EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0383

2009/383/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta’ Mejju 2009 li tissospendi d-dazji definittivi ta’ anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ĠU L 120, 15.5.2009, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/383/oj

15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Mejju 2009

li tissospendi d-dazji definittivi ta’ anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2009/383/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Wara investigazzjoni ta’ reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“investigazzjoni ta’ reviżjoni”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1683/2004 (2) impona dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 2931 00 95 (kodiċi tat-TARIC 2931009582) u ex 3808 93 27 (kodiċi tat-TARIC 3808932719) (il-prodott ikkonċernat), kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate kkunsinnati mill-Malażja (kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja kemm jekk le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Crop protection (M) Sdn. Bhd., Lot 746, Jalan Haji Sirat 4 ½ Mili, off Jalan Kapar, 42100 Klang, Selangor Darul Ehsan, Malaysia (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 309) u kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate kkunsinnati minn Tajwan (kemm jekk iddikjarati li joriginaw minn Tajwan kemm jekk le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Sinon Corporation, No 23, Sec. 1, Mei Chuan W. Rd, Taichung, Taiwan (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 310). Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping hi ta’ 29,9 %.

(2)

AUDACE, l-assoċjazzjoni ta’ utenti u ta’ distributuri tal-prodott ikkonċernat, ippreżentat informazzjoni dwar bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq li seħħet wara li spiċċa l-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2002), u allegat li bidliet ta’ din ix-xorta għandhom jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-miżuri attwalment fis-seħħ, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni eżaminat jekk din is-sospensjoni kinitx mistħoqqa.

B.   RAĠUNIJIET

(3)

L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jistipula li, fl-interess Komunitarju, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi minħabba li l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament u li ma jkunx probabbli li l-ħsara terġa’ tibda mill-ġdid b’riżultat ta’ din is-sospensjoni, dejjem jekk l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u li dawn il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li dawn il-miżuri ta’ anti-dumping jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fi kwalunkwe ħin jekk ir-raġuni ta’ sospensjoni ma tibqax applikabbli.

(4)

Fir-rigward tal-industrija Komunitarja, hu nnotat li s-sitwazzjoni tagħha tjiebet sal-ewwel nofs tal-2008. Minħabba żieda qawwija fil-prezzijiet fis-suq tal-UE, żieda fil-volum u l-valur tal-bejgħ, u l-ispejjeż relattivament stabbli tal-produzzjoni, il-profitti mogħtija bħala persentaġġ tal-fatturat żdied b’mod sinifikanti. Dawn it-tendenzi pożittivi huma kkonfermati b’aktar ċifri reċenti għall-produtturi prinċipali tal-Komunità, li jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-produzzjoni tal-industrija Komunitarja u tal-volum ta’ bejgħ. Abbażi tal-informazzjoni tas-suq attwalment disponibbli, mhux mistenni li se tinbidel din is-sitwazzjoni b’mod sostanzjali f’każ ta’ sospensjoni tal-miżuri.

(5)

L-industrija tal-Komunità kkonfirmat li, attwalment, il-livell tal-prezzijiet tagħha fis-suq tal-UE jibqa’ b’mod ġenerali l-istess għalkemm il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina waqgħu b’mod sostanzjali minn Lulju 2008.

(6)

Il-kapaċità li dejjem qed tiżdied tal-produzzjoni u tal-output fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jista’ jkollhom effett ‘l isfel fuq il-prezzijiet tal-glyphosate tal-UE fit-tul medju jew twil ta’ żmien. Madankollu, l-informazzjoni attwali turi li dan l-effett hu mistenni li b’mod wiesa’ jiġi assorbit minn domanda dinjija li dejjem qed tikber.

(7)

Ma nstabet ebda indikazzjoni għalfejn is-sospensjoni ma tkunx fl-interess Komunitarju.

(8)

Bħala konklużjoni, minħabba l-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq, u b’mod partikolari l-livell attwali tal-prezzijiet fis-suq tal-Komunità, flimkien mal-livelli attwali għolja ta’ profitt tal-industrija tal-Komunità minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-industrija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fix-xhur reċenti, jitqies li d-dannu marbut mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mhux probabbli li jibda mill-ġdid bħala riżultat tas-sospensjoni. Għalhekk qed jiġi propost li l-miżuri fis-seħħ jiġu sospiżi għal disa’ xhur skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.

C.   KONSULTAZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(9)

Skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija Komunitarja dwar l-intenzjoni tagħha li tissospendi l-miżuri anti-dumping fis-seħħ. L-industrija tal-Komunità ngħatat l-opportunità biex tikkummenta u tqiesu l-kummenti tagħha.

D.   KONKLUŻJONI

(10)

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li r-rekwiżiti kollha għas-sospensjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq il-prodott ikkonċernat intlaħqu, bi qbil mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, id-dazju anti-dumping li kien impost mir-Regolament (KE) Nru 1683/2004 għandu jiġi sospiż għal perjodu ta’ disa’ xhur.

(11)

Jekk is-sitwazzjoni li wasslet għas-sospensjoni sussegwentement tinbidel, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi mill-ġdid il-miżuri anti-dumping billi tneħħi s-sospensjoni tad-dazji anti-dumping minnufih,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Wara d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 1683/2004 fuq l-importazzjonijiet ta’ glyphosate, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 2931 00 95 (kodiċi tat-TARIC 2931009582) u ex 3808 93 27 (kodiċi tat-TARIC 3808932719) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate kkunsinnati mill-Malażja (kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja jew le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Crop protection (M) Sdn. Bhd., Lot 746, Jalan Haji Sirat 4 ½ Mili, off Jalan Kapar, 42100 Klang, Selangor Darul Ehsan, Malaysia (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 309) u kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate ikkunsinnati minn Tajwan (kemm jekk iddikjarati li joriginaw minn Tajwan kemm jekk le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Sinon Corporation, No 23, Sec. 1, Mei Chuan W. Rd, Taichung, Taiwan (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 310), qed jiġi sospiż għal disa’ xhur.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 303, 30.9.2004, p. 1.


Top