Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1082

    Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)

    ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19–24 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/06/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1082/oj

    31.7.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    19


    REGOLAMENT (KE) NRU 1082/2006 tal-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-5 ta' Lulju 2006

    dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat jipprevedi li jiġu deċiżi azzjonijiet speċifiċi barra mill-Fondi li huma s-suġġett ta' l-ewwel subparagrafu ta' dak l-Artikolu, sabiex jinkiseb l-objettiv ta' koeżjoni soċjali u ekonomika previst mit-Trattat. L-iżvilupp armonjuż tat-territorju Komunitarju kollu u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar jimplikaw it-tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali. Għal dan il-għan huwa xieraq li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta' implementazzjoni għal azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali.

    (2)

    Huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet sinifikattivi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri, u b'mod partikolari, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, fl-implementazzjoni u l-amministrazzjoni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali fi ħdan il-qafas tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali differenti.

    (3)

    Waqt li jittieħed kont b'mod partikolari taż-żieda fin-numru ta' fruntieri terrestri u marittimi fil-Komunità wara t-tkabbir tagħha, huwa meħtieġ li jiġi ffaċilitat ir-rinforz ta' koperazzjoni territorjali fil-Komunità.

    (4)

    L-istrumenti eżistenti, bħar-raggruppament Ewropew ta' interess ekonomiku, urew li m'humiex adatti biżżejjed sabiex tiġi organizzata koperazzjoni strutturata taħt l-inizjattiva INTERREG matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006.

    (5)

    L-acquis tal-Kunsill ta' l-Ewropa jipprovdi opportunitajiet u oqfsa differenti li fi ħdanhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkoperaw minn-naħa għal oħra tal-fruntieri. Dan l-istrument mhuwiex maħsub sabiex jaħrab dawk l-oqfsa jew sabiex jipprovdi sett ta' regoli speċifiċi komuni li jirregolaw b'mod uniformi l-arranġamenti kollha bħal dawn fil-Komunità kollha.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (4) jżid il-mezzi li jsostnu l-koperazzjoni territorjali Ewropea.

    (7)

    Bl-istess mod huwa meħtieġ li tiġi ffaċilitata u segwita l-implementazzjoni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali mingħajr kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.

    (8)

    Sabiex jingħelbu l-ostakoli li jfixklu l-koperazzjoni territorjali, jeħtieġ li jinħoloq strument ta' koperazzjoni fil-livell Komunitarju għall-ħolqien ta' raggruppamenti koperattivi fit-territorju Komunitarju, li jkollhom personalità ġuridika, imsejħin “raggruppamenti Ewropej ta' koperazzjoni territorjali” (REKT). Ir-rikors għal REKT m'għandux ikun obbligatorju.

    (9)

    Huwa xieraq li REKT jingħata l-kapaċità li jaġixxi f'isem il-membri tiegħu, u b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali li minnhom ikun iffurmat.

    (10)

    Il-kompiti u l-kompetenzi ta' REKT għandhom jiġu stabbiliti f'konvenzjoni.

    (11)

    REKT għandu jkun jista' jaġixxi, jew bl-iskop ta' l-implementazzjoni ta' programmi jew proġetti ko-finanzjati mill-Komunità, b'mod partikolari taħt il-Fondi Strutturali konformement mar- Regolament (KE) Nru 1083/2006 u mar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (5) jew bl-iskop tat-twettiq ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali li jkunu biss l-inizjattiva ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom kemm b'kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif ukoll mingħajrha.

    (12)

    Għandu jiġi speċifikat li r-responsabbiltà finanzjarja ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll dik ta' l-Istati Membri, fir-rigward ta' l-amministrazzjoni kemm tal-fondi Komunitarji kif ukoll tal-fondi nazzjonali, ma tkunx milquta mill-formazzjoni ta' REKT.

    (13)

    Għandu jiġi speċifikat li s-setgħat eżerċitati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari s-setgħat tal-pulizija u dawk regolatorji, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' konvenzjoni.

    (14)

    Huwa meħtieġ li REKT jistabbilixxi l-istatuti tiegħu u jgħammar lilu nnifsu bl-organi tiegħu stess, kif ukoll b'regoli għall-budget tiegħu u għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu.

    (15)

    Il-kondizzjonijiet għall-koperazzjoni territorjali għandhom jinħolqu skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà proklamat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, billi mhuwiex obbligatorju r-rikors għal REKT, skond is-sistema kostituzzjonali ta' kull Stat Membru.

    (16)

    It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat ma jippermettix l-inklużjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi fil-leġislazzjoni bbażata fuq dik id-dispożizzjoni. L-adozzjoni ta' miżura Komunitarja li tippermetti l-ħolqien ta' REKT m'għandhiex, madanakollu, teskludi l-possibbiltà li entitajiet minn pajjiżi terzi jipparteċipaw f'REKT iffurmat skond dan ir-Regolament fejn dan ikun permess mil-liġi ta' xi pajjiż terz jew minn xi ftehim bejn Stati Membri u pajjiżi terzi.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    In-natura ta' REKT

    1.   Raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “REKT”, jista' jiġi stabbilit fuq territorju Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet u suġġett għall-arranġamenti previsti minn dan ir-Regolament.

    2.   L-objettiv ta' REKT għandu jkun li jiffaċilita u jippromwovi koperazzjoni transkonfinali, trans-nazzjonali u/jew inter-reġjonali, minn hawn 'l quddiem imsejħa “koperazzjoni territorjali” bejn il-membri tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 3(1), bil-għan esklussiv li tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali.

    3.   REKT għandu jkollu personalità ġuridika.

    4.   F'kull wieħed mill-Istati Membri REKT għandu jkollu l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi fil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. Huwa jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jimpjega persunal u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

    Artikolu 2

    Liġi applikabbli

    1.   REKT għandu jkun regolat minn dawn li ġejjin:

    (a)

    dan ir-Regolament;

    (b)

    fejn ikun espressament awtorizzat minn dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni u l-istatuti msemmija fl-Artikoli 8 u 9;

    (ċ)

    fil-każ ta' materji li ma jkunux, jew li jkunu biss parzjalment, regolati minn dan ir-Regolament, il-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

    Fejn ikun meħtieġ taħt id-dritt Komunitarju jew taħt dak internazzjonali privat li tiġi stabbilita l-għażla tal-liġi li tirregola l-atti ta' REKT, REKT għandu jiġi ttrattat bħala entità ta' l-Istat Membru fejn huwa ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

    2.   Fejn Stat Membru jkun fih diversi entitajiet territorjali li jkollhom applikabbli r-regoli tal-liġi tagħhom stess, ir-referenza għal-liġi applikabbli taħt il-paragrafu 1(ċ) għandha tinkludi l-liġi ta' dawk l-entitajiet, b'kont meħud ta' l-istruttura kostituzzjonali ta' l-Istat Membru konċernat.

    Artikolu 3

    Il-kompożizzjoni ta' REKT

    1.   REKT għandu jkun magħmul minn membri, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom taħt il-liġi nazzjonali, li jappartjenu lil waħda jew iżjed mill-kategoriji li ġejjin:

    (a)

    Stati Membri;

    (b)

    awtoritajiet reġjonali;

    (ċ)

    awtoritajiet lokali;

    (d)

    korpi regolati mil-liġi pubblika fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (6).

    Jistgħu jkunu membri wkoll assoċjazzjonijiet li jikkonsistu minn korpi li jappartjenu lil waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji.

    2.   REKT għandu jkun magħmul minn membri li jinsabu fit-territorju ta' mill-inqas żewġ Stati Membri.

    Artikolu 4

    L-istabbiliment ta' REKT

    1.   Id-deċiżjoni li jiġi stabbilit REKT għandha tittieħed fuq l-inizjattiva tal-membri prospettivi tiegħu.

    2.   Kull membru prospettiv għandu:

    (a)

    jinnotifika lill-Istat Membru li taħt il-liġi tiegħu huwa jkun ġie ffurmat dwar l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa f'REKT; u

    (b)

    jibgħat lil dak l-Istat Membru kopja tal-konvenzjoni u l-istatuti proposti msemmija fl-Artikoli 8 u 9.

    3.   Wara notifika taħt il-paragrafu 2 minn membru prospettiv, l-Istat Membru konċernat għandu, b'kont meħud ta' l-istruttura kostituzzjonali tiegħu, japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv fir-REKT, sakemm huwa ma jqisx li tali parteċipazzjoni mhijiex konformi ma' dan ir-Regolament, jew mal-liġi nazzjonali, inklużi s-setgħat u d-dmirijiet tal-membru prospettiv jew li tali parteċipazzjoni mhijiex ġustifikata għal raġunijiet ta' interess pubbliku jew ta' politika pubblika ta' dak l-Istat Membru. F'tali każ, l-Istat Membru għandu jagħti dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu għar-rifjut ta' l-approvazzjoni.

    Bħala regola ġenerali, l-Istat Membru għandu jasal għad-deċiżjoni tiegħu fi żmien terminu perentorju ta' tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni ta' applikazzjoni ammissibbli skond il-paragrafu 2.

    Fid-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni fir-REKT tal-membru prospettiv, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali.

    4.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu n-notifiki u d-dokumenti kif stabbilit fil-paragrafu 2.

    5.   Il-membri għandhom jaqblu dwar il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8 u dwar l-istatuti msemmija fl-Artikolu 9 u jiżguraw konsistenza ma' l-approvazzjoni ta' l-Istati Membri skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

    6.   Kwalunkwe emenda magħmula lill-konvenzjoni u kwalunkwe emenda sostanzjali magħmula lill-istatuti għandhom jiġu approvati mill-Istati Membri skond il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu. L-emendi sostanzjali magħmula lill-istatuti għandhom ikunu dawk li jinvolvu, direttament jew indirettament, emenda lill-konvenzjoni.

    Artikolu 5

    Il-ksib ta' personalità ġuridika u l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

    1.   L-istatuti msemmija fl-Artikolu 9 u kwalunkwe emenda sussegwenti magħmula lilhom għandhom jiġu reġistrati u/jew pubblikati skond il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn ir-REKT konċernat ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fil-jum tar-reġistrazzjoni jew pubblikazzjoni, skond liema ssir l-ewwel. Il-membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri konċernati u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-konvenzjoni u r-reġistrazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni ta' l-istatuti.

    2.   Ir-REKT għandu jiżgura li, fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mir-reġistrazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni ta' l-istatuti, tiġi mibgħuta talba lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għall-pubblikazzjoni ta' avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jħabbar l-istabbiliment tar-REKT b'dettalji dwar l-isem, l-objettivi, il-membri u l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

    Artikolu 6

    Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi

    1.   Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi minn REKT għandu jkun organizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. L-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinnomina l-awtorità kompetenti għal dan il-kompitu qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-parteċipazzjoni fir-REKT taħt l-Artikolu 4.

    2.   Fejn ikun meħtieġ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri konċernati oħrajn, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri konċernati oħrajn iwettqu kontrolli fit-territorju tagħhom fir-rigward ta' dawk l-atti tar-REKT li jitwettqu f'dawk l-Istati Membri u jiskambjaw l-informazzjoni xierqa kollha.

    3.   Il-kontrolli kollha għandhom jitwettqu skond standards ta' verifika aċċettati internazzjonalment.

    4.   Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3, fejn il-kompiti ta' REKT msemmija taħt l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(3) jinkludu azzjonijiet li huma ko-finanzjati mill-Komunità, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni relevanti relattiva għall-kontroll ta' fondi provduti mill-Komunità.

    5.   L-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri konċernati oħrajn dwar kwalunkwe diffikultà li jkun iltaqa' magħha waqt il-kontrolli.

    Artikolu 7

    Kompiti

    1.   REKT għandu jwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-membri tiegħu skond dan ir-Regolament. Il-kompiti tiegħu għandhom ikunu definiti mill-konvenzjoni miftiehma mill-membri tiegħu, konformement ma' l-Artikoli 4 u 8.

    2.   REKT għandu jaġixxi fil-konfini tal-kompiti mogħtija lilu, li għandhom ikunu limitati għall-faċilitazzjoni u għall-promozzjoni tal-koperazzjoni territorjali sabiex tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali u għandhom jiġu determinati mill-membri tiegħu abbażi li kollha jkunu jaqgħu fil-limiti tal-kompetenza ta' kull membru taħt il-liġi nazzjonali tiegħu.

    3.   Speċifikament, il-kompiti ta' REKT għandhom ikunu limitati primarjament għall-implementazzjoni ta' programmi jew proġetti ta' koperazzjoni territorjali ko-finanzjati mill-Komunità, permezz tal- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, tal- Fond Soċjali Ewropew u/jew tal-Fond ta' Koeżjoni.

    Ir-REKT jistgħu jwettqu azzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' koperazzjoni territorjali bejn il-membri tagħhom sabiex jilħqu l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), kemm jekk ikollhom kontribut finanzjarju mill-Komunità u kemm jekk le.

    L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kompiti li r-REKT jistgħu jwettqu mingħajr kontribut finanzjarju mill-Komunità. Madankollu, dawk il-kompiti għandhom jinkludu mill-inqas l-azzjonijiet ta' koperazzjoni elenkati taħt l-Artikolu 6 tar- Regolament (KE) Nru 1080/2006.

    4.   Il-kompiti mogħtija lil REKT mill-membri tiegħu ma għandhomx jikkonċernaw l-eżerċizzju ta' setgħat mogħtija mil-liġi pubblika jew ta' dmirijiet li l-objettiv tagħhom ikun li jissalvagwardjaw l-interessi ġenerali ta' l-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħrajn, bħas-setgħat tal-pulizija u dawk regolatorji, il-ġustizzja u l-politika barranija.

    5.   Il-membri ta' REKT jistgħu jiddeċiedu b'mod unanimu li jagħtu s-setgħa lil wieħed mill-membri sabiex jesegwixxi l-kompiti tiegħu.

    Artikolu 8

    Konvenzjoni

    1.   REKT għandu jkun iggvernat minn konvenzjoni konkluża unanimament mill-membri tiegħu skond l-Artikolu 4.

    2.   Il-konvenzjoni għandha tispeċifika:

    (a)

    l-isem tar-REKT u l-uffiċċju reġistrat tiegħu, li għandu jkun fi Stat Membru li taħt il-liġijiet tiegħu mill-inqas wieħed mill-membri jkun iffurmat;

    (b)

    il-medda tat-territorju li fih ir-REKT jista' jesegwixxi l-kompiti tiegħu;

    (ċ)

    l-objettiv speċifiku u l-kompiti tar-REKT, it-terminu ta' żmien tiegħu u l-kondizzjonijiet li jiggvernaw ix-xoljiment tiegħu;

    (d)

    il-lista tal-membri tar-REKT;

    (e)

    il-liġi applikabbli għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-konvenzjoni, li għandha tkun il-liġi ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu;

    (f)

    l-arranġamenti xierqa għal rikonoxximent reċiproku, inklużi dawk għall-kontroll finanzjarju; u

    (g)

    il-proċeduri għall-emendament tal-konvenzjoni, li għandhom jikkonformaw ma' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

    Artikolu 9

    Statuti

    1.   L-istatuti ta' REKT għandhom jiġu adottati abbażi tal-konvenzjoni magħmula mill-membri tiegħu billi jaġixxu unanimament.

    2.   L-istatuti ta' REKT għandhom jikkontjenu, bħala minimu, id-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni flimkien ma' dawn li ġejjin:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet operattivi ta' l-organi tar-REKT u l-kompetenzi tagħhom, kif ukoll in-numru ta' rappreżentanti tal-membri fl-organi relevanti;

    (b)

    il-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet tar-REKT;

    (ċ)

    il-lingwa jew lingwi operattivi;

    (d)

    l-arranġamenti għall-funzjonament tiegħu, b'mod partikolari rigward l-amministrazzjoni tal-persunal, il-proċeduri ta' reklutaġġ u n-natura tal-kuntratti tal-persunal;

    (e)

    l-arranġamenti għall-kontributi finanzjarji tal-membri u r-regoli applikabbli tal-kontabbiltà u tal-baġit, inklużi dawk dwar kwistjonijiet finanzjarji, ta' kull wieħed mill-membri tar-REKT fir-rigward tiegħu;

    (f)

    l-arranġamenti għar-responsabbiltà tal-membri skond l-Artikolu 12(2);

    (g)

    l-awtoritajiet responsabbli għan-nomina ta' awdituri esterni indipendenti; u

    (h)

    il-proċeduri għall-emendament ta' l-istatuti, li għandhom jikkonformaw ma' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

    Artikolu 10

    L-organizzazzjoni ta' REKT

    1.   REKT għandu jkollu mill-inqas l-organi li ġejjin:

    (a)

    assemblea, li tkun magħmula minn rappreżentanti tal-membri tiegħu;

    (b)

    direttur, li jirrapreżenta lir-REKT u li jaġixxi f'ismu.

    2.   L-istatuti jistgħu jipprovdu għal organi addizzjonali b'setgħat definiti b'mod ċar.

    3.   REKT għandu jkun responsabbli għall-atti ta' l-organi tiegħu fir-rigward ta' terzi, anke fejn tali atti ma jaqgħux fil-limiti tal-kompiti tar-REKT.

    Artikolu 11

    Baġit

    1.   REKT għandu jistabbilixxi baġit annwali li ġhandu jiġi adottat mill-assemblea, li jikkontjeni, b'mod partikolari, komponent dwar spejjeż ta' kuljum u, jekk meħtieġ, komponent operattiv.

    2.   Il-preparazzjoni tal-kontijiet tiegħu inkluż, fejn meħtieġ, ir-rapport annwali li jakkumpanjah u l-verifika u l-pubblikazzjoni ta' dawk il-kontijiet, għandhom ikunu regolati skond l-Artikolu 2(1)(ċ).

    Artikolu 12

    Likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u responsabbiltà

    1.   Fir-rigward ta' likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u proċeduri simili, REKT għandu jkun regolat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-paragrafi 2 u 3.

    2.   REKT għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu rrispettivament min-natura tagħhom.

    Sa fejn l-assi ta' REKT ikunu insuffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tiegħu, il-membri tiegħu għandhom ikunu responsabbli għad-djun tar-REKT irrispettivament min-natura tagħhom, bis-sehem ta' kull membru ffissat proporzjonalment għall-kontibuzzjoni tiegħu, sakemm il-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat membru ma teskludix jew ma tillimitax ir-responsabbiltà ta' dak il-membru. L-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu ffissati fl-istatuti.

    Jekk ir-responsabbiltà ta' mill-inqas membru wieħed ta' REKT tkun limitata bħala riżultat tal-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat, il-membri l-oħra jistgħu wkoll jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fl-istatuti.

    Il-membri jistgħu jipprovdu fl-istatuti li huma jkunu responsabbli, wara li jkunu waqfu li jkunu membri ta' REKT, għall-obbligi li jirriżultaw minn attivitajiet tar-REKT matul l-isħubija tagħhom.

    L-isem ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma ’limitat’.

    Il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni, ta' l-istatuti u tal-kontijiet ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandha tkun mill-inqas ugwali għal dik meħtieġa għal tipi oħra ta' entità ġuridika li l-membri tagħhom ikollhom responsabbiltà limitata iffurmati taħt il-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn dak ir-REKT ikollu l-uffiċju reġistrat tiegħu.

    Stat Membru jista' jipprojbixxi r-reġistrazzjoni fit-territorju tiegħu ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata.

    3.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà finanzjarja ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe finanzjament mill-Fondi Strutturali u/jew ta' Koeżjoni provduti lil REKT, l-ebda responsabbiltà finanzjarja ma għandha tirriżulta għall-Istati Membri taħt dan ir-Regolament fir-rigward ta' REKT li tiegħu huma ma jkunux membri.

    Artikolu 13

    Interess pubbliku

    Fejn REKT iwettaq kwalunkwe attività bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' Stat Membru dwar il-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-moralità pubblika, jew bi ksur ta' l-interess pubbliku ta' Stat Membru, korp kompetenti ta' dak l-Istat Membru jista' jipprojbixxi dik l-attività fuq it-territorju tiegħu jew jeżiġi li dawk il-membri li jkunu ġew iffurmati taħt il-liġi tiegħu jirtiraw mir-REKT sakemm ir-REKT ma jieqafx mill-attività msemmija.

    Tali projbizzjonijiet ma għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' restrizzjoni arbitrarja jew moħbija fuq il-koperazzjoni territorjali bejn il-membri tar-REKT. Għandha tkun possibbli r-reviżjoni tad-deċiżjoni ta' dak il-korp kompetenti minn awtorità ġudizzjarja.

    Artikolu 14

    Xoljiment

    1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment li jinsabu fil-konvenzjoni, fejn issir applikazzjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti b'interess leġittimu, il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandha tordna l-istralċ tar-REKT jekk issib li r-REKT ma jkunx għadu jikkonforma aktar mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1(2) jew 7 jew, b'mod partikolari, fejn ir-REKT ikun qiegħed jaġixxi barra mil-limiti tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7. Il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Istati Membri kollha li taħt il-liġi tagħhom ġew iffurmati l-membri dwar kwalunkwe applikazzjoni għax-xoljiment ta' REKT.

    2.   Il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tippermetti lir-REKT żmien sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni. Jekk ir-REKT jonqos milli jagħmel dan fiż-żmien permess, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tordna l-istralċ tiegħu.

    Artikolu 15

    Ġurisdizzjoni

    1.   It-terzi li jikkunsidraw ruħhom danneġġati mill-atti jew ommissjonijiet ta' REKT għandhom ikollhom id-dritt li jfittxu jinfurzaw ir-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju.

    2.   Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal disputi li involvu REKT. Fi kwalunkwe każ li ma jkunx previst f'tali leġislazzjoni Komunitarja, il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' disputi għandhom ikunu l-qrati ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

    Il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' disputi taħt l-Artikolu 4(3) jew (6), jew taħt l-Artikolu 13 għandhom ikunu l-qrati ta' l-Istat Membru li d-deċiżjoni tiegħu tkun kontestata.

    3.   Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jiċħad liċ-ċittadini mill-eżerċizzju tad-drittijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom ta' appell kontra korpi pubbliċi li jkunu membri ta' REKT fir-rigward ta':

    (a)

    deċiżjonijiet amministrattivi fir-rigward ta' attivitajiet li jkunu qegħdin jitwettqu minn REKT;

    (b)

    aċċess għal servizzi fil-lingwa tagħhom stess; u

    (ċ)

    aċċess għal informazzjoni.

    F'dawn il-każijiet il-qrati kompetenti għandhom ikunu dawk ta' l-Istat Membru li taħt il-kostituzzjoni tiegħu jirriżultaw id-drittijiet ta' appell.

    Artikolu 16

    Dispożizzjonijiet finali

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dawk id-dispożizzjonijiet li jkunu adegwati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

    Fejn ikun meħtieġ taħt it-termini tal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, Stat Membru jista' jistabbilixxi lista komprensiva tal-kompiti li l-membri ta' REKT, fis-sens ta' l-Artikolu 3(1), iffurmati taħt il-liġijiet tiegħu diġà jkollhom, sa fejn tkun konċernata l-koperazzjoni territorjali f'dak l-Istat Membru.

    L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn kif meħtieġ dwar kwalunkwe dispożizzjoni adottata taħt dan l-Artikolu.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-ħlas ta' onorarji in konnessjoni mar-reġistrazzjoni tal-konvenzjoni u ta' l-istatuti. Dawk l-onorarji ma jistgħux, madankollu, jeċċedu l-ispiża amministrattiva tagħhom.

    Artikolu 17

    Rapport u klawsola ta' reviżjoni

    Sa l-1 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-proposti għal emendi, fejn ikun xieraq.

    Artikolu 18

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2007, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 16, li għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, nhar il-5 ta' Lulju 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. LEHTOMAKI


    (1)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 76.

    (2)  ĠU C 71, 22.3.2005, p. 46.

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (5)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (6)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).


    Top