EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0110

2011/110/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta' Settembru 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja għandha l-intenzjoni li timplimenta favur Fri-El Acerra S.r.l. C 8/09 (ex N 357/08) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 6159) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 46, 19.2.2011, p. 28–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/110(1)/oj

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Settembru 2010

dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja għandha l-intenzjoni li timplimenta favur Fri-El Acerra S.r.l. C 8/09 (ex N 357/08)

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6159)

(It-test bit-Taljan biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/110/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 108, paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu,

Wara li kkunsidrat il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62, paragrafu 1, punt a),

Wara li stiednet lil dawk kollha interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom b’konformità mal-artikoli msemmija (1) u wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet li rċeviet,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

It-22 ta’ Mejju 2008 saret laqgħa ta’ notifika minn qabel bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani.

(2)

Permezz ta’ komunikazzjoni elettronika tas-16 ta’ Lulju 2008, reġistrata lill-Kummissjoni fl-istess jum, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108, paragrafu 3 tat-TFUE, l-intenzjoni li jagħtu għajnuna ad hoc lil Fri-El Acerra S.r.l.

(3)

B’ittri tat-2 ta’ Settembru 2008 (D/53398) u tat-12 ta’ Diċembru 2008 (D/54895), il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni, li l-awtoritajiet Taljani taw b’ittri tal-1 ta’ Ottubru 2008 (A/20101), tat-22 ta’ Ottubru 2008 (A/22018) u tad-19 ta’ Jannar 2009, din tal-aħħar reġistrata lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Jannar 2009 (A/1460).

(4)

Fl-10 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura skont l-Artikolu 108, paragrafu 2 tat-TFUE dwar l-għajnuna msemmija. Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura kienet ippubblikata fl-24 ta’ April 2009 fil-Ġurnal Uffiċjali (2). Il-Kummissjoni stiednet lil dawk kollha interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-każ.

(5)

Fil-15 ta’ Mejju 2009, il-benefiċjarju tal-għajnuna Fri-El Acerra S.r.l., ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu rigward id-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura (A/11823). Fid-9 ta’ Ġunju2009 dawn l-osservazzjonijiet intbagħtu lill-Italja biex tkun tista’ tikkummenta dwarhom (D/52516). Fis-7 ta’ Lulju 2009 l-awtoritajiet Taljani talbu estensjoni ta’ tliet xhur biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom (A/16162). Fl-20 ta’ Awwissu 2009, is-servizzi tal-Kummissjoni rrispondew (D/53581) billi ffissaw skadenza ġdida ta’ xahar. Fl-10 ta’ Settembru 2009 l-awtoritajiet Taljani talbu (A/19513) laqgħa urġenti mas-servizzi tal-Kummissjoni biex jiddiskutu l-każ; fit-18 ta’ Settembru 2009 ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom (A/20172) biex ikunu diskussi fil-laqgħa, li saret fi Brussell fl-24 ta’ Settembru 2009 fil-preżenza tal-avukati li jirrappreżentaw il-konċessjonant (ir-Reġjun tal-Campania) u l-benefiċjarju (Fri-El Acerra S.r.l.).

(6)

B’ittra tal-21 ta’ Ottubru 2009 (D/54421) is-servizzi tal-Kummissjoni ħeġġew lill-awtoritajiet Taljani biex iressqu l-informazzjoni u d-dokumenti supplimentari miftehmin fil-laqgħa. Fit-2 ta’ Novembru 2009 l-awtoritajiet Taljani sa fl-aħħar ressqu dawn id-dokumenti u l-informazzjoni, reġistrati lill-Kummissjoni fl-istess jum (A/23266). B’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2009 (D/55541) is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Taljani biex jippreżentaw, jekk kemm il-darba kienu disponibbli, dokumenti oħra. B’ittra tal-1 ta’ Frar 2010 (A/1892) l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw diversi dokumenti, l-aktar tal-benefiċjarju tal-għajnuna. L-Italja fl-aħħar nett tat kjarifiki oħra b’messaġġ mibgħut bil-posta elettronika fil-5 ta’ Mejju 2010.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA TAL-GĦAJNUNA

(7)

L-awtoritajiet Taljani nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jagħtu, fl-ambitu tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali għall-2007-2013 (3) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-linji gwida tal-2007”), għajnuna reġjonali ad hoc favur Fri-El Acerra S.r.l. għal xogħol ta’ tiġdid u tibdil ta’ impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża f’impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem biż-żejt veġetali (bijolikwidi) f’Acerra (il-Campania). Il-Campania huwa reġjun li jikkwalifika għall-għajnuna b’għan reġjonali (NUTS II) skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE, b’livell massimu ta’ għajnuna reġjonali għal kumpaniji kbar ta’ 30 % tas-sussidju gross ekwivalenti (SGE) konformi mal-Mappa tal-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali għall-Italja 2007-2013 (4). Permezz tal-għajnuna, l-awtoritajiet Taljani kellhom il-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp reġjonali.

2.1.   Il-benefiċjarju tal-għajnuna

(8)

Il-kumpanija Fri-El Acerra S.r.l (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Friel Acerra”) hija l-benefiċjarju tal-għajnuna. Friel Acerra twaqqfet bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata fl-20 ta’ Diċembru 2005, 95 % minnha kkontrollata minn Fri-El Acerra Holding S.r.l. u 5 % minn NGP S.p.A. (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “NGP”), is-sid tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża. Fid-9 ta’ Frar 2006, il-kumpanija NGP żiedet temporanjament is-sehem tagħha fi Friel Acerra minn 5 % għal 90,5 %, minflok l-għoti lil Friel Acerra tal-fergħa tal-impjant tal-enerġija elettrika. Ftit jiem wara, fl-20 ta’ Frar 2006, is-sehem ta’ NGP tnaqqas għal 49 % u ftit xhur wara, fl-10 ta’ Ottubru 2006, reġa’ niżel għal 5 %.

(9)

Meta saret in-notifika dwar il-miżura, 95 % ta’ Friel Acerra kien ikkontrollat minn Fri-El Acerra Holding S.r.l., waqt li l-5 % l-ieħor kien ikkontrollat minn NGP. F’Jannar 2009 l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li, fil-11 ta’ Diċembru 2008, NGP kienet iddeċidiet li tirtira s-sehem tagħha fi Friel Acerra. Għalhekk, Friel Acerra bħalissa hija kkontrollata 100 % minn Fri-El Acerra Holding S.r.l., kumpanija kkontrollata mill-grupp Fri-El Green Power S.p.A.

(10)

Il-grupp Fri-El Green Power S.p.A. (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-grupp Friel”) twaqqaf fl-1994 fil-provinċja ta’ Bolzano mit-tliet aħwa Gostner u jopera fil-qasam tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli. Iktar preċiżament, il-grupp Friel jopera fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ u jipproduċi enerġija elettrika fi 19-il impjant għall-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ fl-Italja. Il-proġett ta’ investiment ta’ Acerra huwa l-ewwel wieħed li bħala parti minnu l-grupp li jinkludi lill-benefiċjarju jipproduċi enerġija minn bijomassa likwida, waqt li impjanti oħra tal-enerġija elettrika li jaħdmu bil-bijomassa u l-bijogass għadhom fil-fażi ta’ żvilupp (5).

(11)

NGP twaqqfet fl-2003 wara li Montefibre, kumpanija li tipproduċi akriliku u fibri tal-polijester, waqqfet il-produzzjoni tagħha ta’ polimeri tal-polijester f’Acerra. NGP għaddiet minn diffikultajiet finanzjarji u bbenefikat minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni, notifikata lill-Kummissjoni (NN15/2007, C14/2007), b’ammont totali ta’ EUR 20,87 miljun. Il-Kummissjoni approvat l-għajnuna lil NGP fis-16 ta’ Lulju 2008 (6). Il-bejgħ tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża kien wieħed mill-elementi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni li ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Taljani.

(12)

Fl-2006, l-awtoritajiet Taljani pprovdew dejta li tikkonferma li l-benefiċjarju tal-għajnuna u l-grupp Friel ikkwalifikaw bħala SMEs.

(13)

Waqt li kienet qed issir il-valutazzjoni, l-awtoritajiet Taljani pprovdew informazzjoni dwar l-iżviluppi tas-sehem fil-proprjetà tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li minnha jirriżulta li meta ġiet trasferita l-proprjetà tal-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża, (Frar 2006), NGP, li kienet il-proprjetarja preċedenti tal-assi, kellha sehem ta’ 90,5 % ta’ Friel Acerra. Wara, matul l-2006, is-sehem ta’ NGP fi Friel Acerra niżel għal 5 %.

2.2.   Il-proġett ta’ investiment

(14)

Il-proġett ta’ investiment notifikat ġie implimentat fir-Reġjun tal-Campania, fiż-żona industrijali ta’ Acerra. Il-proġett jirrigwarda x-xiri tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża li huwa proprjetà ta’ NGP u t-tibdil tiegħu f’impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem b’żejt veġetali, l-aktar żejt tal-palm.

(15)

L-impjant il-ġdid tal-enerġija elettrika huwa magħmul minn erba’ magni Wärtsilä tat-tip 18V46 li jaħdmu bil-kombustjoni, ta’ qawwa unitarja ta’ 17,2 MW u minn turbina tal-fwar ta’ 6 MW. Il-produzzjoni totali tal-impjant, f’dak li huma enerġija elettrika u sħana, tlaħħaq 74,8 MW.

(16)

L-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li l-proġett beda jitwettaq f’Lulju 2007 u li kellu jitlesta fl-2009. Madankollu, il-proċeduri għax-xiri tal-impjant il-qadim tal-enerġija elettrika nbdew fi Frar 2006. Skont informazzjoni li ġiet ippubblikata, l-impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijokarburant ilu jitħaddem mill-2009 (7).

(17)

Ġie nnutat li l-awtoritajiet Taljani għaddew l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji dwar il-konformità tal-proġett ta’ investiment mar-regoli ambjentali nazzjonali u Ewropej lill-Kummissjoni.

2.3.   Kostijiet ammissibbli tal-proġett

(18)

Il-kostijiet totali ammissibbli tal-investiment relatati mal-proġett jammontaw għal valur nominali (8) ta’ EUR 80,635 miljun, li minnhom EUR 3,3 miljun ntefqu għall-iddisinjar u fi studji ta’ fattibbiltà, EUR 60,920 miljun ntefqu f’makkinarju u fi stallazzjonijiet ġodda (l-impjant il-ġdid tal-enerġija elettrika li jitħaddem bil-bijokarburant), waqt li d-differenza ntużat biex tinxtara l-infrastruttura eżistenti u biex isiru xogħlijiet ta’ bini u xogħlijiet simili oħra. Il-kostijiet għax-xiri tal-infrastruttura eżistenti jinkludu l-kostijiet għax-xiri tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża (EUR 8,296 miljun) u tat-tankijiet tal-azzar (EUR 4,2 miljun) li qabel kienu proprjetà ta’ NGP.

(19)

L-Italja għaddiet lill-Kummissjoni d-dettalji tax-xiri minn Friel Acerra tal-impjant tal-enerġija elettrika li NGP ma baqax juża, u spjegat li NGP, fil-kuntest ta’ sottoskrizzjoni għal żieda fil-kapital ta’ Friel Acerra, għadditilha l-fergħa tagħha tal-kumpanija relatata mal-impjant tal-enerġija elettrika b’valur totali ta’ EUR 8 296 520, li minnhom EUR 3 771 043 f’dejn ma’ partijiet terzi, u d-differenza (imqarrba għal EUR 4,525 miljun) attribwita għal riservi kapitali. L-awtoritajiet Taljani pprovdew rapport estern magħmul minn esperti biex jiġi kkonfermat il-valur tal-impjant tal-enerġija elettrika.

(20)

L-Italja pprovdiet ukoll kopja tal-ftehim dwar il-bejgħ tat-tankijiet, li ġie ffirmat minn Friel Acerra u NGP, għall-prezz miftiehem ta’ EUR 4,2 miljun. Minkejja t-talba tal-Kummissjoni, waqt il-fażi tal-valutazzjoni preliminari l-awtoritajiet Taljani ma pprovdewx valutazzjoni esterna li tikkonferma l-valur imsemmi.

(21)

L-awtoritajiet Taljani jiddikjaraw li l-ispejjeż li ħallas il-benefiċjarju tal-għajnuna kienu ta’ EUR 35 miljun fl-2007 u ta’ EUR 45,635 miljun fl-2008.

2.4.   Finanzjament tal-investiment

(22)

L-awtoritajiet Taljani nnotifikaw li EUR 21 miljun, li jikkorrispondu għal 25 % tal-ammont totali tal-kostijiet tal-investiment, jiġifieri EUR 80,635 miljun (valur nominali), kienu ġew finanzjati minn riżorsi ta’ Friel Acerra stess; EUR 19,5 miljun kienu jikkorrispondu għall-ammont tal-għajnuna, waqt li l-bqija kienu koperti minn self bankarju fuq medda ta’ żmien qasir u medju/fit-tul.

2.5.   Bażi ġuridika tal-għajnuna ad hoc

(23)

L-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li Friel Acerra bdiet il-proġett ta’ investiment għat-tiġdid u t-tibdil tal-impjant tal-enerġija elettrika ta’ Acerra fl-2006 (meta nxtara l-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża), skont impenn li sar bħala parti mill-Ftehim dwar il-pjan (Ftehim dwar il-pjan għall-implimentazzjoni koordinata tal-intervent fiż-żona ta’ kriżi industrijali ta’ NGP Spa ta’ Acerra). Skont l-awtoritajiet Taljani, l-effett tal-inċentivazzjoni għandu jitfassal skont il-Ftehim dwar pjan, meta jitqies il-valur ġuridiku vinkolanti tiegħu.

(24)

Il-Ftehim dwar il-pjan ġie ffirmat fil-15 ta’ Lulju 2005 mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali ma’ NGP, Montefibre u Edison S.p.A. u jirrigwarda t-twaqqif ta’ NGP, kif ukoll attivitajiet oħra fiż-żona ta’ Acerra. Madankollu, il-Ftehim ma jsemmix l-għajnuna għax-xogħol ta’ tiġdid u tibdil tal-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża, iżda fiħ lista tal-investimenti u l-miżuri li għandhom isiru għar-ristrutturar ta’ NGP. Il-kumpanija tal-enerġija Edison S.p.A. (li m’għandhiex rabtiet ma’ Friel Acerra) dak iż-żmien dehret li kienet beħsiebha tinvesti fl-impjant eżistenti tal-enerġija elettrika, iżda fl-aħħar iddeċidiet li tirtira mill-operazzjoni. Il-Ftehim dwar il-pjan wara nbidel bi protokoll fis-6 ta’ April 2006 (9) u bi protokoll fit-8 ta’ April 2008.

(25)

Id-deċiżjoni tar-Reġjun tal-Campania li tikkonferma l-għoti ta’ għajnuna reġjonali ad hoc lil Friel Acerra għax-xoghol ta’ tiġdid u tibdil tal-impjant tal-enerġija elettrika ta’ Acerra ttieħdet fis-26 ta’ Ottubru 2007.

(26)

Fin-notifika inizjali, l-awtoritajiet Taljani pprovdew lista kronoloġika tal-ġrajjiet u infurmaw li d-dokumenti li ġejjin kellhom jiġu kkunsidrati bħala l-bażi ġuridika tal-għajnuna, b’mod partikolari:

Il-Protokoll tat-8 ta’ April 2008 li jibdel il-Ftehim dwar il-pjan, u

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania Nru 1857 tas-26 ta’ Ottubru 2007 (10).

2.6.   L-għajnuna

(27)

Il-miżura notifikat huwa dwar għajnuna biex issir stima, u biex isir tiġdid u tibdil, ta’ impjant eżistenti li kien ingħalaq. Dan jikkonsisti f’sussidju dirett ta’ ammont totali ta’ EUR 19,5 miljun, bħala valur nominali.

3.   IR-RAĠUNIJIET GĦALIEX INBEDA L-PROĊEDIMENT TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(28)

Wara valutazzjoni preliminari tal-miżura, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna notifikata mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107, paragrafu 3, punt c) tat-TFUE fid-dawl tal-linji gwida tal-2007, u ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċediment imsemmi fl-Artikolu 108, paragrafu 2 tat-TFUE. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji li ġejjin.

Effett tal-inċentivazzjoni

(29)

Il-Kummissjoni tiddubita li l-kundizzjoni dwar l-effett ta’ inċentivazzjoni mfissra fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 ġiet issodisfata: “Fil-każ ta’ għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti għandha tkun ħarġet dikjarazzjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha rigward l-għoti tal-għajnuniet qabel jinbdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett, bil-kundizzjoni li l-miżura tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni”. Id-dokument imsemmi mill-awtoritajiet Taljani bħala dikjarazzjoni ta’ intenzjoni (il-Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005) ma deherx li ssodisfa dawn il-kundizzjonijiet, minħabba li ma jipprovdix għajnuna għall-proġett u ma jsemmix lill-benefiċjarju tal-għajnuna, il-proġett u l-ammont totali tal-għajnuna. Il-benefiċjarju tal-għajnuna ġie stabbilit b’mod formali aktar tard, fl-20 ta’ Diċembru 2005. Skont l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, il-proġett ġie kkomunikat fi Frar 2006 meta nxtara l-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża (l-ewwel kostijiet ammissibbli fl-ambitu tal-għajnuniet notifikati), waqt li d-dokument li jista’ jitqies bħala dikjarazzjoni ta’ intenzjoni skont il-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 inħareġ mir-Reġjun tal-Campania ħafna aktar tard, fis-26 ta’ Ottubru 2007.

Kositjiet ammissibbli

(30)

Il-Kummissjoni tiddubita wkoll li parti mill-assi eżistenti (l-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża) inxtrat minn investitur indipendenti skont il-punti 34 u 35 tal-linji gwida tal-2007, li jindikaw: “F’każ ta’ xiri ta’ stabbiliment, għandhom jitqiesu esklussivament il-kostijiet għax-xiri tal-assi minn partijiet terzi”, u “Anki x-xiri tal-assi relatati b’mod dirett ma’ impjant jista’ jitqies bħala li hu investiment inizjali bil-kundizzjoni li l-impjant […] jinxtara minn investitur indipendenti”. Meta kienet għadha qed topera, Friel Acerra, il-benefiċjarja tal-għajnuna, kienet ikkontrollata minn NGP, li kienet propjretarja tal-assi. B’mod iktar preċiż, NGP kellha sehem ta’ 90,5 % ta’ Friel meta sar it-trasferiment tal-assi: fid-9 ta’ Frar 2006, il-kapital ta’ Friel Acerra żdied minn EUR 10 000 għal EUR 100 000, u din iż-żieda ta’ kapital ġiet sottoskritta esklussivament minn NGP. B’hekk, NGP żiedet temporanjament is-sehem tagħha fi Friel Acerra minn 5 % għal 90,5 %. Wara t-trasferiment li sar fid-9 ta’ Frar 2006, il-proċess li wassal għall-irtirar ta’ NGP bħala azzjonista b’maġġoranza fi Friel Acerra sar kważi b’mod immedjat. Kif diġà ġie spjegat fil-punt 8, ftit jiem wara (fl-20 ta’ Frar 2006), is-sehem ta’ NGP tnaqqas għal 49 %, u ftit xhur wara (fl-10 ta’ Ottubru 2006) għal 5 %.

(31)

Mhuwiex ċar jekk ix-xiri ta’ aktar assi eżistenti (tankijiet) li sar wara minn NGP seħħx “skont il-kundizzjonijiet tas-suq”, kif stabbilit fil-punti 34 u 52 tal-linji gwida tal-2007. L-awtoritajiet Taljani ma pprovdew l-ebda rapport minn espert indipendenti, li jistabbilixxi b’mod ċar il-prezz tas-suq tat-tankijiet.

Kontribut għall-iżvilupp reġjonali

(32)

Il-kontribut f’livell reġjonali tal-għajnuna ad hoc favur Friel Acerra ma ġiex ippruvat kif stabbilit fil-punt 10 tal-linji gwida tal-2007: “Meta jkun previst, skont ċirkostanzi eċċezzjonali, li tingħata għajnuna individwali ad hoc lil impriża waħda […], huwa l-Istat Membru li għandu juri li l-proġett jikkontribwixxi għal strateġija għall-iżvilupp reġjonali koerenti”. Il-ħolqien ta’ (jew li jinżamm) 25 post tax-xogħol, meta titqies l-għajnuna ta’ EUR 19,5 miljun, u l-kontribut tal-impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijokarburant u li għandha kapaċità ta’ 75 MW għas-soluzzjoni tad-defiċit enerġetiku tar-reġjun ta’ 2 489 MW jidhru li mhumiex biżżejjed, u l-għajnuna mhijiex proporzjonali mal-impatt tal-proġett. Lanqas ma ġie ppruvat b’mod ċar il-kontribut tal-proġett biex terġa’ tingħata l-ħajja liż-żona industrijali ta’ Acerra.

(33)

Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani u lil partijiet terzi biex jikkummentaw dwar il-kwistjoni tal-kontribut effettiv tal-impjant il-ġdid tal-enerġija elettrika li jaħdem biż-żejt tal-palma għall-iżvilupp taż-żona ta’ Acerra u tar-Reġjun tal-Campania.

Rispett għar-regoli ambjentali

(34)

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet Taljani biex jikkummentaw dwar id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida Komunitarji rigward l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent (11) (il-Linji Gwida dwar l-Ambjent tal-2008).

4.   OSSERVAZZJONIJIET LI ĠEW IPPREŻENTATI MINN PARTIJIET TERZI U OSSERVAZZJONIJIET TAL-ISTAT MEMBRU

(35)

Kif issemma hawn fuq, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mill-benefiċjarju tal-għajnuna, Friel Acerra, fil-15 ta’ Mejju 2009. L-awtoritajiet Taljani kkummentaw dwar dawn l-osservazzjonijiet b’ittri tat-18 ta’ Settembru 2009 u tat-2 ta’ Novembru 2009. Wara talba oħra min-naħa tal-Kummissjoni, fl-1 ta’ Frar 2010 l-awtoritajiet Taljani għaddew id-dokumenti tal-benefiċjarju tal-għajnuna lill-Kummissjoni.

4.1.   Sinteżi tal-osservazzjonijiet tal-benefiċjarju Friel Acerra

Effett tal-inċentivazzjoni

(36)

Dwar l-effett tal-inċentivazzjoni, Friel Acerra tirreferi għad-diversi dokumenti li ġew iffirmati mill-awtoritajiet Taljani bejn l-2004 u l-2008 biex terġa’ tingħata l-ħajja liż-żona industrijali ta’ Acerra. B’mod aktar speċifiku, Friel Acerra ssemmi l-Memorandum ta’ Ftehim tat-12 ta’ Mejju 2004 (12), il-Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005 (13), il-Ftehim Addizzjonali tal-Ftehim dwar il-pjan tas-6 ta’ April 2006 (14), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania Nru 1857 (15) u l-Ftehim Addizzjonali tal-Ftehim dwar il-pjan tat-8 ta’ April 2008 (16). L-argument ewlieni ta’ Friel Acerra huwa li d-dubji murija mill-Kummissjoni għad-deċiżjoni biex jinbeda l-proċediment ma jqisux għal kollox dawn id-dokumenti, u b’mod partikolari l-Ftehim dwar il-pjan iffirmat fil-15 ta’ Lulju 2005, li skont Friel Acerra huwa att li jorbot f’livell ġuridiku fir-rigward tal-għajnuna li tingħata għall-interventi kollha suċċessivi tagħha.

(37)

Fit-tieni laqgħa mit-tnejn li saru tal-kumitat inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-pjan, li saru rispettivament fid-29 ta’ Settembru u fis-6 ta’ Ottubru 2005 (u li fihom l-Italja għaddiet il-minuti lill-Kummissjoni), il-grupp Friel issemma mir-rappreżentant tal-NGP bħala investitur potenzjali, li huwa interessat li jixtri l-impjant il-qadim tal-enerġija elettrika bil-kundizzjoni li l-proġett ta’ investiment jingħata għajnuna reġjonali.

(38)

Friel Acerra jidhrilha li l-istennija leġittima kienet issaħħet permezz tal-ewwel modifika tal-Ftehim dwar il-pjan, li ġiet iffirmata fis-6 ta’ April 2006 mill-awtoritajiet Taljani u li fl-Artikolu 3 tagħha jiġi stabbilit, b’mod ċar, l-obbligu tar-Reġjun tal-Campania li jagħti appoġġ finanzjarju lill-proġett tal-impjant il-ġdid tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijokarburant. Għalhekk, Friel Acerra jidhrilha li r-Reġjun tal-Campania kien ġurdikament marbut li jappoġġja l-investiment tiegħu ferm qabel is-7 ta’ Ġunju 2006, meta l-kumpanija ppreżentat l-ewwel talba formali tagħha għall-għajnuna. L-atti suċċessivi tar-Reġjun tal-Campania tas-26 ta’ Ottubru 2007 u tat-8 ta’ April 2008 kkonfermaw dan l-obbligu.

Kostijiet ammissibbli

(39)

Għal dak li jirrigwarda mal-kostijiet ammissibbli, Friel Acerra taqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li meta sar it-trasferiment tal-assi (l-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża) iż-żewġ kumpaniji NGP u Friel Acerra ma kinux indipendenti, minħabba li NGP kienet tikkontrolla 90,5 % ta’ Friel Acerra. Madankollu, Friel Acerra ssostni li t-tranżazzjoni saret bil-kundizzjonijiet tas-suq, meta jitqies li l-prezz tal-bejgħ kien ġie ffissat għall-valur stabbilit minn espert indipendenti. Friel Acerra żżid tgħid li l-parteċipazzjoni ta’ NGP fil-kumpanija kienet niżlet għal 5 % matul l-2006 biss. Biex jiġu eliminati d-dubji kollha rigward vantaġġ possibbli għal NGP, fil-11 ta’ Diċembru 2008 l-grupp Friel xtara anki l-5 % li kien baqa’ mingħand NGP. Il-kumpanija għalhekk jidhrilha li l-kontroll temporanju ta’ NGP ma jirriflettix loġika ekonomika għal tul ta’ żmien medju u twil, iżda huwa r-riżultat ta’ proċedura speċifika magħżula għat-trasferiment tal-assi (l-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża).

(40)

Rigward il-prezz imħallas għall-assi l-oħra li Friel Acerra xtrat minn NGP (it-tankijiet), kif stabbilit fil-kuntratt preliminari tax-xiri tat-8 ta’ Marzu 2006, il benefiċjarju tal-għajnuna kkonferma li dan jirrifletti l-valur tas-suq tal-assi. Biex juri dan, il-benefiċjarju tal-għajnuna ppreżenta dokument ieħor bl-istima tal-valur tat-tankijiet, imħejji minn espert indipendenti li għamel stima tal-valur tal-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża. Din l-istima l-ġdida, imħejjija qabel l-2009 fil-fażi tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tagħmel referenza espliċita għall-prezzijiet tas-suq ta’ dawn l-assi użati kif stabbiliti f’Novembru 2008 u tikkonferma l-prezz imħallas lil NGP mill-benefiċjarju tal-għajnuna.

Kontribut għall-iżvilupp reġjonali

(41)

Rigward il-kontribut tal-proġett għall-iżvilupp reġjonali, Friel Acerra ssemmi l-ewwel nett il-25 post tax-xogħol ġdid li nħoloq. Il-kumpanija tenfasizza wkoll li l-impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijorkarburant jagħmel parti mill-istrateġija l-ġdida ta’ żvilupp taż-żona industrijali ta’ Acerra. Din l-istrateġija ta’ żvilupp tqis il-ħtieġa ta’ investimenti ġodda b’impatt baxx fuq l-ambjent (bħal pereżempju l-impjant tal-enerġija elettrika ta’ Friel Acerra li jaħdem bil-bijorkarburant). Barra minn hekk, minbarra ż-żona eks Montefibre, il-Konsorzju għaż-Żona ta’ Żvilupp Industrijali tal-Provinċja ta’ Napli (17) beħsiebu jbiddel iż-żona f’waħda ta’ innovazzjoni għall-industrija tal-ajrunawtika. Dan kollu jkollu impatt sinifikattiv fl-ambitu tal-impjiegi u l-ambjent u fuq il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tar-reġjun, u l-impjant tal-enerġija elettrika ta’ Friel Acerra li jaħdem bil-bijorkarburant jikkontribwixxi b’mod pożittiv għal din l-istrateġija.

Rispett għar-regoli ambjentali

(42)

Fl-aħħar nett, rigward l-aspetti ambjentali, Friel Acerra tirreferi għall-istess dokumenti għall-pjanijiet tar-Reġjun tal-Campania msemmija qabel mill-awtoritajiet Taljani: il-linji gwida rigward l-iżvilupp sostenibbli fis-settur tal-enerġija tal-2002, li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tar-Reġjun rigward l-enerġija, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali tal-2006 u l-pjan ambjentali dwar l-enerġija tal-2008. Il-kumpanija jidhrilha li dawn id-dokumenti kollha jindikaw b’mod ċar il-ħtieġa għal impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem b’sorsi rinnovabbli fir-Reġjun tal-Campania.

4.2.   Sinteżi tal-kummenti tal-Istat Membru

Effett tal-inċentivazzjoni

(43)

B’ittra tat-18 ta’ Settembru 2009, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw argument dettaljat dwar ir-rekwiżit tal-effett ta’ inċentivazzjoni stipulat fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Taljani jidhrilhom li l-linji gwida tal-2007 ma jispeċifikawx b’mod ċar il-forma tad-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni.

(44)

L-awtoritajiet Taljani jenfasizzaw kemm jorbot il-Ftehim dwar il-pjan li ġie ffirmat fil-15 ta’ Lulju 2005, u jtennu li l-bidu tal-proċediment amministrattiv għandu jmur lura mill-inqas għall-Memorandum ta’ Ftehim tal-2004, li kien jinkludi l-impenn, min-naħa tal-istituzzjonijiet, li jingħataw inċentivi biex tingħata l-ħajja mill-ġdid liż-żona industrijali ta’ Acerra. Huma jinnutaw ukoll li l-ewwel Protokoll tas-6 ta’ April 2006, li jimmodifika l-Ftehim dwar il-Pjan, fih referenza impliċita għal Friel Acerra u jiddikjara li r-Reġjun tal-Campania għandu l-intenzjoni li jagħti inċentivi għall-investiment fl-impjant il-ġdid.

(45)

L-awtoritajiet Taljani jiddikjaraw ukoll li l-identità tal-partijiet privati individwati bħala “implimentaturi” tieħu rilevanza għalkollox marġinali, fl-ambitu li fih il-proġett qed jiġi implimentat skont il-ftehim li sar u fil-kuntest tal-għanijiet soċjo-ekonomiċi u industrijali tiegħu. Huma jenfasizzaw fl-aħħar nett li, fin-nuqqas ta’ dawn l-inċentivi, l-investitur mhuwiex se jwaqqaf l-attività tiegħu f’din iż-żona, kif jidher fil-minuti tal-laqgħa tal-kumitat inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-pjan, li saret fis-6 ta’ Ottubru 2005.

Kostijiet ammissibbli

(46)

Rigward l-indipendenza ta’ Friel Acerra u NGP minn xulxin, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw il-pożizzjoni ta’ Friel Acerra u l-fatt li d-detentriċi tal-proġett u benefiċjarja tal-għajnuna notifikata hija biss u esklussivament din il-kumpanija – parti li hija għal kollox indipendenti minn NGP. L-awtoritajiet Taljani jindikaw li l-preżenza temporanja ta’ NGP fl-assi soċjali ta’ Friel Acerra damet biss għal żmien qasir (18) minħabba l-metodu magħżul mill-partijiet għat-trasferiment tal-impjant. Fl-ittra tat-2 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet Taljani jispjegaw li l-metodu li ntuża għat-trasferiment tal-impjant tal-enerġija elettrika minn NGP għal Friel Acerra, fl-ewwel fażi bl-għoti ta’ fergħa tal-kumpanija lil Friel Acerra u wara, bl-għoti tal-ishma ta’ NGP (lill-grupp Friel), minflok tpartit tal-assi inkwistjoni, essenzjalment intuża minħabba a) raġunijiet relatati mat-taxxi; b) it-tqassim tal-ħlas f’pagamenti separati; c) raġunijiet ta’ awtorizzazzjoni.

(47)

B’referenza għall-iffissar tal-valur tal-assi, l-awtoritajiet Taljani osservaw li għall-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża Friel Acerra ħallset l-ekwivalenti tal-valur stipulat mill-istima ta’ espert indipendenti u li, għalhekk, ma seta’ jkun hemm l-ebda dubju, min-naħa, mill-fatt li t-trasferiment tal-impjant seħħ bejn partijiet indipendenti, u min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, li l-operazzjoni saret skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(48)

Anki rigward ix-xiri tat-tankijiet, jgħodd, naturalment, dak li diġà ġie enfasizzat rigward l-indipendenza ta’ NGP u Friel Acerra minn xulxin. Minn dan jirriżulta wkoll li l-bejgħ tat-tankijiet sar “bejn partijiet indipendenti”. Barra minn hekk, anki fil-każ tax-xiri tat-tankijiet, il-partijiet qablu li jżommu strettament mal-valuri tas-suq biex jiġi determinat il-valur li għandu jiġi attribwit għall-assi, billi jiġu applikati l-istess kriterji u parametri li ntużaw mill-espert indipendenti rigward l-istima li saret rigward l-impjant.

Kontribut għall-iżvilupp reġjonali

(49)

Rigward il-kontribut reġjonali, l-awtoritajiet Taljani, fl-osservazzjonijiet li għamlu, tennew li l-proġett ta’ investiment:

għandu jżid l-impjiegi, bil-25 post tax-xogħol li jinħoloq direttemant;

għandu jkollu effett moltiplikattiv, minħabba l-konċentrament ta’ inizjattivi industrijali rilevanti fiż-żona ta’ Acerra, b’mill-inqas 10 postijiet tax-xogħol oħra konnessi mal-attivitajiet ta’ provvista u ħażna taż-żejt tal-palm u l-assistenza fit-trasport tiegħu;

għandu jkun rilevanti fl-istrateġija ta’ żvilupp taż-żona industrijali ta’ Acerra, bir-rilanċ industrijali, tal-impjiegi u soċjali taż-żona industrijali ta’ Acerra, min-naħa, u l-iżvilupp fl-istess żona, ta’ impjant tal-enerġija termoelettrika b’impatt ambjentali baxx;

għandu jikkontribwixxi biex jingħeleb id-defiċit enerġetiku fir-reġjun f’dik li hija kwalità tal-enerġija, maħluqa minn sorsi rinnovabbli (bijolikwidi). F’din il-perspettiva, l-impjant, b’qawwa ta’ 75 MW, se jkollu r-rwol importanti li jilħaq l-għan reġjonali ta’ 200 MW fl-2013 għall-bijomassa. Dan l-għan huwa msemmi fil-Pjan ta’ Enerġija Ambjentali Reġjonali (PEAR) tal-2008.

(50)

Mal-ittra tagħhom tat-2 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet Taljani hemżu nota tal-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku tal-21 ta’ Ottubru 2009, bil-għan li jiġi kkonfermat il-kontribut tal-proġett għall-iżvilupp reġjonali. F’din in-nota, il-Ministeru jikkonferma li:

il-Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005 kien dwar: “il-ħolqien ta’ investimenti għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet industrijali lokalizzati […]; l-immodernizzar tal-infrastrutturi ewlenin ta’ appoġġ (impjant tal-enerġija elettrika u impjant ta’ purifikazzjoni), anki għal għanijiet ta’ impjegar mill-ġdid tal-ħaddiema, il-ġbir flimkien tar-riżorsi tal-Gvern Ċentrali u tar-Reġjun tal-Campania għall-finanzjament tal-inċentivazzjonijiet meħtieġa għall-investimenti l-ġodda”;

għandhom jintlaħqu tliet għanijiet relatati mal-ekonomija u l-produzzjoni: a) li jiġi evitat li tingħalaq l-aktar parti ġdida tal-kumpanija SIMPE (eks NGP); b) li jinbeda proċess ta’ diversifikazzjoni tal-attivitajiet industrijali f’żona li fil-passat kienet karatterizzata mill-preżenza ta’ grupp wieħed imprenditorjali kbir, bil-konsegwenza ta’ tnaqqis ta’ riskji ta’ kriżi rikorrenti; c) li ssir valorizzazzjoni ta’ żona industrijali, bħal dik ta’ Acerra, li tinsab partikolarment milquta minn problemi ta’ qgħad u minn problemi soċjali;

l-attività biex tippromwovi l-investimenti ġodda biex jissawwar “il-park industrijali” ta’ Acerra li r-Reġjun tal-Campania ppropona fil-Ftehim dwar il-pjan kienet ta’ impenn wiesa’.

Rispett għar-regoli ambjentali

(51)

Fl-ittra tat-2 ta’ Novembru 2009 l-awtoritajiet Taljani taw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-konformità tal-impjant mar-regoli dwar is-sorsi rinnovabbli u l-karuburant biex jitħaddem, u b’hekk urew li, minbarra ż-żejt tal-palm, it-tħaddim tal-impjant tal-enerġija elettrika, minħabba l-karatteristiċi tat-teknoloġija li ntużat, jista’ jiġi assigurat, mingħajr preġudizzju għat-tħaddim regolari tiegħu jew għall-produttività, anki biż-żejt tal-ġewż tal-Indi, żjut oħra bħal żejt tal-kopra u tal-kolza, jew bijokarburanti veġetali li jistgħu jiġu assimilati.

4.3.   Dokumenti oħra tal-benefiċjarju li ngħataw mill-Istat Membru

Effett ta’ inċentivazzjoni

(52)

Fit-23 ta’ Diċembru 2009, bil-għan li jkun hemm għarfien sħiħ tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Taljani biex jipprovdu (jekk disponibbli) aktar dokumentazzjoni minn qabel id-data ta’ meta nbeda l-proġett ta’ investiment minn Friel Acerra, li tiġġustifika l-istess deċiżjoni li jsir l-investiment.

(53)

L-awtoritajiet Taljani wieġbu fl-1 ta’ Frar 2010, u insistew dwar il-fatt li l-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Ottubru 2005 identifikat b’mod ċar il-grupp Friel bħala investitur alternattiv wara li rtirat il-kumpanija Edison. F’dawn il-minuti, l-istennija (tal-grupp) Friel għall-appoġġ reġjonali ġiet affermata mill-persuna li tirrappreżenta lil NGP.

(54)

Flimkien mar-risposta, l-awtoritajiet Taljani bagħtu ittra oħra tal-benefiċjarju tal-għajnuna, b’dokumenti interni tal-grupp Friel: nota ta’ konsulent li jsemmi li teżisti opportunità li jinxtara l-impjant ta’ NGP f’Acerra wara l-irtirar ta’ Edison, żewġ kuntratti suċċessivi mal-istess konsulent u rapport intern tas-26 ta’ Jannar 2006 li jeżamina l-fattibbiltà finanzjarja tal-proġett fil-preżenza u fin-nuqqas tal-għajnuna reġjonali.

5.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

5.1.   Konfigurazzjoni tal-għajnuna mill-Istat

(55)

Skont l-Artikolu 107, paragrafu 1 tat-TFUE, ħlief għal derogi maħsuba fit-trattati, skont l-effett li jkollhom fuq skambji bejn Stati Membri, l-għajnuniet mogħtija mill-Istati, jiġifieri minn riżorsi tal-Istat, mhumiex kompatibbli mas-suq intern fl-ebda forma li tista’ tiffavorixxi xi kumpaniji jew tipi ta’ produzzjoni, bir-riżultat li jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni.

(56)

L-għajnuna tingħata mill-awtoritajiet Taljani f’forma ta’ sussdju dirett. Għalhekk jista’ jitqies li għajnuna bħal din tingħata minn Stat Membru u permezz ta’ riżorsi tal-Istat skont l-Artikolu 107, paragrafu 1 tat-TFUE.

(57)

L-għajnuna hija destinata għal kumpanija waħda, Friel Acerra, u għalhekk hija selettiva.

(58)

L-għajnuna tingħata għal investiment relatat mal-produzzjoni tal-enerġija elettrika. Is-suq tal-elettriku nfetaħ għall-kompetittività b’mod gradwali, b’mod partikolari bid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU L 27 tal-1997, paġ. 20), proċess li wassal għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-settur fl-1 ta’ Lulju 2007 (19). Barra minn hekk, anki qabel l-intervent tal-leġiżlatur komunitarju, fl-Italja kien hemm ċerta kompetizzjoni fis-settur (20). Minħabba li l-elettriku jsir kummerċ bih bejn l-Istati Membri, il-miżura hija ta’ natura tali li jkollha effett fuq l-iskambji bejn Stati Membri.

(59)

L-għajnuna lil Friel Acerra għadha tnaqqas il-piżijiet tal-kumpanija fir-rigward tal-ispejjeż li normalment kien ikollha li kieku kellha tinstalla impjant ta’ dan it-tip, li jfisser li l-kumpanija tibbenefika minn vantaġġ ekonomiku fuq il-konkorrenti tagħha.

(60)

Li Friel Acerra u l-produzzjoni tagħha jingħataw preferenza fuq il-konkorrenti jfisser li l-kompetizzjoni tkun ġiet imfixkla, jew li tkun qed tinħoloq theddida għall-kompetizzjoni.

(61)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107, paragrafu 1 tat-TFUE.

(62)

Hekk kif ġie stabbilit li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107, paragrafu 1 tat-TFUE, jenħtieġ li jiġi eżaminat jekk din tistax titqies bħala li hi kompatibbli mas-suq intern.

5.2.   Il-legittimità tal-miżura tal-għajnuna

(63)

Billi nnotifikat l-għajnuna li kienet se tingħata lil Friel Acerra qabel ma din ġiet implimentata, l-Italja rrispettat ir-rekwiżit fir-rigward tan-notifika individwali msemmi fl-Artikolu 108, paragrafu 3 tat-TFUE.

5.3.   Bażi ġuridika għall-valutazzjoni

(64)

Hekk kif ġie stabbilit li l-miżura msemmija tfisser għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107, paragrafu 1 tat-TFUE, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tad-derogi previsti fl-Artikolu 107, paragrafi 2 u 3 tat-TFUE.

5.3.1.   Artikolu 107, paragrafu 2 tat-TFUE

(65)

Id-derogi msemmija fl-Artikolu 107, paragrafu 2 tat-TFUE – li jirrigwardaw l-għajnuniet soċjali li jingħataw lil konsumaturi individwali, għajnuniet għat-tiswija ta’ ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra ta’ tip eċċezzjonali, u l-għajnuniet li ngħataw lil ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja – ma japplikawx f’dan il-każ.

5.3.2.   Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE

(66)

L-Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE jipprevedi li jkunu awtorizzati l-għajnuniet li jiffavorixxu l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni fejn il-livell tal-għejxien huwa baxx aktar min-normal jew fejn jeżisti livell għoli ta’ qgħad. Kif ġie spjegat fit-Taqsima 2 ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Reġjun tal-Campania huwa eliġibbli għall-għajnuna fis-sens ta’ din id-deroga.

(67)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għan iddikjarat tal-għajnuna huwa l-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali, u l-miżura tirrigwarda proġett ta’ għajnuna reġjonali ad hoc għall-investiment. Hija tinnota li l-proġett ta’ investiment li l-awtoritajiet Taljani beħsiebhom jappoġġjaw inbeda fl-2006. Għalhekk jenħtieġ li jiġi ċċarat jekk ir-regola għandhiex titqies fid-dawl tal-linji gwida rigward l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali għall-perjodu 2000-2006 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “linji gwida tal-1998”) (21) jew tal-linji gwida tal-2007.

(68)

Il-punt 105 tal-linji gwida tal-2007 jistabbilixxi r-regoli rigward l-applikazzjoni tat-testi rispettivi fuq tul ta’ żmien. Dan jistabbilixxi li l-linji gwida tal-2007 għandhom jiġu applikati għall-għajnuniet reġjonali kollha li jingħataw wara l-31 ta’ Diċembru 2006, filwaqt li l-linji gwida tal-1998 japplikaw għall-għajnuniet reġjonali kollha li ngħataw jew li kellhom jingħataw qabel l-2007. F’dan il-każ, l-għajnuna ma ngħatatx qabel l-2007, għalkemm il-proġett inbeda fl-2006. L-ewwel att li jista’ jitqies bħala konċessjoni ta’ għajnuna lill-benefiċjarju hija d-deċiżjoni tar-Reġjun tal-Campania tas-26 ta’ Ottubru 2007 (Ara t-Taqsima 5.4.1.5) (22). Għalhekk il-bażi tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE hija kkostitwita mil-linji gwida tal-2007.

5.3.3.   Artikolu 107, paragrafu 3, punti b), c) u d) tat-TFUE

(69)

Il-miżura m’għandhiex titqies bħala proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew għajnuna li se tirranġa taqlib serju fl-ekonomija, kif previst fl-Artikolu 107, paragrafu 3, punt b) tat-TFUE. Din m’għandhiex bħala għan il-promozzjoni tal-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, kif previst fl-Artikolu 107, paragrafu 3, punt d) tat-TFUE.

(70)

Rigward id-deroga skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt c) tat-TFUE, li jipprovdi għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna li ġġib ‘il quddiem l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, dejjem sakemm ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-iskambji b’mod li jmorru kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna għall-ħarsien ambjentali tista’ tiġi ddikjarata bħala li hi kompatibbli fuq bażi bħal din, bil-kundizzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-Linji Gwida Komunitarji rigward l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent (23) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Linji Gwida dwar l-Ambjent tal-2008”).

(71)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani ma ressqux argumenti oħra li jissuġġerixxu li l-għajnuna inkwistjoni tista’ tkun kompatibbli ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-trattat, ma’ regoli oħra dwar l-għajnuna mill-Istat jew ma’ linji gwida.

5.4.   Kompatibbiltà skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-2007

(72)

Il-linji gwida tal-2007, fil-kapitoli 2 (kamp ta’ applikazzjoni) u 4 (għajnuna reġjonali għall-investimenti), jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-approvazzjonu tal-għajnuniet reġjonali għall-investimenti. F’dan il-każ, għandhom jiġu rispettati l-punt 10 (kontribut ta’ reġjuni ad hoc għal strateġija ta’ żvilupp reġjonali) u l-partijiet 4.1 (tip u limiti tal-għajnuniet) u 4.2 (kostijiet ammissibbli), li jistabbilixxu r-rekwiżiti li ġejjin:

—   Effett ta’ inċentivazzjoni: biex jiġi garantit li l-għajnuniet reġjonali jwasslu għall-effett reali ta’ inċentivazzjoni biex isiru investimenti li kieku ma kinux jistgħu jsiru fiż-żoni assistiti, il-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 jistabbilixxi li: “F’każ ta’ għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar il-konċessjoni tal-għajnuna qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet tal-proġett, dejjem wara li l-miżura tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni”.

—   Kontribut għal strateġija ta’ żvilupp reġjonali koerenti: fil-punt 10 tal-linji gwida tal-2007 jingħad: “Meta jkun previst, b’mod eċċezzjonali, li jingħataw għajnuniet individwali ad hoc lil kumpanija waħda […], għandu jkun l-Istat Membru li juri li l-proġett jikkontribwixxi għal strateġija ta’ żvilupp reġjonali koerenti…”.

—   Kostijiet ammissibbli: id-definizzjoni preċiża tal-kostijiet ammissibbli tidher fil-punti 34, 35 u 36 u 50-56 tal-linji gwida tal-2007.

—   Kontribut proprju: il-punt 39 tal-linji gwida tal-2007 jeħtieġ kontribut proprju ta’ 25 %.

—   Żamma tal-investiment fir-reġjun: il-punt 40 tal-linji gwida tal-2007 jipprevedi li l-investiment jiġi sostnut mir-reġjun ikkonċernat għal perjodu ta’ ħames snin (3 snin fil-każ tal-SMEs).

—   Limiti tal-għajnuniet: il-punti 42-49 tal-linji gwida tal-2007 jistabbilixxu l-limiti tal-għajnuniet.

(73)

Il-Kummissjoni kienet diġà vvalutat il-konformità tal-miżura tal-għajnuna proposta fil-punt 34 tat-Taqsima 3.3 tad-deċiżjoni biex jinbeda l-proċediment ta’ investigazzjoni formali (24). B’mod aktar preċiż, kif diġà ġie spjegat fil-punt 34 i) tad-deċiżjoni, il-miżura ta’ għajnuna tirrigwarda proġett ta’ investiment inizjali, jiġifieri l-ħolqien ta’ impjant ġdid. Anki x-xiri tal-assi konnessi b’mod dirett mal-impjant, f’dan il-każ mal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża u t-tankijiet użati, jista’ jitqies bħala investiment inizjali, sakemm l-assi jinxtraw minn investitur indipendenti (ara l-punti 34 u 35 tal-linji gwida 2007): dan l-element se jiġi vvalutat fit-Taqsima 5.4.3 aktar ‘l quddiem; fil-punt vi) jiġi ddikjarat li l-benefiċjarju tal-għajnuna jingħata kontribut finanzjarju ta’ mill-inqas 25 % tal-kostijiet ammissibbli f’forma nieqsa minn kwalunkwe appoġġ pubbliku (ara l-punt 39 tal-linji gwida tal-2007); fil-punt vii) li l-għajnuna tingħata bil-kundizzjoni li l-investiment jiġi sostnut għal perjodu minimu ta’ ħames snin wara li jitlesta (ara l-punt 40 tal-linji gwida tal-2007); fil-punti ii) u iii) li l-grad tal-għajnuna notifikata (ara l-punti 42-49 tal-linji gwida tal-2007) jkun inqas mil-limitu ta’ għajnuna reġjonali applikabbli ta’ 30 % ESL, ikkoreġut skont kif stabbilit fil-punt 67 tal-linji gwida tal-2007; fil-punt iv) jingħad li l-għajnuniet għall-ispejjeż tal-istudji ta’ tħejjija u ta’ konsulenza huma inqas mil-limitu ta’ 50 % awtorizzat għal SMEs (ara l-punt 51 tal-linji gwida tal-2007).

(74)

Fit-taqsimiet li ġejjin, il-Kummissjoni se tivvaluta sa liema punt ġew rispettati l-kundizzjonijiet dwar l-effett ta’ inċentivazzjoni, il-kontribut għall-iżvilupp reġjonali u l-kostijiet ta’ investiment ammissibbli.

5.4.1.   Effett tal-inċentivazzjoni (punt 38 tal-linji gwida tal-2007)

(75)

Il-punt 38 tal-linji gwida jipprevedi dan li ġej.

Huwa importanti li jiġi garantit li l-għajnuna reġjonali jkollha effett reali ta’ inċentivazzjoni biex isiru investimenti li kieku ma kinux isiru fiż-żoni li qed tingħatalhom l-għajnuna. L-għajnuna tista’ għalhekk tingħata fl-ambitu ta’ pjanijiet ta’ għajnuna, basta l-benefiċjarju jkun talabha u l-awtorità inkarigata bil-ġestjoni tal-pjan tkun ikkonfermat bil-miktub li l-proġett, wara li jkun ġie soġġett għal verifika dettaljata, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fil-pjan qabel ma jkunu nbdew ix-xogħlijiet tal-proġett. Referenza espliċita għal dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandha tiġi inkluża fil-pjanijiet kollha ta’ għajnuna. F’każ ta’ għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti trid tagħmel dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar il-konċessjoni tal-għajnuniet qabel jinbdew ix-xogħlijiet tal-proġett, dejjem wara li din il-miżura tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni. Jekk ix-xogħlijiet jibdew qabel ma jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt, il-proġett kollu ma jkunx eliġibbli għal għajnuniet.

In-nota 39 tistabbilixxi li: “F’każ ta’ għajnuna soġġetta għan-notifika individwali u għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-konferma tal-ammissibbiltà trid tistenna d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-għajnuna min-naħa tal-Kummissjoni.”

In-nota 40 tistabbilixxi li: “‘jinbdew ix-xogħlijiet’ tfisser il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew l-ewwel impenn deċiż biex jigi ordnat it-tagħmir, bl-esklużjoni tal-istudji preliminari rigward il-fattibbiltà.”

In-nota 41 tistabbilixxi li: “L-unika eċċezzjoni għal dawn ir-regoli huwa l-każ ta’ pjanijiet ta’ għajnuna fiskali approvati li fihom ikunu ġew konċessi b’mod awtomatiku eżenzjoni jew tnaqqis fiskali għall-kostijiet ammissibbli mingħajr setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-awtorità.”

(76)

B’mod konformi mal-każistika:

“…jenħtieġ li jiġi nnutat li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 87, Nru 3, tal-KE biss jekk tista’ tiddikjara li din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija, għanijiet li l-kumpanija benefiċjarja ma tistax twettaq permezz tal-mezzi tagħha biss f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan ifisser li għajnuna, biex tkun tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87, Nru 3, KE, mhux biss trid tkun konformi ma’ wieħed mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 87, Nru 3, punt a), b), c) jew d), KE, iżda trid tkun ukoll meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet (sentenza tal-Qorti tas-7 ta’ Ġunju 2001, kawża T-187/99, Agrana Zucker und Stärke/il-Kummissjoni, Ġabra p. II-1587, punt 74).

Fil-fatt, għajnuna li twassal għal titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija benefiċjarja mingħajr ma’ din tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 87, Nru 3, KE ma tistax titqies bħala li hi kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ April 2008, kawża C-390/06, Nuova Agricast, Ġabra p. I-2577, punt 68; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-24 ta’ Frar 1987, kawża 310/85, Deufil/il-Kummissjoni, Ġabra p. 901, punt 18, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, kawża C-400/92, Il-Ġermanja/il-Kummissjoni, Ġabra p. I-4701, punti 12, 20 u 21).” (25)

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza adottat din il-linja anki f’kawża (26) li kienet tirrikjedi miżura ad hoc skont il-linji gwida preċedenti fil-kuntest tal-għajnuniet mill-Istat b’għan reġjonali (27), u ddikjarat li d-dispożizzjonijiet rigward l-effetti ta’ inċentivazzjoni japplikaw anki għal miżuri ad hoc. Il-Qorti tikkonferma wkoll li l-Kummissjoni tista’ tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-effett tal-inċentivazzjoni b’referenza għal ċirkostanza ta’ ordni kronoloġika (28).

(77)

Fil-prattika deċiżjonali kostanti tagħha rigward il-miżuri ta’ għajnuna ad hoc  (29), approvati skont il-linji gwida tal-2007, il-Kummissjoni jidhrilha li biex titqies bħala prova tal-effett tal-inċentivazzjoni skont punt 38 tal-linji gwida tal-2007, il-konferma bil-miktub tal-awtorità kompetenti jrid ikun fiha għadd minimu ta’ elementi li jidentifikaw għall-inqas il-proġett ta’ investiment li jeħtieġ l-għajnuna, l-ammont totali tal-ispejjeż ammissibbli, l-ammont totali tal-għajnuna u l-klawżola ta’ kondizzjonalità.

(78)

L-awtoritajiet Taljani u l-benefiċjarju pprovdew xi dokumenti li jidhrilhom li jistgħu jservu ta’ konferma bil-miktub skont il-punt 38 tal-linji gwida tal-2007. Il-Kummissjoni se teżaminahom kollha biex tivverifika jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet skont il-punt 38 tal-linji gwida tal-2007. Qabel ma tipproċedi b’din il-verifika, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi d-data li fiha beda jitwettaq il-proġett.

5.4.1.1.   Id-data li fiha beda jitwettaq il-proġett

(79)

L-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li l-proġett beda jitwettaq f’Lulju 2007. Madankollu, l-Kummissjoni osservat li l-operazzjoni tax-xiri tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża nbdiet fid-9 ta’ Frar 2006 bit-trasferiment lil Friel Acerra tal-fergħa tal-kumpanija tal-NGP relatat mal-impjant tal-enerġija elettrika. Minħabba li dan ix-xiri ta’ assi relatati b’mod dirett ma’ impjant (l-impjant li ma baqax jintuża) jitqies bħala investiment inizjali, id-data tax-xiri tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża hija d-data li fiha beda jitwettaq il-proġett. Għalhekk il-Kummissjoni jidhrilha li d-data tal-bidu tat-twettiq hija d-9 ta’ Frar 2006. Hija tosserva madankollu li l-konklużjonijiet tagħha dwar l-effett ta’ inċentivazzjoni jibqgħu mhux mittiefsa jekk wieħed iqis bħala d-data pertinenti l-4 ta’ Awwissu 2006, il-jum li fih Friel Acerra għaddiet l-ordni għall-forniment tal-impjant tal-enerġija elettrika lil Wärtsilä, jew saħansitra l-jiem tat-23 sat-30 ta’ Lulju 2007, meta Friel Acerra bdiet ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-impjant il-ġdid li jaħdem bil-bijorkarburant.

5.4.1.2.   Il-Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005

(80)

Il-Kummissjoni jidhrilha li dan id-dokument, deskritt fil-premessi 23 u 24, ma jistax jitqies bħala konferma bil-miktub skont it-tifsira tal-punt 38 tal-linji gwida tal-2007, għaliex jirreferi l-aktar għall-pjan ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni ta’ NGP (30). Il-kostruzzjoni ta’ impjant ġdid tal-enerġija elettrika fil-fatt tissemma’, iżda tirrigwarda kumpanija oħra (Edison) għal proġett ieħor (impjant ġdid tal-enerġija termoelettrika ta’ 400 MW), u ma ssemmi l-ebda għoti ta’ għajnuna għal dan il-proġett. Il-Ftehim dwar il-pjan iffirmat fil-15 ta’ Lulju 2005 jindika biss li NGP, Edison u l-awtoritjiet Taljani kellhom jikkonkludu ftehim ieħor fi żmien 60 jum (ħaġa li ma seħħitx). Kif diġà ġie msemmi fil-premessa 24, il-kumpanija Edison m’għandha l-ebda rabta ma’ Friel Acerra.

(81)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-argument tal-awtoritajiet Taljani li l-linji gwida tal-2007 ma jispeċifikawx il-forma preċiża tal-konferma bil-miktub, mhuwiex biżżejjed biex kwalunkwe dokument li b’xi mod vag jagħmel referenza għal xi proġett possibbli ta’ għajnuna jitqies bħala li hu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007. Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Ftehim dwar il-pjan iffirmat fil-15 ta’ Lulju 2005 ma jsemmi la l-proġett ta’ investiment li għandu jsir (impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijokarburant), la l-ammont totali tal-kostijiet ammissibbli u lanqas l-ammont totali tal-għajnuna. Lanqas ma jindika li biex isir it-tiġdid u t-tibdil tal-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża hija prevista xi għajnuna. Il-kundizzjonijiet rigward il-prova tal-effett ta’ inċentivazzjoni msemmija fil-punt 38 tal-linji gwida al-2007 jirreferu b’mod ċar għal proġett ta’ investiment, għal għajnuna, għal benefiċjarju u għall-approvazzjoni neċessarja tal-għajnuna mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, dokument li jiġġustifika dan l-effett ta’ inċentivazzjoni għandu jinkludi dawn l-elementi kollha.

(82)

Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ taċċetta l-argument tal-awtoritajiet Taljani li l-Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005 ħoloq stennija leġittima rigward sussidju għal kwalunkwe proġett fiż-żona industrijali ta’ Acerra rigward il-produzzjoni tal-elettriku, minħabba li dan ma jaffermax li s-sussidju għandu jingħata għal dan il-għan.

(83)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005 ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007.

5.4.1.3.   Il-modifika tal-Ftehim dwar il-pjan tas-6 ta’ April 2006

(84)

Il-Ftehim dwar il-pjan ġie modifikat fis-6 ta’ April 2006 mir-Reġjun tal-Campania u NGP (ara l-premessa 36). Il-Kummissjoni tosserva li din il-modifika tinkludi referenza għal pjan alternattiv għall-impjant tal-enerġija elettrika jew aħjar għat-tibdil tiegħu f’impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijokarburant, u jipprovdi għall-għoti ta’ għajnuna għall-proġett skont il-pjan ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, jiġifieri l-miżura 1.12 tal-programm operattiv għar-Reġjun tal-Campania (31).

(85)

Il-Kummissjoni madankollu tosserva li din il-miżura ma setgħetx tkopri l-ammont kollu tal-għajnuna mill-Istat previst għall-proġett Friel Acerra, minħabba li kien jeskludi għajnuniet ta’ ammonti kbar, jiġifieri proġetti bi spejjeż ammissibbli ta’ aktar minn EUR 25 miljun u ta’ grad ta’ għajnuna ta’ iktar minn 17,5 % (NGE), u proġetti li għalihom l-ammont totali tal-għajnuna kien ta’ aktar minn EUR 15-il miljun. Din is-sistema eżentata kienet teskludi mill-ispejjeż ammissibbli anki x-xiri ta’ impjanti u ta’ makkinarju użat (32).

(86)

Il-Kummissjoni għalhekk tosserva li anki kieku riedet tikkunsidra, b’mod assurd, il-modifika tas-6 ta’ April 2006 bħala ittra bil-għan li tingħata l-għajnuna, dan madankollu ma jiġġustifikax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007: l-ewwel nett, modifika bħal din saret wara d-data li fiha nbdew ix-xogħlijiet (9 ta’ Frar 2006); it-tieni nett il-modifika, bħall-Ftehim dwar il-pjan, ma tinkludix l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi kkunsidrata bħala dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, b’mod partikolari ma tindikax l-ammont totali tal-kostijiet ammissibbli u l-ammont totali tal-għajnuna li għandha tingħata, u lanqas ma tinkludi klawżola ta’ kondizzjonalità; it-tielet, din l-ittra ta’ konċessjoni ta’ għajnuna tagħmel referenza għal provvediment reġjonali li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2006 (33). Il-Kummissjoni diġà ddeċidiet li l-effett tal-inċentivazzjoni ma jistax jiġi trasferit minn programm ta’ għajnuna għal ieħor, minħabba li kull programm huwa indipendenti u għandu l-kundizzjonijiet tiegħu ta’ ammissibbiltà (34), iktar u iktar meta l-awtoritajiet nazzjonali għamlu referenza għall-possibbiltà li tingħata għajnuna fl-ambitu ta’ sistema partikolari li ma tippermettix l-għoti ta’ għajnuna għal ammont u għal proġett ta’ kobor simili ta’ dawk previsti f’dan il-każ.

(87)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li anki l-modifika li saret fis-6 ta’ April 2006 fil-Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet skont il-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 u, fi kwalunkwe każ, id-data tagħha hija wara d-data li fiha beda jitwettaq il-proġett.

(88)

Matul l-2006 (qabel l-iskadenza tal-programmi ta’ għajnuna eżistenti) Friel Acerra talbet għajnuna mill-Istat f’żewġ okkażjonijiet: fis-7 ta’ Ġunju 2006 talbet EUR 30 miljun skont il-miżura 1.12 tal-Programm operattiv għar-Reġjun tal-Campania 2000-2006; fit-18 ta’ Diċembru 2006 talbet EUR 43 396 000 skont il-programm nazzjonali Nru 488/1992, li ġie modifikat u approvat bħala miżura ta’ għajnuna mill-Istat N 715/99 (35). Il-Kummissjoni ma ġiet infurmata bl-ebda reazzjoni pożittiva min-naħa tal-awtoritajiet Taljani għal dawn it-talbiet. Friel Acerra, madankollu, kienet diġà bdiet ix-xogħlijiet meta ħadet l-assi ta’ NGP fi Frar 2006 u kienet għaddiet l-ordni għall-forniment tal-impjant il-ġdid tal-enerġija elettrika lil Wärtsilä fl-4 ta’ Awwissu 2006. Il-kumpanija, fl-aħħar nett, bdiet ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-impjant il-ġdid tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijorkarburant fil-perjodu 23-30 ta’ Lulju 2007. Għalhekk, anki talbiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala dikjarazzjoni ta’ intenzjoni skont il-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 u ma jistgħux juru li l-għajnuna tħalli effett ta’ inċentivazzjoni.

5.4.1.4.   L-awtorizzazzjoni tar-Reġjun tal-Campania tad-9 ta’ Ottubru 2006

(89)

Rigward dokument ieħor imsemmi mill-awtoritajiet Taljani fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtorizzazzjoni tad-9 ta’ Ottubru 2006 tar-Reġjun tal-Campania (36), dan huwa dwar l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi għat-trasformazzjoni teknika tal-impjant eżistenti tal-enerġija elettrika, u mhux dwar l-għajnuna li l-awtoritajiet reġjonali kellhom jagħtu għal dan il-għan. Għalhekk ma jistax jitqies bħala dikjarazzjoni ta’ intenzjoni skont punt 38 tal-linji gwida tal-2007 u d-data tiegħu hija wara d-data tal-bidu tat-twettiq tal-proġett.

5.4.1.5.   Id-Deċiżjoni tar-Reġjun tal-Campania tas-26 ta’ Ottubru 2007

(90)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li d-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania Nru 1857 tas-26 ta’ Ottubru 2007, diġà msemmija fil-premessi 25, 26, 29 u 68, hija l-ewwel dokument maħruġ mill-awtoritajiet Taljani skont il-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 u hija ġurdikament vinkolanti għall-għoti tal-għajnuna lil Friel Acerra. Id-dokument jidentifika b’mod ċar il-proġett ta’ investiment (l-impjant tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijorkarburant) u l-ammont totali tal-għajnuna (mhux aktar minn EUR 19,5 miljun) u jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni permezz ta’ notifika.

(91)

Minħabba li x-xogħlijiet tal-proġett bdew fi Frar 2006, jiġifieri sena u nofs qabel l-adozzjoni ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni jidhrilha li l-proġett notifikat ma jirrispettax il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 (37) u li ma jurix l-effett tal-inċentivazzjoni tal-għajnuna. In-notifika saret, biss, madankollu, fis-16 ta’ Lulju 2008. Id-deċiżjoni tar-Reġjun ta’ Ottubru 2007 b’impenn kondizzjonali għall-għoti ta’ għajnuniet ma tistax titqies determinanti biex Friel Acerra tingħata inċentiv biex twettaq proġett ta’ investiment li fil-fatt beda fi Frar 2006 bix-xiri tal-impjant tal-enerġija elettrika. Id-deċiżjoni reġjonali ta’ Ottubru 2007 ma tistax titiqes bħala li hija biżżejjed biex turi l-effett tal-inċentivazzjoni tal-għajnuna, anki jekk tiġi kkunsidrata d-data meta bdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li saru minn Friel Acerra f’Lulju 2007, minħabba li anki dawn ix-xogħlijiet bdew qabel din id-deċiżjoni.

5.4.1.6.   Minuti tal-laqgħa, li saret fis-6 ta’ Ottubru 2005, tal-kumitat inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-pjan

(92)

L-awtoritajiet Taljani jagħmlu wkoll referenza għall-minuti tal-laqgħa, li saret fis-6 ta’ Ottubru 2005, tal-kumitat inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-pjan, bħala prova tal-effett tal-inċentivazzjoni tal-proġett ta’ investiment ta’ Friel Acerra. Skont il-minuti, f’din il-laqgħa, il-grupp Friel issemma għall-ewwel darba mir-rappreżentant tal-NGP bħala investitur potenzjali li wera interess fix-xiri tal-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża. Dan l-interess kien motivat mid-disponibbiltà tal-għajnuna reġjonali għas-settur li setgħet tnaqqas l-ispejjeż finanzjarji taż-żona, li dak iż-żmien ma kinitx daqstant kompetittiva.

(93)

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-preżenza ta’ din id-dikjarazzjoni fil-minuti mhijiex sinjal ta’ intenzjoni deċiża u li torbot min-naħa tal-awtoritajiet Taljani li jagħtu għajnuna lill-proġett ta’ investiment, bil-kundizzjoni li tingħata l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Id-dikjarazzjoni hija tal-persuna li tirrappreżenta lil NGP, il-kumpanija li tinsab f’diffikultà u li kienet qed tipprova ssib xerrej għall-impjant tagħha tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-minuti ma jinkludu l-ebda dikjarazzjoni mill-awtoritajiet Taljani li tikkonferma li l-aspettattivi tal-grupp Friel dwar l-għajnuna għall-investiment reġjonali kienu se jiġu implimentati.

(94)

Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li dikjarazzjoni ta’ intenzjoni trid tkun, b’mod ċar, dokument bil-miktub mill-awtorità kompetenti biex tingħata l-għajnuna u mhux mir-rappreżentant ta’ kumpanija li mhijiex il-benefiċjarja tal-għajnuna u li hija interessata fix-xiri tal-assi inkwistjoni (l-impjant tal-enerġija termoelettrika). Barra minn hekk, il-minuti msemmija ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi rigward il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, imsemmija fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007.

5.4.1.7.   Dokumenti interni tal-kumpanija

(95)

Fl-aħħar nett, rigward dokumenti oħra mogħtija mill-awtoritajiet Taljani (ara l-punt 54), il-Kummissjoni jidhrilha li, meta titqies kemm hija ċara l-aħħar frażi tal-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 u meta jitqies il-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni trid tasal mill-awtorità kompetenti li tagħti l-għajnuna, id-dokumenti interni tal-kumpanija ma jistgħux jitqabblu ma’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu għajnuna għal proġett ta’ investiment reġjonali.

(96)

Fi kwalunkwe każ, dawn id-dokumenti pjuttost jikkonfermaw li d-deċiżjoni li jsir investiment ittieħdet mingħajr ma l-awtoritajiet Taljani kienu esprimew impenn deċiż u li jorbot biex tingħata l-għajnuna. B’mod partikolari, fir-rapport intern tas-26 ta’ Jannar 2006 ġiet ivvalutata l-fattibbiltà finanzjarja tal-proġett kemm bl-għajnuna reġjonali kif ukoll mingħajrha. Dan juri li kienu tqiesu ż-żewġ possibbiltajiet. Ir-rapport jikkonkludi li kieku Friel Acerra ma rċevitx l-għajnuna għall-investimenti reġjonali, il-proġett kien jirriżulta f’inqas profitt u kien ikun aktar riskjuż. Madankollu, mhux iktar minn ġimagħtejn wara, fid-9 ta’ Frar 2006, Friel Acerra tat bidu għall-investiment bix-xiri tal-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża tal-NGP. La l-awtoritajiet Taljani u lanqas il-benefiċjarju ma ddikjaraw li bejn is-26 ta’ Jannar 2006 u d-9 ta’ Frar 2006 kien seħħ fatt li stabbilixxa u kkonferma l-intenzjoni tal-awtoritajiet Taljani biex jagħtu l-għajnuna.

5.4.1.8.   Konklużjoni: l-ebda effett ta’ inċentivazzjoni

(97)

Il-Kummissjoni għalhekk jidhrilha li l-proġett notifikat ma jirrispettax il-kundizzjoni msemmija fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2007 dwar l-effett ta’ inċentivazzjoni tal-għajnuna ad hoc, li jistabbilixxi li, qabel jingħata bidu għax-xogħlijiet tal-proġett, dan l-effett ta’ inċentivazzjoni għandu jintwera permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, li fih jiġi ddikjarat li l-proġett ta’ investiment inkwistjoni huwa, fil-prinċipju, eliġibbli għall-għajnuna (bil-kundizzjoni li tingħata l-approvazzjoni tal-Kummissjoni).

5.4.2.   Kontribut għal strateġija għall-iżvilupp reġjonali koerenti (punt 10 tal-linji gwida tal-2007)

(98)

Il-Kummissjoni l-ewwel nett tfakkar li, skont il-punt 10 tal-linji gwida tal-2007, l-għajnuna ad hoc reġjonali hija kkunsidrata ammissibbli biss b’mod eċċezzjonali. Huwa fil-fatt l-Istat Membru li għandu juri li l-għajnuna reġjonali ad hoc tikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali permezz ta’ effetti pożittivi, bħal pereżempju l-ħolqien ta’ xogħol (impjiegi diretti jew indiretti maħluqa mill-investiment), il-formazzjoni u t-trasferiment ta’ teknoloġija b’effett ta’ spillover u li jkattar aktar investimenti min-naħa ta’ servizzi u produtturi relatati, waqt li fl-istess ħin jiġi mrażżan it-tfixkil għall-kompetittività.

(99)

Il-Kummissjoni tqis l-ewwel nett il-fatt li l-ħolqien (jew iż-żamma) ta’ 25 post tax-xogħol dirett u l-ħolqien ta’ 10 postijiet tax-xogħol indiretti jirrappreżentaw effettivament kontribut għall-iżvilupp reġjonali. Madankollu jidhirilha li l-għadd ta’ impjiegi maħluqa u l-ammont totali tal-għajnuna (EUR 19,5 miljun, bl-għajnuna diretta ad hoc għall-postijiet tax-xogħol ta’ EUR 780 000) evidentement mhumiex proporzjonali, speċjalment jekk isir paragun ma’ għajnuniet reġjonali ad hoc approvati mill-Kummissjoni tul dawn l-aħħar snin (38), li għalihom l-għajnuna medja għal kull post tax-xogħol (maħluq jew miżmum) kienet ta’ inqas minn EUR 70 000. Din il-konklużjoni tirriżulta valida anki jekk ma jitqiesx il-fatt li l-prezz għall-ħolqien u għaż-żamma tal-impjiegi jista’ jvarja bejn Stat Membru u ieħor.

(100)

Il-Kummissjoni jidhrilha, it-tieni nett, li l-kundizzjonijiet formali stabbiliti fid-diversi dokumenti ta’ programmazzjoni u ppjanar tal-iżvilupp reġjonali rigward il-produzzjoni tal-enerġija (39), b’mod partikolari l-għan li tintlaħaq kapaċità għall-ġenerazzjoni ta’ 200 MW ta’ elettriku bil-bijomassa sal-2013 stabbilit fil-pjan reġjonali ambjentali dwar l-enerġija tal-2008, mhumiex raġuni sostanzjali u sinifikattiva għal din il-miżura ta’ għajnuna ad hoc. Il-kontribut tal-impjant ta’ Friel Acerra (bil-kapaċità tiegħu ta’ 74,8 MW), jiġifieri 600 GWh fis-sena, huwa marġinali meta jitqabbel mad-defiċit enerġetiku reġjonali komplessiv, li jikkorrispondi għal 15 000 GWh fis-sena. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-eżistenza ta’ suq tal-enerġija li jaħdem ma tiġġustifikax il-ħtieġa ta’ dan l-investiment speċifiku. Rigward l-għanijiet formali l-oħra ffissati fid-diversi dokumenti ta’ programmazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-proġett ta’ investiment jista’ jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, iżda jidhrilha li l-kontribut fil-kuntest ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli bilkemm jipprovdi ġustifikazzjoni xierqa għal għajnuna reġjonali ad hoc lil kumpanija waħda.

(101)

Raġuni oħra li l-awtoritajiet Taljani tennew aktar minn darba fil-fażi ta’ notifikazzjoni kienet li l-impjant tal-enerġija elettrika kieku kien jipproduċi l-enerġija għaż-żona industrijali ta’ Acerra, u jipprevjeni r-riskji ta’ qtugħ ta’ dawl għall-impriżi li jistabbilixxu ruħhom f’dan il-park industrijali. Din il-ġustifikazzjoni ġiet abbandunata waqt il-fażi ta’ investigazzjoni formali, minħabba li l-Italja kkonfermat li Friel Acerra trid tbigħ il-produzzjoni tagħha fis-suq tal-enerġija billi tingħaqad max-xibka nazzjonali (40). Il-Kummissjoni għalhekk tosserva li waħda mill-ġustifikazzjonijiet ewlenin li jirriżultaw min-notifika, hija nieqsa, minħabba li l-enerġija prodotta minn Friel Acerra tinbiegħ lis-suq nazzjonali tal-enerġija u l-impjant il-ġdid tal-enerġija elettrika li jaħdem bil-bijolikwidi hija mqabbda direttament max-xibka nazzjonali.

(102)

Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fil-fażi ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni nnutat l-argument li l-iżvilupp tas-sit industrijali ta’ Acerra jista’ jiġi mfixkel jekk il-proġett ta’ investiment ta’ Friel Acerra jkun interrott, minħabba li dan jagħti sinjal negattiv ieħor lill-investituri potenzjali f’din iż-żona, li diġà hija milquta sew minn problemi soċjali u ekonomiċi. L-intrapriżi l-oħra li wrew interess li jistabbilixxu ruħhom f’din iż-żona jistgħu jirtiraw, b’effett aktar negattiv fuq din iż-żona urbana degradata li diġà tinsab fi kriżi. Ta’ min jenfasizza li jekk il-Kummissjoni tiddikjara għajnuna li m’għandha ebda effett fuq l-inċentivazzjoni ex ante bħala mhux kompatibbli, dan ma jistax ikollu l-effett li jimpedixxi investituri oħra milli jistabbilixxu l-operat tagħhom fl-istess żona indusrijali jew li jiġu miċħuda miżuri oħra ta’ għajnuna tal-effetti rispettivi tal-inċentivazzjoni.

(103)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Taljani ma pprovdewx statistika konkreta rigward ebda azzjoni ta’ formazzjoni jew ta’ trasferiment ta’ informazzjoni u l-ebda effett ta’ spillover jew li jista’ jkattar l-investiment, kif kien ġara fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ għajnuna reġjonali ad hoc li ġew approvati mill-Kummissjoni tul dawn l-aħħar snin (41).

(104)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq u jekk jitqiesu l-prattiki segwiti fil-passat u l-elementi kollha possibbli (numru limitat ta’ impjiegi diretti u indiretti maħluqa mill-proġett, kontribut negliġibbli għall-politika enerġetika reġjonali, nuqqas ta’ sostenn enerġetiku dirett fiż-żona industrijali, nuqqas ta’ effetti ta’ spillover u fuq kollox l-ammont tal-għajnuna li huwa eċċessiv meta jitqabbel mal-għadd ta’ impjiegi maħluqa u miżmuma), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-investiment ma jikkontribwixxi għal ebda strateġija ta’ żvilupp reġjonali koerenti, kif jitlob il-punt 10 tal-linji gwida tal-2007.

5.4.3.   Kostijiet ammissibbli (punti 34, 35 u 36 u minn 50 sa 56 tal-linji gwida tal-2007)

(105)

Minkejja l-ġustifikazzjoni ekonomika li qajmu l-awtoritajiet Taljani, it-trasferiment tal-assi (l-impjant tal-enerġija elettrika) mingħand NGP għal Friel Acerra ma seħħx b’osservanza totali tar-regolamenti. L-istess Friel Acerra, ix-xerrejja, ikkonfermat li meta sar it-trasferiment 90,5 % minnha kien ikkontrollat minn NGP.

(106)

Madankollu, il-preżenza temporanja ta’ NGP fi Friel Acerra jidher li hija marbuta mal-metodu magħżul (l-għoti tal-fergħa tal-kumpanija) għat-trasferiment tal-impjant eżistenti bejn zewġ partijiet formalment indipendenti minn xulxin. Fi tmiem l-operazzjoni (l-għoti tal-fergħa tal-kumpanija minn NGP lill-kumpanija komuni u l-għoti tal-kwoti lill-grupp Friel), iż-żewġ ażjendi reġgħu saru indipendenti minn xulxin. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ valutazzjoni tal-prezz tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża minn espert indipendenti ġie rrispettat, skont il-prinċipji u l-għanijiet tal-punt 35 tal-linji gwida tal-2007.

(107)

Rigward it-trasferiment tal-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża, il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li minkejja dak li jingħad fil-punt 35 tal-linji gwida tal-2007 – li jipprevedi li stabbiliment għandu jkun “jinxtara minn investitur indipendenti” – dan ma ġiex rispettat bis-sħiħ fil-kuntest formali, u lanqas ma ġiet irrispettata s-sustanza tiegħu. Fil-fatt, il-prezz imħallas minn Friel Acerra għall-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jintuża jikkorrispondi għall-valur ikkonfermat mill-espert indipendenti, u ftit wara t-trasferiment tal-assi l-kumpanija xerrejja saret indipendenti mill-kumpanija bejjiegħa (NGP).

(108)

Rigward assi oħra użati inklużi mal-kostijiet ammissibbli, il-Kummissjoni taċċetta l-argument imressaq mill-awtoritajiet Taljani u minn Friel Acerra, li t-trasferiment tat-tankijiet użati seħħ bejn żewġ partijiet indipendenti bil-kundizzjonijiet tas-suq, anki mingħajr stħarriġ formali ex ante minn espert indipendenti. Il-prezz imħallas għal dawn l-assi jikkorrispondi għall-prezz tas-suq, kif jikkonferma d-dokument il-ġdid imħejji mill-istess espert indipendenti li kien diġà għamel stima tal-valur tal-impjant tal-enerġija elettrika li ma baqax jintuża.

(109)

Għalhekk, l-akkwist ta’ dawn l-assi marbuta b’mod dirett mal-impjant, jiġifieri l-impjant tal-enerġija termoelettrika li ma baqax jntuża u t-tankijiet użati, jista’ jitqies bħala investiment inizjali skont it-tifsira tal-punt 35 tal-linji gwida tal-2007.

5.4.4.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà mal-linji gwida tal-2007

(110)

Għalhekk, anki jekk xi rekwiżiti dwar l-għajnuna reġjonali għall-investiment skont il-linji gwida tal-2007 jidhru li ġew irrispettati, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma ġewx rispettati l-obbligi msemmija hawn fuq (rigward l-effett tal-inċentivazzjoni u l-kontribut reġjonali) għall-għajnuna reġjonali ad hoc għall-proġetti ta’ investiment. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-miżura msemmija ma tistax tkun iddikjarata bħala kompatibbli, skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE u tal-linji gwida tal-2007.

5.5.   Kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida ambjentali tal-2008

(111)

L-awtoritajiet Taljani ma kellhom l-ebda reazzjoni għall-kumment tal-Kummissjoni, la waqt il-fażi tal-valutazzjoni preliminari, u lanqas waqt il-fażi tal-investigazzjoni formali, li skont il-linji gwida ambjentali tal-2008 tidher li hi aktar pertinenti għall-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ dan it-tip, li huma kkaratterizzati minn għanijiet fil-kuntest tal-enerġija/tal-ambjent u minn investimenti ta’ dan it-tip (impjant li jaħdem bil-bijorkarburant).

(112)

Il-Kummissjoni tinnota li d-dixxiplina ambjentali tal-2008 titlob, fil-punt 1.3.4, il-preżenza ta’ effett ta’ inċentivazzjoni. Il-punt 27 jipprevedi li għandu jsir kontroll dwar jekk l-investiment inkwistjoni kienx isir jew le mingħajr għajnuna mill-Istat.

(113)

Il-Kummissjoni jidhrilha li, għar-raġunijiet li diġà ġew spjegati fit-Taqsima 5.4.1, l-investiment sar qabel ma l-awtorità kompetenti għall-għoti tal-għajnuna kienet esprimiet l-intenzjoni deċiża tagħha li tagħti b’mod effettiv l-għajnuna għall-proġett. L-għajnuna notifikata għalhekk ma jista’ jkollha l-ebda effett ta’ inċentivazzjoni; jekk mhux għal din ir-raġuni biss, il-kundizzjonjijiet stipulati mil-linji gwida ambjentali tal-2008 ma ġewx issodisfati.

(114)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Italja, minkejja l-istedina ċara li saritilha, ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa biex turi l-osservanza tagħha tal-kundizzjonijiet previsti mil-linji gwida ambjentali tal-2008 rigward għajnuna għall-investimenti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (punti minn 102 sa 106 tad-dixxiplina ambjentali tal-2008).

(115)

Il-Kummissjoni tinnota li għandu jkun l-Istat Membru li juri li l-għajnuna hija kompatibbli (42). Minħabba li l-Italja ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni m’għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tilħaq konklużjoni dwar il-kriterji l-oħra previsti mil-linji gwida ambjentali.

(116)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura ta’ għajnuna msemmija ma tistax tiġi ddikjarata bħala li hi kompatibbli mas-suq intern, lanqas skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt c) tat-TFUE, lanqas mal-linji gwida ambjentali tal-2008, u lanqas ma’ deroga oħra msemmija fit-TFUE. Għaldaqstant għandha tiġi pprojbita.

6.   KONKLUŻJONIJIET

(117)

Fid-deċiżjoni li jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet, li jidhru fil-qosor fit-Taqsima 3 ta’ din id-Deċiżjoni, li minħabba fihom iddubitat jekk il-miżura li kienet qed tiġi eżaminata setgħetx taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-deroga msemmija fl-Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE. Dawn id-dubji ma tħassrux kompletament permezz tal-informazzjoni u l-argumenti li jinsabu fil-kummenti tal-awtoritajiet Taljani u tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

(118)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna reġjonali ad hoc notifikata lill-awtoritajiet Taljani favur Friel Acerra, li ġiet spjegata fit-Taqsima 2 ta’ din id-Deċiżjoni, ma tirrispettax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-linji gwida tal-2007 biex tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt a) tat-TFUE, u lanqas ma tirrispetta l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-linji gwida ambjentali tal-2008 biex tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107, paragrafu 3, punt c) tat-TFUE. Ma ġiet applikata l-ebda motivazzjoni oħra dwar il-kompatibbiltà.

(119)

Minħabba li mhi kompatibbli ma’ ebda deroga oħra li tidher fit-TFUE, l-għajnuna ma tistax tingħata. Skont l-awtoritajiet Taljani, l-għajnuna għadha ma tħallsitx u għalhekk m’hemm ebda ħtieġa li tingħata lura.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Taljana għandha l-intenzjoni li tagħti lil Fri-El Acerra S.r.l., b’ammont totali ta’ EUR 19,5 miljun, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

Għalhekk din l-għajnuna ma tistax tingħata.

Artikolu 2

Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Taljana għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu biex tikkonforma magħha.

Artikolu 3

Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell il-15 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU C 95 tal-24.4.2009, paġ. 20.

(2)  ĠU C 95 tal-24.4.2009, paġ. 20.

(3)  ĠU C 54 tal-4.3.2006, paġ. 13.

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat N 324/2007 – Mappa tal-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali għall-Italja 2007-2013 - C(2007)5618 def. cor. (ĠU C 90 tal-11.4.2008, paġ. 4).

(5)  Informazzjoni meħuda mill-websajt tal-grupp Friel: www.fri-el.it

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 14/07 (ex NN 15/07) mogħtija mill-Italja lil NGP/SIMPE (ĠU L 301 tat-12.11.2008, paġ. 14).

(7)  Informazzjoni meħuda mill-websajt tal-grupp Friel: www.fri-el.it

(8)  Il-valuri kollha huma nominali, ħlief fejn jiġi indikat mod ieħor.

(9)  Ta’ min jinnota li l-protokoll għandu d-data tas-6 ta’ April 2006, iżda l-annessi tiegħu ġew iffirmati fl-4 ta’ April 2006.

(10)  Ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Reġjun tal-Campania (BURC), Nru 63 tat-3 ta’ Diċembru 2007.

(11)  ĠU C 82 tal-1.4.2008, paġ.1.

(12)  Il-Memorandum ta’ Ftehim ġie ffirmat fit-12 ta’ Mejju 2004 minn, fost oħrajn, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, Sviluppo Italia, Montefibre Spa, NGP S.p.A, Edison S.p.A u l-junjins biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi industrijali ta’ NGP.

(13)  Ftehim dwar il-pjan tal-15 ta’ Lulju 2005, li ssemma qabel.

(14)  L-ewwel modifika tal-Ftehim dwar il-pjan (Ftehim Addizzjonali għall-ftehim tal-programm) ġiet iffirmata fis-6 ta’ April 2006, fost oħrajn minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, Sviluppo Italia, Konsorzju ASI ta’ Napli, Exide Italja S.r.l., ILMAS S.p.A. u l-junjins, biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi industrijali ta’ ILMAS.

(15)  Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania Nru 1857 tas-26 ta’ Ottubru 2007, li ssemmiet qabel.

(16)  It-tieni modifika tal-Ftehim dwar il-pjan (Ftehim Addizzjonali tal-Ftehim dwar il-pjan) ġiet iffirmata fit-8 ta’ April 2008 minn, fost oħrajn, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, NGP, Friel Acerra u partijiet oħra.

(17)  Konsorzju għaż-Żona ta’ Żvilupp Industrijali tal-Provinċja ta’ Napli.

(18)  Il-Kummissjoni tinnota li NGP żammet ishma mill-kapital ta’ Friel Acerra minn meta twaqqfet fl-20 ta’ Diċembru 2005, sal-11 ta’ Diċembru 2008.

(19)  Is-suq tal-elettriku nfetaħ bis-sħiħ fl-1 ta’ Lulju 2007, bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, (it-tieni Direttiva tal-UE dwar l-elettriku), ĠU L 17 tal-15.7.2003, paġ. 37.

(20)  Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza għall-kawżi T-297/02 ACEA/il-Kummissjoni, Ġabra (2009), p. II-1683, punt 90 u T-301/02 AEM/il-Kummissjoni, Ġabra (2009), p. II-1757, punt 95.

(21)  ĠU C 74 tal-10.3.1998, paġ. 9.

(22)  Skont il-Qorti tal-Prim’ Istanza, il-kriterju biex jiġi stabbilit meta ngħatat l-għajnuna huwa dak tal-“att ġuridikament vinkolanti li bih l-awtoritajiet [nazzjonali] kompetenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu l-għajnuna”: ara l-kawża T-109/01 Fleuren Compost kontra l-Kummissjoni, Ġabra (2004), p. II-127, punt 74 u ż-żewġ kawżi T-362/05 u T-363/05 Nuova Agricast kontra l-Kummissjoni, Ġabra (2008), p. II-00297*, punt 80. Ara wkoll is-sentenza riċenti tal-1 ta’ Lulju 2010, kawża T-62/08, Thyssenkrupp Acciai Speciali Terni kontra l-Kummissjoni, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 234-236.

(23)  ĠU C 82 tal-1.4.2008, paġ. 1.

(24)  Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 357/08, ippubblikata fil-ĠU C 95 tal-24.4.2009, paġ. 20.

(25)  Sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ Lulju 2010, kawża T-396/08, Freistaat Sachsen kontra l-Kummissjoni, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 46 u 47.

(26)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-14 ta’ Jannar 2009, kawża T-162/06 Kronoply kontra l-Kummissjoni, Ġabra (2009), p. II-1, punti 80 u 81.

(27)  ĠU C 74 tal-10.3.1998, paġ. 9.

(28)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-14 ta’ Jannar 2009, kawża T-162/06, Kronoply kontra l-Kummissjoni, punt 80.

(29)  Dawn il-kundizzjonijiet ġew rispettati, pereżempju, b’dikjarazzjoni ta’ intenzjoni (permezz ta’ dokument miktub u ffirmat mill-benefiċjarju u mir-Reġjun tal-Piemonte) f’każ ieħor riċenti Taljan ta’ għajnuna ad hoc b’għan reġjonali, N 381/2008, Pirelli Industrie Pneumatici S.r.l. (ĠU C 284 tal-25.11.2009), imma anki f’lista twila ta’ għajnuniet reġjonali ad hoc Pollakki: N 468/2009 Roche Polska Sp. z o.o. (ĠU C 53 tal-5.3.2010); N 448/2009 Crisil Irevna Poland Sp. z o.o. (ĠU C 147 tal-5.6.2010); N 447/2009 TietoEnator Sp. z o.o. (ĠU C 25 tat-2.2.2010); N 338/2009 Unicredit Processes &Administration SA (ĠU C 93 tat-13.4.2010); N 293/2009 Samsung Electronics Polska Sp. z o.o. (ĠU C 94 tal-14.4.2010); N 433/2008 Għajnuna reġjonali ad hoc lil UPS Polska Sp. z o.o. (ĠU C 1 tal-5.1.2010); N 67/2008 Google Poland Sp. z o.o. (ĠU C 217 tas-26.8.2008).

(30)  Deċiżjoni tas-16.7.2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 14/07 (ex-NN 15/07), op. cit.

(31)  Dispożizzjoni koperta mill-pjan SME XS 67/05, ippubblikat fil-ĠU C 19 tas-26.1.2006, paġ. 4. Dan il-pjan eżentat skont it-tifsira tar-Regolament Nru 70/2001 (ĠU L 10 tat-13.1.2001, paġ. 33) skada fil-31.12.2006.

(32)  Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania Nru 168 tal-15 ta Frar 2005, ippubblikata fil- Bollettino ufficiale tar-Reġjun tal-Campania (BURC), Nru 20 tal-11 ta’ April 2005.

(33)  Pjan SME XS 67/05, op. cit.

(34)  Bħad-deċiżjoni C(2008) 2997 finali tat-2.7.2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 1/04 (eks NN 158/03 u CP 15/03), li dwarha l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni fin-negattiv, b’ordni ta’ rkupru, rigward l-applikazzjoni abbużiva tal-pjan ta’ għajnuniet reġjonali N 272/98. Il-loġika prinċipali ta’ din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’ Istanza, li ddikjarat li “l-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 87, Nru 1, tal-KE huwa dak tal-waqfien tal-għajnuna mill-Istat. Skont il-liġi, id-derogi li jikkonċernaw dan il-prinċipju jridu jkunu interpretati restrittivament. … Għalhekk deċiżjoni li ma jkunx hemm oġġezzjonijiet għal dan il-pjan ta’ għajnuna tirrigwarda biss il-konċessjoni effettiva tal-għajnuniet relatati ma’ dan il-pjan, bl-awtoritajiet nazzjonali jimpenjaw ruħhom li jagħtu l-għajnuna qabel l-iskadenza ta’ din id-deċiżjoni.” (il-kawżi T-362/05 u T-363/05 Nuova Agricast kontra l-Kummissjoni, Ġabra (2008), p. II-00297*, punt 80). Għalhekk, il-fatt li kumpanija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ pjan ta’ għajnuna ma jawtorizzahiex li tingħata l-għajnuna fl-ambitu ta’ pjan ieħor jew ta’ miżura oħra ta’ għajnuna.

(35)  Deċiżjoni D/105754 tal-Kummissjoni tat-2.8.2000.

(36)  Digriet Amministrattiv Nru 416 tad-9 ta’ Ottubru 2006, ippubblikat f’BURC Nru 62 tas-26.11.2007.

(37)  Il-linji gwida tal-2007 ġew ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-4.3.2006, iżda l-Istati Membri ġew infurmati qabel dwar dan. L-istqarrija lill-istampa IP/05/1653 (Għajnuna mill-Istat: il-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda dwar l-għajnuna reġjonali għall-2007-2013’) inħarġet fil-21.12.2005.

(38)  Pereżempju l-każi ta’ għajnuna mill-Istat għall-Italja: N 381/2008 (op. cit.); għall-Polonja: N 468/2009 (op. cit.); N 447/2009 (op. cit.); N 649/2008 SWS Business Process Outsourcing Poland Sp. z o.o. (ĠU C 122 tad-29.5.2009); N 522/2008 Franklin Templeton Investments Poland Sp z o.o. (ĠU C 186 tat-8.8.2009); N 406/2008 Robert Bosch Sp. z o.o. (ĠU C 122 tad-29.5.2009); N 360/2008 State Street Services (Poland) Limited Sp. z o.o. (ĠU C 328 tal-31.12.2008); N 67/2008 (op. cit.); C 46/2008 Dell Poland (ĠU L 22 tat-2.2.2010); N 299/2007 Sharp Manufacturing Poland Sp. z o.o. (ĠU C 20 tas-27.1.2009); NN 4/2007 Delitissue Sp. z o.o. (ĠU C 107 tal-11.5.2007); N 904/2006 Funai Electric (Polska) Sp. z. o. o. (ĠU C 41 tal-15.2.2008); N 828/2006 Bridgestone Stargard Sp. z o. o. (ĠU C 278 tal-21.11.2007); N 535/2006 Shell Polska Sp. z o.o. (ĠU C 200 tat-28.8.2007); N 256/2006 LG Electronics Wroclaw Sp. z o.o. (ĠU C 276 tas-17.11.2007); N 251/2006 LG Innotek Poland Sp. z o.o. (ĠU C 270 tat-13.11.2007); N 247/2006 Lucky SMT Sp. z o.o. (ĠU C 282 tal-24.11.2007); N 630/2005 MAN Trucks Sp z o.o. (ĠU C 126 tat-30.5.2006); għar-Rumanija: N 767/2007 Ford Craiova (ĠU C 238 tas-17.9.2008); għal-Latvja: N 730/2007 SIA Ekobriketes Karsava (ĠU C 210 tad-19.8.2008); N 729/2007 SIA Eko Osta Riga (ĠU C 80 tat-3.4.2009); għas-Slovakkja: N 847/2006 Samsung Electronics Co. Ltd. (ĠU C 195 tad-19.8.2009); N 857/2006 Kia Motors Slovakia (ĠU C 214 tat-13.9.2007); N 651/2005 INA Kysuce a.s. (ĠU C 205 tal-5.9.2007); għar-Repubblika Ċeka N 661/2006 Hyundai Motor Manufacturing Czech s.r.o. (ĠU C 262 tal-1.11.2007).

(39)  Aġġornament annwali tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp Reġjonali (PASER) skont l-Artikolu 27, paragrafu 1, tal-Liġi Reġjonali Nru 1 tad-19 ta’ Jannar 2007, approvat mill-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania fit-30.5.2008, u l-Pjan Reġjonali Ambjentali dwar L-Enerġija għar-Reġjun tal-Campania (PEAR) 2008.

(40)  Dan huwa kkonfermat mill-preżenza ta’ Friel Acerra fil-lista ta’ operaturi fil-qasam tal-enerġija ppubblikata mill-Amministratur tas-Suq tal-Enerġija fuq l-indirizz: http://www.mercatoelettrico.org/

(41)  Ara n-nota 38.

(42)  Wieħed jara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess kawżi minn C-278/92 sa C-280/92 Spanja kontra l-Kummissjoni, Ġabra (1994) p. 4103, punt 49 u sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-kawża T-176/01 Ferriere Nord kontra l-Kummissjoni, Ġabra (2004), p. II-3931, punt 94.


Top