This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31992L0085
Council Directive 92/85/EEC of 19 October 1992 on the introduction of measures to encourage improvements in the safety and health at work of pregnant workers and workers who have recently given birth or are breastfeeding (tenth individual Directive within the meaning of Article 16 (1) of Directive 89/391/EEC)
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1–7
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2019
Official Journal L 348 , 28/11/1992 P. 0001 - 0008
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0003
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) IL-Kunsill TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a, Wara li ħadet nota tal-proposta mill-Kummissjoni, mfassla wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurta', l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol [1], B'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2] Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; Billi din id-Direttiva ma tiġġustifikax tnaqqis fil-livelli ta' protezzjoni digà miksuba fl-Istati Membri individwali, u billi l-Istati Membri huma marbuta, taħt it-Trattat, li jinkoraġġixxu titjib f' dan is-settur u li jarmoniżżaw il-kondizzjonijiet waqt li jitħares it-titjib li jkun sar; Billi, skond it-termini ta' l-Artikolu 118a tat-Trattat, id-Direttivi msemmija għandhom jevitaw li jimponu rbit amministrattiv, finanzjaru u legali b'tali mod li jista' jżomm lura il-ħolqien u l-izvilupp ta' mpriżi zgħar u medji; Billi, skond id-Decizjoni 74/325/KEE [4], kif l-aħħar emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l− 1985, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol hu kkonsultat mill-Kummissjoni li tabbozza proposti f'dan is-settur; Billi l-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema adottata fil-Kunsill Ewropew ta' Strasbourg fid-9 ta' Diċembru 1989 mill-Kapijiet ta' l-Istat u l-Gvernijiet ta' 11-il Stat Membru, tistabbilixxi fil-paragrafu 19, b'mod partikolari, li: "Kull ħaddiem għandu jgawdi kondizzjonijiet sodisfaċenti tas-saħħa u s-sigurtà fl-ambjent tax-xogħol tiegħu. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex tinkiseb iktar l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet f'dan is-settur waqt li jinħares it-titjib li jkun sar"; Billi l-Kummissjoni, fil-programm ta' azzjoni tagħha għall-implementazzjoni tal-Karta Komunitarja tad-drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema, inkludiet fl-iskopjiet tagħha l-adozzjoni mill-Kunsill ta' Direttiva dwar il-protezzjoni tan-nisa tqal fuq il-post tax-xogħol; Billi l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurta' u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [5] jipprovdi li gruppi partikolarment sensittivi għar-riskju għandhom ikunu protetti mill-perikli li jaffettwawhom b'mod speċifiku; Billi ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta' riskju speċifiku taħt ħafna aspetti, u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom; Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m'għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa; Billi xi attivitajiet jistgħu jkunu ta' riskju speċifiku għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew ħaddiema li qed ireddgħu, għax jesponuhom għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol perikolużi; billi dawn ir-riskji għandhom għalhekk jiġu stmati, u r-riżultat ta' din l-istima kkomunikat lill-ħaddiema nisa u/jew lir-rappreżentanti tagħhom; Billi, barra minn hekk, jekk ir-riżultat ta' din l-istima jirrivela l-eżistenza ta' xi riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa ta' ħaddiema mara, għandu jsir provvediment għall-protezzjoni ta' dawn il-ħaddiema; Billi l-ħaddiema tqal u l-ħaddiema li qed ireddgħu m'għandhomx jagħmlu attivitajiet li jkunu ġew stmati li għandhom riskju ta' espożizzjoni, li jhedded is-sigurta' u s-saħħa, minn ċerti aġenti jew kondizzjonijiet tax-xogħol partikolarment perikolużi; Billi għandu jsir provvediment għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu biex dawn ma jkunux meħtieġa jaħdmu bil-lejl meta dan il-provvediment ikun neċessarju għas-sigurta' u s-saħħa tagħhom; Billi l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u jirrendi neċessarju n-natura obbligatorja tal-leave tal-maternità għal mill-inqas ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara l-ħlas; Billi r-riskju ta' tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista' jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu; billi għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita din it-tkeċċija; Billi l-miżuri għall-organizzazzjoni tax-xogħol li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa ta' ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien ta' drittijiet annessi mal-kuntratt ta' l-impjieg, inkluż li jibqa' jsir il-ħlas u/jew l-intitolament għal allowance adegwata; Billi, barra minn hekk, il-provvediment ta' leave tal-maternità ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg u/jew drittijiet għal allowance adegwata; Billi l-kunċett ta' allowance adegwata fil-każ tal-leave tal-maternità għandu jitqies bħala punt tekniku ta' referenza biex jiġi ffissat il-livell minimu ta' protezzjoni u m'għandu qatt jiġi interpretat li t-tqala u l-mard huma analogi, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA IT-TAQSIMA I SKOP U TIFSIRIET L-Artikolu 1 Skop 1. L-iskop ta' din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta' ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu. 2. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE, ħlief għall-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom japplikaw kollha fl-intier tagħhom għas-settur kollu li jaqa' taħt paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva. 3. Din id-Direttiva ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas il-livell ta' protezzjoni mogħtija lil ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu, meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti f'kull Stat Membru fid-data meta tiġi adottata din id-Direttiva. L-Artikolu 2 Tifisiriet Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva: (a) ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali; (b) ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika; (ċ) ħaddiema li qiegħda tredda'tfisser ħaddiema li qiegħda tredda' fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika; IT-TAQSIMA II DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI L-Artikolu 3 Linji ta' Gwida 1. Wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni trid tfassal linji ta' gwida dwar l-istima ta' l-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurta' jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens ta'l-Artikolu 2. Il-linji ta' gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta' stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2. 2. L-għan tal-linji ta' gwida msemmija fil-paragrafu 1 huwa li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1). Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom iġibu dawn il-linji ta' gwida għall-attenzjoni ta' kull min iħaddem u l-ħaddiema nisa kollha u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-Istati Membri rispettivi. L-Artikolu 4 Stima u Informazzjoni 1. Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta' espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta' l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE, sabiex: - issir stima ta' kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, - jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu 2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 u ħaddiema li x'aktarx ikunu f'xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati bir-riżultati ta' l-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-Artikolu 5 Azzjoni wara r-riżultati ta' l-istima 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta' l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta' ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta' dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat. 2. Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata. 3. Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha. 4. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-każ meta ħaddiema li qed tagħmel attività projbita skond l-Artikolu 6 toħroġ tqila jew tibda tredda' u tinforma lil min iħaddimha dwar dan. L-Artikolu 6 Sitwazzjonijiet fejn hi pprojbita l-espożizzjoni Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħaddiema, partikolarment dawk relatati mal-limiti għal espożizzjoni fuq ix-xogħol: 1. ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirijiet li għalihom l-stima irrivelat riskju ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għal aġenti u kondizzjonijiet fuq xogħol elenkati fl-Anness II, it-Taqsima A; 2. ħaddiema li qegħdin ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ), ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirjiet li dwarhom l-stima irrivelat risku ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għall-aġenti u l-kondizzjonijiet tax-xogħol mniżżla fl-Anness II, it-Taqsima B. L-Artikolu 7 Ix-Xogħol ta' bil-Lejl 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux imġiegħla li jagħmlu xogħol ta' bil-lejl waqt it-tqala tagħhom u għal żmien wara t-twelid li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà u s-saħħa, soġġett għas-sottomissjoni, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, għal test mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata. 2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-possibilità, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, li: (a) taqleb għal xogħol bi nhar; jew (b) ikun hemm leave mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità meta dan it-trasferiment mhux teknikament u/jew oġġettivament possibbli u ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati. L-Artikolu 8 Leave tal-Maternità 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali. 2. Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta' mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali. L-Artikolu 9 Dispensa għal eżamijiet ta' qabel it-twelid L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li ħaddiema tqal fis-sens ta'l-Artikolu 2(a) ikunu ntitolati li, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, jkollhom dispensa mix-xogħol, mingħajr telf ta' paga, sabiex jattendu għal eżamijiet ta' qabel it-twelid, jekk dawn l-eżamijiet għandhom isiru waqt il-ħin tax-xogħol. L-Artikolu 10 Il-Projbizzjoni ta' Tkeċċija Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi: 1. l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta' ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorita' kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha; 2. jekk ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub; 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta' tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1. L-Artikolu 11 Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f' dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi: 1. fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta' impjieg relatati mal-kuntratt ta' l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta' ħlas ta', u/jew l-intitolament għal benefiċċju adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali; 2. fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat: (a) id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta' l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f'punt (b) hawn taħt; (b) il-manteniment ta' ħlas ta', u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2; 3. l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta' saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali; 4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta' eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta' impjieg preċedenti iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas. L-Artikolu 12 Il-Ħarsien tad-Drittijiet L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra. L-Artikolu 13 Emendi għall-Annessi 1. Aġġustamenti strettament tekniċi li jsiru lill-Anness I bħala riżultat ta' progress tekniku, tibdiliet f'regolamenti jew speċifikazzjonijiet internazzjonali u tagħrif ġdid fis-settur li jaqa' taħt din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċecura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE. 2. L-Anness II jista' jiġi emendat biss skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 118a tat-Trattat. L-Artikolu 14 Dispożizzjonijiet Finali 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tagħha jew jiżguraw li, mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, iż-żewġ partijiet ta' l-industrija jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim kollettiv, u l-Istati Membri jkunu obbligati li jagħmlu d-dispożizzjonijiet neċessarji kollha biex ikunu dejjem garantiti r-riżultati stabbiliti minn din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih. 2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn iridu jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet essenzjali tal-liġi nazzjonali li jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fis-settur irregolat minn din id-Direttiva. 4. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implementazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, u jindikaw l-opinjonijiet taż-żewġ naħat ta' l-industrija. Madanakollu, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw għall-ewwel darba lill-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, u jindikaw l-opinjonijiet taż-żewġ naħat ta'l-industrija, erba' snin wara l-adozzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. 5. Il-Kummissjoni għandha perijodikament tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Eknomiku u Soċjali rapport dwar l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva, kont tenut tal-paragrafi 1, 2 and 3. 6. Il-Kunsill jerġa' jeżamina din id-Direttiva, a bażi ta' stima mwettqa a bażi tar-rapporti msemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 4 u, jekk ikun hemm ħtieġa, ta' proposta, li tiġi sottomessa mill-Kumissjoni mhux aktar tard minn ħames snin wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva. L-Artikolu 15 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Ottubru 1992 Għall-Kunsill Il-President D. Curry [1] ĠU C 281, tad-9.11.1990, p. 3; u GU C 25, ta' l-1.2.1991, p. 9. [2] ĠU C 19, tat-28.1.1991, p. 177; u ĠU C 150, tal-15.6.1992, p. 99. [3] ĠU C 41, tat-18.2.1991, p. 29. [4] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15. [5] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS I LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI, PROĊESSI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL imsemmija fl-Artikolu 4(1) A. Aġenti 1. Aġenti fiżiċi fejn dawn huma meqjusa bħala aġenti li jikkawżaw leżjonijiet fil-fetu u/jew li x'aktarx jiddisturbaw attakkament tal-plaċenta, u partikolarment: (a) taħbit qawwi, vibrazzjonijiet jew ċaqliq (b) il-ġarr manwali ta' piżijiet li jimplikaw riskji, partikolarment ta' natura dorsolumbari; (ċ) storbju; (d) radjazzjoni jonizzanti [1]; (e) radjiazzoni non-jonizzanti; (f) estremi ta' bard jew sħana; (g) ċaqliq jew qagħad, ivvjaġġar — jew ġewwa jew barra l-istabbiliment — għeja fiżika jew mentali u piżijiet oħra fiżiċi konnessi ma' l-attivita tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva. 2. Aġenti Bijoloġiċi Aġenti bijoloġiċi fil-gruppi ta' riskju 2, 3 u 4 fis-sens ta' l-Artikolu 2(d) in-numri 2, 3 and 4 tad-Direttiva 90/679/KEE [2], inkwantu huwa magħruf illi dawn l-aġenti jew miżuri terapewtiċi meħtieġa minn dawn l-aġenti jpoġġu is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija mhux mitwielda fil-perikolu inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II. 3. Aġenti Kimiċi L-aġenti kimiċi li ġejjin inkwantu hu magħruf jpoġġu is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija mhux mitwielda fil-perikolu inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II: (a) sustanzi ttikkettati R 40, R 45, R 46, u R 47 taħt id-Direttiva 67/548/KEE [3] inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II; (b) aġenti kimiċi fl-Anness I mad-Directive 90/394/KEE [4]; (ċ) merkurju u derivativi tal-merkurju; (d) drogi antimitotiċi; (e) monossidu tal-karbonju; (f) Aġenti kimiċi li l-assorbiment mill-ġilda huwa magħruf u perikoluż. B. Proċessi Proċessi ndustrijali elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 90/394/KEE. Ċ. Kundizzjonijiet tax-xogħol Xogħol fil-mini taħt l-art. [1] Ara Direttiva 80/836/Euratom (ĠU L 246, tas-17.9.1980, p. 1). [2] ĠU L 374, tal-31.12.1990, p. 1. [3] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/517/KEE (ĠU L 287, tad-19.10.1990, p. 1). [4] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS II LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL imsemmija fl-Artikolu 6 A. Ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) 1. Aġenti (a) Aġenti fiżiċi Xogħol f'atmosfera iperbarika, p.e. taħt pressjoni, u għadis taħt l-ilma. (b) Aġenti bijoloġiċi L-aġenti bijoloġiċi li ġejjin: - toxoplasma, - il-virus tar-rubella, kemm-il darba m'hemmx prova li l-ħaddiema tqal huma protetti kif xieraq kontra dan l-aġent permezz ta' l-immunizzazzjoni. (ċ) Aġenti kimiċi Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman. 2. Kundizzjonijiet ta' xogħol; Xogħol fil-mini taħt l-art. B. Ħaddiema li qed ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ) 1. Aġenti (a) Aġenti kimiċi Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman. 2. Kundizzjonijiet ta' xogħol Xogħol fil-mini taħt l-art. --------------------------------------------------