EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2377

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2377 tal-14 ta' Ottubru 2016 li jemenda Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ

C/2016/6500

ĠU L 352, 23.12.2016, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/2377/oj

23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/50


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2377

tal-14 ta' Ottubru 2016

li jemenda Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament l-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar (rimi) permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1394/2014 ta' Delega tal-Kummissjoni (2) jistabbilixxi pjan għall-iskartar (rimi) għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art permezz ta' ċerti mekkaniżmi ta' flessibbiltà.

(4)

Skont l-Artikolu 15(5)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, pjan għall-iskartar jista' jkun fih l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni.

(5)

Il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands u l-Portugall għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fl-ilmijiet tal-Lbiċ. Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Lbiċ u mal-Kunsill Konsultattiv għas-sajd Pelaġiku, dawk l-Istati Membri fit-30 ta' Mejju 2016 issottomettew rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni li tissuġġerixxi li, permezz ta' deroga mill-Anness XII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (3), id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għas-sawrell (Trachurus spp.) fid-Diviżjonijiet VIIIc u s-subżona IX tal-ICES jiġi ffissat għal 12 cm għal 5 % tal-kwoti rispettivi ta' Spanja u tal-Portugall. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li fi ħdan dan il-limitu ta' 5 % tal-kwota ta' sawrell, fis-sajd bit-tartarun artiġjanali “xávega” fid-Diviżjoni IXa tal-ICES, 1 % mill-kwota tal-Portugall jistgħu jinqabdu b'daqs ta' inqas minn 12-il cm.

(6)

Il-korpi xjentifiċi rilevanti taw kontribuzzjoni xjentifika li ġiet eżaminata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Il-STECF ikkonkluda li bidla fid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni kif issuġġerita mir-Rakkomandazzjoni Konġunta hija assoċjata ma' riskju baxx ta' bidla fix-xejra tal-isfruttament stabbilita fis-sajd ikkonċernat. Dik ix-xejra ta' sfruttament flimkien ma' rati ta' sfruttament moderati ma tidhirx li hija ta' ħsara għad-dinamika tal-istokkijiet rilevanti. Fl-istess ħin, il-STECF osserva li l-kontroll tal-qbid b'limiti ta' daqs differenti jista' jkun ta' sfida u, jekk ma jiġix ikkontrollat sew, il-mortalità tista' tiżdied. Barra minn hekk, hu importanti li l-limiti perċentwali stabbiliti għad-daqsijiet iżgħar jiġu rispettati. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Membri kkonċernati jimplimentaw miżuri ta' kontroll xierqa rigward is-sajd ikkonċernat.

(7)

Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għaldaqstant jistgħu jiġu inklużi fi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ.

(8)

Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Billi l-miżuri mogħtija f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd u mal-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“B'deroga mill-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għas-sawrell (Trachurus spp.) li jinqabdu fid-Diviżjoni VIIIc tal-ICES u fis-subżona IX tal-ICES għandu jkun ta' 12-il cm għal 5 % tal-kwoti rispettivi ta' Spanja u tal-Portugall f'dawk iż-żoni. Fi ħdan dak il-limitu ta' 5 %, fis-sajd bit-tartarun artiġjanali ‘xávega’ fid-Diviżjoni IXa tal-ICES, 1 % mill-kwota tal-Portugall jistgħu jinqabdu b'daqs ta' inqas minn 12-il cm.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 31).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).


Top