3). Jekk dak l-ammont ma jkunx jista’ jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

Għal speċijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu għadd ta’ annimali li jkun differenti mill-livell limitu ta’ tliet annimali li huwa previst fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta jistabbilixxu dak l-għadd, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak il-livell limitu, billi fost l-oħrajn iqisu l-unitajiet ta’ bhejjem u/jew l-ammont ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun ingħata.

3.  
Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafu 2, l-għadd ta’ annimali ta’ skema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni li jinstab li ma jkunx determinat għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali determinati għal dik l-iskema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni taħt tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.
4.  
Meta l-kalkolu tal-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ miżura ta’ appoġġ jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata jkun ibbażat fuq l-għadd ta’ jiem li fihom l-annimali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunu preżenti fl-azjenda, il-kalkolu tal-għadd ta’ annimali li jkunu nstabu mhux determinati kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ibbażat ukoll fuq l-għadd ta’ jiem li fihom dawk l-annimali jkunu preżenti fl-azjenda.

▼B

Artikolu 32

Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi f’każijiet ta’ ċirkostanzi naturali

Il-penali amminstrattivi previsti fl-Artikolu 31 ma għandhomx japplikaw f’każijiet fejn il-benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra bħala riżultat ta’ ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa, diment li huwa jkun informa bil-miktub lill-awtorità kompetenti fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mis-sejba tiegħu bi kwalunkwe tnaqqis fl-għadd ta’ annimali.

Mingħajr ħsara għaċ-ċirkostanzi propji li għandhom jitqiesu fil-każijiet individwali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikonoxxu ċ-ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa li jikkonsistu minn

(a) 

il-mewt ta’ annimal b’konsegwenza ta’ marda jew

(b) 

il-mewt ta’ annimal wara inċident li għalihom il-benefiċjarju ma jistax jinżamm responsabbli.

Artikolu 33

Penali u miżuri addizzjonali

1.  
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu penali nazzjonali addizzjonali li għandhom jiġu applikati lill-intermedjarji, involuti fil-proċedura għall-kisba ta’ għajnuna jew appoġġ, sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kontroll inkluż il-ħarsien tal-obbligi ta’ notifika.
2.  
Fir-rigward tal-evidenza provduta minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet ħlief mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(c) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk jinstab li ngħatat evidenza żbaljata minħabba negliġenza jew b’mod intenzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika penali xierqa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Meta nuqqasijiet ta’ konformità bħal dawn jinstabu għat-tieni darba, is-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni involuta għandhom jiġu esklużi għal perjodu ta’ mill-inqas sena mid-dritt li tipprovdi evidenza valida għal skopijiet ta’ appoġġ.

▼M1

Artikolu 34

Emendi u aġġustamenti tal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali

Fir-rigward tal-annimali ddikjarati, l-Artikolu 15 għandu japplika għal żbalji u għal ommissjonijiet b'rabta mal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali li jsiru mill-waqt meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pagament.

▼B



TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-MIŻURI TA’ APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP RURALI

Artikolu 35

Nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra d-daqs tal-erja jew l-għadd ta’ annimali, l-impenji jew obbligi oħrajn

1.  
L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat b’mod sħiħ f’każ li ma jitħarsux il-kriterji ta’ eliġibbiltà.
2.  

L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat kollu jew parti minnu, f’każ li ma jitħarsux l-impenji jew obbligi oħrajn li ġejjin:

(a) 

impenji stabbiliti fil-programm ta’ żvilupp rurali; jew

(b) 

fejn ikun rilevanti, obbligi oħrajn tal-operazzjoni stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali fil-programm ta’ żvilupp rurali, b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u standards u rekwiżiti obbligatorji oħrajn.

3.  
Meta jiddeċiedi r-rata ta’ rifjut jew irtirar ta’ appoġġ wara n-nuqqas ta’ konformità mal-impenji jew obbligi oħra msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu jqis is-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità marbuta mal-kundizzjonijiet għall-appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2.

Is-severità tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-impenji jew l-obbligi li ma jkunux intlaħqu.

Il-firxa tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tiegħu fuq il-ħidma kollha kemm hi.

It-tul għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li matulu jdum jinħass l-effett jew fuq il-possibbiltà li dan l-effett jintemm b’mezzi raġonevoli.

L-okkorrenza mill-ġdid għandha tiddependi fuq jekk instabux nuqqasijiet ta’ konformità simili fl-aħħar erba’ snin preċedenti jew waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni sħiħ 2014-2020 fil-każ tal-istess benefiċjarju u l-istess miżura [jew tip ta’ operazzjoni] jew fil-każ tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-istess miżura.

4.  
F’każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, l-irtirar ibbażat fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għall-ammonti li diġà tħallsu fis-snin preċedenti għall-istess operazzjoni.
5.  
F’każ li l-valutazzjoni globali bbażata fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 twassal biex jiġi stabbilit nuqqas serju ta’ konformità, l-appoġġ għandu jiġi rifjutat jew inkella għandu jiġi rtirat bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.
6.  
Fejn ikun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza bil-għan li jirċievi l-appoġġ jew jonqos li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa minħabba negliġenza, l-appoġġ għandu jiġi rrifjutat jew irtirat kollu. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.

▼M1

7.  
Jekk l-irtirar tal-pagamenti u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 6 ma jkunux jistgħu jiġu paċuti għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

▼B

Artikolu 36

Sospensjoni tal-appoġġ

L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi l-appoġġ relatat ma’ ċertu nfiq fejn jiġi skopert nuqqas ta’ konformità li jirriżulta f’penali amministrattiva. Is-sospensjoni għandha titneħħa mill-aġenzija tal-pagamenti malli l-benefiċjarju jagħti provi sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li s-sitwazzjoni ġiet irrimedjata. Il-perjodu massimu tas-sospensjoni ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll perjodi massimi iqsar ta’ żmien skont it-tip ta’ operazzjonijiet u l-effetti tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni.

L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi biss l-appoġġ fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għan globali tal-operazzjoni kkonċernata, u jekk ikun mistenni li l-benefiċjarju jkun jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni matul il-perjodu massimu ddefinit.



TITOLU IV

SISTEMA TA’ KONTROLL U PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-KUNDIZZJONALITÀ



KAPITOLU I

ŻAMMA TA’ MERGĦAT PERMANENTI

Artikolu 37

Obbligi ta’ mergħat permanenti

1.  
Fejn huwa stabbilit li l-proporzjon li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ikun naqas fl-2014 fil-livell nazzjonali jew reġjonali, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jistipula l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għal kwalunkwe għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex ma jikkonvertux art li hija mergħa permanenti mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

Fejn huwa stabbilit li dak il-proporzjon ikun naqas b’aktar minn 5 % fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistipula tali obbligu.

Jekk l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-erja ta’ art hija stabbilita bħala mergħa permanenti, art bħal din għandha, sa mill-ewwel ġurnata tal-konverżjoni, tiġi kkunsidrata bħala mergħa permanenti permezz ta’ deroga mid-definizzjoni stipulata fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dik l-erja għandha tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għall-ħames snin konsekuttivi wara d-data ta’ konverżjoni.

2.  
L-obbligu tal-benefiċjarji stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-benefiċjarji jkunu ħolqu art li taqa’ taħt mergħa permanenti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 ( 16 ), (KE) Nru 1257/1999 ( 17 ) u (KE) Nru 1698/2005.
3.  
Fejn huwa stabbilit li l-obbligu li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ma jistax jiġi żgurat fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu, apparti l-miżuri li għandhom jittieħdu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistipula, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għall-għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex jikkonvertu lura l-art f’art li taqa’ taħt mergħa permanenti.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal benefiċjarji li għandhom art għad-dispożizzjoni tagħhom li ġiet ikkonvertita minn art li taqa’ taħt mergħa permanenti f’art għal użi oħra.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika fir-rigward ta’ erja ta’ art ikkonvertita b’dan il-mod mid-data tal-bidu għall-perjodu ta’ 24 xahar qabel id-data li fiha kellhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet uniċi skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fl-Istat Membru kkonċernat.

F’dak il-każ, il-bdiewa għandhom jikkonvertu lura perċentwal ta’ dik l-erja f’mergħa permanenti jew jistabbilixxu dak l-ammont ta’ erja bħala mergħa permanenti. Dak il-perċentwal għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont tal-erja kkonvertita b’dan il-mod mill-bidwi u l-ammont tal-erja li hija meħtieġa biex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ.

Madankollu, meta erja bħal din tkun soġġetta għal trasferiment wara li tkun ġiet konvertita f’art għal użu ieħor, l-ewwel subparagrafu għandu japplika biss jekk it-trasferiment ikun twettaq wara is-6 ta’ Mejju 2004.

L-erjas konvertiti mill-ġdid jew stabbiliti bħala mergħa permanenti għandhom, sa mill-ewwel jum tal-konverżjoni mill-ġdid jew l-istabbiliment jitqiesu bħala “mergħa permanenti” permezz ta’ deroga mill-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dawk l-erjas għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għal ħames snin konsekuttivi wara d-data tal-konverżjoni tagħhom.

4.  
Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss matul is-sena 2015.
5.  
L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli fl-2015 u fl-2016 sabiex jiżguraw li l-paragrafi 1 u 3 ikunu rrispettati.



KAPITOLU II

KALKOLU U APPLIKAZZJONI TA’ PENALI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 38

Regoli ġenerali dwar in-nuqqas ta’ konformità

1.  
Ir-“ripetizzjoni” ta’ nuqqas ta’ konformità tfisser nuqqas ta’ konformità mal-istess rekwiżit jew standard iddeterminat aktar minn darba waħda f’perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin kalendarji, sakemm il-benefiċjarju jkun ġie infurmat b’nuqqas ta’ konformità preċedenti u, skont kif ikun il-każ, kellu l-possibbiltà li jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm dak in-nuqqas ta’ konformità preċedenti. Għall-fini ta’ determinazzjoni tar-ripetizzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, nuqqasijiet ta’ konformità misjuba skont ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, u b’mod partikolari, KAAT 3, kif elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandu jitqies ekwivalenti għal SMR 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fil-verżjoni tiegħu li tkun fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2013.
2.  
Il-“firxa” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi ddeterminata billi jitqies, partikolarment, jekk in-nuqqas ta’ konformità kellux impatt mifrux ħafna jew jekk dan kienx limitat għar-razzett innifsu.
3.  
Is-“severità” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità billi jitqiesu l-għanijiet tar-rekwiżit jew tal-istandard ikkonċernat.
4.  
Jekk nuqqas ta’ konformità jkunx ta’ “permanenza” jew le għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal li jiġu tterminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli.
5.  
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, in-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “ddeterminati” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontroll mwettaq skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-pagament, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

Artikolu 39

Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ negliġenza

1.  
Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat jirriżulta min-negliġenza tal-benefiċjarju, għandu jiġi applikat tnaqqis. Dak it-tnaqqis għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 3 % tal-ammont totali li jirriżulta minn pagamenti u primjums annwali indikati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi ta’ stima tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll filwaqt li tqis il-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwal għal 1 % jew li żżidu għal 5 % tal-ammont totali imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew, fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mar-rekwiżit jew l-istandard inkwistjoni jħallu marġni biex in-nuqqas ta’ konformità misjub ma jkomplix iseħħ jew fil-każi li għalihom jingħata appoġġ skont l-Artikoli 17(5) u 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li ma timponi l-ebda tnaqqis.

2.  
Meta Stat Membru jiddeċiedi li ma japplikax penali amministrattiva skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandha tiġi applikata l-penali amministrattiva.

Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.

3.  
Meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandu jiġi applikat b’mod retroattiv tnaqqis ta’ mill-inqas 1 % kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’relazzjoni mas-sena tas-sejba inizjali meta tkun ġiet applikata s-sistema ta’ twissija bikrija, jekk in-nuqqas ta’ konformità jinstab li ma jkunx ġie rrimedjat matul perjodu massimu ta’ tliet snin kalendarji konsekuttivi kkalkolati minn u inkluż dik is-sena.

Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.

Nuqqas ta’ konformità li ma jkunx ġie rimedjat mill-benefiċjarju fiż-żmien stipulat ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ konformità għall-finijiet li jistabbilixxi ripetizzjoni skont il-paragrafu 4.

4.  
Mingħajr preġudizzju għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat fir-rigward tal-ewwel ripetizzjoni tal-istess nuqqas ta’ konformità skont il-paragrafu 1 għandu jiġi mmultiplikat bil-fattur ta’ tlieta.

F’każ ta’ ripetizzjoni ulterjuri, il-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta għandu jiġi applikat kull darba għar-riżultat tat-tnaqqis iffissat fir-rigward tar-ripetizzjoni preċedenti. Madankollu, it-tnaqqis massimu ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont totali li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1.

Ladarba l-perċentwal massimu ta’ 15 % jintlaħaq, l-awtorità tal-pagament għandha tinforma lill-benefiċjarju kkonċernat li jekk jerġa’ jiġi determinat l-istess nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju jitqies li huwa jkun ġab ruħu intenzjonalment skont it-tifsira tal-Artikolu 40.

Artikolu 40

Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata

Fejn in-nuqqas ta’ konformità ddeterminat ikun twettaq b’mod intenzjonali mill-benefiċjarju, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont totali msemmi fl-Artikolu 39(1) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont totali.

Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi tal-valutazzjoni tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll fid-dawl tal-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi li tnaqqas dak il-perċentwal għal mhux inqas minn 15 % jew li żżid dak il-perċentwal sa 100 % ta’ dak l-ammont totali.

Artikolu 41

Akkumulazzjoni ta’ penali amministrattivi

F’każ li nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jikkostitwixxi anke nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), il-penali amministrattivi għandhom jiġu applikati skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 77(8)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.



TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 42

Regoli tranżitorji fir-rigward tal-kundizzjonalità

1.  
Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-benefiċjarji tal-miżuri implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, għandhom japplikaw ir-regoli dwar is-sistema ta’ kontroll kif ukoll dwar il-penali amministrattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
2.  
Għal nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità li għalihom ma ġewx applikati penali amministrattivi peress li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minims imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 rispettivament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandu japplika fir-rigward tal-obbligu fuq l-awtorità ta’ kontroll li tieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex tivverifika li l-benefiċjarju għamel tajjeb għas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 43

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.

Madankollu, dawk ir-Regolamenti (KE) għandhom ikomplu japplikaw għal:

(a) 

l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti mressqa fir-rigward ta’ perjodi ta’ primjums li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2015;

▼M1

(b) 

it-talbiet għall-pagament li jkunu saru u l-applikazzjoni għall-appoġġ marbuta mal-2014 u s-snin ta' qabel u t-talbiet għall-pagament marbuta mal-2015 skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005; u

▼B

(c) 

is-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-bdiewa taħt l-Artikoli 85t u 103z tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 ( 18 ).

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M1

Dan japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna, għall-applikazzjonijiet għall-appoġġ u għat-talbiet għall-pagament marbuta mas-snin tat-talba jew mal-perjodi tal-primjum mill-1 ta' Jannar 2015.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

( 2 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

( 6 ) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

( 7 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.).

( 8 ) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

( 9 ) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

( 10 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18).

( 11 ) Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

( 12 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

( 13 ) Ir-Regolament UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

( 14 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

( 15 ) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 16 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 85).

( 17 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzij (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80).

( 18 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1–149).

Top