Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31979L0007

Id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali

ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24–25 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1979/7/oj

31979L0007



Official Journal L 006 , 10/01/1979 P. 0024 - 0025
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0111
Greek special edition: Chapter 05 Volume 3 P. 0160
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0111
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0174
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0174


Id-Direttiva tal-Kunsill

tad-19 ta' Diċembru 1978

dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali

(79/7/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u speċjalment l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa dwar l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol [4] jiddisponi li, bl-iskop li jiżgura l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, sejjer jadotta dispożizzjonijiet li jiddefinixxu s-sustanza u l-intenzjoni ta' l-arranġamenti biex tkun applikata; billi t-Trattat ma jagħtix il-poteri speċifiċi meħtieġa għal dan l-iskop;

Billi l-prinċipju tat-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali għandu jiġi implimentat l-ewwelnett fl-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra l-perikli ta' mard, invalidità, anzjanità, disgrazzji fuq ix-xogħol, mard ikkawżat mit-tip ta' xogħol u qgħad, u fl-assistenza soċjali sakemm hija ntenzjonata li żżid ma' jew tieħu l-post ta' l-iskemi msemmija aktar 'il fuq;

Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tan-nisa minħabba l-maternità; billi dwar dan l-Istati Membri jistgħu jadottaw disposizzjonijiet speċifiċi għan-nisa biex jitneħħew każijiet eżistenti ta' trattament li m'huwiex ugwali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-għan ta' din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta' protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, minn issa 'il quddiem imsejjaħ "il-prinċipju tat-trattament ugwali".

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva tgħodd għall-populazzjoni li taħdem — inklużi dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tieqaf għal xi żmien minħabba mard, disgrazzja jew qgħad involontarju u persuni li qed ifittxu x-xoghol — lill-ħaddiema irtirati jew invalidi u persuni li jaħdmu għal rashom.

L-Artikolu 3

1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

(a) l-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

- mard,

- invalidità,

- anzjanità,

- disgrazzji fuq ix-xogħol u mard li ġej mix-xogħol,

- qgħad;

(b) assistenza soċjali, sal-punt li hija maħsuba li żżid jew tieħu l-post ta' l-iskemi msemmija f'(a).

2. Din id-Direttiva ma tgħoddx għad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-benefiċċji tas-superstiti u lanqas għal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-benefiċċji tal-familja, ħlief fil-każ tal-benefiċċji tal-familja mogħtija bħala żieda tal-benefiċċji li għandhom jingħataw dwar riskji msemmija fil-paragrafu 1 (a).

3. Sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali fi skemi ta' xogħol, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, sejjer jadotta dispożizzjonijiet li jiddefinixxu s-sustanza, l-intenzjoni u l-arranġamenti biex jiġi applikat.

L-Artikolu 4

1. Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b'riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f'dak li għandu x'jaqsam ma':

- l-għan ta' l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta' l-aċċess għalihom,

- l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

- il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.

2. Il-prinċipju tat-trattament ugwali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tan-nisa minħabba l-maternità.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha li huma kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħieġa biex jippermettu lill-persuni kollha li jqisu lilhom infushom ittrattati ħażin minħabba xi nuqqas li jiġi applikat il-prinċipju tat-trattament ugwali biex ifittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju, possibilment wara li jkunu rrikorrew lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra.

L-Artikolu 7

1. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

(a) l-iffissar ta' età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta' l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall-benefiċċji l-oħra;

(b) il-vantaġġ f'dak li għandu x'jaqsam ma' skemi tal-pensjoni tax-xjuħ mogħtija lill dawk il-persuni li rabbew t-tfal; il-ksib ta' drittijiet għal benefiċċji wara perjodi ta' waqfien mix-xogħol minħabba it-trobbija tat-tfal;

(ċ) l-għotja tal-pensjoni ta' l-anzjanità jew benefiċċju ta' l-invalidità bis-saħħa ta' l-intitolamenti li ġejjin għand il-mara konjugi;

(d) l-għotja ta' żidiet ta' invalidità għal żmien twil, anzjanità, disgrazzji fuq ix-xogħol u benefiċċji għal mard okkupazzjonali għall-mara miżżewġa dipendenti;

(e) il-konsegwenzi ta' l-eżerċizzju, qabel ma tiġi adottata din id-Direttiva, ta' xi dritt jew għażla biex ma jinkisbux id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet taħt xi skema statutorja.

2. L-Istati Membri għandhom minn żmien għall-ieħor jeżaminaw il-kwistjonijiet li tħallew barra skond il-paragrafu 1 u jaċċertaw, fid-dawl ta' l-iżviluppi soċjali fil-kwistjoni kkonċernata, jekk hemmx ġustifikazzjoni biex jinżammu l-eskluzjonijiet kkonċernati.

L-Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattiv meħtieġa biex jaderixxu ma' din id-Direttiva fi żmien sitt snin min-notifika tagħha. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jadottaw fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva, inklużi l-miżuri adottati skond l-Artikolu 7(2).

Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għaliex żammew id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-materji msemmija fl-Artikolu 7(1) u bil-possibbilitajiet li jirriveduhom aktar tard.

L-Artikolu 9

Fi żmien seba' snin min-notifika ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex din tkun tista' tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva biex tintbagħat lill-Kunsill u biex tipproponi aktar miżuri skond kif ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

H.-D. Genscher

[1] ĠU C 34, tal-11.2.1977, p.3.

[2] ĠU C 299, tat-12.12.1977. p.13.

[3] ĠU C 180, tat-28.7.1977, p.36.

[4] ĠU C L 39, ta' l-14.2.1976, p.40.

--------------------------------------------------

Top