EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

Rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Magħruf bħala r-regolament tar-rekwiżiti kapitali (RRK), ir-regolament jimmira li jsaħħaħ ir-rekwiżiti prudenzjali tal-banek fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan iseħħ billi jintalbu jżommu kapital biżżejjed, obbligazzjonijiet li jassorbu t-telf u assi likwidi, sabiex jassiguraw solidità finanzjarja. Ir-RRK jeħtieġ ukoll li l-banek juru lill-pubbliku kif qed jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali.
  • L-għan globali huwa li l-banek isiru aktar robusti u jifilħu aktar f’perjodi ta’ stress ekonomiku.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi sett uniku ta’ regoli prudenzjali armonizzati li l-banek madwar l-UE jridu josservaw. Din il-“ġabra unika tar-regoli” timmira biex tassigura l-applikazzjoni tal-istandards globali (Basel III) b’mod uniformi fl-Istati Membrikollha tal-UE.

Din il-leġiżlazzjoni ġiet emendata diversi drabi skont l-istandards regulatorji internazzjonali li jevolvu kif imfassla mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.

L-innovazzjoni prinċipali tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tinkludi:

  • Rekwiżiti kapitali aktar għoljin u aħjar. Il-banek iridu jżommu ammont totali ta’ kapital li jikkorrispondi għal mill-inqas 8 % tal-assi tagħhom, imkejla skont ir-riskji tagħhom. Pereżempju, xi assi, bħal flus kontanti, huma kunsidrati siguri u ma jattirawx rekwiżit kapitali; assi oħra — bħal self lil banek oħrajn, negozji jew konsumaturi — huma kunsidrati iktar riskjużi u għalhekk għandhom rekwiżit kapitali. Iktar kemm istituzzjoni jkollha assi riskjużi, iktar irid ikollha kapital.
  • Miżuri ta’ likwidità. Sabiex ikun żgurat li l-banek għandhom biżżejjed likwidità, ir-regolament jintroduċi żewġ riżervi ta’ likwidità:
    • il-proporzjon ta’ likwidità koperta, li jimmira li jassigura li l-banek għandhom assi likwidi biżżejjed (eżempju flus kontanti jew assi oħrajn li jistgħu jiġu mibdula malajr f’kontanti bi ftit jew bl-ebda telf ta’ valur) f’qasir żmien;
    • Ir-rekwiżit ta’ finanzjament nett stabbli, li jimmira li jassigura li l-banek ma jiddependux iżżejjed minn finanzjament għal żmien qasir biex jiffinanzjaw l-assi għal żmien medju u twil.
  • Kif jiġi limitat l-ingranaġġ. Ir-regolament jistabbilixxi proporzjon ta’ ingranaġġvinkolanti, li jimmira li jillimita l-banek milli jiffinanzjaw porzjon kbir ħafna tal-attivitajiet tagħhom bid-dejn.

Leġiżlazzjoni emendatorja

  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2016/1014 estenda l-perjodu li matulu negozjanti tal-komoditajiet jiġu eżentati minn skoperturi kbar u mir-rekwiżiti ta’ fondi propji mniżżla fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emendi,skont liema hi l-ewwel.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2395 introduċa arranġamenti tranżizzjonali biex jimmitiga l-impatt tal-introduzzjoni tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà li jirrapporta Standard 9 (IFRS 9)* fuq fondi propji u għat-trattament ta’ skoperturi kbar ta’ ċerti skoperturi tas-settur pubbliku denominati fil-munita domestika ta’ kwalunkwe Stat Membru. Huwa talab lill-banek li jużaw l-IFRS jippreparaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji biex japplikaw l-IFRS 9 sa mill-1 ta’ Jannar 2018. Minħabba li dan jista’ jwassal għal żieda sinifikanti f’daqqa fil-provvedimenti ta’ telf ta’ kreditu mistenni — u konsegwentement għal tnaqqis f’daqqa fil-kapital tal-Grad 1 tal-ekwità komuni tal-istituzzjonijiet* — ir-regolament iħalli l-istituzzjonijiet iżidu mal-kapital tal-Grad 1 tal-ekwità komuni tagħhom il-proporzjon taż-żieda fil-provvedimenti ta’ telf ta’ kreditu mistenni bħala kapital addizzjonali għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin mill-31 ta’ Diċembru 2022.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2401 jistipula r-rekwiżiti tal-kapital revist għal pożizzjonijiet f’titolizzazzjoni*. Huwa jemenda r-rekwiżiti ta’ kapital regolatorju għal istituzzjonijiet li jaġixxu bħala oriġinaturi, sponsors jew investuri fit-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, sabiex jirreflettu adegwatament il-karatteristiċi speċifiċi ta’ titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/630 jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ kopertura ta’ telf minimu għal skoperturi li ma jrendux. Huwa jimmira biex jipprevjeni kwalunkwe akkumulazzjoni eċċessiva ta’ self li ma jrendix* fil-futur mingħajr kopertura suffiċjenti ta’ telf fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Huwa jfittex li jiżgura li l-banek iwarrbu biżżejjed riżorsi proprji meta s-self ġdid jibda ma jrendix. Ir-regolament jistipula “garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali” li tħalli l-istituzzjonijiet ikopru t-telf imġarrab u mistenni sal-inqas livelli komuni fuq is-self b’oriġini ġdid, ladarba dan is-self ma jibqax irendi. Jekk bank ma jikkonformax mar-rekwiżit ta’ kopertura minima applikabbli, japplika tnaqqis mill-fondi proprji.
  • Ir-Regolament Emendatorju(UE) 2019/876 introduċa tibdil relatat mal-proporzjon ta’ ingranaġġ, mal-proporzjon ta’ finanzjament nett stabbli, mar-rekwiżiti għal fondi propji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju tal-kreditu tal-kontraparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontraparti ċentrali, skoperturi għal impriża ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u żvelar.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/2033 iwaqqaf qafas prudenzjali Ewropew għal ditti ta’ investiment. Qabel, id-ditti kollha tal-investiment kienu suġġetti għall-istess regoli ta’ kapital, ta’ likwidità u ta’ ġestjoni tar-riskju bħall-banek.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/873 introduċa xi bidliet immirati għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Dawn ifittxu li jintroduċu eżenzjoni temporanja mir-rekwiżiti kapitali sabiex jimmassimizzaw l-abbiltà tal-banek li jsellfu u li jassorbu telf relatat mal-pandemija, filwaqt li jippreservaw ir-reżiljenza tagħhom. Dawn it-tibdiliet jinkludu l-aġġustament tal-ħin tal-implimentazzjoni ta’ ċerti standards ta’ kontabbiltà internazzjonali u l-estensjoni temporanja ta’ trattament preferenzjali għal self li ma jrendix li qed jibbenefika minn garanzija tal-gvern bħala parti mill-miżuri għall-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-pandemija.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2021/558 jintroduċi bidliet biex iżid is-sensittività ġenerali għar-riskju tal-qafas tal-UE għat-titolizzazzjonijiet, biex jassigura li l-użu tat-titolizzazzjonijiet isir iktar ekonomikament vijabbli għall-istituzzjonijiet f’qafas superviżorju li jżomm l-istabbilità finanzjarja tal-UE.

Atti delegati u ta’ implimentazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 575/2013 jagħti setgħat lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni sabiex tagħti l-ikbar effett lill-ġabra unika tar-regoli bankarji. Lista sħiħa ta’ dawn l-atti hija disponibbli hawn.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ilu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2013.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2016/1014 ilu japplika sa mid-19 ta’ Lulju 2016.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2395 ilu japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2018.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2401 ilu japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2019.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/630 ilu japplika sa mis-26 ta’ April 2019.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/876 ilu japplika sa mit-28 ta’ Ġunju 2021.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/2033 ilu japplika sa mis-26 ta’ Ġunju 2021.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/873 ilu japplika sa mis-27 ta’ Ġunju 2020.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2021/558 japplika mill-10 ta’ April 2022.

SFOND

  • Ir-Regolament (KE) Nru 575/2013 huwa parti mill-pakkett leġiżlattiv, inkluż direttiva li ġiet adottata biex tagħmel is-settur bankarju tal-UE iktar reżiljenti. Ir-regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (Direttiva 2013/36/EU) tmexxi l-aċċess għall-attivitajiet dwar it-teħid ta’ depożitu.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Standard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 9 (IFRS 9). Standard li jimmira biex itejjeb ir-rappurtar finanzjarju tal-istrumenti finanzjarji bl-użu ta’ mudell li jħares ’il quddiem iktar biex jagħraf it-telf ta’ kreditu mistenni fuq l-assi finanzjarji. L-applikazzjoni tal-IFRS 9 tista’ twassal għal żieda sinifikanti f’daqqa fil-provvediment ta’ telf ta’ kreditu mistenni u konsegwentement għal tnaqqis f’daqqa fil-kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni tal-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, l-arranġamenti huma meħtieġa biex jiġi mitigat l-effett potenzjalment negattiv ħafna fuq il-kapital tal-Grad 1 tal-ekwità komuni li jiġi mill-kontabbiltà tat-telf ta’ kreditu mistenni.
1 Grad tal-ekwità komuni. Komponent tal-kapital tal-Grad 1 li jikkonsisti fil-kapital ewlieni tal-bank u jinkludi ishma ordinarji u profitti mfaddla.
Titolizzazzjoni. Tranżazzjoni li tippermetti sellief – ġeneralment bank — jiffinanzja mill-ġdid sett ta’ self/assi (eż. ipoteki, kirjiet tal-karozzi, self lill-konsumatur, karti ta’ kreditu) billi jikkonvertihom f’titoli li ħaddieħor ikun jista’ jinvesti fihom.
Self li ma jrendix. Self huwa ġeneralment ikkunsidrat li mhux qed irendi meta iktar minn 90 ġurnata jgħaddu mingħajr mas-sellief (kumpanija jew individwu) iħallas l-ammonti dovuti jew l-interess li ġie miftiehem dwaru, jew meta jsir iktar improbabbli li s-sellief ser iħallsu lura.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, pp. 1–337).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, pp. 338–436).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, pp. 1–59).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.06.2023

Top