EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02004R0638-20140717

Consolidated text: Ir-Regolament (KE) 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/638/2014-07-17

2004R0638 — MT — 17.07.2014 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT (KE) 638/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta' Marzu 2004

fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91

(ĠU L 102, 7.4.2004, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 222/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2009

  L 87

160

31.3.2009

►M2

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1093/2013 tal-4 ta’ Novembru 2013

  L 294

28

6.11.2013

►M3

REGOLAMENT (UE) Nru 659/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 189

128

27.6.2014




▼B

IR-REGOLAMENT (KE) 638/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta' Marzu 2004

fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91



IL-PARLAMENT U L-KUNSILL TA'L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,

Wara li kunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi,

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 tas-7 ta' Novembru 1991 dwar l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta'l-oġġetti bejn Stati Membri ( 3 ) introduċa sistema totalment ġdida għall-ġbir tad-data, li ġiet issimplifikata f'żewġ okkażjonijiet. Biex tittejjeb it-trasparenza ta' din is-sistema u biex din issir eħfef biex tiftiehem, ir-Regolament (KEE) Nru 3330/91 għandu jinbidel b'dan ir-Regolament.

(2)

Din is-sistema għandha tinżamm, bħala livell dettaljat biżżejjed ta' informazzjoni statistikali għall-politika Komunitarja involuta fl-iżvilupp tas-suq intern u biex impriżi Komunitarji janalizzaw is-swieq speċifiċi tagħhom. Jeħtieġ ukoll li d-data miġbura tkun disponibbli malajr biex jiġi analizzat l-iżvilupp ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbilta li jiġbru informazzjoni li tissodisfa l-ħtiġiet speċifiċi tagħhom.

(3)

Madankollu, jeħtieġ li tittejjeb l-għażla tal-kliem fir-regoli dwar il-kompilazzjoni ta'l-istatistika tal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri biex dawn ikunu jiftiehmu b'mod aktar faċli mill-kumpaniji responsabbli biex jipprovdu d-data, is-servizzi nazzjonali li jkunu jiġbru d-data u l-utenti.

(4)

Sistema ta' thresholds għandha tinżamm, iżda f'forma simplifikata, biex tipprovdi rispons sodisfaċenti għall-ħtiġiet ta'l-utenti waqt li tnaqqas il-piż tar-rispons fuq il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni statistikali, partikolarment impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(5)

Għandha tinżamm rabta mill-qrib bejn is-sistema għall-ġbir ta' informazzjoni statistikali u l-formalitajiet fiskali li jeżistu fil-kuntest ta' kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri. Din ir-rabta tagħmilha possibli, b'mod partikolari, li wieħed jiċċekkja l-kwalita ta'l-informazzjoni miġbura.

(6)

Il-kwalita ta'l-informazzjoni statistikali miġbura, il-valutazzjoni tagħha permezz ta' indikaturi u t-trasparenza komuni f'dan il-qasam huma oġġettivi, li jeħtieġu regolamentazzjoni f'livell Komunitarju.

(7)

Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni pjanata, jiġifieri l-ħolqien ta' struttura legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika Komunitarja li għandha x'taqsam mal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri ma tistax tintlaħaq biżżejjed f'livell nazzjonali u tista' tintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunita tista' tadotta miżuri, b'konformita mal-prinċipju tas-sussidjarjeta kif spjegat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'konformita mal-prinċipju tal-proporzjonalita, kif spjegat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx ‘il hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.

(8)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika Komunitarja ( 4 ) jipprovdi struttura ta' referenza għal dan ir-Regolament. Madankollu, il-livell dettaljat ħafna ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ tal-merkanzija jeħtieġ regoli speċifiċi fir-rigward tal-kunfidenzalita.

(9)

Huwa importanti li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament u, biex isir dan, issir disposizzjoni għal proċedura Komunitarja biex tgħin halli jiġu stabbiliti l-arranġamenti ta' l-implimentazzjoni f'ambitu ta' żmien xieraq u biex isiru l-adattazzjonijiet tekniċi meħtieġa.

(10)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta'l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 5 ),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilix xi struttura komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statisitiċi Komunitarji rigward il-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

(a) “merkanzija”: il-proprjeta mobbli kollha, inkluż il-kurrent elettriku;

(b) “merkanzija speċifika jew movimenti”: merkanzija jew movimenti li, mill-istress naturali tagħhom, jeħtieġu disposizzjonijiet speċifiċi, u b'mod partikolari impjanti industrijali, bastimenti u ajruplani, prodotti tal-baħar, merkanzija mwassla f'bastimenti u f'ajruplani, konsenji alternati, merkanzija militari, merkanzija sejra jew ġejja minn stallazzjonijiet offshore, spacecraft, partijiet ta' vetturi bil-mutur u ta'l-ajruplani u skart;

(ċ) “awtoritajiet nazzjonali”: istituti nazzjonali ta'l-istatistika u korpi oħra responsabbli f'kull Stat Membru għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja relattata mal-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri:

(d) “merkanzija Komunitarja”:

(i) merkanzija miksuba kollha kemm hi fit-territorju doganali tal-Komunita, mingħajr żieda ta' merkanzija minn pajjiżi jew territorji terzi li ma jkunux parti mit-territorju doganali tal-Komunita;

(ii) merkanzija minn pajjiżi jew territorji terzi li ma jkunux parti mit-territorju doganali tal-Komunita, li tkun ġiet rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fi Stat Membru;

(iii) merkanzija miksuba fit-territorju doganali tal-Komunita jew mill-merkanzija msemmija esklussivament fil-punt (ii) inkella mill-merkanzija msemmija fil-punti (i) u (ii);

(e) “Stat Membru tad-dispaċċ”: l-Istat Membru kif definit mit-territorju statistiku tiegħu li minnu l-merkanzija tintbagħat għal destinazzjoni fi Stat Membru ieħor;

(f) “Stat Membru li jirċievi”: l-Istat Membru kif definit minn territorju statistiku tiegħu li fih il-merkanzija tasal minn Stat Membru ieħor;

(g) “merkanzija f'ċirkolazzjoni sempliċi bejn Stati Membri”: Merkanzija Komunitarja mibgħuta mingħand Stat Membru għal għand ieħor, li, fi triqitha bejn l-Istat Mebru li sa jirċeviha, tivvjaġġa direttament minn ġo Stat Membru ieħor jew tieqaf għal raġunijiet relattati biss mat-trasport tal-merkanzija.

Artikolu 3

Ambitu

1.  Statistiċi li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri għandhom ikopru d-dispaċċi u l-wasla tal-merkanzija.

2.  Id-dispaċċi għandhom ikopru din il-merkanzija li ġejja li titlaq mill-Istat Membru tad-dispaċċ għal destinazzjoni fi Stat Membru ieħor:

(a) Merkanzija Komunitarja, minbarra merkanzija li tkun f'ċirkolazzjoni sempliċi bejn Stati Membri;

(b) Merkanzija mqiegħda fi Stat Membru tad-dispaċċ taħt il-proċedura ta'l-ipproċessar doganali 'l ġewwa jew taħt il-proċedura ta'l-ipproċessar ta' kontroll taħt id-dwana.

3.  Il-wasla għandha tkopri l-merkanzija li ġejja li tkun dieħla fi Stat Membru tal-wasla, li kienet fil-bidu ntbagħtet minn Stat Membru ieħor.

(a) Merkanzija Komunitarja, minbarra merkanzija li tkun f'ċirkolazzjoni sempliċi bejn Stati Membri;

(b) Merkanzija li qabel kienet tqiegħdet fi Stat Membru tad-dispaċċ skond il-proċedura doganali ta'l-ipproċessar 'il ġewwa jew l-ipproċessar skond il-proċedura ta' kontroll taħt id-dwana, li tinżamm skond il-proċedura ta' proċessar 'il ġewwa jew l-ipproċessar skond il-proċedura ta' kontroll taħt id-dwana jew rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Istat membru tal-wasla.

▼M3

4.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a dwar regoli differenti jew speċifiċi li japplikaw għal merkanzija jew movimenti speċifiċi.

▼B

5.  Xi merkanzija, li lista dwarha għandha ssir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), għandha tiġi eskluża mill-istatistiċi għal raġunijiet metodoloġiċi.

Artikolu 4

Territorju statistiku

1.  It-territorju statistiku ta'l-Istati membri għandu jikkorrispondi mat-territorju doganali tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 ( 6 ) tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju.

2.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, it-territorju statistiku tal-Ġermanja għandu jinkludi l-Ħeligoland.

Artikolu 5

Sorsi ta' data

1.  Sistema speċifika ta' ġbir ta' data, minn issa 'l quddiem imsejħa s-sistema “Intrastat”, għandha tgħodd għall-provvista ta' l-informazzjoni statistikali fuq id-dispaċċ u l-wasla ta' merkanzija ►M3  ————— ◄ li ma tkunx is-suġġett ta' dokument amministrattiv singolu għall-finijiet doganali jew fiskali.

▼M3

2.  L-informazzjoni statistika dwar id-dispaċċi u l-wasliet ta’ merkanzija li jkunu s-suġġett ta’ dokument amministrattiv uniku għall-finijiet doganali jew fiskali għandha tkun ipprovduta direttament mid-dwana lill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ lanqas darba fix-xahar.

▼M3

2a.  L-amministrazzjoni doganali responsabbli f’kull Stat Membru għandha, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-awtorità nazzjonali, tipprovdi lill-awtorità nazzjonali b’kull informazzjoni disponibbli biex tiġi identifikata l-persuna li twettaq id-dispaċċi u l-wasliet ta’ merkanzija koperti mill- proċedurital-ipproċessar attiv doganali jew ipproċessar taħt kontroll doganali.

▼B

3.  Għal merkanzija jew movimenti speċifiċi, sorsi ta' informazzjoni oħra minbarra s-sistema Intrastat jew id-dikjarazzjonijiet doganali jistgħu jintużaw.

4.  Kull Stat Membru għandu jorganizza l-mod ta kif id-data ta'l-Intrastat tiġi provduta mill-partijiet responbsabbli biex jipprovdu informazzjoni. Biex jiġi faċilitat ix-xogħol ta' dawn il-partijiet, il-kundizzjonijiet għal użu akbar ta'l-ipproċessar awtomatiku tad-data u l-dispaċċ awtomatika tad-data għandu jiġi promoss mill-Kummissjoni (Eurostat) u mill-Istati Membri.

▼M3

Artikolu 6

Perijodu ta’ referenza

Il-perijodu ta’ referenza għall-informazzjoni li għandha tingħata f’konformità mal-Artikolu 5 għandu jkun:

(a) ix-xahar kalendarju tad-dispaċċ jew il-wasla tal-merkanzija; jew

(b) ix-xahar kalendarju li fih iseħħ il-fatt taxxabbli għall-merkanzija Komunitarja li fuqha l-VAT jiġi taxxabbli fuq akkwiżizzjonijiet u provvisti fil-Komunità; jew

(c) ix-xahar kalendarju li fih id-dikjarazzjoni hi aċċettata mid-dwana fejn id-dikjarazzjoni Doganali tintuża bħala sors tad-data.

▼B

Artikolu 7

Partijiet responabbli biex jipprovdu l-informazzjoni

▼M1

1.  Il-partijiet responsabbli li jipprovdu l-informazzjoni għas-sistema Intrastat għandhom ikunu:

(a) il-persuna taxxabbli kif definita fit-Titolu III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud ( 7 ) fl-Istat Membru tad-dispaċċ, li:

(i) tkun ikkonkludiet kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti tat-trasport, li jagħti lok għal dispaċċ ta' merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

(ii) tibgħat jew tipprovdi għall-dispaċċ tal-merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

(iii) ikollha l-pussess tal-merkanzija li tkun is-suġġett għad-dispaċċ;

jew ir-rappreżentant tagħha tat-taxxa skont l-Artikolu 204 tad-Direttiva 2006/112/KE; u

(b) il-persuna taxxabbli kif definita fit-Titolu III tad-Direttiva 2006/112/KE, fl-Istat Membru tal-wasla, li:

(i) tkun ikkonkludiet il-kuntratt, bl-eċċezzjoni ta' kuntratti tat-trasport, li jagħti lok għal konsenja ta' merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

(ii) tirċievi l-konsenja jew tipprovdi għal-konsenja tal-merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

(iii) ikollha l-pussess tal-merkanzija li tkun is-suġġett tal-konsenja;

jew ir-rappreżentant tagħha tat-taxxa skont l-Artikolu 204 tad-Direttiva 2006/112/KE.

▼B

2.  Il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni jistgħu jittrasferixxu x-xogħol lil partijiet terzi, iżda dan it-trasferiment m'għandu bl-ebda mod inaqqas ir-responsabbilta tal-parti msemmija.

3.  In-nuqqas ta' xi parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni biex taqdi l-obbligazzjonijiet tiegħu/tagħha taħt dan ir-Regolament għandu jirrendih/a suġġetta għal-pieni li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu.

Artikolu 8

Reġistri

1.  L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħmlu u jżommu reġistru ta' operaturi intra-Komunitarji li jkun fih ta' lanqas minn qed jikkonsenja, mad-dispaċċ, u l-kunsinnatarju, mal-wasla.

2.  Biex jiġu identifikati l-partijiet responsabbli biex tiġi provduta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 u biex tiġi verifikata l-informazzjoni li qed tiġi provduta, l-amministrazzjoni tat-taxxa responsabbli f'kull Stat Membru għandha tagħti lill-awtorita nazzjonali:

▼M1

(a) mill-inqas darba fix-xahar, bil-listi tal-persuni taxxabbli li jkunu ddikjaraw li, matul il-perjodu msemmi, huma jkunu fornew prodotti lil Stati Membri oħra jew akkwistaw prodotti minn Stati Membri oħra. Il-listi għandhom juru l-valuri totali tal-prodotti ddikjarati minn kull wieħed mill-persuni taxxabbli għal raġunijiet fiskali;

▼B

(b) fuq l-inizjattiva proprja jew fuq talba ta'l-awtorita nazzjonali, bi kwalunkwe informazzjoni provduta għal finijiet fiskali li tista'ttejjeb il-kwalita ta'l-istatistiċi.

L-arranġamenti għall-komunikazzjoni ta'l-informazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-informazzjoni għandha tiġi trattata mill-awtorita nazzjonali skond ir-regoli applikati lilha mill-amministrazzjoni tat-taxxa.

3.  L-amministrazzjoni tat-taxxa għandha ġġib għall-attenzjoni tan-negozjanti reġistrati mal-VAT l-obbligi li jistgħu jidħlu għalihom bħala partijiet responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa mill-Intrastat.

Artikolu 9

L-informazzjoni ta'l-Intrastat li għandha tinġabar

1.  L-informazzjoni li ġejja għandha tinġabar mill-awtoritajiet nazzjonali:

▼M1

(a) in-numru ta' identifikazzjoni individwali allokat lill-parti responsabbli biex tiġi provduta l-informazzjoni skont l-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE;

▼B

(b) il-perjodu ta' referenza;

(ċ) il-kurrent (wasla, dispaċċ);

(d) il-prodott, identifikat permezz ta' kodiċi bi tmien ċifri tan- Nomenklatura Magħquda kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta'Lulju 1987 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistikali dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana ( 8 );

(e) L-Istat Membru msieħeb;

(f) il-valur tal-merkanzija;

(g) il-kwantita tal-merkanzija;

(h) in-natura ta'l-operazzjoni.

▼M3

Id-definizzjonijiet tad-data statistika msemmija fil-punti minn (e) sa (h) huma stipulati fl-Anness. Il-Kummissjoni se tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-arranġamenti biex tinġabar dik l-informazzjoni, b’mod partikolari l-kodiċi u l-format li jridu jintużaw.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼B

2.  L-Istati Membri jistgħu jiġbru informazzjoni addizzjonali, per eżempju:

(a) l-identifikazzjoni tal-merkanzija, f'livell aktar dettaljat min-Nomenklatura Magħquda;

(b) il-pajjiż ta'l-oriġini, mal-wasla;

(ċ) ir-reġjun ta'l-oriġini, mad-dispaċċ, u r-reġjun tad-destinazzjoni, mal-wasla;

(d) it-termini tal-konsenja;

(e) il-mod tat-trasport;

(f) il-proċedura statistikali.

Definizzjonijiet tad-data statistikali msemmija fil-punti minn (b) sa (f) qed jidhru fl-Anness. Meta jkun meħtieġ, l-arranġamenti għall-ġbir ta' din l-informazzjoni, partikolarment il-kodiċijiet li għandhom jintużaw, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼M3

Artikolu 9a

Skambju ta’ data kunfidenzjali

L-iskambju ta’ data kunfidenzjali, kif iddefinit fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), jista’ jseħħ biss għal finijiet ta’ statistika, bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli f’ kull Stat Membru, fejn l-iskambju jservi l-iżvilupp effiċjenti, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri jew itejjeb il-kwalità tagħhom.

L-awtoritajiet nazzjonali li jkunu kisbu data kunfidenzjali għandhom jittrattaw dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali u għandhom jużawha esklużivament għal finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

▼B

Artikolu 10

Simplifikazzjoni ġos-sistema Intrastat

1.  Biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta'l-utenti ta' informazzjoni statistikali mingħajr ma' jiġu imposti piżijiet żejda fuq l-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu t-thresholds ta' kull sena f'valuri annwali ta' kummerċ intra-Komunitarju, li ‘l isfel minnhom il-partijiet ikunu eżenti milli jipprovdu xi informazzjoni ta'l-Intrastat jew jistgħu jipprovdu informazzjoni simplifikata.

2.  It-thresholds għandhom jiġu stabbiliti għal kull Stat Membru, bil-wasliet u d-dispaċċi separati.

▼M1

3.  Il-limiti li taħthom il-partijiet huma eżentati milli jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar l-Intrastat għandhom jiġu ffisati f' livell li jiżgura li jkun kopert il-valur ta' mill-inqas 97 % tat-total tad-dispaċċi u mill-inqas ►M2  93 % ◄ tat-total tal-wasliet ta' persuni taxxabbli tal-Istati Membri relevanti.

▼M3

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex tadatta dawk ir-rati ta’ kopertura tal-Intrastat għall-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi kull meta jkun possibbli li tnaqqashom, filwaqt li żżomm statistika li tissodisfa l-indikaturi tal-kwalità u l-istandards fis-seħħ.

▼B

4.  L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu thresholds oħra li ‘l isfel minnhom il-partijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni li ġejja:

(a) eżenzjoni milli jipprovdu informazzjoni rigward il-kwantita tal-merkanzija;

(b) eżenzjoni milli jipprovdu informazzjoni rigward in-natura tat-tranżazzjoni;

(ċ) possibilta li jirrappurtaw massimu ta' 10 mis-subintestaturi dettaljati relevanti tan-Nomenklatura Magħquda, li l-aktar jintużaw f'termini ta' valur, u li jerġgħu jiġbru flimkien il-prodotti l-oħra skond ir-regoli stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼M3

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex tispeċifika l-kondizzjonijiet għad-definizzjoni ta’ dawk il-limiti.

5.  L-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità, jissimplifikaw l-informazzjoni li għandha tingħata għal tranżazzjonijiet individwali żgħar dment li tali simplifikazzjoni ma jkollha ebda effett ta’ detriment għall-kwalità tal-istatistika. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex jiġu speċifikati dawk il-kondizzjonijiet.

▼B

6.  L-informazzjoni fuq it-thresholds applikata mill-Istati Membri għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat) mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru tas-sena li tiġi qabel is-sena li għaliha jgħoddu.

▼M1

l-Artikolu 11

Il-kunfidenzalità tal-istatistika

Fil-każ uniku fejn il-parti jew il-partijiet li jkunu pprovdew l-informazzjoni hekk jitolbu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk ir-riżultati tal-istatistika, li permezz tagħhom huwa possibli li jista' jkun identifikati l-imsemmija fornituri, għandhomx jiġu disseminati jew emendati b'tali mod li d-disseminazzjoni tagħhom ma jippreġudikax il-konfidenzalità tal-istatistika.

▼B

Artikolu 12

Trasmissjoni ta' data lill-Kummissjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni (Ewrostat) ir-riżultati ta' kull xahar ta'l-istatistiċi tagħhom li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri mhux aktar tard minn:

▼M3

(a) 40 jum kalendarju wara t-tmiem tax-xahar ta’ referenza għad-data aggregata biex tiġi definita mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex tiddefinixxi dik id-data aggregata. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi rilevanti;

▼B

(b) 70 jum kalendarju wara d-data tax-xahar ta' referenza fil-każ ta' riżultati dettaljati inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (b) u (h).

Fir-rigward tal-valur tal-merkanzija, ir-riżultati għandhom jinkludu l-valur statistikali biss, kif stabbilit fl-Anness.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoini (Ewrostat) id-data li tkun konfidenzali.

▼M3

2.  Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) ir-riżultati ta’ kull xahar li jkopru l-kummerċ totali tagħhom tal-merkanzija billi jużaw estimi. Il-Kummissjoni għandha permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-klassifikazzjoni għal dawn l-estimi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data lill-Kummissjoni (Ewrostat) f'forma elettronika, skond l-istandard ta'l-interchange. L-arranġamenti prattiċi biex tintbagħat id-data għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼M1

4.  L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika annwali dwar il-kummerċ mill-karatteristiċi tan-negozju, jiġifieri l-attività li tkun saret mill-impriża skont is-sezzjoni jew il-livell ta' 2 ċifri tal-klassifikazzjoni komuni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi fil-Komunita' Ewropea (NACE), kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) u l-klassifikazzjoni skont id-daqs kkalkulat abbażi tan-numru ta' ħaddiema.

Din l-istatistika għandha tinġabar permezz tar-rabta bejn id-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrata skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tan-negozji għall-għanijiet ta' statistika ( 11 ) mal-istatistika msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

▼M3

Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet tekniċi għal kumpilazzjoni ta’ dawk l-istatistiċi bl-aktar mod prudenti possibbli.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼M1

Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għall-ġbir tal-istatistika għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

▼M1

Artikolu 13

Kwalità

1.  Għar-raġuni ta' dan ir-Regolament, il-kriterji ta' kwalità li ġejjin għandhom japplikaw għall-istatistika li għandha tiġi trażmessa:

(a) “rilevanza” li tirriferi għall-grad sa fejn l-istatistika tissodisfa ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

(b) “preċiżjoni” li tirriferi għall-viċinanza tal-estimi għall-valuri reali mhux magħrufa;

(ċ) “tempestività” li tirriferi għad-dewmien bejn id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-avveniment jew fenomenu li hija tiddeskrivi;

(d) “puntwalità” li tirriferi għad-dewmien bejn id-data tar-rilaxx tad-data u d-data mmirata meta hija kellha tkun provduta;

(e) “aċċessibbiltà” u “ċarezza” li jirriferu għall-kundizzjonijiet u modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jakkwistaw, jużaw u jinterpretaw data;

(f) “komparabbiltà” li tirriferi għad-daqs tal-impatt ta' differenzi f'kunċetti applikati ta' statistika u strumenti u proċeduri ta' kejl meta l-istatistika tiġi mqabbla bejn zoni ġeografiċi, oqsma settorali jew fuq medda ta' żmien;

(g) “koerenza” li tirriferi għall-adegwatezza tad-data sabiex din tiġi affidabbilment kombinata b'modi differenti u għal użi varji.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapport dwar il-kwalità tal-istatistika trażmessa kull sena.

3.  Fl-applikazzjoni tal-kriterji ta' kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 għall-istatistika koperta minn dan ir-Regolament, il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti tal-kwalità għandhom jiġu definiti konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 14(2).

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tal-istatistika trażmessa.

▼M3

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, kwalunkwe miżura neċessarja biex tiżgura l-kwalità tal-istatistika trasmessa skont il-kriterji tal-kwalità, filwaqt li tevita kostijiet eċċessivi għall-awtoritajiet nazzjonali.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼M3

Artikolu 13a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Meta teżerċita s-setgħa delegata fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5) u l-punt (a) tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha taġixxi skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, filwaqt li tiżgura, fost oħrajn, li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq ir-rispondenti.

Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma’ esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

3.  Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5) u l-punt (a) tal-Artikolu 12(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-17 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

4.  Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5), u l-punt (a) tal-Artikolu 12(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi atti delegati diġà fis-seħħ.

5.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf simultanjament b’dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5) u punt (a) tal-Artikolu 12(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni għalih mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur minn meta dak l-att jiġi nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼M3

Artikolu 14

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ).

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼B

Artikolu 15

Tħassir

1.  Ir-Regolament (KEE) Nru 3330/91 huwa b'hekk imħassar.

2.  Referenzi għar-regolament imħassar għandhom jitqiesu li jkunu saru għal dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jgħodd mill-1 ta' Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

DEFINIZZJONIJIET TAD-DATA STATISTIKALI

1.   Stat Membru msieħeb

(a) L-Istat Membru Msieħeb ikun l-Istat Membru tal-konsenja, mal-wasla. Dan ifisser l-Istat Membru tad-dispaċċ preżunt f'każi fejn il-merkanzija tidħol direttament minn Stat Membru ieħor. Meta, qabel tasal fl-Istat tal-wasla, l-merkanzija tkun daħlet fi Stat Membru wieħed jew aktar in-tranżitu u tkun ġiet suġġetta f'dawk l-Istati għal waqfiet jew operazzjonijiet legali mhux inerenti mat-trasport tagħhom (p.e. bidla fil-pussess), l-Istati Membri tal-konsenja għandhom jitqiesu bħala l-aħħar Stat Membru fejn ikunu saru dawk il-waqfiet jew l-operazzjonijiet.

(b) L-Istat Membru msieħeb huwa l-Istat Membru tad-destinazzjoni, mad-dispaċċ. Dan ifisser l-aħħar Stat Membru li lilu jkun magħruf, waqt id-dispaċċ, li l-merkanzija tkun sa tintbagħat.

2.   Kwantita tal-merkanzija

Il-kwantita tal-merkanzija tista' tiġi espressa b'żewġ modi:

(a) il-massa netta, li tfisser il-massa attwali tal-merkanzija minbarra l-imballaġġ;

(b) l-entitajiet supplimentari, li jfissru l-entitajiet possibbli li jkejlu l-kwantita minbarra l-massa netta, skond id-dettalji fir-regolament annwali tal-Kummissjoni li jaġġorna n-Nomenklatura Magħquda.

3.   Valur tal-merkanzija

Il-valur tal-merkanzija jista' jiġi espress b'żewġ modi:

▼M1

(a) l-ammont taxxabbli, li huwa l-valur li jrid jiġi determinat għal raġunijiet ta' taxxa skont id-Direttiva 2006/112/KE;

▼M3

(b) il-valur statistiku, li huwa l-valur ikkalkulat fil-fruntieri nazzjonali tal-Istati Membri. Għandu jkun ibbażat fuq l-ammont taxxabbli jew, fejn applikabbli, il-valur minfloku. Dan jinkludi biss spejjeż inċidentali (merkanzija, assigurazzjoni), fil-każ tad-dispaċċi, fil-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-Istat Membru tad-dispaċċ u, fil-każ tal-wasliet, fil-parti tal-vjaġġ li ssir barra mit-territorju tal-Istat Membru tal-wasla. Jgħidulu l-valur fob (free on board) għad-dispaċċi, u l-valur cif ([cost, insurance, freight] kost, assigurazzjoni, merkanzija) għall-wasliet.

▼B

4.   Natura ta'l-operazzjoni

In-natura tat-transazzjoni tfisser id-diversi karatteristiċi (xiri/bejgħ, xogħol b'kuntratt, eċċ) li jitqiesu bħala siewja biex tintghazel transazzjoni minn oħra.

5.   Il-pajjiż ta'l-oriġini

(a) Il-pajjiż ta'l-oriġini, mal-wasliet biss, tfisser il-pajjiż mnejn toriġina l-merkanzija.

(b) Merkanzija li tinkiseb biss jew li tiġi fabbrikata kollha kemm hi f'pajjiż toriġina minn dak il-pajjiż.

(ċ) Merkanzija li l-fabbrikazzjoni tagħha tkun involviet aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li tkun oriġinat fil-pajjiż fejn tkun għaddiet l-aħħar ipproċessar jew fabbrikazzjoni sostanzjali ekonomikament iġġustifikata f'kumpannija mgħammra għal dak l-iskop, li tirriżulta fil-fabbrikazzjoni ta' prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju ġdid ta' fabbrikazzjoni.

6.   Reġjun ta'l-oriġini jew destina zzjoni

(a) Ir-reġjun ta'l-oriġini, waqt id-dispaċċ, ifisser Stat Membru ta' dispaċċ fejn il-merkanzija tkun ġiet iffabbrikata jew mibnija, immuntata, msewwija jew mantenuta; fin-nuqqas ta' dak, ir-reġjun ta'l-oriġini jkun ir-reġjun mnejn il-merkanzija tkun intbagħtet, jew, fin-nuqqas ta' dak, ir-reġjun fejn ikun sar il-proċess kummerċjali.

(b) Ir-reġjun tad-destinazzjoni, mal-wasla, tfisser ir-reġjun ta' l-Istat Membru fejn tasal fejn il-merkanzija għandha tiġi kunsmata, mibnija, immuntata, proċessata, msewwija jew mantenuta; fin-nuqqqas ta' dak, ir-reġjun tad-destinazzjoni jkun ir-reġjun li lilu l-merkanzija tkun sa tintbagħat, jew, fin-nuqqas ta' dak, ir-reġjun fejn il-proċess kummerċjali jkun sa jsir.

7.   Termini tal-konsenja

It-termini tal-konsenja jfissru dawk id-disposizzjonijiet tal-kuntratt tal-bejgħ li jistabbilixxu l-obbligi tal-bejjiegħ u tax-xerrej rispettivament, skond l-Incoterms tal-Kamra Internazzjozzjonali tal-Kummerċ (cif, fob, eċċ).

8.   Mod ta' transport

Il-mod tat-trasport jiġi stabbilit permezz tat-trasport li bih il-merkanzija tkun preżunta li sa titlaq mit-territorju statistiku ta'l-Istat Membru tad-dispaċċ, waqt l-dispaċċ, u permezz tal-mezz attiv ta' trasport li bih il-merkanzija tkun preżunta li daħlet fit-territorju statistiku ta'l-Istat Membru tal-wasla waqt il-wasla.

9.   Proċedura statistikali

Il-proċedura statistikali tfisser id-diversi karatteristiċi li jitqiesu meħtieġa biex jingħażlu d-diversi tipi ta' wasliet/dispaċċi għal skopijiet ta'l-istatistika.



( 1 ) ĠU C 32, 5.2.04, p. 92.

( 2 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 Diċembru 2003 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004.

( 3 ) ĠU L 316, tas-16.11.1991., p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

( 4 ) ĠU L 52, tat-22.2.1997, p.1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

( 5 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 6 ) ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17).

( 7 ) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

( 8 ) ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2344/2003 (ĠU L 346, tal-31.12.2003, p. 38).

( 9 ) Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

( 10 ) ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

( 11 ) ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6.

( 12 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

Top