EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009F0315

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas- 26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/06/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2009/315/oj

7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/23


DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/315/ĠAI

tas-26 ta’ Frar 2009

dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 31u 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni u l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li tipprovdi liċ-ċittadini livell għoli ta' sigurezza fi ħdan iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-għan jippresupponi skambju bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000 l-Kunsill, in linea mal-konkluzzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, adotta programm ta' miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet f'materji kriminali (2). Din id-Deċiżjoni Qafas tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-miri previsti fil-miżura Nru 3 tal-programm, li tirrikjedi l-istabbiliment ta' formola standard bħal dik imfassla għall-korpi ta' Schengen, tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, għat-talbiet dwar rekords kriminali.

(3)

Il-Rapport Finali dwar l-ewwel eżerċizzju ta' valutazzjoni dwar assistenza legali reċiproka f'materji kriminali (3) talab lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċeduri għat-trasferiment ta' dokumenti bejn l-Istati, bl-użu jekk meħtieġ, ta' formoli standard biex tiġi faċilitata l-assistenza legali reċiproka.

(4)

Il-bżonn li tittejjeb il-kwalità tal-iskambju ta' informazzjoni dwar kundanni ngħatat prijorità fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2004 u kienet imtennija mill-ġdid fil-Programm tal-Aja (4), adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, li appella għal skambju ta' informazzjoni akbar mir-reġistri nazzjonali ta' kundanni u skwalifiki. Dawn l-għanijiet huma riflessi fil-Pjan ta' Azzjoni adottat b'mod konġunt mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fit-2 u t-3 ta’ Ġunju 2005 bil-ħsieb li jitwettaq il-Programm tal-Aja.

(5)

Bil-ħsieb li jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar rekords kriminali, huma milqugħa proġetti żviluppati bil-mira li jinkiseb dan l-għan, inkluż il-proġett eżistenti għall-interkonnessjoni tar-reġistri kriminali nazzjonali. L-esperjenza miġbura minn dawn is-servizzi inkoraġġiet lill-Istati Membri biex itejbu aktar l-isforzi tagħhom u wriet l-importanza li jitkompla jiġi razzjonalizzat l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni dwar kundanni bejn l-Istati Membri.

(6)

Din id-Deċiżjoni Qafas hija tweġiba għax-xewqat espressi mill-Kunsill fl-14 ta’ April 2005, wara l-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar l-iskambji ta' informazzjoni dwar kundanni u l-effett tagħhom fl-Unjoni Ewropea u mid-diskussjoni ġenerali sussegwenti dwar dawn. L-għan prinċipali tagħha huwa li ttejjeb l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kundanni u, fejn dawn huma imposti u rreġistrati fir-rekords kriminali tal-Istat Membru li jikkundanna, dwar skwalifiki naxxenti minn kundanni kriminali ta' ċittadini tal-Unjoni.

(7)

L-applikazzjoni tal-mekkaniżmi stabbiliti permezz ta' din id-Deċiżjoni Qafas biss għat-trasmissjoni ta' informazzjoni meħudha minn rekords kriminali dwar persuni fiżiċi għandha tkun mingħajr ebda preġudizzju għat-twessigħ futur possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni rigward persuni ġuridiċi.

(8)

L-informazzjoni dwar kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra hija attwalment regolata mill-Artikoli 13 u 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959. Dawn id-dispożizzjonijiet m'humiex madanakollu suffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti preżenti tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'oqsma bħall-Unjoni Ewropea.

(9)

Bejn l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni Qafas għandha tissostitwixxi l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali. Minbarra l-obbligi tal-Istat Membru li jikkundanna li jittrasmetti l-informazzjoni lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-informazzjoni dwar il-kundanni mogħtija kontra ċ-ċittadini tiegħu, li din id-Deċiżjoni Qafas tinkorpora u tiddefinixxi aktar, ġie introdott ukoll obbligu fuq l-Istati Membri taċ-ċittadinanza tal-persuna, li jaħżnu l-informazzjoni trasmessa, sabiex jiżguraw li jkunu kapaċi jwieġbu bis-sħiħ talbiet għal informazzjoni minn Stati Membri oħra.

(10)

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbilità li l-awtoritajiet ġudizzjarji jitolbu direttament għal u jittrasmettu informazzjoni minn rekords kriminali skond l-Artikolu 13, flimkien tal-Artikolu 15(3), tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, stabbilita permezz tal-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 (5).

(11)

It-titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni ftit li xejn huwa utli jekk l-Istati Membri ma jkunux f'pożizzjoni li jieħdu kont tal-informazzjoni trasmessa. Fl-24 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill adotta Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (6).

(12)

L-għan prinċipali tal-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju jinkiseb b'din id-deċiżjoni Qafas, peress li l-awtorità ċentrali ta' kull Stat Membru għandha tirrikjedi u tinkludi l-informazzjoni kollha provduta mir-rekords kriminali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna fl-estratt tagħha mir-rekords kriminali meta din twieġeb għat-talba mill-persuna konċernata. Il-konoxxenza tal-eżistenza ta' kundanna kif ukoll, fejn imposta u rreġistrata fir-rekord kriminali, ta' skwalifika naxxenti minnha, hija prerekwiżit biex tagħtihom effett skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-persuna tkun intenzjonata li twettaq attività professjonali relatata mas-superviżjoni tat-tfal. Il-mekkaniżmu stabbilit permezz ta' din id-deċizzjoni Qafas jimmira inter alia li jiġi żgurat li persuna kundannata b'reat sesswali kontra tfal, fejn ir-rekord kriminali ta' dik il-persuna fl-Istat Membru li jikkundanna jinkludi tali kundanna, u fejn imposta u rreġistrata fir-rekord kriminali, skwalifika naxxenti minnha, ma tkunx tista' taħbi din il-kundanna jew skwalifika bil-ħsieb li twettaq attività relatata mas-superviżjoni ta' tfal fi Stat Membru ieħor.

(13)

Din id-deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali trasmessa bejn l-Istati Membri bħala riżultat tal-implimentazzjoni tagħha. Regoli ġenerali eżistenti dwar il-protezzjoni ta' data personali proċessata fil-qafas ta' koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali huma kumplimentati bir-regoli stabbiliti f'din id-deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 tapplika għad-data personali ttrattata abbażi ta' din id-Deċiżjoni Qafas. Din id-Deċiżjoni Qafas tinkorpora wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/876/ĠAI tal-21 ta’ Novembru 2005 dwar l-iskambju tal-informazzjoni estratta mir-rekord kriminali (7), li jillimitaw l-użu li l-Istat Membru rikjedenti jista' jagħmel mill-informazzjoni mitluba. Din id-deċiżjoni Qafas tissupplementa tali dispożizzjonijiet b'regoli speċifiċi li japplikaw meta l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jibgħat informazzjoni dwar il-kundanni trasmessa lilu mill-Istat Membru li jikkundanna.

(14)

Din id-Deċiżjoni Qafas ma timmodifikax l-obbligi u l-prattika stabbilita f'relazzjoni ma' Pajjiżi terzi taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, sakemm dak l-istrument jibqa' applikabbli.

(15)

Skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (84) 10 dwar ir-rekords kriminali u r-riabilitazzjoni ta' persuni kkundannati, l-għan prinċipali tal-istabbiliment ta' rekords kriminali huwa li jinforma lill-awtoritajiet responsabbli mis-sistema tal-ġustizzja kriminali dwar l-isfond ta' persuna soġġetta għal proċedimenti legali bil-ħsieb li tiġi adattata d-deċiżjoni li għandha tittieħed għas-sitwazzjoni partikolari. Peress li kull użu ieħor mir-rekords kriminali li jista' jikkomprometti l-possibbiltajiet ta' riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata għandu jkun limitat kemm jista' jkun, l-użu tal-informazzjoni trasmessa taħt din id-deċiżjoni Qafas għall-finijiet oħrajn li m'humiex proċedimenti kriminali jista' jiġi limitat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat mitlub l-informazzjoni u tal-Istat rikjedenti.

(16)

L-għan tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni lill-Istat Membru ta' ċittadinanza tal-persuna għall-iskop tal-ħażna u t-trasmissjoni mill-ġdid tagħha m'huwiex li jiġu armonizzati s-sistemi nazzjonali tar-rekords kriminali tal-Istati Membri. Din id-deċiżjoni Qafas ma tobbligax lill-Istat Membru li jikkundanna biex ibiddel is-sistema interna tiegħu ta' rekords kriminali rigward l-użu ta' informazzjoni għal skopijiet domestiċi.

(17)

It-titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni ftit li xejn huwa utli jekk din l-informazzjoni ma tkunx tista' tinftiehem mill-Istat Membru li jirċeviha. Il-ftehim reċiproku jista' jikber permezz tal-ħolqien ta' “format Ewropew standardizzat” li jippermetti l-iskambju tal-informazzjoni b'mod uniformi, elettroniku u li huwa faċilment tradott b'mezzi mekkaniċi. L-informazzjoni dwar kundanni trasmessa mill-Istat Membru li jikkundanna għandha tiġi hekk trasmessa fil-lingwi uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li jikkundanna. Għandhom jittieħdu miżuri mill-Kunsill sabiex titwaqqaf is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni introdotta permezz ta' id-Deċiżjoni Qafas.

(18)

Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u kif riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(19)

Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea minħabba li t-titjib fis-sistemi ta' trasmissjoni ta' informazzjoni dwar il-kundanni bejn l-Istati Membri ma jistax jinkiseb b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri li jaġixxu b'mod unilaterali u jeħtieġ azzjoni koordinata fl-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas huwa:

a)

li tiddefinixxi l-modi kif Stat Membru fejn tingħata kundanna kontra ċittadin ta' Stat Membru ieħor (l-“Istat Membru li jikkundanna”) jittrasmetti l-informazzjoni dwar tali kundanna lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna kkundannata (l-“Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna”);

b)

li tiddefinixxi l-obbligi ta' ħżin għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u biex tispeċifika l-metodi li għandhom jiġu segwiti fit-tweġiba għal talba għal informazzjoni estratta mir-reġistri kriminali;

c)

li tistabbilixxi l-qafas għal sistema kompjuterizzata ta' skambju ta' informazzjoni dwar il-kundanni bejn l-Istati Membri li għandha tinbena u tiġi żviluppata abbażi ta' din id-Deċiżjoni Qafas u d-deċiżjoni sussegwenti msemmija fl-Artikolu 11(4).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas:

a)

“kundanna” tfisser kwalunkwe deċiżjoni finali minn qorti kriminali kontra persuna fiżika rigward reat kriminali, sal-punt li dawn id-deċiżjonijiet jiġu rreġistrati fir-rekords kriminali tal-Istat Membru li jikkundanna;

b)

“proċedimenti kriminali” tfisser l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess nnifsu u l-eżekuzzjoni tal-kundanna;

c)

“rekord kriminali” tfisser ir-reġistru jew ir-reġistri nazzjonali fejn jiġu rreġistrati l-kundanni skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Awtorità ċentrali

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċizjoni Qafas, kull Stat Membru għandu jindika awtorità ċentrali. Madankollu, għat-trasmissjoni tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 4 u għat-tweġibiet taħt l-Artikolu 7 għal talbiet imsemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jindika awtorità ċentrali waħda jew aktar.

2.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni b'din l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali indikata skont il-paragrafu 1. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Eurojust b'din l-informazzjoni.

Artikolu 4

Obbligi tal-Istat Membru li jikkundanna

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-kundanni kollha mogħtija fit-territorju tiegħu jkunu akkumpanjati, meta provduti għar-rekord kriminali tiegħu, minn informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew iċ-ċittadinanzi tal-persuna kkundannata jekk din tkun ċittadin ta' Stat Membru ieħor.

2.   L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha, kemm jista' jkun malajr, tinforma lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe kundanna mogħtija fit-territorju tiegħu kontra ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, kif reġistrati fir-rekord kriminali.

Jekk ikun magħruf li persuna kundannata tkun ċittadin ta' diversi Stati Membri, l-informazzjoni rilevanti għandha tiġi trasmessa lil kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, anke jekk il-persuna kundannata tkun ċittadin tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ikkundannata.

3.   L-informazzjoni dwar tibdil jew tħassir sussegwenti ta' informazzjoni li tkun tinsab fir-rekords kriminali għandha tiġi trasmessa minnufih mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna.

4.   Kwalunkwe Stat Membru li jkun ipprovda informazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3 għandu jikkomunika lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, fuq it-talba ta' din tal-aħħar f'każijiet individwali, kopja tal-kundanni u l-miżuri sussigwenti kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għalihom sabiex din tkun tista' tkkunsidra jekk dawn jirrikjedux xi miżura fuq livell nazzjonali.

Artikolu 5

Obbligi tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna

1.   L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha konformement mal-Artikolu 11 (1) u (2), taħżen l-informazzjoni kollha trasmessa taħt l-Artikolu 4(2) u (3), sabiex tkun tista' tittrasmettiha mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.

2.   Kwalunkwe tibdil jew tħassir ta' informazzjoni trasmessa skont l-Artikolu 4 (3) għandha tinvolvi l-istess tibdil jew tħassir mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna fir-rigward tal-informazzjoni maħżuna skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-fini ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.

3.   Għall-fini ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7 l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jista' juża' biss l-informazzjoni li ġiet aġġornata skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Talba għal informazzjoni dwar kundanni

1.   Meta tintalab informazzjoni mir-rekord kriminali ta' Stat Membru bil-għan li jittieħdu proċedimenti kriminali kontra persuna jew għal kwalunkwe għan ieħor minbarra proċedimenti kriminali, l-awtorità ċentrali ta' dak l-Istat Membru tista', konformement mal-liġi nazzjonali, tissottometti talba lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor biex l-informazzjoni u d-data relatata jiġu estratti mir-rekord kriminali.

2.   Meta persuna titlob informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn issir it-talba tista', konformement mal-liġi nazzjonali, tissottometti talba lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor għal informazzjoni u data relatata li għandhom jiġu estratti mir-rekord kriminali, sakemm li l-persuna kkonċernata hi jew kienet resident jew ċittadin tal-Istat Membru rikjedenti jew dak mitlub.

3.   Ġaladarba l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 11(7) tkun skadiet, kull meta persuna titlob lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru li m'huwiex l-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna, informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn issir it-talba għandha tissottometti talba lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna biex tiġi estratta informazzjoni u data relatata mir-rekord kriminali sabiex hija tkun tista' tinkludi tali informazzjoni u data relatata fl-estratt li jiġi provdut lill-persuna kkonċernata.

4.   It-talbiet kollha mill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru għal informazzjoni estratta mir-rekord krminali għandhom jiġu sottomessi bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness.

Artikolu 7

Tweġiba għal talba għal informazzjoni dwar kundanni

1.   Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna bil-għan li jittieħdu proċedimenti kriminali, dik l-awtorità ċentrali għandha tittrasmetti lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjedenti l-informazzjoni, dwar:

(a)

kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u reġistrati fir-rekord kriminali;

(b)

il-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra li ġew trasmessi lilha wara s-27 ta’ April 2012, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4, u maħżuna konformement mal-Artikolu 5(1) u (2);

(c)

il-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra li ġew trasmessi lilha sas-27 ta’ April 2012, u reġistrati fir-rekords kriminali;

(d)

kwalunkwe kundanna mogħtija f'pajjiżi terzi u sussegwentament trasmessa lilha u reġistrata fir-rekord kriminali.

2.   Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għal kwalunkwe għan ieħor barra dak tal-proċedimenti kriminali, dik l-awtorità ċentrali għandha fir-rigward ta' kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u ta' kundanni mogħtija f'pajjiżi terzi, li ġew sussegwentement trasmessi lilha u reġistrati fir-rekords kriminali tagħha, twieġeb konformement mal-liġi nazzjonali tagħha.

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, li ġew trasmessi lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-aħħar għandha f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha tittrasmetti lill-Istat Membru rikjedenti l-informazzjoni li ġiet maħżuna konformement mal-Artikolu 5 (1) u (2) kif ukoll l-informazzjoni li ġiet trasmessa lil dik l-awtorità ċentrali sas-27 ta’ April 2012 u reġistati fir-rekord kriminali tagħha.

Meta tittrasmetti l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna tista' tinforma lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna li l-informazzjoni dwar il-kundanni mogħtija fl-Istat Membru li jissemma l-ewwel u trasmessa lill-awtorita' ċentrali tal-aħħar ma tistax tiġi trasmessa mill-ġdid għal ebda għan ħlief għal proċedimenti kriminali. F'dan il-każ, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha fir-rigward ta' tali kundanni tinforma, lill-Istat Membru rikjedenti liema Stat Membru ieħor kien ittrasmetta tali informazzjoni sabiex l-Istat Membru rikjedenti jkun jista' jissottometti talba direttament lill-Istat Membru li jikkundanna sabiex jikseb informazzjoni dwar dawk il-kundanni.

3.   Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tintalab mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna minn pajjiż terz, l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jista' jwieġeb rigward il-kundanni trasmessi minn Stat Membru ieħor iżda biss fil-limitazzjonijiet applikabbli għat-trasmissjoni tal-informazzjoni lil Stati Membri oħrajnkonformement mal-paragrafi 1 u 2.

4.   Meta informazzjoni estratta minn rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-Istat Membru mitlub għandu jittrasmetti informazzjoni dwar kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u dwar kundanni mogħtija kontra ċittadini ta' pajjiż terz u kontra persuni bla stat li tinsab fir-rekord kriminali tiegħu sa l-istess punt kif previst fl-Artikolu 13 tal-Konvezjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali.

5.   Ir-risposta għandha ssir bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness. Din għandha tkun akkumpanjata b'lista ta' kundanni, kif previst fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 8

Skadenzi għal tweġibiet

1.   It-tweġibiet għat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom jiġu trasmessi immedjatament mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru mitlub lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjedenti u fi kwalunkwe każ f'mhux aktar tard minn għaxart ijiem ta' xogħol mid-data tal-wasla tat-talba, kif previst mil-liġi nazzjonali, ir-regoli jew il-prattika, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness.

Meta l-Istat Membru mitlub ikun jeħtieġ aktar informazzjoni biex jidentifika l-persuna involuta fit-talba, dan għandu jikkonsulta immedjatament lill-Istat Membru rikjedenti bil-għan li jipprovdi risposta fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mid-data tal-wasla tal-informazzjoni addizzjonali.

2.   It-tweġiba għat-talba msemmija fl-Artikolu 6(2) għandha tiġi trasmessa fi żmien għoxrin jum tax-xogħol mid-data tal-wasla tat-talba.

Artikolu 9

Kondizzjonijiet għall-użu ta’ data personali

1.   Data personali prevista fl-Artikolu 7(1) u (4) għall-għan ta' proċedimenti kriminali tista' tintuża biss mill-Istat Membru rikjedenti għall-għanijiet tal-proċedimenti kriminali għal liema din kienet mitluba kif speċifikat fil-formola stabbilita fl-Anness.

2.   Data personali taħt l-Artikolu 7(2) u (4) għal kwalunkwe għanijiet għajr dak tal-proċedimenti kriminali, tista' tintuża mill-Istat Membru rikjedenti skond il-liġi nazzjonali tiegħu, biss għall-għanijiet għal liema din kienet mitluba u fil-limitazzjonijiet speċifikati mill-Istat mill-Istat Membru mitlub fil-forma stabbilita fl-Anness.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, data personali provduta taħt l-Artikolu 7(1), (2) u (4) tista' tintuża mill-Istat Membru rikjedenti biex tiġi evitata theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li data personali rċevuta minn Stat Membru ieħor taħt l-Artikolu 4, jekk trasmessa lil pajjiż terz skont l-Artikolu 7(3), tkun soġġetta għall-istess limitazzjonijiet ta' użu bħal dawk applikabbli fi Stat Membru rikjedenti konformement mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li data personali, jekk trasmessa lil pajjiż terz għall-għanijiet ta' proċediment kriminali, tista' tintuża ulterjorment minn dak il-pajjiż terz biss għall-għanijiet ta' proċedimenti kriminali.

5.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal data personali miksuba minn Stat Membru taħt din id-Deċiżjoni Qafas u li toriġina minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 10

Lingwi

Meta tiġi preżentata t-talba imsemmija fl-Artikolu 6(1), l-Istat Membru rikjedenti għandu jittrasmetti lill-Istat mitlub il-formola stabbilita fl-Anness fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru mitlub.

L-Istat Membru mitlub għandu jirrispondi jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata miż-żewġ Stati Membri.

Kull Stat Membru jista', fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deciżjoni Qafas jew f'data aktar tard, jindika, f'dikjarazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, liema huma l-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li huwa jaċċetta. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri b'din l-informazzjoni.

Artikolu 11

Format u modi oħra ta' organizzazzjoni u faċilitazzjoni tal-iskambji ta' informazzjoni dwar kundanni

1.   Meta tiġi trasmessa informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3), l-awtorità ċentrali tal-Istat li jikkundanna għandha tittrasmetti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni li għandha tiġi trasmessa dejjem, sakemm, f'każijiet individwali, tali informazzjoni mhix magħrufa mill-awtorità ċentrali (informazzjoni obbligatorja):

(i)

informazzjoni dwar il-persuna kkundannata (isem sħiħ, data tat-twelid, post tat-twelid (belt jew Stat), sess, ċittadinanza u – jekk applikabbli – isem/ismijiet preċedenti),

(ii)

informazzjoni dwar in-natura tal-kundanna (data tal-kundanna, isem tal-qorti, data li fiha d-deċiżjoni saret finali)

(iii)

informazzjoni dwar ir-reat li jwassal għall-kundanna (data tar-reat li jwassal għall-kundanna u l-isem jew il-klassifikazzjoni legali tar-reat kif ukoll bħala referenza għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli), u

(iv)

informazzjoni dwar il-kontenuti tal-kundanna, (b'mod partikolari s-sentenza kif ukoll kwalunkwe pieni supplimentari, miżuri ta' sigurtà u deċiżjonijiet sussegwenti li jimmodifikaw l-infurzar tas-sentenza);

(b)

informazzjoni li għandha tiġi trasmessa jekk reġistrata fir-rekord kriminali (informazzjoni fakultattiva):

(i)

isem il-ġenituri tal-persuna kundannata,

(ii)

in-numru ta' referenza tal-kundanna,

(iii)

il-post tar-reat, u

(iv)

l-iskwalifiki li jirriżultaw mill-kundanna;

(ċ)

informazzjoni li għandha tiġi trasmessa, jekk disponibbli lill-awtorità ċentrali (informazzjoni addizzjonali):

(i)

in-numru tal-identità tal-persuna kundannata jew it-tip u n-numru tad-dokument ta' identifikazzjoni tal-persuna,

(ii)

il-marki tas-swaba', li ttieħdu minn dik il-persuna, u

(iii)

jekk applikabbli, psewdonimu u/jew isem(ismijiet) xort'oħra.

Barra minn dan, l-awtorità ċentrali tista' tittrasmetti kwalunkwe informazzjoni oħra dwar kundanni jekk reġistrati fir-rekord kriminali.

2.   L-awtorità ċentrali tal-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha taħżen l-informazzjoni kollha tat-tipi elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, li hija rċeviet konformement mal-Artikolu 5(1) għall-iskop ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7. Għall-istess skop hija tista' taħżen l-informazzjoni tat-tipi elenkati fil-paragrafu (c) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.   Sakemm ma tkunx skadiet l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri li ma jkunux wettqu n-notifika msemmija fil-paragrafu 6 għandhom jittrasmettu l-informazzjoni kollha skont l-Artikolu 4, talbiet skont l-Artikolu 6, tweġibiet skont l-Artikolu 7 u informazzjoni rilevanti oħra bi kwalunkwe mezz li jista' jipproduċi reġistrazzjoni bil-miktub taħt il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru riċeventi biex jistabbilixxi l-awtentiċità tagħha.

Ladarba tkun skadiet l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jittramettu tali informazzjoni elettronikament bl-użu ta' format standardizzat.

4.   Il-format imsemmi fil-paragrafu 3 u kwalunkwe mezz ieħor ta' organizzazzjoni u faċilitazzjoni ta' skambji ta' informazzjoni dwar kundanni bejn awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill konformement mal-proċeduri rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sas-27 ta’ April 2012.

Tali mezzi oħrajn jinkludu:

(a)

id-definizzjoni ta' kull mezz li bis-saħħa tiegħu jiġu ffaċilitati l-fehim tal-informazzjoni trasmessa u t-traduzzjoni awtomatika tagħha;

(b)

id-definizzjoni tal-mezzi bis-saħħa ta' liema l-informazzjoni tista' tiġi skambjata b'mod elettroniku, partikolarment fir-rigward ta' speċifikazzjoni teknika li għandha tintuża u, jekk meħtieġ, kwalunkwe proċedura ta' skambju applikabbli;

(ċ)

il-bidliet li jistgħu jsiru fil-formola stabbilita fl-Anness.

5.   F'każ ta' indisponibbiltà tal-mezz ta' trasmissjoni msemmi fil-paragrafi 3 u 4, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jibqa' applikabbli għall-perijodu sħiħ ta' dan in-nuqqas ta' disponibbiltà.

6.   Kull Stat Membru għandu jwettaq il-bidliet tekniċi meħtieġa biex jippermettu l-użu tal-format standardizzat u għat-trasmissjoni tiegħu b'mezz elettroniku lil Stati Membri oħrajn. Dan għandu jinnotifika lill-Kunsill bid-data li minnha jkun jista' jwettaq tali trasmissjonijiet.

7.   L-Istati Membri għandhom jwettqu l-bidliet tekniċi msemmija fil-paragrafu 6 f'perijodu massimu ta' tliet snin mid-data tal-adozzjoni tal-format u tal-mezzi li bihom l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali tista' tiġi skambjata b'mod elettroniku.

Artikolu 12

Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra

1.   Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni Qafas tissupplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, il-Protokolli addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978 u tat-8 ta’ Novembru 2001, il-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2001 (8).

2.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għad-dritt li jinvokaw bejniethom ir-riżervi tagħhom għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li wettqu l-miżuri neċessarji sabiex jkunu konformi ma' din id-Deċiżjoni Qafas u finalment b'effett mis-27 ta’ April 2012, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, kif supplimentati bl-Artikolu 4 tal-Protokoll addizzjonali għal din il-Konvenzjoni tas-17 ta’ Marzu 1978.

4.   Id-Deċiżjoni 2005/876/ĠAI hija b'din imħassra.

5.   Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar favorevoli fi ftehim bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-Istati Membri.

Artikolu 13

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas sas-27 ta’ April 2012.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas.

3.   Abbażi ta' dik l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha, sas-27 ta’ April 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas, akkumpanjat jekk ikun neċessarju minn proposti leġislattivi.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il–President

I. LANGER


(1)  L-Opinjoni mogħtija fis-17 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(3)  ĠU C 216, 1.8.2001, p. 14.

(4)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(5)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.

(6)  ĠU L 220, 15.8.2008, p. 32.

(7)  ĠU L 322, 9.12.2005, p. 33.

(8)  ĠU C 326, 21.11.2001, p. 1.


ANNESS

Formola msemmija fl-Artikoli 6, 7, 8, 9 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju ta' informazzjoni estratta mir-rekord kriminali bejn l-Istati Membri

Talba għal informazzjoni estratta mir-rekord kriminali

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw il-Manwal ta' Proċeduri għal assistenza sabiex ikunu jistgħu jimlew din il-formola korrettament

(a)

Informazzjoni dwar l-Istat Membru rikjedenti:

Stat Membru:

Awtorità(jiet) Ċentrali:

Persuna għall-kuntatt:

Telefon (inkluż il-kodiċi STD):

Faks (inkluż il-kodiċi STD):

Posta elettronika:

Indirizz għall-korrispondenza:

Referenza tal-fajl, jekk magħrufa:

(b)

Informazzjoni dwar l-identità tal-persuna kkonċernata mit-talba (*):

Isem sħiħ (ismijiet u l-kunjomijiet kollha):

Ismijiet preċedenti:

Psewdonimu u/jew alias, jekk ikun hemm:

Sess: R  M 

Ċittadinanza:

Data tat-twelid (f’ċifri: jj/xx/ssss):

Post tat-twelid (belt u stat):

Isem il-missier:

Isem l-omm:

Residenza jew indirizz magħruf:

In-numru tal-identità tal-persuna jew it-tip u n-numru tad-dokument ta' identifikazzjoni tal-persuna:

Marki tas-swaba':

Informazzjoni oħra għall-identifikazzjoni disponibbli:

(c)

L-għan tat-talba:

Jekk jogħġbok immarka l-kaxxa adatta

(1)

proċedimenti kriminali (jekk jogħġbok identifika l-awtorità li quddiema huma pendenti l-proċedimenti u, jekk disponibbli, in-numru ta' referenza tal-każ)…

(2)

talba barra l-kuntest tal-proċedimenti kriminali (jekk jogħġbok identifika l-awtorità li quddiema huma pendenti l-proċedimenti u, jekk disponibbli, in-numru ta' referenza tal-każ meta timmarka l-kaxxa rilevanti)

(i)

minn awtorità ġudizzjarja…

(ii)

minn awtorità amministrattiva kompetenti…

(iii)

minn persuna kkonċernata għal informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess…

L-għan li għalih qed tintalab l-informazzjoni:

L-Awtorità rikjedenti:

Il-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens tagħha biex din l-informazzjoni tkun żvelata (jekk il-persuna kkonċernata tiġi mitluba l-kunsens tagħha skond il-liġi ta' dak l-Istat Membru rikjedenti).

Il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata jekk tkun meħtieġa aktar informazzjoni:

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

Informazzjoni oħra (per eżempju: l-urġenza tat-talba):

Tweġiba għat-talba

Informazzjoni relatata mal-persuna kkonċernata

Jekk jogħġbok immarka l-kaxxa adatta

L-awtorità sottoskritta tikkonferma:

m'hemm l-ebda informazzjoni dwar kundanni fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata

hemm informazzjoni dwar kundanni reġistrata fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata; lista ta' kundanni hija mehmuża

hemm informazzjoni oħra reġistrata fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata; tali informazzjoni hija mehmuża (fakultattiva)

hemm informazzjoni dwar kundanni reġistrati fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata iżda l-Istat Membru li jikkundanna informa li l-informazzjoni dwar dawn il-kundanni ma jistgħux jiġu trasmessi mill-ġdid għal kwalunkwe għan ieħor ħlief dak ta' proċedimenti kriminali. It-talba għal aktar informazzjoni tista' tintbagħat direttament lil … (jekk jogħġbok indika l-Istat Membru li jikkundanna);

skond il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru mitlub, talbiet li jsiru għal kwalunkwe għanijiet oħra barra minn dik ta' proċedimenti kriminali ma jistgħux jiġu trattati.

Il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata jekk tkun meħtieġa aktar informazzjoni:

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

Informazzjoni oħra (limitazzjonijiet tal-użu tad-data dwar talbiet barra l-kuntest tal-proċedimenti kriminali):

Jekk jogħġbok indika n-numru tal-paġni mehmuża mal-formola ta' risposta:

Magħmul fi,

fi

Firma u timbru uffiċjali (jekk ikun il-każ):

Isem u pożizzjoni/ organizzazzjoni:

Fejn adatt, jekk jogħġbok ehmeż lista ta' kundanni u ibgħat il-pakkett sħiħ lill-Istat Membru rikjedenti. M'huwiex meħtieġ li l-formola jew il-lista jiġu tradotti fil-lingwa tal-Istat Membru rikjedenti.


(*)  Biex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tal-persuna għandha tingħata kemm jista' jkun informazzjoni.


Top