EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0157

2008/157/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/35/KE

ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/157/oj

26.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 51/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Frar 2008

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/35/KE

(2008/157/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 390/2001 tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-assistenza lit-Turkija fil-qafas ta’ l-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni, u b’mod partikolari fuq l-istabbiliment ta’ Sħubija għal Adeżjoni (1) b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 390/2001 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, b’maġġoranza kwalifikata u fuq proposta mill-Kummissjoni, dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-objettivi intermedjarji u l-kondizzjonijiet li hemm fis-Sħubija għall-Adeżjoni, kif ser tiġi sottomessa lit-Turkija, kif ukoll dwar aġġustamenti sinifikanti sussegwenti applikabbli għaliha.

(2)

Abbażi ta’ dak il-Kunsill fl-2001 u l-2003 (2) adotta Sħubija għall-Adeżjoni mat-Turkija.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2004 dwar it-Turkija saħqet li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli l-monitoraġġ tal-proċess ta’ riforma politika u li fl-2005 għandha tiġi proposta Sħubija għall-Adeżjoni riveduta. Wara dan, il-Kunsill adotta sħubija riveduta f’Jannar 2006 (3).

(4)

F’Diċembru 2004, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-Unjoni Ewropea ser tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress tar-riformi politiċi abbażi ta’ Sħubija għall-Adeżjoni li tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-proċess ta’ riforma.

(5)

Fit-3 ta’ Ottubru 2005, l-Istati Membri bdew negozjati mat-Turkija dwar l-adeżjoni tagħha ma’ l-Unjoni Ewropea. L-avvanz tan-negozjati ser ikun iggwidat mill-progress tat-Turkija fi tħejjija għall-adeżjoni, li ser jitkejjel, inter alia, skond l-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Adeżjoni, kif rivedut regolarment.

(6)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2006-2007 indika li s-sħubijiet għandhom jiġu aġġornati fi tmiem l-2007.

(7)

Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill qabel li l-Istati Membri fi ħdan il-Konferenza Intergovernattiva mhux ser jiddeċiedu dwar il-ftuħ ta’ tmien kapitoli li jkopru oqsma ta’ politika rilevanti għar-restrizzjonijiet tat-Turkija fir-rigward tar-Repubblika ta’ Ċipru, u lanqas ser jiddeċiedu dwar l-għeluq proviżorju ta’ kapitoli, sakemm il-Kummissjoni tivverifika li t-Turkija tkun wettqet l-impenji tagħha relatati mal-Protokoll Addizzjonali.

(8)

Fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (4), li jistabbilixxi qafas ġdid għall-assistenza finanzjarja għall-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni.

(9)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi adottata Sħubija għall-Adeżjoni riveduta li taġġorna s-Sħubija attwali sabiex tidentifika prijoritajiet imġedda għal aktar ħidma abbażi tas-sejbiet tar-Rapport ta’ Progress ta’ l-2007 dwar it-tħejjijiet tat-Turkija għal aktar integrazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea.

(10)

Sabiex tħejji għas-sħubija, it-Turkija għandha tiżviluppa pjan bi skeda ta’ żmien u miżuri speċifiċi biex tindirizza l-prijoritajiet ta’ din is-Sħubija għall-Adeżjoni.

(11)

Id-Deċiżjoni 2006/35/KE għandha titħassar,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B’konformità ma’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 390/2001, il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-objettivi intermedji u l-kondizzjonijiet fis-Sħubija għall-Adeżjoni għat-Turkija huma stabbiliti fl-Anness tiegħu.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Adeżjoni għandha tiġi eżaminata u sorveljata fil-korpi stabbiliti taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mill-Kunsill abbażi ta’ rapporti annwali preżentati mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2006/35/KE għandha titħassar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 58, 28.2.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni 2001/235/KE (ĠU L 85, 24.3.2001, p. 13) u d-Deċiżjoni 2003/398/KE (ĠU L 145, 12.6.2003, p. 40).

(3)  Id-Deċiżjoni 2006/35/KE (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 34)

(4)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.


ANNESS

IS-SĦUBIJA GĦALL-ADEŻJONI TAT-TURKIJA TA’ L-2007

1.   INTRODUZZJONI

Fil-laqgħa tiegħu fil-Lussemburgu f’Diċembru 1997, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li s-Sħubija għall-Adeżjoni għandha tkun il-fattur ewlieni ta’ l-istrateġija mtejba ta’ qabel l-adeżjoni, billi tmexxi t-tipi kollha ta’ assistenza lill-pajjiżi kandidati f’qafas uniku. B’dan il-mod, il-Komunità timmira l-assistenza tagħha lejn il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull kandidat sabiex tipprovdi appoġġ biex jintgħelbu problemi partikolari bil-ħsieb ta’ l-adeżjoni.

L-ewwel Sħubija għall-Adeżjoni għat-Turkija kienet adottata mill-Kunsill f’Marzu 2001. Fid-Dokument Strateġiku tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2002 dwar it-tkabbir, kien hemm imniżżel li l-Kummissjoni ser tipproponi Sħubija għall-Adeżjoni riveduta għat-Turkija. Imbagħad, Sħubija għall-Adeżjoni riveduta kienet ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f’Marzu 2003 u adottata f’Mejju ta’ l-istess sena mill-Kunsill. Fir-rakkomandazzjoni tagħha ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni pproponiet li, bil-ħsieb li tiggarantixxi s-sostenibbiltà u l-irriversibbiltà tal-proċess ta’ riforma politika, l-UE għandha tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress tar-riformi politiċi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet l-adozzjoni ta’ Sħubija għall-Adeżjoni riveduta fl-2005 li ġiet adottata mill-Kunsill f’Jannar 2006. Jekk ikun hemm il-progress mistenni fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien tas-Sħubijiet, hija l-prattika li dawn jiġu aġġornati kull sentejn. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li s-Sħubija għall-Adeżjoni tiġi mġedda.

It-Turkija għandha tiżviluppa pjan li jinkludi skeda ta’ żmien u miżuri speċifiċi intiżi li jindirizzaw il-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni.

Is-Sħubija għall-Adeżjoni riveduta tipprovdi l-bażi għal numru ta’ strumenti finanzjarji/ta’ politika li ser jiġu użati biex jgħinu lit-Turkija fit-tħejjijiet għas-sħubija. B’mod partikolari, is-Sħubija għall-Adeżjoni riveduta ser isservi bħala bażi għal riformi politiċi futuri u bħala kejl li fuqu jitqies il-progress futur.

2.   PRINĊIPJI

Il-prijoritajiet prinċipali identifikati għat-Turkija huma marbuta mal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen ta’ l-1993 u r-rekwiżiti tal-qafas ta’ negozjati adottat mill-Kunsill fit-3 ta’ Ottubru 2005.

3.   PRIJORITAJIET

Il-prijoritajiet elenkati f’din is-Sħubija għall-Adeżjoni ġew magħżulin fuq il-bażi li jkun realistiku li wieħed jistenna li l-pajjiż jista’ jwettaqhom jew imexxihom sostanzjalment 'il quddiem fil-ftit snin li ġejjin. Qed issir distinzjoni bejn prijoritajiet għal żmien qasir, li huma mistennija li jinkisbu fi żmien sena jew sentejn, u prijoritajiet għal żmien medju, li huma mistennija li jinkisbu fi żmien tlieta jew erba’ snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġislazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.

Is-Sħubija għall-Adeżjoni riveduta tindika l-oqsma prijoritarji għat-tħejjijiet tas-sħubija tat-Turkija. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, it-Turkija ser ikollha tindirizza l-kwistjonijiet kollha identifikati fir-rapporti ta’ progress, inkluż il-konsolidazzjoni tal-proċess ta’ riforma politika sabiex tiggarantixxi l-irriversibbiltà tiegħu u tiżgura l-implimentazzjoni uniformi tiegħu fil-pajjiż kollu u fil-livelli kollha ta’ l-amministrazzjoni. Huwa wkoll importanti li t-Turkija tissodisfa l-impenji ta’ l-approssimazzjoni leġislattiva u ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-acquis skond l-impenji li hija ħadet taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni Doganali u deċiżjonijiet relatati tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni KE-Turkija, per eżempju dwar ir-reġim ta’ kummerċ għal prodotti agrikoli.

3.1.   PRIJORITAJIET GĦAL PERIJODU TA’ ŻMIEN QASIR

Djalogu politiku

Demokrazija u l-istat tad-dritt

Amministrazzjoni Pubblika

Tiġi segwita riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika u tal-politika dwar il-persunal sabiex tiġi żgurata aktar effiċjenza, responsabbiltà u trasparenza.

Jiġu msaħħa l-amministrazzjonijiet lokali permezz tar-riforma ta’ l-amministrazzjoni ċentrali, it-trasferiment ta’ setgħat lill-amministrazzjonijiet lokali u l-forniment lilhom ta’ riżorsi adegwati.

Tiġi implimentata leġislazzjoni bl-għan li tiġi stabbilita sistema ta’ Ombudsman operattiva għal kollox.

Tiġi adottata u implimentata leġislazzjoni dwar il-Qorti ta’ l-Awdituri.

Superviżjoni ċivili tal-forzi ta’ sigurtà

Jissaħħu l-isforzi biex jiġi allinjat il-kontroll ċivili tal-militar f’konformità mal-prattika fl-Istati Membri ta’ l-UE. Jiġi żgurat li l-militar ma jintervjenix fi kwistjonijiet politiċi u li l-awtoritajiet ċivili jeżerċitaw bis-sħiħ il-funzjonijiet superviżorji dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluż fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ strateġija ta’ sigurtà nazzjonali u l-implimentazzjoni tagħha.

Jittieħdu passi biex ikun hemm aktar responsabbiltà u trasparenza fit-twettiq ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà.

Jiġi stabbilit kontroll parlamentari sħiħ tal-politika militari u ta’ difiża u kull nefqa relatata, inkluż permezz ta’ verifika esterna.

Tiġi limitata l-ġurisdizzjoni tal-qrati militari għad-doveri militari tal-persunal militari biss.

Sistema Ġudizzjarja

Jiġu msaħħa l-isforzi, anki permezz tat-taħriġ, biex jiġi żgurat li l-interpretazzjoni mill-ġudikatura ta’ leġislazzjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tkun konformi mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (“ECHR”), mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u ma’ l-Artikolu 90 tal-Kostituzzjoni Torka.

Tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura minn istituzzjonijiet oħra ta’ l-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill Għoli ta’ l-Imħallfin u l-Prosekuturi u s-sistema ta’ l-ispezzjoni. B’mod aktar speċifiku, jiġi żgurat li l-Kunsill Għoli ta’ l-Imħallfin u l-Prosekuturi jirrappreżenta l-ġudikatura kollha kemm hi.

Tissaħħaħ l-effiċjenza tal-ġudikatura permezz ta’, b’mod partikolari, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid.

Jitkompla l-istabbiliment ta’ qrati ta’ appell reġjonali intermedjarji.

Politika kontra l-korruzzjoni

Tiġi żviluppata strateġija kontra l-korruzzjoni komprensiva, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli, u korp ċentrali biex jissorvelja u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħha, inkluż permezz ta’ l-istabbiliment ta’ data statistika. Tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha involuti.

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prinċipji ta’ Mġiba Etika għall-Ħaddiema taċ-Ċivil u jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet tiegħu biex jinkludu uffiċjali eletti, il-ġudikatura, persuni akkademiċi u persunal militari.

Jiġu limitati l-immunitajiet mogħtija lill-politiċi u lill-uffiċjali pubbliċi f’konformità ma’ l-aħjar prattiċi Ewropej u tiġi mtejba l-leġislazzjoni dwar it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

Tħaris tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem

Jiġi ratifikat il-Protokoll fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura li jipprevedi għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ indipendenti tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Ikun hemm konformità mal-ECHR u tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Jiġi emendat il-Kodiċi ta’ proċedura kriminali sabiex jiġi infurzat id-dritt għal proċess mill-ġdid f’konformità mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Promozzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-bniedem

Tiġi stabbilita istituzzjoni indipendenti nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem b’riżorsi adegwati skond il-prinċipji rilevanti tan-NU. Jiġu mmonitorjati każijiet ta’ drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta’ data statistika.

Jitkompla t-taħriġ ta’ l-aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem u tekniċi investigattivi.

Drittijiet ċivili u politiċi

Prevenzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-kuntest tal-politika “tolleranza żero” kontra t-tortura u t-trattament ħażin f’konformità mal-ECHR u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura.

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Istanbul fil-pajjiż kollu, b’mod partikolari billi jiżdiedu l-kompetenzi mediki.

Tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-impunità. Jiġi żgurat li l-prosekuturi jmexxu investigazzjonijiet f’waqthom u effettivi tal-każijiet allegati, li jwasslu għall-identifikazzjoni u l-piena ta’ l-awturi mill-qrati.

Aċċess għall-ġustizzja

Jiġu msaħħa l-isforzi biex jiġu żgurati għajnuna legali adegwata u servizzi ta’ interpretazzjoni kwalifikati.

Libertà ta’ l-espressjoni

Bil-għan li jiġi żgurat rispetti sħiħ tal-libertà ta’ espressjoni, tiġi riveduta u implimentata l-leġislazzjoni dwar il-libertà ta’ espressjoni, inkluża l-libertà ta’ l-istampa, f’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Tirrimedja is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li għaddew minn prosekuzzjoni jew ingħataw sentenza għal espressjoni mhux vjolenti ta’ l-opinjoni.

Libertà ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni

Titkompla l-implimentazzjoni tar-riformi kollha rigward il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-assemblea paċifika skond il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tagħha. Jiġu implimentati miżuri biex jiġi prevenut l-użu eċċessiv tal-forza mill-forzi ta’ sigurtà.

Ikun hemm allinjament ma’ l-aħjar prattiċi fl-Istati Membri ta’ l-UE rigward il-leġislazzjoni dwar il-partiti politiċi.

Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

Jiġi msaħħaħ aktar l-iżvilupp domestiku tas-soċjetà ċivili u l-involviment tagħha fit-tfassil ta’ linji ta’ politika pubblika.

Tiġi ffaċilitata u nkoraġġuta l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fil-miftuħ bejn is-setturi kollha tas-soċjetà ċivili tat-Turkija u s-sħab Ewropej.

Libertà ta’ reliġjon

Jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilità atmosfera ta’ tolleranza li twassal għar-rispett sħiħ tal-libertà ta’ reliġjon fil-prattika.

F’konformità tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-QEDB:

Tiġi riveduta u implimentata l-leġislazzjoni dwar il-fondazzjonijiet.

Tiġi interpretata u applikata l-leġislazzjoni attwali sakemm tiġi adottata u implimentata l-liġi l-ġdida dwar il-fondazzjonijiet.

Jiġi żgurat li l-komunitajiet reliġjużi li mhumiex Musulmani jkunu jistgħu jiksbu personalità ġuridika u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Tiġi żgurata l-possibbiltà ta’ edukazzjoni reliġjuża għal minoranzi mhux Musulmani, inkluż it-taħriġ tal-kleru tagħhom.

Jiġi żgurat it-trattament ugwali ta’ ċittadini Torok u barranin rigward il-possibbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tal-libertà ta’ reliġjon permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ komunitajiet reliġjużi organizzati.

Tiġi adottata leġislazzjoni biex tipprevjeni prosekuzzjonijiet u kundanni ripetuti ta’ dawk li jirrifjutaw li jwettqu servizz militari għal raġunijiet ta’ kuxjenza jew reliġjon.

Drittijiet ekonomiċi u soċjali

Drittijiet tan-nisa

Jiġu segwiti miżuri biex tiġi implimentata l-leġislazzjoni attwali rigward id-drittijiet tan-nisa u kontra t-tipi kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, inklużi r-reati mwettqin f’isem l-unur. Jiġi żgurat taħriġ speċjalizzat għal imħallfin u prosekuturi, aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi, muniċipalitajiet u istituzzjonijiet responsabbli oħrajn u jiġu msaħħa l-isforzi biex jiġu stabbiliti postijiet ta’ protezzjoni għal nisa li jkunu f’riskju ta’ vjolenza fl-akbar muniċipalitajiet kollha, f’konformità mal-leġislazzjoni attwali.

Jiżdied aktar l-għarfien tal-pubbliku ġenerali, u b’mod partikolari ta’ l-irġiel, dwar kwistjonijiet ta’ relazzjonijiet bejn is-sessi, u jiġi promoss ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà, inkluż billi jiġi żgurat aċċess ugwali għall-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja politika u soċjali; jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet tan-nisa biex iwettqu dawn l-għanijiet.

Drittijiet tat-tfal

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u tiġi promossa l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f’konformità ma’ l-istandards ta’ l-UE u dawk internazzjonali.

Jitkomplew l-isforzi biex tiġi ttrattata l-problema tax-xogħol mit-tfal u l-faqar fost it-tfal u titjieb is-sitwazzjoni tat-tfal tat-triq.

Drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions

Jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet sħaħ tat-trade unions f’konformità ma’ l-istandards ta’ l-UE u l-Konvenzjonijiet ILO rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ organizzazzjoni, id-dritt ta’ strajk u d-dritt ta’ negozjar kollettiv.

Jiġi msaħħaħ aktar id-djalogu soċjali, tiġi ffaċilitata u inkoraġġuta l-kooperazzjoni mas-sħab ta’ l-UE.

Linji politiċi kontra d-diskriminazzjoni

Tiġi ggarantita, fil-liġi u fil-prattika, it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali mill-individwi kollha, mingħajr diskriminazzjoni u irrispettivament mil-lingwa, l-opinjoni politika, is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

Jiġu msaħħa l-isforzi biex jiġu riveduti l-curricula u l-kotba ta’ l-iskola sabiex il-lingwaġġ diskriminatorju jiġi eliminat.

Drittijiet tal-minoranzi, drittijiet kulturali u l-protezzjoni tal-minoranzi

Tiġi żgurata d-diversità kulturali u jiġi promoss ir-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi skond il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali u f’konformità ma’ l-aħjar prattika fl-Istati Membri.

Tiġi garantita l-protezzjoni legali tal-minoranzi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tgawdija paċifika tad-drittijiet ta’ proprjetà, f’konformità mal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Drittijiet kulturali

Jiġi mtejjeb l-aċċess effettiv għal xandir tar-radju u t-televiżjoni f’lingwi oħrajn barra t-Tork, b’mod partikolari billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet li għad fadal.

Jiġu adottati miżuri adatti għall-appoġġ tat-tagħlim ta’ lingwi oħrajn barra t-Tork.

Sitwazzjoni fil-Lvant u fix-Xlokk

Jiġi żviluppat approċċ komprensiv biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u, b’mod partikolari, biex tittejjeb is-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija, bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali għaċ-ċittadini Torok kollha, inklużi dawk ta’ oriġini Kurda.

Tiġi abolita s-sistema ta’ gwardja tal-villaġġi fix-Xlokk.

Jitneħħew il-mini ta’ l-art miż-żona.

Persuni spostati internament

Jiġu segwiti miżuri biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn ta’ persuni spostati internament għall-komunitajiet oriġinali tagħhom f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Persuni Spostati.

Titkompla l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kumpens ta’ telf minħabba t-terroriżmu u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jiġi żgurat kumpens ġust u pront tal-vittmi.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Ċipru

Jiġu appoġġati attivament sforzi biex jiġi implimentat il-proċess tat-8 ta’ Lulju miftiehem li jwassal għal soluzzjoni komprensiva u vijabli tal-problema ta’ Ċipru fi ħdan il-qafas tan-NU u f’konformità mal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE, inklużi passi konkreti li jikkontribwixxu għal klima favorevoli għal tali soluzzjoni komprensiva.

Jiġi implimentat bis-sħiħ il-Protokoll li jadatta l-Ftehim ta’ Ankara għall-adeżjoni ta’ l-Istati l-Membri ġodda, inkluża t-tneħħija tar-restrizzjonijiet eżistenti kollha fuq bastimenti bil-bandiera ta’ Ċipru u bastimenti involuti fil-kummerċ ta’ Ċipru (1).

Jittieħdu passi konkreti għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali bejn it-Turkija u l-Istati Membri ta’ l-UE kollha, inkluża r-Repubblika ta’ Ċipru, malajr kemm jista’ jkun (1).

Soluzzjoni paċifika għal tilwim transkonfini

Jiġu segwiti aktar sforzi biex jiġi solvut kwalunkwe tilwim dwar il-konfini f’konformità mal-prinċipju ta’ soluzzjoni paċifika ta’ tilwim skond il-Karta tan-NU inkluż, jekk meħtieġ, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

Jittieħed impenn, b’mod inekwivoku, għal relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien; jiġu indirizzati kwalunkwe sorsi ta’ twegħir bejn il-ġirien; u ma ssir l-ebda theddida jew azzjoni li jista’ jkollha effett negattiv fuq il-proċess ta’ soluzzjoni paċifika ta’ tilwim dwar il-konfini.

Obbligi taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ l-impenji meħuda taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluża l-Unjoni Doganali.

Kriterji ekonomiċi

Titkompla l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika fiskali u monetarji adatti bl-għan li jittieħdu miżuri adegwati sabiex tinżamm l-istabbiltà u l-prevedibbiltà makroekonomika. Tiġi implimentata sistema ta’ sigurtà soċjali sostenibbli u effettiva.

Tiġi msaħħa aktar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fost l-istituzzjonijiet u l-oqsma ta’ politika differenti sabiex ikun hemm qafas ta’ politika ekonomika konsistenti u sostenibbli għall-ekonomija.

Titkompla l-privatizzazzjoni ta’ l-impriżi ta’ l-Istat.

Jitkomplew il-liberalizzazzjoni tas-suq u r-riformi fil-prezzijiet, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-enerġija u l-agrikoltura.

Jiġu indirizzati l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol. Għal dan l-għan, jiġu mtejba l-istrutturi ta’ l-inċentivi u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol biex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni u ta’ l-impjieg; jiġu mtejba l-isforzi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, biex b’hekk tiġi inkoraġġuta l-bidla minn ekonomija bbażata fuq l-agrikoltura għal ekonomija bbażata fuq is-servizzi.

Titjieb il-klima tan-negozju. Għal dan l-għan, jittejjeb l-operat tal-ġudikatura kummerċjali u titħares l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet li jirregoalw is-suq; jitjiebu l-proċeduri ta’ falliment biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-ħruġ mis-suq.

Jiġu identifikati u implimentati mezzi li jindirizzaw l-ekonomija informali.

Kapaċità li tassumi l-obbligi tas-sħubija

Kapitolu 1:   Moviment liberu tal-merkanzija

Jiġu aboliti l-permessi għall-importazzjoni jew ir-rekwiżiti għal-liċenzja, kif ukoll rekwiżiti sproporzjonati għal ċertifikati fir-rigward ta’ prodotti minbarra vetturi bil-mutur użati.

Jiġi sottomess lill-Kummissjoni pjan għat-tneħħija ta’ permessi għall-importazzjoni ta’ vetturi bil-mutur użati.

Titlesta l-identifikazzjoni tal-miżuri li jmorru kontra l-Artikoli 28 sa 30 tat-Trattat KE, jitfassal pjan għat-tneħħija tagħhom u tiddaħħal il-klawżola ta’ rikonoxximent reċiproku fis-sistema legali Torka.

Tiġi indirizzata l-kwistjoni li għad fadal dwar il-protezzjoni tad-data regolatorja għal prodotti farmaċewtiċi.

Kapitolu 3:   Dritt ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi

Tiġi ppreżentata strateġija dettaljata li għandha tinkludi skeda ta’ żmien tal-passi kollha neċessarji f’termini ta’ allinjament leġislattiv u kapaċità istituzzjonali sabiex tikkonforma ma’ l-acquis kopert minn dan il-kapitolu.

Jitkompla l-allinjament ma’ l-acquis għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, b’mod partikolari billi tiġi prevista proċedura għar-rikonoxximent professjonali li hija distinta mir-rikonoxximent akkademiku u billi jiġu adottati r-rekwiżiti minimi għat-taħriġ imniżżlin fid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (2).

Jinbeda l-allinjament ma’ l-acquis dwar is-servizzi postali.

Kapitolu 4:   Moviment liberu tal-kapital

Titkompla t-tneħħija tar-restrizzjonijiet li jaffettwaw l-investimenti barranin diretti li joriġinaw mill-UE.

Jinbeda l-allinjament tal-leġislazzjoni dwar is-sistemi ta’ ħlas ma’ l-acquis.

Kapitolu 5:   Proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku

Jingħata, lil organizzazzjoni għall-akkwist, il-kompitu li tiggarantixxi politika koerenti u li tmexxi l-implimentazzjoni tagħha.

Tiġi ppreżentata strateġija komprensiva li għandha tinkludi r-riformi kollha neċessarji għal-allinjament leġislattiv u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali sabiex tikkonforma ma’ l-acquis.

Kapitolu 6:   Liġi dwar il-kumpaniji

Jiġi adottat il-Kodiċi Kummerċjali l-ġdid.

Kapitolu 7:   Liġi dwar il-proprjetà intellettwali

Tittejjeb il-kapaċità tal-pulizija, id-dwana u l-ġudikatura biex jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn dawn il-korpi.

Jiġi indirizzat, b’mod partikolari, il-falsifikazzjoni tat-trade marks u l-piraterija.

Kapitolu 8:   Politika dwar il-kompetizzjoni

Tiġi adottata liġi dwar l-għajnuna mill-Istat f’konformità mar-rekwiżiti ta’ l-acquis u tiġi stabbilita awtorità li timmonitorja l-għajnuna mill-Istat li tkun operattivament indipendenti u li tkun kapaċi tissodisfa l-impenji ta’ trasparenza eżistenti.

Jiġi ffinalizzat u adottat Programm Nazzjonali għar-Ristrutturar ta’ l-Azzar f’konformità mar-rekwiżiti ta’ l-UE.

Kapitolu 9:   Servizzi Finanzjarji

Jitkompla l-allinjament mar-rekwiżiti l-ġodda dwar il-kapital għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u għal impriżi ta’ investiment u ma’ direttivi relatati oħrajn (skema ta’ garanzija ta’ depożitu, stralċ u riorganizzazzjoni, konglomerati finanzjarji, kontijiet tal-bank).

Jissaħħu l-istandards ta’ prudenza u ta’ superviżjoni kemm fis-settur bankarju kif ukoll fis-settur mhux bankarju. Tiġi stabbilità awtorità regolatorja u ta’ superviżjoni indipendenti fis-settur ta’ l-assigurazzjoni u l-pensjoni.

Kapitolu 10:   Soċjeta ta’ l-informazzjoni u l-medja

Tiġi adottata Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ġdida li tkun allinjata mal-Qafas Regolatorju attwali ta’ l-UE.

Jitlestew l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-“kundizzjonijiet ta’ tluq” ewlenin għall-qafas regolatorju ta’ l-UE ta’ l-2002.

Jitkompla l-allinjament tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-politika awdjoviżiva, b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva tat-Televiżjoni mingħajr Fruntieri.

Kapitolu 11:   Agrikoltura u żvilupp rurali

Tiġi stabbilita aġenzija IPARD (Instrument for Pre-accession Assistance Rural Development Component – Strument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni Komponent ta’ l-Iżvilupp Rurali) li tkun akkreditata f’konformita mar-rekwiżiti ta’ l-UE.

Jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fil-laħam taċ-ċanga, fl-annimali bovini ħajjin u fil-prodotti derivattivi tagħhom.

Kapitolu 12:   Sigurtà ta’ l-ikel, politika veterinarja u fitosanitarja

Tiġi adottata liġi qafas dwar l-ikel, l-għalf u kwistjonijiet veterinarji li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ l-UE u li tippermetti traspożizzjoni sħiħa ta’ l-acquis ta’ l-UE.

Tiġi żgurata l-operazzjonalità tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bovini u r-reġistrazzjoni tal-movimenti tagħhom f’konformità ma’ l-acquis ta’ l-UE u tinbeda l-implimentazzjoni ta’ sistema xierqa għan-nagħaġ u l-mogħoż biex jiġu segwiti l-movimenti tagħhom.

Jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ir-reġjun ta’ Thrace ikun jista’ jiġi rikonoxxut mill-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa ta’ l-Annimali bħala żona ħielsa mill-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer bit-tilqim.

Jiġu kklassifikati l-istabbilimenti agro-alimentari kollha skond il-kategorija abbażi ta’ l-acquis ta’ l-UE u jitħejja Programm Nazzjonali għall-immodernizzar ta’ dawk l-istabbilimenti.

Kapitolu 13:   Sajd

Jissaħħu l-istrutturi amministrattivi b’mod partikolari bil-ħolqien ta’ unità ċentrali li tieħu ħsieb il-kwistjonijiet kollha tas-sajd. Jeħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tas-servizzi ta’ spezzjoni u kontroll tas-sajd.

Tiġi adottata l-Liġi riveduta dwar is-Sajd skond ir-rekwiżiti ta’ l-UE, inkluż fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi u tal-flotta, kif ukoll l-ispezzjoni u l-kontroll.

Kapitolu 14:   Politika dwar it-trasport

Tiġi adottata Liġi Qafas dwar il-Ferroviji sabiex is-suq tat-trasport ferrovjarju Tork jinfetaħ gradwalment u sabiex jiġi pprovdut għas-separazzjoni tal-funzjonijiet li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ l-infrastruttura u l-provvista tas-servizzi.

Jitkomplew l-allinjament ma’ u l-implimentazzjoni fis-settur marittimu b’attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-prevenzjoni tat-tniġġis. Tissaħħaħ aktar l-amministrazzjoni marittima, inklużi t-titjib fir-reputazzjoni tas-sikurezza tal-flotta Torka u l-implimentazzjoni ta’ l-acquis dwar is-sigurtà marittima.

Fil-qasam ta’ l-avjazzjoni, ikun hemm ħidma biex tinstab soluzzjoni teknika li tiżgura l-komunikazzjoni neċessarja biex jiġi garantit livell xieraq ta’ sikurezza fl-ajru fir-reġjun tax-Xlokk tal-Mediterran.

Ikun hemm involviment fi proċess li jwassal għar-rikonoxximent ta’ “denominazzjoni Komunitarja” u tiġi pprovduta strateġija ċara għall-allinjament progressiv ma’ l-acquis dwar is-Sema Uniku Ewropew.

Allinjament ma’ u implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet u l-ispeċifiċitajiet rilevanti tad-dikjarazzjoni ta’ politika tal-Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Kapitolu 15:   Enerġija

Jitkomplew l-allinjament ma’ u l-implimentazzjoni ta’ l-acquis dwar is-suq intern tal-gass u ta’ l-elettriku u dwar skambji transkonfini fl-elettriku, anki bl-għan ta’ sħubija possibbli fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta’ l-Enerġija. Tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ regoli ġusti u mhux diskriminatorji għat-trasmissjoni tal-gass.

Jitkompla l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji differenti u tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u jitkompla l-allinjament fil-qasam ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija, tiġi promossa l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u tiġi żviluppata l-enerġija rinnovabbli fit-trasport, l-elettriku u t-tisħin/tkessiħ, inkluż l-istabbiliment ta’ miri u inċentivi adegwati u ambizzjużi.

Taderixxi mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza fil-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u fil-Ġestjoni Sikura ta’ Skart Radjuattiv.

Kapitolu 16:   Tassazzjoni

Jittieħdu passi prattiċi li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fit-tassazzjoni diskriminatorja ta’ prodotti alkoħoliċi, it-tabakk importat u s-sigaretti impurtati u jiġi ppreżentat pjan b’għanijiet ċari u miftiehma mal-Kummissjoni, għall-eliminazzjoni rapida ta’ kull tassazzjoni diskriminatorja residwa.

Jitkompla l-allinjament tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, b’mod partikolari rigward l-istruttura u r-rati applikati.

Jitkomplew it-tisħiħ u l-immodernizzar ta’ l-amministrazzjoni tat-taxxa, inkluż is-settur ta’ l-informatika, sabiex tiżdied il-konformità u jitjieb il-ġbir tad-dħul mit-taxxi u sabiex titnaqqas l-ekonomija informali

Kapitolu 18:   Statistika

Jiġu kkomunikati fil-ħin l-indikaturi ewlenin tal-kontijiet nazzjonali f’konformità ma’ l-ESA 95.

Jiġu allinjati l-metodoloġija u l-istruttura organizzattiva għall-ġbir ta’ l-informazzjoni biex jiġu pprovduti statistiċi dwar l-agrikoltura skond ir-rekwiżiti ta’ l-UE.

Jiġi ffinalizzat l-istabbiliment tar-reġistru tan-negozju.

Kapitolu 19:   Politika soċjali u impjiegi

Jiġu stabbiliti kondizzjonijiet favorevoli għal djalogu soċjali effettiv fil-livelli kollha, fost l-oħrajn, bl-adozzjoni ta’ leġislazzjoni ġdida li tneħħi d-dispożizzjonijiet restrittivi fuq l-attivitajiet tas-sindakati u li tiżgura r-rispett tad-drittijiet tas-sindakati.

Tiġi pprovduta analiżi tax-xogħol mhux dikjarat fit-Turkija u jitfassal pjan biex din il-problema tiġi ttrattata fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni globali għall-infurzar ta’ l-acquis għall-benefiċċju tal-ħaddiema kollha.

Tiġi ffinalizzata l-ħidma fuq il-Memorandum Konġunt dwar l-Inklużjoni u d-Dokument Konġunt ta’ Evalwazzjoni dwar il-Prijoritajiet għall-Politika dwar l-Impjieg u jiġu implimentati b’mod attiv iż-żewġ proċessi ta’ segwitu.

Kapitolu 20:   Politika Industrijali u dwar l-Impriżi

Tiġi adottata strateġija komprensiva riveduta dwar il-politika industrijali.

Kapitolu 22:   Politika reġjonali u koordinazzjoni ta’ l-istrumenti strutturali

Jiġi rinfurzat l-istabbiliment ta’ strutturi istituzzjonali u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-oqsma ta’ programmazzjoni, tħejjija tal-proġetti, monitoraġġ, evalwazzjoni u ġestjoni u kontroll finanzjarju, b’mod partikolari fil-livell tal-ministeri kompetenti, biex jiġu implimentati l-programmi ta’ qabel l-adeżjoni ta’ l-UE bħala tħejjija għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Komunità.

Kapitolu 23:   Drittijiet ġudizzjarji u fundamentali

Jissaħħu l-isforzi sabiex il-leġislazzjoni tagħha tiġi allinjata ma’ l-acquis dwar il-protezzjoni tad-data personali u tiġi stabbilita awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għall-protezzjoni tad-data.

Għall-prijoritajiet l-oħrajn ara t-taqsima dwar il-kriterji politiċi.

Kapitolu 24:   Ġustizzja, libertà u sigurtà

Jitkompla t-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-infurzar tal-liġi u jiġi allinjat l-istatus u l-funzjonament tagħhom ma’ l-istandards Ewropej, inkluż permezz ta’ l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Jiġi adottat kodiċi ta’ l-etika u tiġi stabbilita sistema indipendenti u effettiva għall-ilmenti sabiex tiġi żgurata responsabbiltà akbar li tkopri l-korpi kollha ta’ l-infurzar tal-liġi.

Jitkomplew l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni (anki permezz ta’ l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni), tiżdied il-kapaċità fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali skond l-istandards internazzjonali.

Jiġi konkluż b’mod urġenti ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid ma’ l-UE.

Isir progress fit-tħejjijiet għall-adozzjoni ta’ liġi komprensiva dwar l-ażil skond l-acquis, inkluż l-istabbiliment ta’ awtorità dwar l-ażil.

Jitkomplew l-isforzi biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri inkluż permezz tad-definizzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni preċiż. Għandhom jittieħdu passi biex tiġi stabbilita l-awtorità l-ġdida għall-infurzar tal-liġi dwar il-fruntieri.

Tiġi implimentata l-istrateġija nazzjonali dwar il-kriminalità organizzata. Tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, id-droga, it-traffikar tal-persuni, il-frodi, il-korruzzjoni u l-money laundering.

Kapitolu 26:   Edukazzjoni u Kultura

Tittejjeb il-kapaċità amministrattiva ta’ l-Aġenżija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja u għaż-Żgħażagħ fl-Azzjoni sabiex tkun tista’ tittratta ż-żieda fil-volum tax-xogħol.

Kapitolu 27:   Ambjent

Tiġi adottata strateġija komprensiva għat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar gradwali ta’ l-acquis, inklużi pjanijiet sabiex tinbena l-kapaċità amministrattiva neċessarja fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, b’indikazzjoni ta’ l-għanijiet u l-iskedi taż-żmien.

Jitkomplew t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ l-acquis, b’mod partikolari l-leġislazzjoni orizzonali u l-leġislazzjoni qafas, bħall-valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali, inklużi l-aspetti transkonfini, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva.

Jiġi adottat il-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni ta’ l-Iskart.

Kapitolu 28:   Protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa

Jitkompla l-allinjament ma’ l-acquis dwar il-konsumatur u dwar is-saħħa, inkluż fl-oqsma tad-demm, it-tessuti, iċ-ċelloli u t-tabakk, u jiġi żgurat l-eżistenza ta’ strutturi amministrattivi u kapaċità ta’ l-infurzar adegwati.

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-qrati, anki permezz ta’ taħriġ, tiġi żgurata l-konsistenza fl-interpretazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-konsumatur.

Kapitolu 29:   Unjoni Doganali

Tiġi allinjata l-leġislazzjoni dwar iż-żoni liberi ma’ l-acquis rilevanti, b’mod partikolari fil-każ tar-regoli dwar il-kontrolli doganali u l-verifika tat-taxxa.

Tissaħħaħ il-kapaċità ta’ infurzar ta’ l-amministrazzjoni doganali, b’mod partikolari rigward il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali u l-falsifikazzjoni. Jitkomplew it-tħejjijiet għall-interkonnettività tas-sistemi ta’ l-informatika ma’ l-UE.

Tiġi eliminata l-eżenzjoni mid-dazji doganali għall-merkanzija koperta mill-Unjoni Doganali li tinbiegħ fil-ħwienet mingħajr dazju lill-vjaġġaturi li jidħlu fit-Turkija.

Kapitolu 30:   Relazzjonijiet esterni

Isir allinjament mal-pożizzjoni ta’ l-UE fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, rigward l-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ Doha u fl-OECD.

Jitkompla l-allinjament mas-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) tal-Komunità Ewropea.

Jitkomplew l-isforzi biex jiġu konklużi ftehim ta’ kummerċ liberu pendenti ma’ pajjiżi terzi konformement ma’ l-acquis.

Kapitolu 31:   Politika estera, ta’ sigurtà u ta’ difiża

Jitkompla l-allinjament ma’ pożizzjonijiet komuni, dikjarazzjonijiet, stqarrijiet u démarches ta’ l-UE dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK).

Isir allinjament tal-linji ta’ politika rigward pajjiżi terzi u l-pożizzjonijiet fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali ma’ dawk ta’ l-UE u l-Istati Membri tagħha, inkluż rigward is-sħubija ta’ l-Istati Membri kollha ta’ l-UE f’organizzazzjonijiet u arranġamenti rilevanti bħal Wassenaar.

Kapitolu 32:   Kontroll finanzjarju

Jiġu adottati Dokument ta’ Politika aġġornat dwar il-Kontroll Finanzjarju Intern Pubbliku (PIFC) u l-leġislazzjoni dwar il-PIFC derivata.

Tiġi adottata l-leġislazzjoni pendenti biex jiġi garantit il-funzjonament tal-Qorti tal-Kontijiet Torka skond l-istandards u l-linji gwida ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Istituzzjonijiet Supremi ta’ Verifika (INTOSAI).

Tiġi stabbilita struttura ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi, li tkun indipendenti mill-aspett operattiv, għall-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-UE.

3.2.   Prijoritajiet għall-Perijodu Medju

Kriterji Ekonomiċi

Jitlesta l-programm ta’ privatizzazzjoni.

Tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Jitkompla t-titjib tal-livell ġenerali ta’ l-edukazzjoni u s-saħħa, b’attenzjoni partikolari għall-ġenerazzjoni żagħżugħa u n-nisa.

Tittejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż, b’mod partikolari fl-enerġija u t-trasport, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ta’ l-ekonomija globalment.

Kapaċità li tassumi l-obbligi tas-sħubija

Kapitolu 2:     Moviment liberu tal-ħaddiema

Jiġi żgurat li s-Servizzi Pubbliċi ta’ l-Impjiegi jkollhom il-kapaċità adegwata biex jiggarantixxu l-parteċipazzjoni fin-netwerk EURES (Servizzi Ewropej ta’ l-Impjiegi)

Jitkompla t-tisħiħ ta’ l-istrutturi amministrattivi, b’mod partikolari għall-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali.

Kapitolu 3:     Dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi

Ikomplu jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfini.

Jitkompla l-allinjament ma’ l-acquis għas-servizzi postali.

Jitkompla l-allinjament ma’ l-acquis għar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali u, b’mod partikolari, issir ħidma biex jitħassru r-rekwiżiti ta’ nazzjonalità.

Kapitolu 5:     Akkwist pubbliku

Tiġi implimentata l-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku.

Jiġi promoss l-użu ta’ mezzi elettroniċi fil-proċeduri ta’ l-akkwist.

Kapitolu 6:     Liġi dwar il-kumpaniji

Jiġi adottat qafas ta’ rappurtar finanzjarju b’għan ġenerali fil-qasam tal-kontabbiltà u l-verifika tal-kumpaniji skond l-istandards ta’ l-UE.

Jissaħħu r-rekwiżiti dwar l-iżvelar. B’mod partikolari, jiġi adottat rekwiżit ġenerali li jobbliga lill-kumpaniji jikklassifikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ entitajiet legali li għaddew minn verifika u l-istati finanzjarji konsolidati sabiex dawn isiru disponibbli għall-pubbliku.

Kapitolu 7:     Liġi dwar il-proprjetà intellettwali

Jitkompla l-allinjament u jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

Kapitolu 8:     Politika dwar il-kompetizzjoni

Tiġi allinjata l-leġislazzjoni sekondarja fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat.

Tiġi żgurata t-trasparenza fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat skond l-impenji bilaterali eżistenti. Tingħata informazzjoni lill-Komunità dwar l-iskemi kollha ta’ għajnuna fis-seħħ u ssir notifika minn qabel ta’ kull għajnuna individwali li tkun ser tingħata.

Kapitolu 10:     Soċjetà ta’ l-informazzjoni u l-medja

Titkompla t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-acquis fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u ssir it-tħejjija għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-swieq.

Jitkompla l-allinjament ma’ l-acquis fis-settur awdjoviżiv u tissaħħaħ l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva ta’ l-awtorità regolatorja.

Kapitolu 11:     Agrikoltura u żvilupp rurali

Jitkompla l-iżvilupp ta’ sistema ta’ identifikazzjoni ta’ l-artijiet u s-Sistema Nazzjonali ta’ Reġistrazzjoni tal-Bdiewa biex jitħejjew il-kontrolli fuq l-art agrikola.

Tinbeda t-tħejjija għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet pilota relatati ma’ l-ambjent u l-kampanja, bil-ħsieb ta’ l-implimentazzjoni futura ta’ miżuri agro-ambjentali.

Kapitolu 12:     Sigurtà ta’ l-ikel, politika veterinarja u fitosanitarja

Jiġu adottati miżuri ta’ kontroll għall-mard ta’ l-annimali u jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ eradikazzjoni fejn dan ikun iġġustifikat mis-sitwazzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali.

Jittejbu l-kapaċitajiet tal-laboratorju u ta’ kontroll fis-sigurtà ta’ l-ikel, fil-qasam veterinarju u fitosanitarju, b’mod partikolari rigward il-laboratorji ta’ referenza, l-ittestjar tar-residwi (inklużi pjanijiet ta’ kontroll) u l-proċeduri tat-teħid ta’ kampjuni.

Tiġi allinjata l-leġislazzjoni dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli (TSE) u dwar il-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u tinbeda s-sistema ta’ ġbir u trattament neċessarja.

Kapitolu 13:     Sajd

Tiġi stabbilita sistema affidabbli ta’ valutazzjoni tal-ħażniet biex tiġi pprovduta informazzjoni preċiża dwar ir-riżorsi marini.

Jiġi adattat ir-reġistru eżistenti tal-flotot għar-rekwiżiti ta’ l-UE.

Kapitolu 14:     Politika dwar it-trasport

Jitkompla l-allinjament leġislattiv u amministrattiv ma’ l-acquis dwar it-trasport b’mod partikolari rigward it-trasport bit-triq u s-sigurtà fl-ajru.

Tissaħħaħ il-kapaċità biex jiġi implimentat l-acquis ta’ l-UE, inklużi miżuri ta’ kontroll, skond l-istandards ta’ l-UE.

Kapitolu 15:     Enerġija

Jiġi żgurat l-istabbiliment ta’ suq intern ta’ l-enerġija kompetittiv, f’konformità mad-direttivi dwar l-elettriku u l-gass. Jitkompla t-tisħiħ ta’ l-istrutturi amministrattivi u regolatorji meħtieġa għal suq ta’ l-enerġija funzjonali u kompetittiv.

Tiġi adottata liġi nukleari li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà nukleari skond l-istandards ta’ l-UE.

Kapitolu 16:     Tassazzjoni

Jitkompla l-allinjament tad-dazji tas-sisa u tal-VAT, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis, l-eżenzjonijiet, l-iskemi speċjali, ir-rifużjonijiet tat-taxxa u l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa.

Kapitolu 18:     Statistika

Jissaħħaħ ir-rwol ta’ koordinazzjoni u tittejjeb il-kapaċità amministrattiva ta’ Turkstat sabiex il-ġbir, l-ipproċessar u d-disseminazzjoni tad-data jsiru fil-ħin.

Kapitolu 19:     Politika soċjali u impjiegi

Titkompla t-traspożizzjoni ta’ l-acquis u jissaħħu l-istrutturi amministrattivi u ta’ infurzar relatati, inklużi l-ispettorati tax-xogħol, flimkien ma’ l-imsieħba soċjali.

Tittejjeb il-kapaċità biex jiġu evalwati u mmonitorjati s-suq tax-xogħol u l-iżviluppi soċjali u biex jiġu indirizzati il-problemi strutturali.

Kapitolu 21:     Netwerks trans-Ewropej

Tingħata prijorità lill-proġetti identifikati skond il-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet għall-Infrastruttura tat-Trasport (TINA) u lill-proġetti ta’ interess komuni elenkati fil-Linji Gwida tal-Komunità Ewropea dwar TEN-Enerġija.

Kapitolu 22:     Politika reġjonali u koordinazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ politika strutturali

Tiġi żviluppata, fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali, il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-politika eventwali futura ta’ koeżjoni tal-Komunità.

Kapitolu 24:     Ġustizzja, libertà u sigurtà

Jiġu mħaffa l-isforzi biex tiġi stabbilita sistema integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri skond l-acquis, ibbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji u l-professjonaliżmu tal-persunal u li tkopri, fost l-oħrajn, mekkaniżmu pre-screening biex jiġu identifikati dawn il-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri.

Jitkompla l-allinjament ma’ l-acquis fil-qasam ta’ l-ażil, b’mod partikolari, billi titneħħa l-limitazzjoni ġeografika għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u permezz tat-tisħiħ tal-protezzjoni, l-appoġġ soċjali u miżuri ta’ integrazzjoni għar-refuġjati.

Tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-leġislazzjoni Torka ma’ l-acquis fi kwistjonijiet ċivili u tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġudikatura biex tapplika l-acquis.

Kapitolu 27:     Ambjent

Titkompla t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-acquis relatat mal-leġislazzjoni qafas, il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ambjent u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tan-natura, il-kwalità ta’ l-ilma, il-prodotti kimiċi, it-tniġġis industrijali u l-ġestjoni tar-riskju u l-ġestjoni ta’ l-iskart.

Ikun hemm integrazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali f’linji ta’ politika settorjali oħra.

Kapitolu 28:     Protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa

Jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni permezz ta’ l-infurzar effettiv tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-involviment ta’ l-organizzazzjonijiet rilevanti tal-konsumatur.

Fil-qasam tas-saħħa mentali, jiġu żviluppati servizzi bbażati fil-komunità bħala alternattiva għall-istituzzjonalizzazzjoni u tiġi żgurata l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-kura tas-saħħa mentali.

Kapitolu 29:     Unjoni Doganali

Jitlesta l-allinjament tal-leġislazzjoni doganali dwar l-oġġetti u t-teknoloġiji b’użu doppju, il-prekursuri u l-markanzija ffalsifikata jew ikkupjata.

Kapitolu 32:     Kontroll finanzjarju

Jiġi allinjat il-Kodiċi Kriminali Tork mal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-UE (PIF) u l-protokolli tagħha.

4.   PROGRAMMAZZJONI

L-assistenza finanzjarja għall-prijoritajiet identifikati fis-Sħubija għall-Adeżjoni se jkunu disponibbli permezz ta’ żewġ strumenti finanzjarji: il-programmi adottati qabel u fl-2006 ser ikunu implimentati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2500/2001 tas-17 ta’ Diċembru 2001 li jikkonċerna għajnuna finanzjarja ta’ qabel is-sħubija għat-Turkija (3). Il-programmi u l-proġetti adottati mill-2007 'l quddiem ser ikunu implimentati skond ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006. Skond iż-żewġ strumenti, il-Kummissjoni adottat/ser tadotta rispettivament deċiżjonijiet ta’ finanzjament li ser ikunu segwiti minn ftehim ta’ finanzjament iffirmati mill-Kummissjoni u mit-Turkija. Il-ftehim ta’ finanzjament iservu ta’ bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti.

It-Turkija għandha wkoll aċċess għal finanzjamenti minn programmi multinazzjonali u orizzontali.

5.   KONDIZZJONIJIET

L-assistenza Komunitarja għal proġetti ta’ finanzjament permezz ta’ l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni għandha bħala kondizzjoni r-rispett mit-Turkija ta’ l-impenji tagħha skond il-Ftehim KE-Turkija, inklużi d-Deċiżjoni 1/95 dwar l-Unjoni Doganali u deċiżjonijiet oħra, aktar passi konkreti biex jiġu sodisfatti b’mod effettiv il-kriterji ta’ Kopenħagen u, b’mod partikolari, il-progress dwar il-prijoritajiet speċifiċi ta’ din is-Sħubija għall-Adeżjoni riveduta.

Jekk ma jiġux rispettati dawn il-kondizzjonijiet ġenerali, il-Kunsill jista’ jieħu d-deċiżjoni li jissospendi l-għajnuna finanzjarja abbażi tar-Regolament (KE) Nru 2500/2001 jew abbażi ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (IPA). Kondizzjonijiet speċifiċi jinsabu inklużi wkoll fi programmi annwali individwali. Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament ser jiġu segwiti minn ftehim ta’ finanzjament iffirmat mat-Turkija.

6.   MONITORAĠĠ

L-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Adeżjoni għandha tiġi eżaminata bl-użu tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ikun xieraq u permezz tar-rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni.

Is-sottokumitati stabbiliti bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedu l-possibbiltà li tiġi riveduta l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni u l-progress rigward l-approssimazzjoni legali, l-implimentazzjoni u l-infurzar. Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jiddiskuti l-iżviluppi ġenerali, il-progress u l-problemi fl-ilħuq tal-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni kif ukoll kwistjonijiet aktar speċifiċi li jirriferulu s-sottokumitati.

Il-monitoraġġ tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja ta’ qabel l-adeżjoni għandu jitwettaq b’mod konġunt mit-Turkija u mill-Kummissjoni permezz ta’ kumitat konġunt ta’ monitoraġġ (JMC) jew Kumitat ta’ monitoraġġ IPA. Sabiex jiġi żgurat li l-monitoraġġ ikun effettiv, il-proġetti ffinanzjati taħt kull ftehim ta’ finanzjament għandhom jinkorporaw indikaturi verifikabbli u li jistgħu jitkejlu tal-kisbiet. Il-monitoraġġ ibbażat fuq dawn l-indikaturi ser jassisti lill-Kummissjoni, lill-Kumitat ta’ Monitoraġġ JMC/IPA u lit-Turkija biex sussegwentement jorjentaw mill-ġdid il-programmi fejn neċessarju u sabiex ifasslu programmi ġodda. Il-Kumitat ta’ Monitoraġġ JMC/IPA jiżgura li l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programmi ta’ qabel l-adeżjoni jkunu kompatibbli mas-Sħubija għall-Adeżjoni.

Is-Sħubija għall-Adeżjoni ser tkompli tiġi aġġustata kif meħtieġ skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 390/2001 (4).


(1)  Ara wkoll id-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta’ Settembru 2005.

(2)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1430/2007 (ĠU L 320, 6.12.2007, p. 3).

(3)  ĠU L 342, 27.12.2001, p. 1. Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 1085/2006.

(4)  ĠU L 58, 28.2.2001, p. 1.


Top