Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CC0323

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2016.
Polynt SpA vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.
Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Artikolu 57(f) – Awtorizzazzjoni – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Identifikazzjoni – Livell ta’ tħassib ekwivalenti – Cyclohexane-1,2-dicarboxylique, l-anhydride cis cyclohexane-1,2-dicarboxylique anhydride u trans-cyclohexane- 1,2-dicarboxylique anhydride.
Kawża C-323/15 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:727

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-28 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑323/15 P

Polynt SpA

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

u

Kawża C‑324/15 P

Hitachi Chemical Europe GmbH,

Polynt SpA

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“Appell — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Artikolu 57(f) — Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna — Redazzjoni ta’ lista ta’ sustanzi eventwalment suġġetti għal awtorizzazzjoni — Deċiżjoni li tidentifika l-anhydride cyclohexane-1,2-dicarboxylique, l-anhydride cis‑cyclohexane-1,2-dicarboxylique u l-anhydride trans‑cyclohexane‑1,2-dicarboxylique — Deċiżjoni li tidentifika l‑hexahydromethylphthalic anhydride, l-hexahydro-4-methylphthalic anhydride, l-hexahydro-1-methylphthalic anhydride u l’hexahydro‑3‑methylphthalic anhydride (MHHPA) — Inklużjoni fuq il‑lista ta’ sustanzi identifikati għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV — Evalwazzjoni tal-perikoli ta’ proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanzi — Evalwazzjoni u miżura ta’ ġestjoni tar-riskji”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appelli tagħhom, Polynt SpA, fil-Kawża C‑323/15 P, u, Hitachi Chemical Europe GmbH u Polynt SpA, fil-Kawża C‑324/15 P, jitolbu l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat‑30 ta’ April 2015, Polynt u Sitre vs ECHA (T‑134/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:254), u tat-30 ta’ April 2015, Hitachi Chemical Europe et vs ECHA (T‑135/13, EU:T:2015:253), rispettivament (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).

2.

B’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ta’ dawn il-kumpanniji intiżi għall-annullament parzjali tad‑Deċiżjoni ED/169/2012 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tat-18 ta’ Diċembru 2012, dwar l‑inklużjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fil-lista ta’ kandidati ta’ sustanzi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), skont l‑Artikolu 59 tar‑Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir‑reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas‑Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir‑Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal‑Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal‑Kunsill u d‑Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal‑Kummissjoni ( 2 ), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

3.

Iktar speċifikatament, permezz tad-deċiżjoni kkontestata li fil‑konfront tagħha ġew miċħuda r-rikorsi fl-ewwel stanza, l-ECHA identifikat, minn naħa waħda, l-anhydride cyclohexane‑1,2‑dicarboxylique (KE Nru 201-604-9), l-anhydride cis‑cyclohexane-1,2-dicarboxylique (KE Nru 236-086-3) u l-anhydride trans-cyclohexane-1,2-dicarboxylique (KE Nru 238-009-9) (iktar ’il quddiem, l-“HHPA”) u, min-naħa l-oħra, l-anhydride hexahydrométhylphtalique (KE Nru 247-094-1), l-anhydride hexahydro-4-méthylphtalique (KE Nru 243-072-0), l-anhydride hexahydro-1-méthylphtalique (KE Nru 256-356-4) u l-anhydride hexahydro-3-méthylphtalique (KE Nru 260-566-1) (iktar ’il quddiem, l‑“MHHPA”) bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl‑Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, skont l-Artikolu 59 ta’ dan l‑istess regolament.

4.

Dawn l-appelli joffru l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta, għall-ewwel darba, l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH relatat mal-identifikazzjoni ta’ sustanza, f’dan il-każ ta’ sensitizzaturi respiratorji, bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, peress li din l‑identifikazzjoni hija l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament REACH. B’mod partikolari, dawn il-kawżi għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk, għall‑finijiet tal-identifikazzjoni bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, skont l‑Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, evalwazzjoni tar-riskji li sustanza għandha hijiex neċessarja, argument li r-rikorrenti jsostnu fl‑appelli tagħhom u li dwaru jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma użatx fl-ewwel istanza. Fil-fatt, huwa stabbilit li din tal-aħħar iddeċidiet li sempliċement evalwazzjoni tal-perikoli kkawżati mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi kienet biżżejjed għall-finijiet tal-identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

II – Il-kuntest ġuridiku

5.

It-titolu VII tar-Regolament REACH, li jinkludi l-Artikoli 55 sa 65 ta’ dan tal-aħħar, jirregola l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

6.

L-Artikolu 56 tar-Regolament REACH jipprovdi:

“1.   Manifattur, importatur jew utent ‘downstream’ m’għandux iqiegħed fis-suq sustanza għall-użu jew jużaha huwa stess jekk dik is-sustanza tkun inkluża fl-Anness XIV, sakemm:

[…]

5.   Fil-każ ta’ sustanzi li jkunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni għaliex ikunu jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(a), (b) jew (ċ) biss jew għaliex ikunu identifikati skond l-Artikolu 57(f) biss minħabba l-periklu għas-saħħa tal-bniedem, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikoli m’għandhomx japplikaw għall-użi li ġejjin:

[…]”.

7.

L-Artikolu 57 tar-Regolament Reach, intitolat “Sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV”, jistabbilixxi:

“Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV skont il‑proċedura prevista fl-Artikolu 58:

a)

sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil‑klassi ta’ periklu ta’ karċinoġeniċità kategorija 1A jew 1B skond it‑taqsima 3.6 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

b)

sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali kategorija 1A jew 1B skond it-taqsima 3.5 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

ċ)

sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu tossiċità riproduttiva kategorija 1A jew 1B, effettiv negattivi fuq il-funzjonament sesswali u l-fertilità jew fuq l-iżvilupp skond it‑taqsima 3.7 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

d)

sustanzi li jkunu persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi skont il-kriterji previsti fl-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament;

e)

sustanzi li jkunu persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skont il-kriterji previsti fl-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament;

f)

sustanzi – bħal dawk li jkollhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina jew dawk li jkollhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna, li ma jissodisfawx il-kriterji fil-punti (d) jew (e) – li dwarhom ikun hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħrajn elenkati fil‑punti (a) sa (e) u li jkunu identifikati fuq bażi każ b’każ skont il‑proċedura prevista fl-Artikolu 59.”

8.

L-Artikolu 58 tar-Regolament REACH, intitolat “L-inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV”, jipprovdi:

“1.   Kull meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu inklużi fl-Anness XIV sustanzi msemmija fl-Artikolu 57, din id-deċiżjoni għandha tittieħed skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). Għandha tispeċifika għal kull sustanza:

a)

l-identità tas-sustanza kif speċifikat fit-Taqsima 2 ta’ l-Anness VI;

b)

il-proprjetà jew proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza msemmija fl‑Artikolu 57;

ċ)

l-arranġamenti transizzjonali:

[…]

d)

il-perjodi ta’ reviżjoni għal ċerti użi, jekk ikun il-każ;

e)

l-użi jew kategoriji ta’ użi eżentati mir-rekwiżit ta’ l‑awtorizzazzjoni, jekk ikun hemm, u l-kondizzjonijiet għal dawn l‑eżenzjonijiet, jekk ikun hemm.

[…]”

9.

L-Artikolu 59 tar-Regolament REACH, intitolat “L‑identifikazzjoni ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 57”, jipprovdi:

“1.   Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ sustanzi li jissodisfaw il‑kriterji msemmija fl-Artikolu 57 u t-twaqqif ta’ lista ta’ kandidati għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV. L-Aġenzija għandha tindika f’din il-lista s-sustanzi li jkunu fil-pjan ta’ ħidma tagħha skont l‑Artikolu 83(3)(e).

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Aġenzija sabiex tipprepara dossier skont it-Taqsimiet relevanti tal-Anness XV għas-sustanzi li fl‑opinjoni tagħha jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 57. […]

3.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jipprepara dossier skont l‑Anness XV għal sustanzi li fl-opinjoni tiegħu jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 57 u jgħaddih lill-Aġenzija. […]

[…]”.

10.

L-Artikolu 60 tar-Regolament REACH, intitolat “L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet”, jistabbilixxi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet skont dan it-Titolu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza li jkun ġej mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV ikun kontrollat adegwatament skond it-Taqsima 6.4 ta’ l‑Anness I u kif dokumentat fir-rapport ta’ sigurtà kimika ta’ l‑applikant, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall‑Istima tar-Riskji imsemmi fl-Artikolu 64(4)(a). Meta tagħti l‑awtorizazzjoni, u fi kwalunkwe kondizzjonijiet imposti fiha, il‑Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kull tnixxija, emissjoni u telf, inklużi r-riskji minn użu b’diffużjoni jew dispersjoni, li jkun magħruf fiż-żmien tad-deċiżjoni.

[…]

3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għal:

a)

sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(a), (b), (ċ) jew (f) li fir-rigward tagħhom ma jkunx possibbli li jiġi determinat limitu operattiv skont it-Taqsima 6.4 tal-Anness I;

b)

sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(d) jew (e);

ċ)

sustanzi identifikati fl-Artikolu 57(f) li jkollhom proprjetajiet bijoakkumulativi u tossiċi persistenti jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulativi ħafna.

4.   Jekk ma tistax tingħata awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2 jew għal sustanzi elenkati fil-paragrafu 3, tista’ tingħata awtorizzazzjoni biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza, u jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. […]

[…]”.

11.

L-Artikolu 62 tar-Regolament REACH, intitolat “Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet” jipprovdi:

“1.   Għandha ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-Aġenzija.

[…]

4.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

[…]

d)

jekk mhux diġà preżentati bħala parti mir-reġistrazzjoni, rapport dwar is-sigurtà tas-sustanza kimika skont l-Anness I li jkopri r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza jew sustanzi mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV;

[…]”.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

12.

Mill-punti 1 sa 3 tas-sentenzi appellati jirriżulta li l-HHPA u l‑MHHPA huma anidridi ta’ aċidu ċikliku. Dawn is-sustanzi huma użati bħala intermedjarji jew monomeri, kif ukoll fil-manifattura ta’ artikoli u fil-produzzjoni ta’ reżini polimeri ( 4 ).

13.

Dawn is-sustanzi kienu ġew ikklassifikati b’mod partikolari fost is-sensitizzaturi respiratorji ta’ kategorija 1, li jistgħu jipprovokaw sintomi ta’ allerġija jew ta’ ażma jew diffikultajiet respiratorji permezz ta’ inalazzjoni. L-HHPA u l-MHHPA kienu ġew inklużi fit-tabella 3.1 li tinsab fit-taqsima 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008.

14.

Fis-6 ta’ Awwissu 2012, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lill‑ECHA fajl li jipproni li l-HHPA u l-MHHPA jiġu identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, li għandhom jiġi inklużi fl-Anness XIV tar‑Regolament REACH skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Mill-punti 4 tas-sentenzi appellati jirriżulta li r‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppropona li l-HHPA u l-MHHPA jiġu identifikati bħala sustanzi li kien ġie pprovat b’mod xjentifiku li seta’ jkollhom effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jqajmu livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak iġġenerat mill-użu ta’ sustanzi oħra elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH, skont l-Artikolu 57(f) ta’ dan l-istess regolament.

15.

Wara l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-fajls relatati mal‑identifikazzjoni tal-HHPA u tal-MHHPA, l-ECHA reġgħet bagħtet dawn il-fajls lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha, kif previst fl‑Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament REACH, li wassal, fit-13 ta’ Diċembru 2012, għal ftehim unanimu dwar l-identifikazzjoni tal-HHPA u tal-MHHPA bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH. Fl-istess jum, il‑Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA, adotta id-dokumenti ta’ sostenn rispettivi għall-identifikazzjoni tal-HHPA u tal-MHHPA bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna minħabba l-proprjetajiet tagħhom ta’ sensittività respiratorja abbażi tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH (iktar ’il quddiem id-“dokumenti ta’ sostenn”).

16.

Fi tmiem il-proċedura prevista mill-Artikolu 59 tar-Regolament REACH, l-ECHA adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li biha hija identifikat l-HHPA u l-MHHPA bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(f) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, l’ECHA kkunsidrat li dawn is-sustanzi jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat minn sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni, imsemmija fl-Artikolu 57(a) sa (ċ) tar-Regolament REACH.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

17.

Fit-28 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ressqu r-rikorsi rispettivi tagħhom għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

18.

Il-Qorti Ġenerali awtorizzat lill-Kummissjoni u lir-Renju tal‑Pajjiżi l-Baxxi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA fil‑Kawżi T‑134/13 u T‑135/13. Hija awtorizzat ukoll lil REACh ChemAdvice GmbH u New Japan Chemical li jintervjenu insostenn tar‑rikorrenti. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali għaqqdet iż-żewġ kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali.

19.

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tar-rikorrenti kollha kemm huma u kkundannathom għall-ispejjeż.

V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

20.

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn l-appelli.

21.

Kull waħda mir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata li tikkonċernaha kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata li tikkonċernaha jew, sussidjarjament, li terġa’ tibgħat il‑kawżi lill-Qorti Ġenerali u tikkundanna lil ECHA għall-ispejjeż.

22.

L-ECHA u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l‑appelli u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23.

New Japan Chemical, REACh ChemAdvice ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta osservazzjonijiet bil-miktub insostenn tat-talbiet tal-ECHA.

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet numru ta’ mistoqsijiet li għandhom jiġu mwieġba bil-miktub lill-partijiet. Ir-rikorrenti, l-ECHA u l‑Kummissjoni rrispondew fit-termini stabbiliti.

25.

Ir-rikorrenti, l-ECHA, il-Kummissjoni u Sitre Srl, li interveniet insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ), instemgħu fis-sottomissjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, li kienet komuni għaż-żewġ kawżi, li saret fil-15 ta’ Ġunju 2016.

VI – Analiżi

26.

Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi u ta’ żbalji ta’ liġi li jwasslu għal żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq motivazzjoni inkoerenti u żbalji ta’ liġi li jwasslu għal żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH. Finalment, ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal‑argumenti li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ espożizzjoni tal-konsumatur jew tal-ħaddiem għas-sustanza, li jwasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

A – Dwar l-ewwel aggravju, ibbażat fuq kontradizzjoni ta ’ motivi u żbalji ta ’ liġi li jwasslu għal żball ta ’ interpretazzjoni u ta ’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH

27.

Dan l-aggravju huwa bbażat fuq żewg partijiet. Minn naħa waħda, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl‑interpetazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH meta ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx evalwazzjoni tar-riskji sabiex tiġi identifikata sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jallegaw li l-punti 71 u 73 tas-sentenzi appellati juru kontradizzjoni tal-motivi.

1. Dwar l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpetazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH

a) L-argumenti tal-partijiet fil-qosor

28.

Din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tirrigwarda l‑punti 71, 81 u 94 tas-sentenzi appellati inkwantu l-Qorti Ġenerali kienet eskludiet li evalwazzjoni tar-riskji hija neċessarja sabiex ikunu identifikati s‑sustanzi inkwistjoni, skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

29.

Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-interpetazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

30.

Huma jsostnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iwettaq distinzjoni bejn, minn naħa waħda, is-sustanzi koperti mill-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH u dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 57(f) ta’ dan ir-regolament. Is-sustanzi li ma jaqgħux fil-każijiet imsemmija fl‑Artikolu 57(a) sa (e) ta’ dan ir-regolament ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala ta’ tħassib serju ħafna ħlief fi tmiem eżami supplimentari, każ b’każ. Dan l-eżami jista’ jkun biss evalwazzjoni tar‑riskji, li għandu jikkunsidra l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji, peress li s-sensitizzaturi respiratorji ma jirriżultawx mill-kategorija tas-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, imsemmija fl‑Artikolu 57(a) sa (ċ) tar-Regolament REACH.

31.

Bħala risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill‑Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti sostnew li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH kienet ikkonfermata mill-użu tat-terminu “utilisation” fil-verżjoni Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni tal‑imsemmi regolament.

32.

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegaw li l-evalwazzjoni tar-riskji li għaliha huma rreferew fl-appell tagħhom kienet tikkorrispondi għal evalwazzjoni tar-riskji skont l-Anness I tar-Regolament REACH.

33.

L-ECHA tenfasizza li r-rikorrenti ma fehmux it-termini tas‑sentenzi appellati. Din l-aġenzija ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza Etimine (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, (C‑15/10, EU:C:2011:504)] billi ħolqot distinzjoni bejn il‑perikoli u r-riskji. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet korrettament iddeċidiet li, bħas-sustanzi msemmija fl-Artikolu 57(a) sa (e), l‑Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, ma jeżiġix li għandu jkun hemm evalwazzjoni tar-riskji. L-identifikazzjoni tan-natura ta’ tħassib serju ħafna ta’ sustanza tista’ tirriżulta biss mill-evalwazzjoni tal-perikoli tal‑proprjetatijiet instrinsiċi ta’ din is-sustanza. Barra minn hekk, l‑ECHA tfakkar li, fin-nuqqas ta’ livell ta’ espożizzjoni, bħal ma huwa l-każ f’dan il-każ għal dawn is-sensitizzaturi respiratorji, ma hijiex possibbli evalwazzjoni normali tar-riskji.

34.

Waqt is-seduta, l-ECHA spjegat li, minn naħa waħda, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data dwar l-espożizzjoni tal-bniedem tippermetti li jiġu evalwati l-perikoli li għandhom il-proprjetajiet intrinsiċi tas‑sustanzi u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-espożizzjoni kif ukoll l‑evalwazzjoni tar-riskji, huma proċessi kompletament differenti.

35.

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li huwa korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH ma jimponix evalwazzjoni tar-riskji għall-identifikazzjoni tas-sustanzi li ma jaqgħux taħt ittri oħra ta’ dan l-artikolu. Dan jirriżulta mill‑formulazzjoni u mill-istruttura tal-imsemmi regolament.

b) Evalwazzjoni

36.

Fil-punti 69 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine (C‑15/10, EU:C:2011:504, punti 7475), li hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-perikoli u r-riskji. L-evalwazzjoni tal‑perikoli tikkostitwixxi l-ewwel fażi tal-proċess ta’ evalwazzjoni tar‑riskji, li huwa kunċett iktar preċiż. Għalhekk, evalwazzjoni tal‑perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza ma għandhiex tkun limitata fid‑dawl ta’ ċirkustanzi ta’ użu speċifiċi, bħal fil-każ ta’ evalwazzjoni tar-riskji, u tista’ titwettaq b’mod validu irrispettivament mil-lok tal-użu tas-sustanza, tal-mezz li bih jista’ jseħħ il-kuntatt u livelli eventwali ta’ espożizzjoni għas-sustanza.

37.

Minkejja li t-titolu tal-ewwel aggravju mressaq mir-rikorrenti isemmi l-punti 69 tas-sentenzi appellati, dawn tal-aħħar ma jikkontestawx l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dawn il‑punti kif ukoll id-distinzjoni li hija wettqet bejn l-evalwazzjoni tal‑perikoli u l-evalwazzjoni tar-riskji, li għandhom jiġu kkunsidrati.

38.

F’dan ir-rigward, u sabiex tinftiehem aħjar id-distinzjoni bejn l‑evalwazzjoni tal-perikoli u dik tar-riskji, b’mod partikolari f’dawn il‑kawżi, nippermetti li nżid li l-evalwazzjoni tal-perikoli għas-saħħa tal‑bniedem għandha bħala għan li jiġi stabbilit il-livell massimu ta’ espożizzjoni għas-sustanza li għaliha l-bniedem jista’ jkun suġġett mingħajr ma din l-espożizzjoni twassal għal effetti negattivi. Dan il‑livell ta’ espożizzjoni, imsejjaħ “livell derivat mingħajr effett” (Derived No-Effect Level, iktar ’il quddiem “DNEL”), huwa ibbażat fuq l-evalwazzjoni ta’ data umana u mhux umana disponibbli ( 6 ).

39.

L-evalwazzjoni tal-espożizzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi l‑livelli ta’ espożizzjoni magħrufa jew raġonevolment prevedibbli tal‑bniedem għal din is-sustanza ( 7 ). Din l-evalwazzjoni tikkunsidra l‑kundizzjonijiet tal-operat u tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji. Il‑karatterizzazzjoni tar-riskji tikkonsisti f’paragun bejn, minn naħa waħda, il-livelli ta’ espożizzjoni magħrufa jew raġonevolment previddibbli tal-bniedem għal din is-sustanza u, min-naħa l-oħra, id‑DNEL rilevanti. Ir-riskju jista’ jiġi kkunsidrat li huwa kkontrollat b’mod validu jekk il-livelli ta’ espożizzjoni magħrufa jew raġonevolment prevedibbli tal-bniedem għal din is-sustanza ma jaqbżux id-DNEL ( 8 ).

40.

Wara li saru dawn l-ewwel preċiżjonijiet, mill-punti 70 tas‑sentenzi appellati jirriżulta, li lanqas ma huma kkritikati min-naħa tar-rikorrenti, li l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi perikolużi fil-livell tal-Unjoni, kif dan jirriżulta issa mir-Regolament Nru 1272/2008, huma bbażati fuq l-evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi.

41.

Fil-punti 71 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan li “ [p]eress li l-klassifikazzjoni fost is-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1 hija suffiċjenti biex tiġi identifikata sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, bis-saħħa tal‑Artikolu 57(a) sa (ċ) tar-Regolament [REACH], ma jistax jiġi konkluż li, għall-identifikazzjoni ta’ sustanza konformement mal‑Artikolu 57(f) tar-Regolament [REACH], l-ECHA għandha tikkunsidra evalwazzjoni tar-riskji”.

42.

Fil-punti 81 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali rrifjutat ukoll l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji, tal-istħarriġ u kundizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema minħabba li “huwa biżżejjed li wieħed jinnota, minn naħa, li l-perikoli li jirriżultaw mill-proprjetajiet intrinsiċi tal-HHPA u tal-MHHPA ma nbidlux u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li l-effetti negattivi ta’ sustanza marbuta mal-użu tagħha jistgħu jiġu kkontrollati adegwatament, ma jostakolawx l-identifikazzjoni tagħha bħala ta’ tħassib serju ħafna”.

43.

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat li l-perikoli kkawżati mill‑proprjetajiet intrinsiċi tal-HHPA u l-MHHPA huma biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat li jiġu identifikati bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna.

44.

Din l-evalwazzjoni kienet ikkonfermata fil‑punt 95 tas-sentenza appellata fil-Kawża T‑134/13 u fil-punt 94 tas-sentenza appellata fil-Kawża T‑135/13 rispettivament.

45.

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat li, sabiex ikunu identifikati sustanzi skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, l‑ebda evalwazzjoni tar-riskji ma kienet neċessarja, iżda evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi biss kienet mitluba.

46.

Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH u jsostnu li din id-dispożizzjoni tirrikjedi t‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ evalwazzjoni tar-riskji.

47.

Minkejja motivazzjoni kemxejn lakonika tas-sentenzi appellati, jien ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni.

48.

Qabel xejn għandu jitfakkar li r-Regolament REACH jistabbilixxi sistema integrata ta’ kontroll tas-sustanzi kimiċi, inkluż ir‑reġistrazzjoni tagħhom, l-evalwazzjoni tagħhom, kif ukoll l-awtorizzazzjoni tagħhom u l-eventwali restrizzjonijiet dwar l-użu tagħhom ( 9 ).

49.

Ir-Regolament REACH jagħti attenzjoni partikolari lis-sustanzi kkunsidrati bħala ta’ tħassib serju ħafna, kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑premessi 63, 69 u 70 ta’ dan ir-regolament ( 10 ) u li għalihom tapplika l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mit-Titolu VII tal-imsemmi regolament, li jinkludi l-Artikoli 55 sa 66 tar-Regolament REACH.

50.

Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tissuġġetta l-użu u t-tqegħid fis‑suq tas-sustanzi inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament REACH għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni. Din il-proċedura tinkludi tliet fażijiet.

51.

Fil-qosor, fl-ewwel fażi jiġu identifikati s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont l-Artikolu 57 tar-Regolament REACH li jiġu inklużi fil-lista tas-sustanzi kandidati għal inklużjoni finali fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni”. Naturalment, ser nerġa’ nirreferi iktar tard għal din l-ewwel fażi, li hija l-qofol ta’ dawn l-appelli. It-tieni fażi tal-proċedura tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi kandidati fl-imsemmi Anness XIV, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament REACH. It-tielet fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tirrigwarda l-għoti tal-awtorizzazzjoni relatata mas-sustanzi inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament REACH. Bħala regola, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, is-sustanza la tista’ tkun użata u lanqas imqiegħda fis-suq.

52.

L-Artikolu 57 tar-Regolament REACH, li kif kien indikat qabel, jaqa’ fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, jipprevedi l‑kriterji ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u li jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament. Dan l-artikolu jindika taħt l-ittri (a) sa (ċ), is‑sustanzi li jissodisfaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni, ta’ kategoriji 1A jew 1B, skont l-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 (iktar ’il quddiem is-“sustanzi CMR”) u, taħt l-ittri (d) u (e), is-sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT) u s-sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (vPvB), skont il-kriterji msemmija fl‑Anness XIII tar-Regolament REACH ( 11 ) (iktar ’il quddiem is-“sustanzi PBT u vPvB).

53.

L-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH isemmi f’dan ir‑rigward “is-sustanzi – bħal dawk li jkollhom proprjetajiet li jfixklu s‑sistema endokrina jew dawk li jkollhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna, li ma jissodisfawx il-kriterji fil-punti (d) jew (e) – li dwarhom ikun hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħrajn elenkati fil‑punti (a) sa (e) u li jkunu identifikati fuq bażi każ b’każ skont il‑proċedura prevista fl-Artikolu 59 [tar-Regolament REACH]”.

54.

Huwa stabbilit li l-HHPA u l-MHHPA huma klassifikati bħala sensitizzaturi respiratorji skont it-taqsima 3.4. tal-Anness I tar‑Regolament Nru 1272/2008.

55.

Barra minn hekk, bħal ma ġie kkjarifikat bis-sħiħ quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti ma jikkontestawx, fl-appelli rispettivi tagħhom, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru fil-punti 45 sa 48 tas-sentenzi appellati li jipprovdu li s-sensitizzaturi respiratorji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, filwaqt li l-elenku tas-sustanzi hemm imsemmija, fil-fatt, mhux eżawrjenti.

56.

Lanqas ma huwa kkontestat li s-sustanzi CMR, PBT u vPvB jaqgħu fil-kategorija ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna abbażi biss tal‑klassifikazzjoni tagħhom skont ir-Regolament Nru 1272/2008 li huwa bbażat hu stess esklużivament fuq l-evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom.

57.

Skont ir-rikorrenti, u kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 71 tas-sentenzi appellati, mhux l-istess jgħodd għas‑sustanzi msemmija fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH. Insostenn tal-argument tagħhom li l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH jeżiġi, fl-istadju tal-identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, mhux biss evalwazzjoni tal-perikoli iżda wkoll evalwazzjoni tar‑riskji, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq l-idea li s-sustanzi li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH ma jistgħux jiġu identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna ħlief wara eżami supplimentari li, fl-opinjoni tagħhom, jista’ jkun biss evalwazzjoni tar‑riskji. Skont ir-rikorrenti, tali evalwazzjoni tar-riskji tinkludi evalwazzjoni tal-espożizzjoni filwaqt li jiġu kkunsidrati l-miżuri ta’ ġestjoni tar‑riskji, kif previst fit-taqsimiet 5 u 6 tal-Anness I tar‑Regolament REACH. Fir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet bil‑miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fis-seduta, ir-rikorrenti indikaw ukoll li l-użu tat-terminu “utilisation” fil-verżjoni Franċiża tar‑Regolament REACH jikkonferma l-argument tagħhom li evalwazzjoni tar-riskji kienet neċessarja fil-fażi tal-identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 57(f) ta’ dan ir-regolament.

58.

Qabelxejn għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-riferiment tat-terminu “utilisation” li jidher fil-verżjoni Franċiża tal‑Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH. Fil-fatt, kif enfasizzat il‑Kummissjoni, l-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ dan l-artikolu ma tinkludi dan it-terminu u dan huwa “erreur malencontreuse” (żball sfortunat) fil‑verżjoni Franċiża. Fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teskludi, li f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jkun ikkunsidrat waħdu u teżiġi għall‑kuntrarju li jkun interpretat u applikat fid-dawl ta’ verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi l-oħra uffiċjali ( 12 ).

59.

Issa, minn dawn il-verżjonijiet ( 13 ) jirriżulta b’mod ċar li l-“livell ta’ tħassib ekwivalenti” imsemmi fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH jirreferi għas-sustanzi, elenkati fl-ittri a) sa e) ta’ dan l-artikolu, bħala tali u mhux minħabba l-użu tagħhom.

60.

Minkejja dan, huwa veru li l-identifikazzjoni tas-sustanzi CMR bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna hija bbażata esklużivament fuq il-klassi ta’ perikolu kif tirriżulta mir-Regolament Nru 1272/2008, u li dik tas-sustanzi PBT u vPvB hija bbażata biss fuq il-kriterji tal-Anness XIII tar-Regolament REACH.

61.

Huwa wkoll veru li l-appartenenza għall-klassi tal-perikolu partikolari skont ir-Regolament Nru°1272/2008 ma hijiex kundizzjoni mitluba sabiex sustanzi partikolari jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH ( 14 ). Fil-fatt, anki jekk, f’dan il-każ, il-HHPA u l-MHHPA jaqgħu preċiżament fil-klassi ta’ perikolu relatat mas-sensitizzaturi respiratorji tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrina, minn naħa tagħhom, fil-preżent, ma jiffurmaw parti mill-ebda klassi ta’ perikolu minkejja li huma msemmija fil-lista tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH bħala sustanzi li jistgħu jiġu identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.

62.

Sabiex klassifikazzjoni tali tintuża, l-Artikolu 57(f) tar-Regolamet REACH jirrikjedi żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri minn naħa waħda, li “dwarhom ikun hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent” u min-naħa l-oħra, li dawn l‑effetti jqajmu “livell ta’ tħassib ekwivalenti” għal dak relatat mas‑sustanzi elenkati fil-punti a) sa e) tal-istess artikolu.

63.

Kif ammettew l-ECHA u l-Kummissjoni, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, sustanzi jaqgħu preċiżament fi klassi ta’ perikolu skont l‑Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, din il-klassifikazzjoni hija l‑ewwel fażi, li tiġi kkunsidrata sabiex tiġi ssodisfatta l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti. Madankollu, dan mhux biżżejjed sabiex is-sustanzi inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont l-Artikolu 57(f) tar‑Regolament REACH.

64.

Għall-kuntrarju, dan ma jfissirx li l-prova xjentifika li s-sustanzi inkwistjoni jistgħu jipproduċu effetti serji fuq is-saħħa jew fuq l‑ambjent teżiġi li għandha ssir evalwazzjoni tar-riskji fir-rigward tal‑imsemmija sustanzi. Naturalment, kif spjegat fit-Taqsimiet 1 sa 4 tal‑Anness I tar-Regolament REACH, data storika relatata mal‑espożizzjoni tal-bniedem għas-sustanzi tista’ tkun ikkunsidrata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet ta’ dawn is-sustanzi. La l-ECHA u lanqas il-Kummissjoni ma jikkontestawha. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ddikjarat il-kuntrarju. Fil‑fatt, fir-rigward tas-sensitizzaturi respiratorji użati fl-industrija, din id-data u l-analiżi tagħha jippermettu li jiġi identifikat aħjar il-livell tal‑perikolu instrinsiku ta’ dawn is-sustanzi u li jiġi vverifikat, każ b’każ, jekk dawn is-sustanzi jipproduċux effetti serji fuq is-saħħa tal‑bniedem.

65.

Madankollu, dan l-eżami la huwa ekwivalenti għal evalwazzjoni tal-espożizzjoni ħlief dik tar-riskji u lanqas ma jwassal sabiex, a fortiori, jiġu kkunsidrati miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett fis-sentenzi appellati.

66.

Fi kliem ieħor, ir-riferiment għall-“effetti serji” li jipproduċu s‑sustanzi inkwistjoni bl-ebda mod ma jfisser li għandu jkun hemm evalwazzjoni tar-riskji. L-“effetti serji” jirreferu għall-livell jew għall‑grad ta’ perikolu marbut mal-proprjetajiet tas-sustanzi. Għalhekk, skont it-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament REACH, l-evalwazzjoni tal-perikoli għas-saħħa tal-bniedem għandha tikkunsidra mhux biss il‑profil tossikinetiku (jiġifieri assorbiment, metaboliżmu, distribuzzjoni u eliminazzjoni) tas-sustanza eżaminata iżda wkoll “il-gruppi ta’ effetti” elenkati, fosthom dik tas-sensitizzazzjoni, mingħajr ma jkun mitlub li l‑kundizzjonijiet tal-użu tas-sustanza eżaminata jiġu kkunsidrati. Il‑premessa 115 tar-Regolament REACH tikkonferma wkoll li l-kunċett tal-“effetti” jirreferi għall-proprjetajiet tas-sustanzi filwaqt li d‑determinazzjoni ta’ dawn l-effetti ma tinkludix evalwazzjoni tar‑riskji ( 15 ).

67.

Madankollu, skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, il‑kundizzjoni relatata mal-effetti serji prodotti mis-sustanzi inkwistjoni ma hijiex biżżejjed sabiex ikunu identifikati s-sustanzi inkwistjoni bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Għandu jkun hemm ukoll prova xjentifika li dawn l-effetti serji jqajmu livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak tas-sustanzi elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH.

68.

Issa, billi jirreferi għall-“livell ta’ tħassib ekwivalenti” bħala dak li jitqajjem mis-sustanzi elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH, jiġifieri livell ta’ tħassib ibbażat esklużivament fuq il-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi, l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH jeżiġi li jkunu kkumparati l-livelli ta’ perikolu marbuta mal-proprjetajiet tas-sustanzi u mhux mal-livelli ta’ riskju. Huwa għalhekk, kif jirriżulta mid-dokumenti ta’ sostenn adottati fit‑13 ta’ Diċembru 2012, l-ECHA żviluppat ċertu numru ta’ kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit, fuq bażi tal-perikolu tas-sustanzi eżaminati, jekk dawn jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jqajmu “livell ta’ tħassib ekwivalenti” għal dak tas-sustanzi CMR ( 16 ). Dawn il-kriterji u l‑evalwazzjoni tagħhom ma humiex is-suġġett ta’ dawn l-appelli.

69.

L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, hawnhekk difiża, hija kkonfermata minn bosta dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

70.

Għalhekk, skont l-Artikolu 58(1)(b), tar-Regolament REACH, id‑deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament għandha tippreċiża b’mod partikolari “il-proprjetà jew proprjetajiet intrinsiċi tas‑sustanza msemmija fl-Artikolu 57”, iżda din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi distinzjoni bejn l-ittri a) sa f) tal-Artikolu 57 tal-imsemmi regolament. L‑ewwel kolonna tal-imsemmi Anness XIV tikkonferma li l-informazzjoni mitluba hija sempliċement sabiex tindika “il‑proprjetà jew proprjetajiet intrinsiċi tas‑sustanza msemmija fl-Artikolu 57”, inklużi għalhekk is-sustanzi li jaqgħu taħt l-ittra f) ta’ dan l-artikolu.

71.

Barra minn hekk, l-Anness XV tar-Regolament REACH jispjega, fir-rigward tal-fajl relatat b’mod partikolari mal-identifikazzjoni ta’ sustanza li tqajjem grad ta’ tħassib ekwivalenti, skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, li “[g]ħandha ssir stima tal-periklu u [l-informazzjoni disponibbli dwar din is-sustanza tiġi] mqabbla ma’ l‑Artikolu 57(f), skond il-partijiet relevanti tat-Taqsimiet 1 sa 4 ta’ l-Anness I” ( 17 ).

72.

Barra minn hekk, l-Artikolu 56(5), l-Artikolu 60(2), u l-Artikolu 62(d) tar-Regolament REACH isemmu l-identifikazzjoni tas-sustanzi msemmija fl‑Artikolu 57(f) ta’ dan ir-regolament sempliċement skont il-“perikli” li jirrappreżentaw dawn is-sustanzi jew il-“proprjetajiet intrinsiċi”, mingħajr ma qatt ma ssemmiet evalwazzjoni tar-riskji, u lanqas a fortiori t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji ( 18 ).

73.

L-interpretazzjoni li huwa l-eżami tal-perikolu tas-sustanzi biss li huwa mitlub skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH hija wkoll sostnuta mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita bit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament.

74.

Fil-fatt, kif imsemmi fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is‑sistema ta’ awtorizzazzjoni tinkludi tliet fażijiet, jiġifieri l‑identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u l-inklużjoni ta’ dawn is‑sustanzi fil-lista ta’ sustanzi li jistgħu eventwalment jiġu rreġistrati f’lista ta’ sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni (Artikoli 57 u 59 tar‑Regolament REACH), ir-reġistrazzjoni fil-lista tas-sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni (Artikolu 58 tar-Regolament REACH) u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet mitluba (Artikoli 60 sa 64 tar-Regolament REACH).

75.

Issa, minn din is-sistema jirriżulta li l-evalwazzjoni tar-riskji ma hijiex mitluba ħlief fil-fażi tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet.

76.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH, awtorizzazzjoni hija mogħtija jekk ir-riskju li jirrappreżenta għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent l-użu ta’ sustanza, minħabba l‑proprjetajiet intrinsiċi tagħha, imsemmija fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament, hija kkontrollata b’mod validu, kif tindika l-evalwazzjoni tar-riskji prevista mit-taqsima 6 tal-Anness I tar-Regolament REACH.

77.

Barra minn hekk, fil-każijiet fejn l-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH jew għas‑sustanzi li għalihom mhux possibbli li jkun stabbilit livell massimu ta’ espożizzjoni għas-sustanza li għaliha l-bniedem jista’ jkun suġġett (DNEL), kif inhu l-każ tal-HHPA u tal-MHHPA, l-Artikolu 60(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata ħlief jekk il-vantaġġi soċjo-ekonomiċi jwarrbu r-riskji li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent u li ma jeżistux sustanzi ta’ sostituzzjoni. Din id-deċiżjoni għandha tikkunsidra b’mod partikolari r-riskju marbut mal-użu tas-sustanza kif ukoll ir-rilevanza u l-effikaċja tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji proposti.

78.

Finalment, jekk tintuża l-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ evalwazzjoni tar-riskji, li tinkludi miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji, fil-fażi tal-identifkazzjoni ta’ sustanza huwa mitlub, dan iwassal sabiex ikun hemm tnaqqis ta’ numru kbir ta’ sustanzi potenzjalment estremament perikolużi fil-fażijiet kollha tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament REACH. B’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji fil-fażi tal-identifikazzjoni ta’ sustanzi li għalihom l-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata ħlief jekk huwa indikat li ma jeżistux sustanzi ta’ sostituzzjoni xierqa ( 19 ), bħal ma hu l-każ f’dan il-każ, jippermetti lill‑industrija li twarrab il-ħtieġa tfittex l-eżistenza nnifisha ta’ tali sustanzi. Issa, din il-konsegwenza tmur kontra wieħed mill-għanijiet importanti tar-regolament REACH li huwa li jinkoraġġixxi u, f’ċerti każijiet, li jiżgura li ċerti sustanzi estremament perikolużi jiġu ssostitwiti finalment minn sustanzi inqas perikolużi meta jkunu jeżistu soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni xierqa u vijabbli ( 20 ).

79.

Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, jien nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kkommettietx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l‑identifikazzjoni tas-sustanzi bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, kif previst mill-Artikolu 57(f) tar-regolament REACH, ma kinitx titlob it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ evalwazzjoni tar-riskji.

2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-kontradizzjoni ta’ motivi bejn il-punti 71 u 73 tas-sentenzi appellati

a) L-argumenti tal-partijiet fil-qosor

80.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-punti 71 u 73 tas-sentenzi appellati huma vvizzjati b’kontradizzjoni ta’ motivi. Fil-fatt, filwaqt li, fil-punti 71 tas‑sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li, sabiex tkun identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont l-Artikolu 57(f) tar-regolament REACH, sustanza ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni tar-riskji, ġie ddikjarat bil-kontra fil-punti 73 tal-istess sentenzi.

81.

L-ECHA u l-Kummissjoni jipproponu li din il-parti għandha tkun miċħuda. Huma jikkunsidraw li r-rikorrenti jinterpretaw b’mod żbaljat il-punti 73 tas-sentenzi appellati. B’mod partikolari, dawn il-partijiet isostnu li l-gwida tal-ECHA ma tirrekjedix analiżi tar-riskji, iżda li jiġi stabbilit jekk evalwazzjoni normali tar-riskji tippermettix li tittieħed azzjoni adegwata kontra r-riskju. Issa, evalwazzjoni normali tar-riskji ma tistax isseħħ għas-sustanzi li għalihom mhux possibbli, bħal f’dan il-każ, li jkun iddefinit id-DNEL, jiġifieri, il-livell massimu ta’ espożizzjoni li għalih il-bniedem jista’ jkun suġġett mingħajr ma din l‑espożizzjoni twassal għal effetti serji.

b) Analiżi

82.

Prinċipalment, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, sa fejn, kif ġie analizzat iktar ’il fuq, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar‑regolament REACH, użata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 71 tas-sentenzi appellati, hija, f’għajnejja, ibbażata fuq il-fatt li kien iddikjarat bil-kontra fil‑punti 73 tal-imsemmija sentenzi ma għandha l-ebda konsegwenza fuq id-dispożittiv ta’ dawn tal-aħħar u għalhekk ma tistax twassal għall-annullament tagħhom ( 21 ).

83.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra li teżamina l-mertu tal-parti bbażata fuq il-kontradizzjoni tal‑motivi, jien nikkunsidra, li fi kwalunkwe każ, din għandha tiġi miċħuda.

84.

Qabelxejn għandu jitfakkar li, fil-punti 73 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali indikat li “fir-rigward tal-fatt li l-punt 6.3 tad‑dokument ta’ sostenn, li jirreferi għall-Gwida [tal-ECHA] dwar l‑identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna f’dan ir-rigward, isemmi l-evalwazzjoni normali tar-riskji, għandu jiġi nnotat li, skont dan il-punt, il-possibbiltà li jiġu evitati l-effetti ta’ sustanza fil-kuntest ta’ evalwazzjoni normali tar-riskji huwa biss kunsiderazzjoni waħda li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-ECHA fil-kuntest tal-proċeduri ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna skont l‑Artikolu 57(f) tar-Regolament [REACH]”.

85.

Il-punt 6.3 ta’ żewġ dokumenti ta’ sostenn rilevanti, li għalihom tirreferi l-Qorti Ġenerali, jirriproduċu litteralment il-punt 3.3.3.2 tal‑Gwida tal-ECHA għall-preparazzjoni ta’ fajl Anness XV relatat mal‑identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (iktar ’il quddiem “Gwida tal-ECHA”).

86.

Issa, il-punt 3.3.3.2 tal-Gwida tal-ECHA, li jsemmi ċ-ċirkustanzi li għandhom b’mod partikolari jiġu kkunsidrati mill-ECHA meta teżamina sustanza skont l-Artikolu 57(f) tar-regolament REACH, ma jitlobx li ssir evalwazzjoni tar-riskji, iżda sempliċiment li jiġi stabbilit jekk evalwazzjoni normali tar-riskji tippermettix li tittieħed azzjoni adegwata kontra r-riskju.

87.

Għal dan il-għan, għandu jiġi spjegat li l-evalwazzjoni normali tar-riskji msemmija mill-Gwida tal-ECHA u mill-Qorti Ġenerali fil‑punti 73 tas-sentenzi appellati tikkorrispondi mal-evalwazzjoni tar‑riskji kif inhi prevista fit-Taqsima 6.4 tal-Anness I tar-regolament REACH, li hija bbażata fuq paragun bejn il-livell ta’ espożizzjoni stmat u d-DNEL rilevanti (il-livell massimu ta’ espożizzjoni li għalih il‑bniedem jista’ jkun suġġett mingħajr ma din l-espożizzjoni twassal għal effetti negattivi).

88.

Issa, kif jien diġà esponejt fil-punti 38 u 39 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, evalwazzjoni normali tar-riskji ma tistax issir għal sustanzi li tagħhom mhux possibbli li jiġi ddefinit id-DNEL, li huwa l‑każ għal HHPA u l-MHHPA.

89.

Għalhekk, jidher ċar li l-għan tal-punti 73 tas-sentenzi appellati kien sempliċement sabiex ifakkar il-konklużjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA, li tinsab fid-dokumenti ta’ sostenn rispettivi, li evalwazzjoni normali tar-riksji ma kinitx adegwata fir-rigward tal‑HHPA u tal-MHHPA u mhux li l-ECHA tintalab tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tar-riskji fil-fażi tal-identifikazzjoni ta’ sustanza skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

90.

F’ċirkustanzi tali, ma jistax jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li jikkonfermaw ir-rikorrenti, li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tiddikjara, fil-punti 73 tas-sentenzi appellati, li l-ECHA kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni evalwazzjoni tar-riskji sabiex tistabbilixxi jekk sustanza tistax tkun identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH. Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li l-punti 71 u 73 tas-sentenzi appellati, ma humiex kontradittorji.

91.

Għaldaqstant, fin-nuqqas li tkun effettiva, it-tieni parti tal‑ewwel aggravju hija, fl-opinjoni tiegħi, infondata.

92.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju.

B – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni inkoerenti u fuq żbalji ta ’ liġi li jwasslu għal żball ta ’ interpretazzjoni u ta ’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH

1. L-argumenti tal-partijiet fil-qosor

93.

Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, fil-punti 49 tas-sentenzi appellati, il‑Qorti Ġenerali ddikjarat li l-gwidi interpretattivi, bħall-gwida tal‑ECHA, ma kinux jikkostitwixxu pariri ta’ natura legali. Madankollu, skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali regoli ta’ kondotta ġenerali għandhom effetti legali, peress li, permezz ta’ dawn l‑istrumenti, l-istituzzjonijiet li huma l-awturi tagħhom jagħmlu restrizzjoni fuqhom infushom fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom ( 22 ). Apparti l-kontradizzjoni bejn il-motivi indikati fil-punti 49 u 73 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat din il-ġurisprudenza stabbilita.

94.

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi naqset milli tikkunsidra l-gwida tal‑ECHA waqt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif suppost l-evalwazzjoni tar-riskji. Konsegwentement, filwaqt li użat il-motivi esposti fil-punti 65 sa 91 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

95.

L-ECHA u l-Kummissjoni jikkunsidraw li dan l-aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punti 49 u 73 tas-sentenzi appellati u jipproponu li għandu jiġi miċħud.

2. Evalwazzjoni

96.

Nikkunsidra li dan l-aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tal‑portata tal-punti 49 tas-sentenzi appellati.

97.

Sabiex tinftiehem aħjar l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, fil-punti 45 sa 48 tas-sentenzi appellati, il‑Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv espost quddiemha, li permezz tiegħu r-rikorrenti allegaw li s-sensitizzaturi respiratorji ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar‑Regolament REACH. Kif diġà enfasizzajt qabel fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikorrenti ma jikkontestawx, fl-istadju tal-appell, l‑evalwazzjoni li tinsab fil-punti 45 sa 48 tas-sentenzi appellati.

98.

Fil-punti 49 ta’ dawn is-sentenzi, introdotti mill-espressjoni “barra minn hekk”, il-Qorti Ġenerali warbet ukoll l-argument tar‑rikorrenti, dejjem insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv espost fl-ewwel istanza, li l-gwida tal-ECHA tikkonferma l-inapplikabbiltà tal‑Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH għas-sensitizzaturi respiratorji. Il-Qorti Ġenerali mmotivat dan ir-rifjut billi ppreċiżat li “dan id-dokument jikkostitwixxi għodda tax-xogħol prodotta mill‑ECHA sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament [REACH]. Hekk kif ġustament indikat f’din il-gwida, it-test tar‑Regolament [REACH] huwa l-uniku referenza legali awtentika u l‑informazzjoni f’din il-gwida ma tikkostitwixxix parir ta’ natura ġuridika” ( 23 ).

99.

L-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 49 tas-sentenzi appellati għalhekk saret b’mod superfluwu. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan jirriżulta li l-kritika indirizzata kontra dawn il-punti tas-sentenzi appellati kienet ikkunsidrata bħala ineffettiva ( 24 ).

100.

Minkejja dan, ir-rikorrenti xorta jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li din naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-gwida tal-ECHA waqt l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv ippreżentat fl-ewwel istanza, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ livell ta’ tħassib ekwivalenti ma’ dak tas-sustanzi CMR.

101.

Issa, kif jinnotaw ir-rikorrenti stess, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ħadet inkunsiderazzjoni dan id-dokument fil-punti 73 tas-sentenzi appellati, li jidħlu fir-risposta mogħtija mill-Qorti Ġenerali għat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħhom espost quddiemha. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx l-interpretazzjoni ta’ din il-gwida difiża mir‑rikorrenti hija kwistjoni oħra, li jien diġà semmejt fl-eżami tal‑ewwel aggravju tal-appelli.

102.

Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-gwida tal-ECHA fil-punti 73 tas‑sentenzi appellati ma tikkondradixxix l-evalwazzjoni magħmula fil‑punti 49 ta’ dawn is-sentenzi. Fil-fatt, huwa kompletament korrett, fl-opinjoni tiegħi, li din il-gwida ma tittieħidx inkunsiderazzjoni għall‑interpretazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH, peress li huwa kompletament iġġustifikat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil‑punti 73 tas-sentenzi appellati, li tieħu inkunsiderazzjoni din il‑gwida meta jiġi mistħarreġ b’liema mod kienu applikati d-dispożizzjonijiet tar‑Regolament REACH għas-sustanzi partikolari, b’mod partikolari sabiex ikun ivverifikat jekk dawn is-sustanzi għandhomx “livell ta’ tħassib ekwivalenti” ma’ dak tas-sustanzi CMR.

103.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l‑ilment ibbażat fuq in-natura vinkolanti jew le tal-gwida tal-ECHA sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, b’mod ġenerali, fuq din il‑kwistjoni. Fil-fatt, il-punti 49 tas-sentenzi appellati ma għandhomx il‑portata ġenerali li jagħtuhom ir-rikorrenti, fis-sens li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss (u b’mod korrett) fuq dawn il-punti ta’ dawn is-sentenzi dwar il-fatt li l-qorti tal-Unjoni ma kinitx marbuta bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH li jinstab fil-gwida tal‑ECHA. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha (u dan b’mod korrett) fuq il-motivazzjoni esposta fil-punti 49 tas-sentenzi appellati sabiex tikkonkludi li l-evalwazzjoni tar-riskji ma kinitx rikjesta għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala li hija ta’ tħassib serju ħafna skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

104.

Konsegwentement, nissuġġerixxi li t-tieni aggravju tal-appelli għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

C – Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, inkwantu l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l‑Artikolu 60(2) tar‑Regolament REACH

1. L-argumenti tal-partijiet fil-qosor

105.

Ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li din ibbażat ruħha, fil-punti 61 u 68 tas-sentenzi appellati, fuq l‑Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH sabiex tikkonferma l‑argument tagħha li l-evalwazzjoni tar-riskji ma hijiex rikjesta fil‑kuntest tal-identifikazzjoni ta’ sustanza skont l-Artikolu 57(f) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, minn naħa waħda, skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ammettiet hija stess, fil-punti 73 tas-sentenzi appellati, li l‑Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH mhux applikabbli għall‑HHPA u għall-MHHPA. Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti jaċċettaw li tista’ teżisti rabta bejn il-proċedura relatata mal‑identifikazzjoni tas-sustanzi u l-proċedura relatata mal-għoti tal‑awtorizzazzjoni, il-fatt li awtorizzazzjoni tista’ tingħata ma titfax dawl dwar id-deċiżjoni jekk sustanza tiġix identifikata jew le bħala li hija ta’ tħassib serju ħafna.

106.

L-ECHA u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-rikorrenti jwettqu qari żbaljat tal-punti kkonċernati tas-sentenzi appellati. B’mod partikolari, l-ECHA ssostni li, mhux talli ma semmietx b’mod żbaljat l‑Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH, iżda l-Qorti Ġenerali użat, b’mod korrett, din id-dispożizzjoni sabiex turi l-fatt li jekk is-sustanzi li l-użu tagħhom jista’ jiġi kkontrollat ma jistgħux jiġu identifikati bħala ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament, mela l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH ikun mingħajr sustanza.

2. Evalwazzjoni

107.

Ġie stabbilit li, fil-punti 61 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “jirriżulta mill-Artikolu 60(2) tar-Regolament [REACH] li l-fatt li l-effetti negattivi ta’ sustanza marbuta mal-użu tagħha jistgħu jiġu kkontrollati adegwatament, ma jipprekludix l‑identifikazzjoni tagħha bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Fil-każ kuntrarju, il-possibbiltà li tiġi awtorizzata sustanza li l-riskji tagħha jistgħu validament jiġu kkontrollati, bis-saħħa tad-dispożizzjoni inkwistjoni, hija irrilevanti, hekk kif affermat mill-ECHA”.

108.

Fil-punti 68 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonfermat din l-evalwazzjoni.

109.

Mis-sentenzi appellati jirriżulta li din l-evalwazzjoni twettqet sabiex tispjega l-istruttura tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, inkluż l-ewwel fażi li, kif kien diġà ppreċiżat, tikkonsisti fl-identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, b’mod partikolari skont l-Artikolu 57(f) tar‑Regolament REACH.

110.

Jekk huwa minnu li l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH ma japplikax għas-sustanzi li għalihom l-ebda DNEL ma jista’ jiġi stabbilit, kif inhu l-każ għall-HHPA u għall-MHHPA, il-punti 61 u 68 tas‑sentenzi appellati ma jirreferux speċifikatament għas-sustanzi inkwistjoni, iżda huma intiżi sabiex jispjegaw, b’mod ġenerali, l‑artikulazzjoni bejn l-ewwel fażi li tikkonsisti fl-identifikazzjoni tas‑sustanzi u t-tielet relatata mal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet. Huwa għalhekk perfettament korrett, indipendentament mill-applikazzjoni konkreta tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH għas-sustanzi inkwistjoni f’din il-kawża, li jiġi ddikjarat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, li l-adozzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji ma tipprekludix l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH. Barra minn hekk, huwa possibbli, fl-opinjoni tiegħi, li tkun iktar kategoriku u li jiġi ddikjarat li l-fażi li tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawn is-sustanzi hija prerekwiżit indispensabbli għal dik li fiha jiġu vverifikati u evalwati r‑riskji li dawn is-sustanzi għandhom.

111.

Fuq kollox, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li ma huwiex possibbli għal sustanza partikolari li jiġi stabbilit id-DNEL ma jfissirx li għandha ssir evalwazzjoni tar-riskji jew li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji minn qabel jew fil-mument tal-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

112.

Għalhekk nipproponi li t-tielet aggravju mressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D – Dwar ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi fl-evalwazzjoni tal‑argumenti li jikkonċernaw in-nuqqas ta ’ espożizzjoni tal‑konsumatur jew tal-ħaddiem għall-HHPA u għall-MHHPA, li jwasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH

1. L-argumenti tal-partijiet fil-qosor

113.

Ir-rikorrenti jfakkru li, fil-punti 67 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħhom, dwar in-nuqqas ta’ riskju impost mill-HHPA u mill-MHHPA minħabba l-espożizzjoni dgħajfa tal‑ħaddiema u tal-konsumaturi għal dawn is-sustanzi, filwaqt li spjegat li espożizzjoni totali għall-HHPA u għall-MHHPA ma tistax tkun eskluża f’dak li jikkonċerna l-konsumaturi u l-ħaddiema. Skont ir‑rikorrenti, din l-analiżi twarrab il-ġurisprudenza li tipprovdi li r-“riskju żero” ma jeżistix fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tar-riskji li tapplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni ( 25 ). Il-Qorti Ġenerali għalhekk ibbażat ruħha fuq test ġuridiku żbaljat sabiex tiċħad l-argumenti tagħhom dwar in‑nuqqas ta’ espożizzjoni tal-konsumaturi u tal-ħaddiema għall‑HHPA u għall-MHHPA.

114.

Skont l-ECHA, il-Qorti Ġenerali ma rreferietx għar-“riskju żero”. Barra minn hekk, is-sentenzi appellati ma jissuġġerux li r-rikorrenti għandhom jagħtu prova tal-eżistenza ta’ riskju żero.

115.

Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-evalwazzjoni tal‑espożizzjoni tal-konsumatur u tal-ħaddiem għal sustanza tifforma parti mill-evalwazzjoni tar-riskji. Issa, peress li tali evalwazzjoni mhix rikjesta fil-fażi tal-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, in-nuqqas ta’ espożizzjoni tal-konsumatur jew tal‑ħaddiem tkun ukoll irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-identifikazzjoni.

2. Evalwazzjoni

116.

Hemm lok li jitfakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostnew b’mod partikolari li, fid-dawl tal-progammi ta’ sorveljanza tal‑prodotti u tal-ħtiġijiet legali applikabbli, l-HHPA u l-MHHPA intużaw f’sistemi magħluqa li jipprevedu l-espożizzjoni u jiżguraw ir‑riskju ta’ espożizzjoni limitata ħafna li toqrob lejn iż-żero ( 26 ).

117.

Fil-punti 67 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali warrbet dan l-argument billi enfasizzat, fl-ewwel lok, li “anki skont l-argumenti tar‑rikorrenti, kull espożizzjoni” għall-HHPA u għall-MHHPA “ma tistax tiġi eskluża f’dak li jirrigwarda l-konsumaturi u l-ħaddiema”.

118.

Mill-punti 68 tas-sentenzi appellati u mill-punti 69 sa 73 ta’ dawn is-sentenzi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fit-tieni lok, it‑teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji invokati mir‑rikorrenti abbażi tal-argumenti li jien eżaminajt fil-kuntest tal‑ewwel u t-tielet aggravji tal-appelli u li jien nipproponi wkoll li għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, il-punti 68 tas-sentenzi appellati jibdew bil-frażi “anki jekk wieħed jassumi li l-utenti kollha tal-[HHPA u tal-MHHPA] jimplementaw miżuri effettivi ta’ ġestjoni tar-riskji”, li jimplika, b’mod impliċitu iżda neċessarju, li l-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 67 tas-sentenzi appellati huma “assorbiti” jew, fi kliem ieħor, kienu saru sussidjarji għal dawk magħmula fil-punti 68 sa 73 tal-imsemmija sentenzi.

119.

Konsegwentement, filwaqt li jikkritikaw il-punti 67 tas-sentenzi appellati, ir-rikorrenti jressqu aggravju kontra evalwazzjoni sussidjarja tal-Qorti Ġenerali. Tali kritika hija ineffettiva, għaliex anki jekk tkun fondata, tkun mingħajr effett fuq id-dispożittiv tas-sentenzi appellati u għalhekk ma tistax twassal għall-annullament tagħhom.

120.

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma talbitx lir-rikorrenti jindikaw “riskju żero”, peress li l-evalwazzjoni tar-riskji u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji ma humiex mitluba waqt l-identifikazzjoni ta’ sustanzi, skont l-Artikolu 57(f) tar‑regolament REACH, kif essenzjalment iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punti 68 sa 73 tas-sentenzi appellati.

121.

Għalhekk, nissuġġerixxi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

122.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

VII – Dwar l-ispejjeż

123.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

124.

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall‑proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

125.

Peress li l-ECHA talbet li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż fiż-żewġ każijiet, hemm lok li r-rikorrenti, minbarra l-ispejjeż tagħhom, jiġu kkundannati wkoll għall-ispejjeż tal-ECHA.

126.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti minbarra dawk imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli għandha tbati l‑ispejjeż tagħha nnifisha.

127.

Peress li l-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi intervjenew fil‑kawżi, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Nipproponi ukoll li New Japan Chemical, REACh ChemAdvice u Sitre, li intervjenew insostenn tar-rikorrenti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, ibatu l-ispejjeż tagħhom.

VIII – Konklużjoni

128.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

l-appelli huma miċħuda;

Polynt SpA, fil-Kawża C‑323/15 P u Hitachi Chemical Europe GmbH u Polynt SpA, fil-Kawża C‑324/15 P, huma kkundannati għall-ispejjeż;

il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, New Japan Chemical, REACh ChemAdvie GmbH u Sitre Srl huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2006, L 396, p. 1.

( 3 ) ĠU 2008 L 353, p. 1.

( 4 ) Dawn is-sustanzi huma użati b’mod partikolari sabiex iwebbsu materjali ta’ iżolazzjoni magħmula minn reżini epossidiċi. Ir-reżin epossidiku huwa spiss użat fl-industrija ta’ produzzjoni ta’ apparat u ta’ sistemi elettriki, b’mod partikolari fl-iżolazzjoni ta’ apparat suġġett għal vultaġġ għoli fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ elettriku, inkuż l-iżolazzjoni ta’ ġeneraturi tal-enerġija mir-riħ u ta’ LEDs [light‑emitting diode (LED)].

( 5 ) Sitre kienet rikorrenti fiż-żewġ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 6 ) Ara t-taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament REACH.

( 7 ) Ara t-taqsima 5 tal-Anness I tar-Regolament REACH.

( 8 ) Ara t-taqsima 6 tal-Anness I tar-Regolament REACH.

( 9 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2015, FCD u FMB (C‑106/14, EU:C:2015:576, punt 32) kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2016, Canadian Oil Company Sweden u Rantén (C‑472/14, EU:C:2016:171, punt 25).

( 10 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, FCE u FMB (C‑106/14, EU:C:2015:576, punt 34).

( 11 ) L-Anness XIII tal-imsemmi regolament jelenka l-kriterji ta’ identifikazzjoni ta’ sustanzi PBT u vPvB.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C‑296/95, EU:C:1998:152, punt 36) kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen (C‑51/14, EU:C:2015:380, punt 34).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwi Spanjola (“[…] que suscitan un grado di preocupación equivalente al que suscitan otras sustancias enumeradas en las letras a) a e) […]”],Ġermaniża (“[…] die ebenso besorgniserregend sind wie diejenigen anderer in den Buchstaben a bis e aufgeführter Stoffe […]”), Ingliża [“which give rise to an equivalent level of concern to those of other substances listed in points a) to e)”], Taljana (“[…] che danno adito ad un livello di preoccupazione a quella suscitata dalle altre sostanze di cui alle lettere da a) a e) […]”] u Finlandiża (“[…] jotka antavat aihetta samantasoiseen huoleen kuin muiden a-e alakohdassa lueteltujen aineiden vaikutukset […]”).

( 14 ) Ara wkoll it-Taqsima 1.3.1 tal-Anness I tar-Regolament REACH.

( 15 ) Il-premessa 115 tar-Regolament REACH tippreċiża li “[i]r-riżorsi għandhom jiffukaw fuq is-sustanzi li dwarhom ikun hemm tħassib l-aktar serju. Għaldaqstant sustanza għandha tiżdied […] jekk tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala [sustanzi CMR], bħala sensibilizzatur respiratorju, jew fir-rigward ta’ effetti oħra fuq bażi ta’ każ b’każ.”

( 16 ) Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-gwida tal-ECHA għall-preparazzjoni tal‑fajl Anness XV relatat mal-identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna tindika l-elementi xjentifiċi u tekniċi li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw jekk sustanza tqajjimx livell ta’ tħassib ekwivalenti għas-sustanzi CMR. Skont din il-gwida, it‑“tħassib li jikkonċerna s-sustanzi li jippreżentaw proprjetajiet karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni jirriżultaw minn diversi fatturi (il-gravità tal-effetti, in-natura sikwit irriversibbli tal-effetti, il-konsegwenzi għas-soċjetà u d‑diffikultajiet sabiex titwettaq evalwazzjoni tar-riskji bbażata fuq il‑konċentrazzjoni tas-sustanza) li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex ikun stabbilit jekk sustanza tippreżentax livell ta’ tħassib ekwivalenti għas-[sustanza CMR (kategorija 1 jew 2)]”. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-ECHA fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-fatturi huma marbuta mal-evalwazzjoni tal-perikoli kif previst fit-Taqsimiet 1 sa 4 tal-Anness I tar-Regolament REACH.

( 17 ) Korsiv miżjud minni.

( 18 ) Isostni wkoll lil dan l-argument il-fatt li, kuntrarjament għall-fajl relatat mal‑identifikazzjoni ta’ sustanza li tqajjem grad ta’ tħassib ekwivalenti, il-fajl relatat mal-proposti ta’ restrizzjoni għandu, skont l-Anness XV tar-Regolament REACH, jinkludi kemm evalwazzjoni tal-perikoli kif ukoll evalwazzjoni tar-riskji tas-sustanza kkonċernata.

( 19 ) Skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

( 20 ) Ara l-premessa 12 u l-Artikolu 55 tar-Regolament REACH.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas-26 ta’ Jannar 2007, Righini vs Il‑Kummissjoni (C‑57/06 P, EU:C:2007:65, punti 6263) kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni (C‑150/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:164, punt 47 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ir-rikorrenti jirreferu f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 sa 212).

( 23 ) Korsiv miżjud minni.

( 24 ) Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ilmenti indirizzati kontra motivi superfluwi huma kkunsidrati bħala ineffettivi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni (C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 82).

( 25 ) Ir-rikorrenti jirreferu f’dan ir-rigward għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill (T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 145).

( 26 ) Ara r-riassunt tal-argumentazzjoni tagħhom fil-punti 65 tas-sentenzi kkontestati.

Fuq