This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1985
Commission Implementing Decision (EU) 2015/1985 of 4 November 2015 pursuant to Article 3(3) of Regulation (EU) No 528/2012 of the European Parliament and of the Council on an anti-viral tissue impregnated with citric acid (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1985 tal-4 ta' Novembru 2015 skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar maktur antivirali tal-karti mxappap bl-aċidu ċitriku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1985 tal-4 ta' Novembru 2015 skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar maktur antivirali tal-karti mxappap bl-aċidu ċitriku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 289, 5.11.2015, p. 26–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
5.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 289/26 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1985
tal-4 ta' Novembru 2015
skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar maktur antivirali tal-karti mxappap bl-aċidu ċitriku
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fit-28 ta' April 2015, il-Belġju talab lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jekk maktur antivirali tal-karti li jkun tqiegħed fis-suq bl-indikazzjoni “joqtol 99,9 % tal-vajrusijiet tal-irjiħat u tal-influwenza fil-maktur tal-karti” huwiex prodott bijoċidali jew prodott ittrattat u, jekk jitqies li huwa prodott bijoċidali, jekk huwiex parti mill-prodotti tat-tip 1 (tal-iġjene tal-bniedem) jew tat-tip 2 (diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew fuq l-annimali). |
(2) |
Skont it-tagħrif mogħti mill-Belġju, dan il-maktur tal-karti għandu tliet saffi u dak tan-nofs huwa mxappap bl-aċidu ċitriku. Huwa ddikjarat li l-aċidu ċitriku jinżamm b'mod irreversibbli fil-matriċi tal-maktur tal-karti u li dan jibqa' fil-prodott matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tiegħu. Wara li l-maktur tal-karti jintuża, jiġifieri meta l-indewwa mill-għatis, mis-sogħla jew mill-imsiħ tal-imnieħer tilħaq is-saff tan-nofs, huwa ddikjarat li l-aċidu ċitriku jeqred il-kontenut virali li jkun inġema' fil-maktur tal-karti sabiex jiġi evitat li dan jiġi ttrasferit mal-idejn, sabiex jiġi evitat li l-vajrus jingħadda minn id għall-oħra mal-mess u sabiex jiġi evitat li l-vajrus jingħadda mill-maktur tal-karti għal fuq wiċċ l-oġġetti li jkun mess magħhom. |
(3) |
Il-maktur tal-karti jissodisfa d-definizzjoni ta' oġġett, kif previst fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
(4) |
Il-maktur tal-karti jissodisfa d-definizzjoni ta' prodott ittrattat, kif previst fl-Artikolu 3(1)(l) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, peress li l-aċidu ċitriku huwa inkorporat fih b'mod intenzjonali, bl-għan li jeqred il-vajrusijiet u li jillimita l-kontaminazzjoni kroċjata ma' dawn il-vajrusijiet. |
(5) |
Il-vajrusijiet jissodisfaw id-definizzjoni ta' organiżmu li jagħmel il-ħsara, kif previst fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ladarba jista' jkollhom effett detrimentali fuq il-bnedmin. |
(6) |
Il-qerda, it-tnaffir, l-eliminazzjoni tal-ħsara u l-prevenzjoni tal-azzjoni ta' kwalunkwe organiżmu li jagħmel il-ħsara, jew inkella l-eżerċitar ta' effett ta' kontroll fuqhom, huma funzjonijiet bijoċidali. |
(7) |
Għalhekk, huwa essenzjali li jiġi stabbilit jekk il-maktur tal-karti għandux funzjoni bijoċidali primarja jew le, sabiex jiġi ddefinit jekk il-maktur tal-karti huwiex prodott ittrattat jew prodott bijoċidali. |
(8) |
Id-dikjarazzjoni li ssir fuq l-imballaġġ u fir-reklamar tal-maktur tal-karti hija “joqtol 99,9 % tal-vajrusijiet tal-irjiħat u tal-influwenza fil-maktur tal-karti”. Bis-saħħa ta' din id-dikjarazzjoni, tingħata prominenza akbar u tingħata l-ewwel importanza lill-funzjoni bijoċidali tal-maktur tal-karti minflok lill-funzjonijiet l-oħra tiegħu (pereżempju l-imsiħ tal-imnieħer). Għalhekk, il-maktur antivirali tal-karti għandu funzjoni bijoċidali primarja. |
(9) |
Peress li l-prodotti tat-tip 1 ikopru l-prodotti bijoċidali li jintużaw biex tiġi ddiżinfettata l-ġilda jew il-ġilda tal-qorriegħa u l-prodotti tat-tip 2 ikopru l-prodotti bijoċidali li jintużaw għal skopijiet usa', fosthom id-diżinfezzjoni ta' wiċċ l-oġġetti, tal-materjali jew tal-arja, l-użu tal-maktur tal-karti iżjed jikkorrispondi mal-prodotti tat-tip 2. |
(10) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Maktur antivirali tal-karti mxappap bl-aċidu ċitriku u li jitqiegħed fis-suq bid-dikjarazzjoni “joqtol 99,9 % tal-vajrusijiet tal-irjiħat u tal-influwenza fil-maktur tal-karti” għandu jitqies bħala prodott bijoċidali f'konformità mal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u għandu jitqies li huwa prodotti tat-tip 2, kif iddefinit fl-Anness V ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.