Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62020CC0475
Opinion of Advocate General Rantos delivered on 7 April 2022.#Admiral Gaming Network Srl and Others v Agenzia delle Dogane e dei Monopoli and Others.#Requests for a preliminary ruling from the Consiglio di Stato.#Reference for a preliminary ruling – Freedom of establishment – Restrictions – Betting and gambling – Licences for the management of games played on gaming machines – National legislation imposing a levy on licence holders – Principle of the protection of legitimate expectations.#Joined Cases C-475/20 to C-482/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fis-7 ta’ April 2022.
Admiral Gaming Network Srl et vs Agenzia delle Dogane e dei Monopoli et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Konċessjonijiet ta’ ġestjoni tal-logħob ipprattikat fuq apparat tal-logħob – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi taxxa fuq il-konċessjonarji – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawżi magħquda C-475/20 sa C-482/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fis-7 ta’ April 2022.
Admiral Gaming Network Srl et vs Agenzia delle Dogane e dei Monopoli et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Konċessjonijiet ta’ ġestjoni tal-logħob ipprattikat fuq apparat tal-logħob – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi taxxa fuq il-konċessjonarji – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawżi magħquda C-475/20 sa C-482/20.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:290
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑7 ta’ April 2022 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑475/20 sa C‑482/20
Admiral Gaming Network Srl (C‑475/20)
vs
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Presidente del Consiglio dei Ministri,
IGT Lottery SpA, li kienet Lottomatica Holding Srl,
fil-preżenza ta’:
Lottomatica Videolot Rete Spa,
Associazione concessionari apparecchi da intrattenimento- ACADI
u
Cirsa Italia SpA (C‑476/20)
Gamenet SpA (C‑478/20)
NTS Network SpA (C‑479/20)
Sisal Entertainment SpA (C‑480/20)
Snaitech SpA., li kienet SNAI SpA (C‑482/20)
vs
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,
fil-preżenza ta’:
Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons) (C‑476/20, C‑478/20, C‑480/20 u C‑482/20),
Se. Ma. di Francesco Senese (C‑476/20, C‑478/20 u C‑479/20),
Associazione concessionari apparecchi da intrattenimento- ACADI (C‑476/20, C‑478/20 u C‑479/20),
Criga Soc. cons. arl (C‑478/20),
NAZ S.r.l. unipersonale, già Replay Srl (C‑480/20),
Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑480/20 u C‑482/20),
Giog S.r.l. (C‑482/20),
Codere Network SpA (C‑482/20),
u
Codere Network SpA (C‑477/20)
vs
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,
Ministero dell’ Economia e delle Finanze,
Presidenza del Consiglio dei Ministri,
fil-preżenza ta’:
Hbg Connex SpA,
Nbg Srl,
Seven Beers,
Nologames Srl,
Marchionni Games Sas,
Elettrogiochi di Marchionni Sauro,
Mm Games Chioggia Srl,
Replay Srl,
Trevigiochi New Srl,
Luxor di Dong Feng,
Mm Games Srl,
Mm Games Mestre Srl,
Bellagio Srl,
Trilioner Srl,
Dubai Srl,
Associazione concessionari apparecchi da intrattenimento– ACADI
u
Snaitech SpA, li kienet Cogetech SpA (C‑481/20)
vs
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,
Presidenza del Consiglio die Ministri,
Se. Ma. di Francesco Senese,
fil-preżenza ta’:
Associazione concessionari apparecchi da intrattenimento (ACADI)
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Konċessjonijiet għall-attività ta’ ġbir ta’ mħatri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas il-kumpensi dovuti lill-konċessjonarji – Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi”
I. Introduzzjoni
1. |
Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) fil-kuntest ta’ tilwim bejn kumpanniji li jiġġestixxu logħob tal-ażżard permezz tal-magni tal-logħob tal-ażżard fl-Italja (iktar ’il quddiem il-“konċessjonarji”) u l-Agenzia delle dogane e dei monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja) u jikkonċernaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas una tantum ir-riżorsi tal-Istat imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-konċessjonarji. |
2. |
Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni, minn naħa, għal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE) u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Fl-affermattiv, dik il-qorti tistaqsi jekk tali restrizzjoni hijiex iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u proporzjonata mal-għanijiet imfittxija. |
II. Il‑kuntest ġuridiku: id‑dritt Taljan
3. |
L-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 23 tal‑11 ta’ Marzu 2014 ( 2 ) jipprovdi: “1. Il-Gvern huwa awtorizzat jimplimenta, permezz tad-digrieti leġiżlattivi previsti fl-Artikolu 1, ir-riorganizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal-logħob, billi jorganizza mill-ġdid ir-regoli kollha fis-seħħ fil-forma ta’ kodiċi tad-dispożizzjonijiet dwar il-logħob, bla ħsara għall-mudell organizzattiv ibbażat fuq is-sistema tal-liċenzja u tal-awtorizzazzjoni, sa fejn huwa indispensabbli għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ordni u ta’ sigurtà pubblika, għall-konċiljazzjoni bejn l-interessi tat-Teżor Pubbliku u l-interessi lokali kif ukoll l-interess ġenerali fir-rigward tas-saħħa pubblika, għall-prevenzjoni tal-ħasil [money laundering] tad-dħul minn attivitajiet kriminali kif ukoll sabiex jiġi żgurat il-ħlas regolari tal-imposti tat-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard. 2. Ir-riorganizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1 issir b’osservanza tal-prinċipji u tal-linji gwida li ġejjin: […]
[…]” |
4. |
L-Artikolu 1(649) tal-Liġi Nru 190 tat‑23 ta’ Diċembru 2014 ( 3 ) jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni fl-għan ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u fl-istennija ta’ riorganizzazzjoni fil-fond tar-remunerazzjonijiet u tal-kummissjonijiet dovuti lill-konċessjonarji u lill-operaturi l-oħra fis-settur fil-kuntest tan-netwerk ta’ ġbir tal-imħatri f’isem l-Istat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(g) tal-(Liġi ta’ Awtorizzazzjoni), ir-riżorsi tal-Istat imqiegħda, bħala kummissjoni, għad-dispożizzjoni tal-konċessjonarji u tal-persuni li, skont ir-rwoli rispettivi tagħhom, joperaw fil-ġestjoni tal-logħob u l-ġbir tal-imħatri permezz tal-apparati msemmija fl-Artikolu 110(6), tat-test uniku tad-Digriet Irjali Nru 773 tat‑18 ta’ Ġunju 1931 huma mnaqqsa b’ammont ta’ EUR 500 miljun fis-sena, sa mis-sena 2015. Konsegwentement, mill‑1 ta’ Jannar 2015:
|
5. |
L-Artikolu 1(649) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015 ġie applikat permezz tad-Digriet Nru 388 tal‑15 ta’ Jannar 2015 ( 4 ). |
6. |
L-Artikolu 1(920) tal-Liġi Nru 208 tat‑28 ta’ Diċembru 2015 ( 5 ) ħassar din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-Artikolu 1(921) ta’ din il-liġi stabbilixxa li l-imsemmija dispożizzjoni “[…] għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tnaqqis annwali tar-riżorsi tal-Istat imqiegħda, bħala kummissjoni, għad-dispożizzjoni tal-konċessjonarji u tal-persuni li, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, joperaw fil-ġestjoni tal-logħob u fil-ġbir tal-imħatri permezz tal-apparati msemmija fl-Artikolu 110(6) tat-test uniku tad-Digriet Irjali Nru 773 tat‑18 ta’ Ġunju 1931, japplika għal kull wieħed mill-operaturi fis-settur bi proporzjon mal-parteċipazzjoni tiegħu fid-distribuzzjoni tal-kummissjoni, abbażi tal-ftehimiet kuntrattwali korrispondenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tagħhom fl‑2015.” |
III. It‑tilwimiet fil‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
7. |
Permezz ta’ ftehimiet ta’ konċessjoni konklużi matul is-sena 2013, wara sejħa għal offerti ppubblikata fl‑2011, il-konċessjonarji ġew inkarigati bil-ġestjoni tal-apparati inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 6 ). Din is-sejħa għal offerti kienet tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-modalitajiet sabiex tiġi ddeterminata l-kummissjoni ta’ dawn il-konċessjonarji. |
8. |
Skont l-Artikolu 1(649) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015, li kien jipprevedi t-tnaqqis tar-riżorsi tal-Istat imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konċessjonarji fl-ammont ta’ EUR 500 miljun fis-sena abbażi tan-numru ta’ apparati attribwiti (iktar ’il quddiem it-“taxxa kontenzjuża”), l-Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato (l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, l-Italja), permezz tad-Digriet Nru 388 tal‑15 ta’ Jannar 2015, ipproċediet, għas-sena 2015, għall-istima tan-numru ta’ apparati allokati lil kull konċessjonarju u kkwantifikat l-ammonti konsegwentament dovuti. Sussegwentement, l-Artikolu 1(920) u (921) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2016 illimita t-taxxa kontenzjuża għas-sena 2015 biss u applika din it-taxxa kontenzjuża għall-operaturi kollha tas-settur u ma baqax japplikaha biss għall-konċessjonarji. |
9. |
Il-konċessjonarji ppreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) kontra t-taxxa kontenzjuża, sa fejn din tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-marġni ta’ profitt tagħhom u hija allegatament illegali, minħabba li d-dispożizzjonijiet li hija timplimenta jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni jew id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali Taljani. |
10. |
Peress li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2019 ( 7 ), il-konċessjonarji ppreżentaw appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li ddeċieda, f’kull tilwima fil-kawża prinċipali, li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-kawżi kollha:
|
11. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza, fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, u li tagħmel lill-qorti tar-rinviju domanda intiża sabiex tiċċara jekk l-imsemmija kawżi jikkonċernawx sitwazzjoni purament interna li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
12. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-konċessjonarji, mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fis‑27 ta’ Jannar 2022. |
IV. Analiżi
A. Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
13. |
Qabel ma nindirizza l-eżami fuq il-mertu tad-domandi preliminari, jidhirli li huwa utli li jiġi eskluż kull dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari. |
14. |
Fil-fatt, għalkemm il-konċessjonarji huma kollha kumpanniji Taljani u l-elementi ta’ dawn il-kawżi jidhru prima facie li jikkonċernaw purament sitwazzjoni interna fi Stat Membru wieħed biss, jiġifieri l-Italja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li wħud minn dawn il-kumpanniji huma kkontrollati minn kumpanniji ta’ Stati Membri oħra ( 8 ) u li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, id-diskriminazzjonijiet “bil-maqlub” huma pprojbiti mid-dritt Taljan ( 9 ). |
15. |
Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari. |
B. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
16. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tnaqqas b’EUR 500 miljun, għas-sena 2015, ir-remunerazzjoni ta’ kategorija waħda biss ta’ operaturi fis-settur tal-logħob tal-ażżard, jiġifieri l-operaturi fis-settur tal-logħob li jintlagħab fuq magni tal-logħob (konċessjonarji u bejjiegħa bl-imnut). |
17. |
Dik il-qorti, minn naħa, tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali imponiet imposta ekonomika b’effett retroattiv fuq il-konċessjonarji, u dan jinvolvi restrizzjoni għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE, u, min-naħa l-oħra, tiddubita li din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn din tidher li hija ispirata esklużivament minn raġunijiet marbuta mal-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi. |
18. |
Fil-punti li ġejjin, ser neżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE (Taqsima 1) u, fl-affermattiv, ser nippreċiża l-kundizzjonijiet sabiex tali restrizzjoni tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (Taqsima 2), mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ tali ġustifikazzjoni (Taqsima 2(a)) u tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-għanijiet imfittxija (Taqsima 2(b)) qabel ma nirrispondi għall-ewwel domanda (Taqsima 3). |
1. Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għal‑libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE
19. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 10 ) l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE ( 11 ). |
20. |
F’dan il-każ, kif tirrileva l-Kummissjoni, jidhirli li huwa evidenti li t-tnaqqis tar-riżorsi tal-Istat imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konċessjonarji, wara l-għoti tal-konċessjonijiet, huwa ta’ natura li jaffettwa l-profittabbiltà tal-investimenti magħmula minn dawn il-konċessjonarji u li jirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-attività tal-logħob tal-ażżard għalihom ( 12 ). |
21. |
Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma jidhirlix li hija verament ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet fil-kawżi prinċipali ( 13 ). Il-Gvern Taljan, b’mod partikolari, sostna, f’dan ir-rigward, li t-taxxa kontenzjuża kellha impatt minimu fuq il-konċessjonarji, li, fi kwalunkwe każ, ma jipprekludix li din it-taxxa tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali ( 14 ). |
22. |
Għalhekk jiena tal-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija tali li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
2. Fuq l‑eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjoni
23. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali, li huma jqisu l-iktar xieraq. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li l-Istati Membri jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tagħhom għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u l-proporzjonalità tagħhom ( 15 ). |
24. |
Għalhekk, sabiex jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għanijiet tagħha, għandhiex raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
a) Fuq l‑eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali
25. |
Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, nikkonstata li l-Artikolu 1(649) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015 introduċa t-taxxa kontenzjuża, minn naħa, “għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni għall-għan ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi” u, min-naħa l-oħra, “fl-istennija ta’ riorganizzazzjoni fil-fond tar-remunerazzjonijiet u tal-kummissjonijiet dovuti lill-konċessjonarji u lill-operaturi l-oħra fis-settur fil-kuntest tan-netwerk ta’ ġbir tal-imħatri f’isem l-Istat, b’applikazzjoni tal-Liġi ta’ Awtorizzazzjoni”. |
26. |
Fir-rigward, minn naħa, tal-għan ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-għan waħdieni ta’ massimizzazzjoni tad-dħul tat-Teżor Pubbliku ma jistax jippermetti restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 16 ). Għaldaqstant, l-uniku għan iddikjarat tat-taxxa kontenzjuża, jiġifieri l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni valida għar-restrizzjoni li tinsab fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
27. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li restrizzjoni għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard tibbenefika b’mod anċillari lill-baġit tal-Istat Membru kkonċernat ma jipprekludix lil din ir-restrizzjoni milli tiġi ġġustifikata sa fejn hija tfittex qabelxejn effettivament għanijiet relatati ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali ( 17 ). |
28. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, sostna li, lil hinn mill-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti, dawn jidħlu f’kuntest usa’ ta’ riekwilibriju tas-settur tal-logħob tal-ażżard. F’dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi wkoll l-għan li titnaqqas il-profittabbiltà tal-attività tal-logħob tal-ażżard sabiex jiġi miġġieled it-tixrid tal-logħob illegali u li jiġu protetti l-partijiet l-iktar dgħajfa tal-popolazzjoni mill-effetti marbuta mal-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari mir-riskju ta’ dipendenza fuq il-logħob. |
29. |
Issa, tali għanijiet, sa fejn huma rilevanti f’dan il-każ, jidhirli prima facie li jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
30. |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ma rrilevatx l-eżistenza ta’ tali għanijiet, li għandha tidentifika l-għanijiet effettivament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 18 ) u, b’mod iktar preċiż, li tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni għandhiex, minbarra l-għan iddikjarat ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, ukoll l-għanijiet li jiġi evitat it-tixrid ta’ logħob illegali u li jiġu protetti l-partijiet l-iktar dgħajfa tal-popolazzjoni mir-riskju ta’ dipendenza fuq il-logħob. |
31. |
Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, ir-riorganizzazzjoni tar-remunerazzjonijiet u tal-kummissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(649) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015, nikkonstata li l-Artikolu 14 tal-Liġi ta’ Awtorizzazzjoni kien jipprevedi effettivament li l-Gvern kien awtorizzat jimplimenta r-riorganizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal-logħob, inkluża r-reviżjoni tar-remunerazzjonijiet u tal-kummissjonijiet dovuti lill-konċessjonarji u lill-operaturi l-oħra fis-settur tal-logħob tal-ażżard “skont il-kriterju ta’ progressività marbut mal-volum ta’ ġbir tal-imħatri”. |
32. |
Madankollu, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirlix li tali riorganizzazzjoni ġenerali ġiet segwita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(649), tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015, din il-leġiżlazzjoni tintervjeni sakemm issir din ir-riorganizzazzjoni u għall-finijiet li jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi (u mhux għar-riorganizzazzjoni ta’ remunerazzjoni u kummissjonijiet) ( 19 ). Barra minn hekk, it-taxxa kontenzjuża ġiet iddeterminata mhux skont il-kriterju ta’ progressività marbut mal-volum ta’ ġbir ta’ mħatri previst mil-Liġi ta’ Awtorizzazzjoni, iżda skont livell fiss u mqassam bejn il-konċessjonarji ( 20 ) fuq il-bażi tan-numru ta’ apparati ġestiti, irrispettivament mill-profittabbiltà tagħhom ( 21 ). |
b) Fuq il‑proporzjonalità tar‑restrizzjoni għall‑għanijiet imfittxija
33. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom ikunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Barra minn hekk, għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk effettivament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 22 ). |
34. |
Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-Istat Membru li jixtieq jinvoka għan adegwat sabiex jiġġustifika l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandu jipprovdi lill-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-elementi kollha ta’ natura li jippermettu lil din tal-aħħar tiżgura ruħha li l-miżura msemmija effettivament tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 23 ). |
35. |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi tal-elementi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tnaqqas il-profittabbiltà tal-attività tal-logħob tal-ażżard, hijiex neċessarja sabiex jintlaħqu, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet supplimentari invokati mill-Gvern Taljan, jiġifieri dawk ta’ prevenzjoni tat-tixrid tal-logħob illegali u ta’ protezzjoni tal-partijiet l-iktar dgħajfa tal-popolazzjoni mir-riskju ta’ dipendenza fuq il-logħob ( 24 ), u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
36. |
Għal dan il-għan, dik il-qorti għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fost dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi injorat li, filwaqt li hija ta’ natura temporanja u parzjali, li tikkonċerna biss subsettur partikolari, minkejja li tirrendi ħafna qligħ, fis-settur usa’ tal-logħob tal-ażżard ( 25 ), din il-leġiżlazzjoni, mhux talli ma hijiex miżura iżolata, iżda tagħmel parti mill-kuntest usa’ ddefinit mil-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015 u tikkonċerna l-adozzjoni ta’ diversi miżuri, inklużi miżuri ta’ konsolidazzjoni ekonomika, f’oqsma kompletament differenti. |
3. Risposta li għandha tingħata għall‑ewwel domanda
37. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas una tantum ir-riżorsi tal-Istat imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konċessjonarji tal-logħob tal-ażżard permezz tal-magni tal-logħob tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti rispettivament mill-Artikoli 49 u 56 TFUE, sa fejn hija tali li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-attività tal-logħob tal-ażżard permezz tal-magni tal-logħob. |
38. |
Tali restrizzjoni tista’ madankollu tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm il-qorti nazzjonali tikkonkludi, wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, li hija ssegwi effettivament, b’mod koerenti u sistematiku, għanijiet ta’ interess ġenerali, bħal dawk li tipprevjeni t-tixrid ta’ logħob illegali u li tipproteġi l-partijiet l-iktar dgħajfa tal-popolazzjoni mir-riskju ta’ dipendenza fuq il-logħob, u s-sempliċi fatt li restrizzjoni għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard hija intiża għall-għan ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi ma jipprekludix li din ir-restrizzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda li qabelxejn effettivament issegwi tali għanijiet u li hija ssegwihom b’mod koerenti u sistematiku. |
C. Fuq it‑tieni domanda preliminari
39. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għal raġunijiet esklużivament ekonomiċi, tnaqqas il-kummissjoni stipulata fi ftehim ta’ konċessjoni bejn kumpannija u l-amministrazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat matul il-perijodu ta’ dan il-ftehim. |
40. |
Dik il-qorti tiddubita li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kompatibbli ma’ dan il-prinċipju, peress li hija għandha effett fuq ir-relazzjonijiet ta’ konċessjoni diġà fis-seħħ u tidher li hija imprevedibbli għal imprenditur prudenti u attent ( 26 ). |
41. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi. Madankollu, operatur ekonomiku ma jistax iqiegħed l-aspettattivi tiegħu fl-assenza totali ta’ emenda leġiżlattiva, iżda jista’ biss jikkontesta l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ tali emenda ( 27 ). |
42. |
Ukoll skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu awtorità nazzjonali tkun nisslet tamiet fondati. Madankollu, fejn operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka dan il-prinċipju ladarba l-miżura tiġi adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali ( 28 ). |
43. |
Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità. Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, l-elementi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati ( 29 ). |
44. |
F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istati Membri jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard. Barra minn hekk, is-settur tal-logħob tal-ażżard kien is-suġġett ta’ interventi kostanti u varjati mil-leġiżlatur Taljan matul dawn l-aħħar snin ( 30 ). |
45. |
Sussegwentement, għalkemm is-sejħa għal offerti tal‑2011 kienet tipprevedi regoli speċifiċi għall-iffissar tal-kummissjoni dovuta lill-konċessjonarji, li ngħataw il-konċessjonijiet matul is-sena 2013, nirrileva li, kif isostni l-Gvern Taljan, ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi marbuta mas-sistema ta’ konċessjoni hija kkaratterizzata minn “natura dinamika”, li tippermetti interventi tal-Istat iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess pubbliku, iktar u iktar jekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni effettivament issegwi l-għanijiet tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-logħob illegali u li tipproteġi l-partijiet l-iktar dgħajfa tal-popolazzjoni mir-riskju ta’ dipendenza fuq il-logħob, kif stabbilit fil-punti 30 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
46. |
Fl-aħħar nett, kif isostni l-Gvern Taljan, il-Liġi ta’ Awtorizzazzjoni, adottata matul is-sena 2014, kienet tipprevedi r-reviżjoni tar-remunerazzjonijiet u tal-kummissjonijiet dovuti lill-konċessjonarji u lill-operaturi l-oħra ( 31 ). |
47. |
Għaldaqstant, huwa minnu li t-taxxa kontenzjuża imposta fuq il-konċessjonarji kkostitwixxiet modifika fi żmien qasir ħafna tal-kundizzjonijiet previsti mill-ftehimiet ta’ konċessjonijiet ( 32 ). Madankollu, jidhirli li n-natura evoluttiva u de facto inċerta tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, kif ukoll in-natura temporanja ta’ din it-taxxa u, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-impatt limitat tagħha fuq il-profittabbiltà tal-investimenti magħmula mill-konċessjonarji, jiżguraw li l-intervent leġiżlattiv inkwistjoni ma jkunx eċċezzjonali jew imprevedibbli sal-punt li joħloq, f’moħħ il-konċessjonarji, aspettattiva leġittima li l-kundizzjonijiet previsti mill-ftehim tagħhom jibqgħu l-istess ( 33 ). |
48. |
Bħala konklużjoni, inqis li hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha preċedenti kif ukoll kull ċirkustanza oħra rilevanti għat-tilwimiet li għandha quddiemha, li għandha teżamina jekk il-konċessjonarji, bħala operaturi prudenti u avżati, kellhomx elementi suffiċjenti li jippermettulhom jistennew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun suġġetta għal emenda bħat-taxxa kontenzjuża. |
49. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas, għal sena partikolari u għal ammonti limitati, il-kummissjoni stipulata fi ftehim ta’ konċessjoni ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-magni tal-logħob tal-ażżard. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk dan il-prinċipju ġiex osservat fil-kawżi prinċipali. |
V. Konklużjoni
50. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Legge no 23 “Delega al Governo recante dispositioni per un sistema fiscapiù equo, trasparente e orientato alla crescita” (il-Liġi Nru 23 dwar id-Delegazzjoni lill-Gvern dwar Miżuri għal Sistema Fiskali Iktar Ekwa, Trasparenti u Orjentata fuq it-Tkabbir), tal‑11 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 59 tat‑12 ta’ Marzu 2014) (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Awtorizzazzjoni”).
( 3 ) Legge no 190 “Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2015)” (il-Liġi Nru 190 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet għall-Formazzjoni tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (il-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015), tat‑23 ta’ Diċembru 2014) (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 300 tad‑29 ta’ Diċembru 2014) (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015”).
( 4 ) Decreto direttoriale no°388 dell’Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato (AAMS) (id-Digriet Nru 388 tal-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat), tal‑15 ta’ Jannar 2015 (prot. Nru 4076 RU).
( 5 ) Legge no 208 “Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2016)” (il-Liġi Nru 208 dwar il-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (il-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2016)) (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302 tat‑30 ta’ Diċembru 2015) (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2016”).
( 6 ) Dawn huma, b’mod iktar preċiż, apparati msejħa “amusement with prize (AWP)” u “video lottery terminal (VLT)”.
( 7 ) Matul il-proċedura, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) adixxiet bi kwistjoni ta’ kostituzzjonalità tal-Artikolu 1(649) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2015 lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2016, li ħassret din id-dispożizzjoni, bagħtitilha lura l-kawża sabiex teżamina mill-ġdid ir-rilevanza ta’ din il-kwistjoni. It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) sussegwentement ċaħdet ir-rikors billi kkunsidrat, essenzjalment, li d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 1(920) u (921) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2016 kien elimina kull difett possibbli ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet rilevanti.
( 8 ) Barra minn hekk, kumpannija konċessjonarja oħra suġġetta għat-taxxa, jiġifieri Global Starnet Ltd, li hija stess hija kumpannija barranija, ippreżentat, kontra d-Digriet Nru 388 tal‑15 ta’ Jannar 2015, rikors li ta lok għal talba għal deċiżjoni preliminari ulterjuri (Kawża C‑463/21), sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni f’dawn il-kawżi magħquda.
( 9 ) F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha diversi drabi li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjonijiet li fihom, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:999, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma tikkontesta verament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.
( 10 ) Infakkar, minn naħa, li l-logħob tal-ażżard huwa servizz li jista’ jiġi pprovdut kemm permezz ta’ stabbiliment permanenti kif ukoll fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi u li, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
( 11 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 36) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:442, punt 38).
( 13 ) Nirrimarka li d-diskussjoni bejn il-partijiet ikkonċernat fuq kollox il-kwistjonijiet tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u tan-natura proporzjonali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-għanijiet imfittxija.
( 14 ) Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” għal-libertajiet fundamentali ma huwiex suġġett għal regola “de minimis” (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et (C‑315/13, EU:C:2014:2408, punt 61 u ġurisprudenza ċċitata)).
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tintervjeni biss fir-rigward ta’ parti mis-settur tal-logħob tal-ażżard, jiġifieri dik relatata mal-magni tal-logħob.
( 20 ) Sussegwentement, it-taxxa kontenzjuża ġiet imqassma fost l-operaturi kollha tas-settur permezz tal-Artikolu 1(920) u (921) tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall‑2016.
( 21 ) Barra minn hekk, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, mill-elementi tal-proċess ma jirriżultax li l-imsemmija riorganizzazzjoni twettqet sussegwentement.
( 22 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Sakemm hija tfittex effettivament dawn l-għanijiet, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (punti 30 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 25 ) Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni baqgħet fis-seħħ biss għal sena (fl‑2015) u kienet tikkonċerna biss il-logħob tal-ażżard marbut mal-operat tal-magni tal-logħob.
( 26 ) Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, in-natura eċċezzjonali ta’ din il-miżura ma tqegħedx f’dubju l-ħtieġa ta’ risposta għad-domanda preliminari, peress li l-portata tagħha hija kunsiderevoli u li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jadotta miżura identika ġdida.
( 27 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punti 46 u 47). B’mod iktar partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeżiġix l-assenza ta’ emenda leġiżlattiva, iżda jirrikjedi pjuttost li l-leġiżlatur nazzjonali jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet partikolari tal-operaturi ekonomiċi u jipprevedi, jekk ikun il-każ, adattamenti għall-applikazzjoni tar-regoli legali l-ġodda (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Dawn l-interventi numerużi mil-leġiżlatur Taljan kienu regolarment is-suġġett ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari min-naħa tal-qrati Taljani (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, EU:C:1999:514); tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597), tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133), tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80), tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60), tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985); tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑375/17, EU:C:2018:1026) kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672)).
( 31 ) Għalkemm din il-liġi kienet tipprevedi r-reviżjoni tar-remunerazzjonijiet u tal-kummissjonijiet inkwistjoni skont il-kriterju ta’ progressività marbut mal-volum ta’ ġbir tal-imħatri dovuti lill-konċessjonarji u għalkemm, kif irrilevajt fil-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kuntest ta’ tali reviżjoni globali, jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur Taljan kien wera l-intenzjoni li jintervjeni mill-ġdid fis-settur inkwistjoni.
( 32 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, bħala prinċipju, operatur ekonomiku li jkun wettaq investimenti li jiswew ħafna flus għall-finijiet li jikkonforma ruħu mas-sistema adottata preċedentement mil-leġiżlatur jista’ jkun affettwat b’mod kunsiderevoli fl-interessi tiegħu minn tħassir antiċipat ta’ din is-sistema, u dan iktar u iktar meta dan isir għal għarrieda u b’mod imprevedibbli, mingħajr ma jħallilu ż-żmien neċessarju sabiex jadatta ruħu għas-sitwazzjoni leġiżlattiva l-ġdida (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)).
( 33 ) Fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċirkustanzi jnaqqsu wkoll il-ħtieġa ta’ “perijodu ta’ adattament”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fin-nota 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.