EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE4259

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE” [COM(2016) 371 final – 2016/0172 (COD)]

ĠU C 34, 2.2.2017, p. 176–181 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/176


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE”

[COM(2016) 371 final – 2016/0172 (COD)]

(2017/C 034/30)

Relatur:

is-Sur Jan SIMONS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 09/06/2016

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 22/06/2016

Bażi legali

Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

[COM(2016) 371 final – 2016/0172 (COD)]

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

06/10/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Riżultat tal-votazzjoni:

(favur/kontra/astensjonijiet)

222/2/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-għanijiet tal-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) bl-għan ġenerali li jistipula qafas legali ċar, sempliċi u konsistenti dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri li jkun aktar faċli biex jiġi implimentat, immonitorjat u nfurzat, waqt li jiġi żgurat il-livell ġenerali ta’ sikurezza għall-passiġġieri u l-ekwipaġġ tal-bastiment.

1.2.

Il-KESE jagħti importanza kbira li tkun teżisti sistema ta’ spezzjoni tal-UE applikabbli għall-vapuri tal-passiġġieri li joperaw fuq vjaġġi domestiċi u/jew internazzjonali waqt li jinżammu kundizzjonijiet ugwali fl-ibħra tal-UE għall-vapuri tal-passiġġieri kollha irrispettivament mill-bandiera li jtajru. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha primarjament tfittex li żżomm standards xierqa ta’ sikurezza marittima u l-ħarsien tal-ambjent marittimu fuq livell globali, li min-naħa tagħhom huma applikati għal bastimenti li jwettqu attività kummerċjali fl-ilmijiet tal-UE.

1.3.

Il-KESE jqis li hemm bżonn ulterjuri għal kjarifika u għal dispożizzjonijiet addizzjonali skont id-Direttiva l-ġdida proposta sabiex jiġu evitati spezzjonijiet żejda jew li jiġi impost piż addizzjonali fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, li jimminimizzaw l-operati kummerċjali tal-vapur jew li jikkawżaw għeja addizzjonali fuq l-ekwipaġġi. Dan jinkludi l-ħtieġa:

li jiġu evitati kwalunkwe spezzjonijiet żejda potenzjali bejn id-Direttiva l-ġdida proposta u d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port;

li jkun hemm koordinazzjoni adegwata bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiskedaw l-ispezzjonijiet.

1.4.

Filwaqt li d-Direttiva ġdida proposta b’mod adegwat għandha l-għan li tnaqqas l-għeja tal-ekwipaġġ tal-vapur, il-KESE jirrakkomanda li l-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-baħħara biex jaħdmu abbord bastiment, inkluża ċertifikazzjoni medika u tat-taħriġ koperti mill-STCW (Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara), hija essenzjali f’termini ta’ sikurezza marittima. Din il-konformità għandha tkun żgurata skont il-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti bħalma hija l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006, li tiġi implimentata fil-liġi tal-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE.

1.5.

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-KESE jagħraf li l-ammont ta’ dispożizzjonijiet għal kjarifika ser ikun jeħtieġ li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-kumpaniji marittimi jaġġustaw il-proċessi attwali tagħhom. Konsegwentement, il-KESE għalhekk jappoġġja r-rwol tal-EMSA u l-użu tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fi ħdan il-Grupp ta’ Sikurezza Marittima sabiex jiġu ffaċilitati l-proċessi tal-implimentazzjoni u tat-traspożizzjoni flimkien mal-gruppi ta’ esperti korrespondenti li jittrattaw l-ispezzjonijiet tal-kontroll tal-istat tal-port u l-implimentazzjoni tas-Single Window Nazzjonali.

1.6.

Il-KESE għandu seba’ kummenti tekniċi speċifiċi xi jressaq. Għal dawn, jekk jogħġbok ara t-taqsima 5 ta’ din l-Opinjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-konfigurazzjoni ġeografika tal-Ewropa bħala peniżola vasta tagħti indikazzjoni ta’ kemm huma kruċjali s-servizzi tat-trasport marittimu, inkluż it-trasport tal-passiġġieri. Aktar minn 400 miljun persuna jgħaddu mill-portijiet tal-UE kull sena, li minnhom 120 miljun huma trasportati minn vapuri tal-passiġġieri domestiċi. Għalhekk huwa importanti li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ sigurtà fl-ibħra tal-UE fid-dawl tal-fatt li l-leġislazzjoni dwar is-sigurtà tal-vapuri għandha implikazzjonijiet konsiderevoli, speċjalment għall-ambjent, il-liġijiet tax-xogħol, il-mobilità taċ-ċittadini tal-UE u l-iffaċilitar tal-kummerċ fil-vapuri tal-passiġġieri peress li dawn tal-aħħar jissodisfaw l-istess standards madwar l-UE.

2.2.

Għadhom minquxa fil-memorja ta’ kulħadd – speċjalment ta’ dawk interessati fi kwistjonijiet marittimi – l-inċidenti traġiċi tal-vapuri tal-baħar fond “Herald of Free Enterprise” u l-“Estonia”, fl-1987 u matul il-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 ta’ Settembru 1994, rispettivament; l-ewwel vapur kien qiegħed ibaħħar minn Zeebrugge, il-Belġju, filwaqt li t-tieni wieħed kien ħiereġ minn Tallinn lejn Stokkolma, fejn imtela bl-ilma u għereq ‘il barra mill-kosta Finlandiża. Il-Herald of Free Enterprise ħabat ma’ sikka tar-ramel; inqatlu 193 persuna. Fl-Estonia, rekord ta’ 852 persuna tilfu ħajjithom. Il-kawża: il-bibien tal-pruwa li minnhom jitgħabbew u jinħattu l-vetturi u n-nies (roll-on-roll-off bl-Ingliż, li minnu ġej it-term laneċ RO-RO) ma kinux magħluqa sew u tqaċċtu f’maltempata qalila rispettivament. Il-konsegwenza: il-vapuri mtlew bl-ilma u inklinaw fuq ġenbhom b’mod rapidu, imbagħad inqalbu, kollox fi żmien nofs siegħa.

2.3.

Wara d-diżastru tal-Estonia, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali adottat għadd ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), inklużi r-rekwiżiti biex titjieb l-istabbiltà tal-vapuri ro-ro meta tiġrilhom il-ħsara.

2.4.

Madankollu, għadhom iseħħu l-inċidenti, u dan wassal biex f’dawn l-aħħar għoxrin sena l-Ewropa introduċiet aktar regoli għas-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri, inklużi xi regoli speċifiċi, bħalma huma r-reġistru tal-persuni abbord, flimkien mas-SOLAS fuq vjaġġi internazzjonali, li tkopri wkoll il-vjaġġi bejn żewġ Stati Membri jew aktar, kif ukoll ħafna aktar regoli tal-UE għal vjaġġi nazzjonali.

2.5.

Il-proposti joħorġu mill-programm REFIT li qed twettaq il-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-leġislazzjoni dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri. L-abbrevjazzjoni “REFIT” tfisser l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni.

2.6.

L-għan kien li fejn possibbli r-regoli Ewropej eżistenti dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri jiġu ssemplifikati u standardizzati sabiex:

ir-regoli tal-UE jinżammu biss meta jkunu meħtieġa u proporzjonati;

tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta u uniformi;

jiġu eliminati d-duplikazzjonijiet u l-kontradizzjonijiet.

Dawn l-għanijiet jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar “REFIT”, kif stabbilit fl-Opinjoni esploratorja reċenti (SC/044, 26 ta’ Mejju 2016).

2.7.

Dan il-pakkett ta’ proposti koerenti jservi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Il-pakkett dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri jinkludi proposti sabiex jiġu riveduti kważi r-regolamenti Ewropej kollha ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, minbarra naturalment id-Direttiva 2003/25/KE purament teknika dwar il-ħtiġiet ta’ stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro.

2.8.

Il-pakkett jinkludi t-3 proposti li ġejjin:

biex jiġi limitat u ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE (standards tekniċi għal vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru fuq rotot nazzjonali);

biex jitjiebu u jiġu ċċarati l-obbligi ta’ rappurtar li jirriżultaw mid-Direttiva 98/41/KE (dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri) b’rabta ma’ strumenti oħra (id-Direttiva 2010/65/UE dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar u d-Direttiva 2002/59/KE dwar sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità), kif ukoll it-tneħħija tad-duplikazzjonijiet ma’ dawn l-oqsma;

biex tiġi ċċarata u ssemplifikata s-sistema tal-UE tal-istħarriġ u l-ispezzjonijiet għal-laneċ ro-ro (laneċ li jistgħu jittrasportaw il-karozzi u l-ferroviji kif ukoll lill-passiġġieri) u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri.

2.9.

Hija din l-aħħar proposta li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ta’ spezzjoni

3.1.

L-għan tal-proposta huwa li tiġi ċċarata u ssemplifikata s-sistema tal-UE ta’ stħarriġ u spezzjonijiet għal-laneċ ro-ro u għall-bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri, li attwalment huma imwettqa skont id-Direttiva 1999/35/KE (stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla perikolu ta’ laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri) u d-Direttiva 2009/16/KE (kontroll mill-Istat tal-Port).

3.2.

Il-proposta hija konformi mad-Direttivi 2009/21/KE u 2009/45/KE (l-istħarriġiet mill-Istat tal-bandiera ta’ bastimenti marittimi li jagħmlu vjaġġi internazzjonali u domestiċi, rispettivament). Hawnhekk ukoll, jidher li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tvarja minn Stat Membru għal ieħor.

3.3.

Il-proposta tixtieq li l-kunċett ta’ “Stat ospitanti” jitneħħa (skont id-Direttiva 1999/35/KE, huwa l-Istat ospitanti jew l-Istat fejn jopera l-vapur, taħt il-bandiera ta’ pajjiż ieħor, li huwa responsabbli biex jispezzjona l-laneċ ro-ro). L-ispezzjonijiet għandhom ikunu inkorporati fl-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port jew mill-Istat tal-bandiera. Fl-aħħar nett, għandu jiġi ċċarat meta għandhom isiru ż-żewġ spezzjonijiet annwali stipulati fid-Direttiva 1999/35/KE attwali.

3.4.

Għalhekk huwa propost li d-Direttiva 2009/16/KE tiġi emendata u li d-Direttiva 1999/35/KE titħassar u jiġu sostitwiti b’Direttiva ġdida. Il-punti ewlenin tad-Direttiva l-ġdida huma dawn:

jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-vapuri li jipprovdu servizzi regolari ta’ laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri bejn portijiet fi Stat Membru jew bejn port fi Stat Membru u port fi Stat terz fejn il-bandiera tal-vapur tkun l-istess bħal dik tal-Istat Membru inkwistjoni;

jitneħħew numru ta’ definizzjonijiet u referenzi bla użu bħal “passiġġier”, “stat ospitanti”, “vjaġġi internazzjonali”, “ċertifikat ta’ eżenzjoni”, u titħassar ir-referenza għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji tal-baħar li issa hija koperta mid-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

tiġi pprovduta sistema ta’ spezzjonijiet ibbażati fuq il-vapur (aktar milli fuq il-kumpanija) qabel il-bidu ta’ servizz regolari. Il-vapur għandu jgħaddi minn spezzjoni skont l-Anness II u numru ta’ kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I għandhom jiġu vverifikati wkoll;

jiġi stipulat li vapuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġu spezzjonati darbtejn fis-sena b’ċertu intervall bejn l-ispezzjonijiet u li waħda minn dawn l-ispezzjonijiet għandha tkun spezzjoni fis-servizz matul qsim regolari;

jiġi pprovdut li Stat Membru jista’, jekk jixtieq, jikkombina l-ispezzjoni ma’ stħarriġ tal-Istat tal-bandiera li jkollu jitwettaq fir-rigward ta’ vapur fuq bażi annwali;

ikun hemm konformità bejn id-dispożizzjonijiet relatati mar-rapporti ta’ spezzjoni, mal-projbizzjonijiet fuq it-tluq, mal-appelli, mal-ispejjeż, mal-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet u mal-penali u dawk previsti fid-Direttiva 2009/16/KE;

ikun hemm konformità bejn id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ atti ddelegati;

tiġi emendata d-Direttiva 2009/16/KE biex tiżgura li jinżammu l-kontenut u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet tal-laneċ ro-ro u tal-bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri;

tiġi pprovduta valutazzjoni tad-Direttiva mill-Kummissjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-għanijiet tal-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) bl-għan ġenerali li jistipula qafas legali ċar, sempliċi u konsistenti dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri li jkun aktar faċli biex jiġi implimentat, immonitorjat u nfurzat, waqt li jiġi żgurat il-livell ġenerali ta’ sikurezza għall-passiġġieri u l-ekwipaġġ tal-bastiment. B’mod konsistenti, dawn ir-REFITs u l-evalwazzjonijiet jikkomplementaw ukoll l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropea għat-Trasport Marittimu (COM/2009/8 final), sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal taż-żieda fid-domanda għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra u tas-servizzi tat-trasport bil-baħar għan-negozji u ċ-ċittadini fl-Ewropa.

4.2.

Kif muri mill-istatistika tal-inċidenti, il-qafas regolatorju eżistenti kiseb livell għoli ta’ sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri fl-ibħra tal-UE. Il-KESE japprova li reġgħu ġew enfasizzati l-indirizzar ta’ karatteristiċi speċifiċi relatati mas-sikurezza ta’ laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri permezz tal-proposta għal din id-Direttiva l-ġdida kif ukoll l-emendar tad-Direttiva 2009/16/KE. L-eżitu tar-REFIT jiċċara u jissemplifika r-rekwiżiti eżistenti skont l-istħarriġiet tad-Direttiva 1999/35/KE attwali, l-ispezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port li ġew estiżi u l-istħarriġ annwali tal-Istat tal-bandiera, filwaqt li jinżamm l-istess livell ta’ sikurezza għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri f’servizz regolari fl-ibħra tal-UE.

4.3.

Il-KESE jagħti importanza kbira li tkun teżisti sistema ta’ spezzjoni tal-UE applikabbli għall-vapuri tal-passiġġieri li joperaw fuq vjaġġi domestiċi u/jew internazzjonali waqt li jinżammu kundizzjonijiet ugwali fl-ibħra tal-UE għall-vapuri tal-passiġġieri kollha irrispettivament mill-bandiera li jtajru.

4.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s-semplifikazzjoni maħsuba mhux biss ser tipprovdi aktar ċarezza legali, iżda bl-istess mod ser tirrazzjonalizza aktar l-ammont ta’ spezzjonijiet li għandhom isiru mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u, fl-istess ħin, jiġu massimizzati l-operazzjonijiet kummerċjali tal-bastiment.

4.5.

Mill-2009 ‘l hawn, ir-reġim ġdid ta’ spezzjoni taħt il-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi kien qed jiffoka fuq il-prestazzjoni tat-tbaħħir billi jsiru aktar spezzjonijiet għal bastimenti ta’ standard baxx u aktar intervalli għal bastimenti ta’ standard għoli. Il-KESE jirrikonoxxi l-kisba tar-reġim ġdid ta’ spezzjoni msemmi hawn fuq, speċjalment meta wieħed iqis li l-piż amministrattiv kien ta’ tħassib dejjem akbar għal vapuri involuti fil-kummerċ marittimu fuq distanzi qosra u li kull spezzjoni addizzjonali żżid dan il-piż.

4.6.

Il-KESE jenfasizza li l-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-baħħara biex jaħdmu abbord bastiment, inkluża ċ-ċertifikazzjoni medika u ta’ taħriġ koperti mill-STCW, hija essenzjali f’termini ta’ sikurezza marittima u għalhekk għandha tkun żgurata f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti bħalma huma l-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu tal-2006, li hija implimentata fil-liġi tal-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE. Din id-Direttiva emendat ukoll il-leġislazzjoni speċifika dwar il-ħin tax-xogħol tal-baħħara, jiġifieri, id-Direttiva 1999/63/KE, li għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-baħħara billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi fir-rigward tal-ħin tax-xogħol. B’mod parallel,
id-Direttiva 1999/95/KE
għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà fuq il-baħar, tiġġieled kontra l-kompetizzjoni inġusta minn sidien tal-bastimenti ta’ pajjiżi terzi u tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-baħħara abbord vapuri li jużaw il-portijiet tal-UE.

4.7.

Il-KESE jagħraf li l-ammont ta’ dispożizzjonijiet għal kjarifika ser ikun jeħtieġ li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-kumpaniji marittimi jaġġustaw il-proċessi attwali tagħhom. Konsegwentement, il-KESE għalhekk jappoġġja r-rwol tal-EMSA u l-użu tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fi ħdan il-Grupp ta’ Sikurezza Marittima (grupp ta’ esperti permanenti u informali dwar is-sigurtà marittima) sabiex jiġu ffaċilitati l-proċessi tal-implimentazzjoni u tat-traspożizzjoni flimkien mal-gruppi ta’ esperti korrespondenti li jittrattaw l-ispezzjonijiet tal-kontroll tal-istat tal-port u l-implimentazzjoni tas-Single Window Nazzjonali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-opportunità offruta reċentement lill-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati biex jieħdu sehem fil-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri peress li pjattaformi ta’ diskussjoni ta’ dan it-tip, wara l-eżempju tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli (ESSF), jistgħu jkunu utli ħafna peress li ser jgħaqqdu flimkien lill-Kummissjoni Ewropea, il-partijiet interessati tal-industrija u tal-NGOs u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.8.

Fir-rigward ta’ spezzjonijiet regolari taħt l-Artikolu 5, jista’ jiġri li bastiment regolari soġġett għal spezzjonijiet taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva l-ġdida proposta jista’ wkoll ikun soġġett fl-istess ħin għal spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE, kif emendata b’din id-Direttiva permezz tal-Artikolu 14 dwar l-ispezzjoni tal-laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri f’servizz regolari. Din id-Direttiva l-ġdida proposta għandha tevita, għall-għan ta’ razzjonalizzazzjoni, l-ispezzjonijiet żejda potenzjali bejn iż-żewġ Direttivi msemmija hawn fuq.

4.8.1.

Minkejja li l-parametri ta’ riskju fis-sistema attwali tal-kontroll mill-Istat tal-port jistgħu jimplikaw li l-bastiment ma jkunx eliġibbli għal spezzjoni estiża fiż-żmien meta l-ispezzjoni tkun prevista abbażi tad-Direttiva ġdida proposta, tkun meħtieġa madankollu koordinazzjoni xierqa bejn l-Istati Membri sabiex tiġi soddisfata d-differenza fiż-żmien bejn iż-żewġ spezzjonijiet kif mitlub skont l-Artikolu 5(1)(b).

4.8.2.

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva l-ġdida proposta, il-Kummissjoni hija mitluba tistabbilixxi bażi ta’ data dwar l-ispezzjonijiet. Għandha ssir kjarifika dwar jekk tali bażi ta’ data dwar l-ispezzjonijiet tkunx ser tinżamm b’mod parallel għas-sistema THETIS tal-EMSA u l-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi, u b’mod partikolari kif l-ispezzjonijiet imwettqa skont din id-Direttiva l-ġdida ser jinfluwenzaw il-profil tar-riskju ta’ vapur taħt il-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi.

4.8.3.

B’referenza għall-Artikolu 1(1), għandu jiġi ċċarat jekk bil-kunċett “Stat terz” għandux jinftiehem Stat Membru li mhuwiex fl-UE jew kemm Stat Membru tal-UE kif ukoll Stat Membru li mhuwiex fl-UE. Il-KESE jifhem li “Stat terz” għandu jiġi definit bħala Stat Membru li mhuwiex fl-UE biss sabiex tiġi evitata l-konfużjoni ma’ laneċ ro-ro u inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri soġġetti għal spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port skont l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva l-ġdida proposta.

4.9.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha primarjament ir-rwol li tiżgura li kwalunkwe emenda għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva l-ġdida proposta ser iżżomm standard adegwat ta’ sigurtà marittima u ħarsien tal-ambjent marittimu fuq livell globali. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet dwar devjazzjoni futura possibbli mil-leġislazzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva l-ġdida proposta għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar pass, u għandhom jinkludu, fejn xieraq, l-azzjoni Ewropea biex jiġi żgurat li kwalunkwe konflitt bejn il-leġislazzjoni marittima tal-UE u l-istrumenti internazzjonali eventwalment iwasslu għal soluzzjoni kompatibbli fil-livell internazzjonali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Skont id-definizzjoni ta’ “servizz regolari” fl-Artikolu 2(5)(a) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva proposta l-ġdida, il-KESE jissuġġerixxi li d-definizzjoni tiġi ċċarata kif ġej: “skont il-lista disponibbli pubblikament jew ippjanata tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla”.

5.2.

Hemm rekwiżiti eċċessivi u li joħolqu konfużjoni bejn Spezzjonijiet ta’ qabel il-bidu skont l-Artikolu 3(2) u Eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-ispezzjoni ta’ qabel il-bidu skont l-Artikolu 4(1). Il-KESE jipproponi li jingħaqdu dawn iż-żewġ paragrafi taħt Artikolu 4(1) ġdid sabiex ikun hemm referenza konsistenti għall-kondizzjonijiet li fihom il-bastiment jista’ jaqbeż l-ispezzjonijiet sakemm spezzjonijiet jew stħarriġiet preċedenti tal-bastimenti jkunu nstabu sodisfaċenti mill-Istat Membru. Dan il-paragrafu ġdid għandu jirreferi wkoll għall-ispezzjonijiet ta’ qabel il-bidu meħtieġa għal-laneċ ro-ro u għall-inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri skont id-Direttiva 2009/16/KE kif emendata bl-Artikolu 14 tad-Direttiva l-ġdida proposta.

5.3.

Għalkemm id-Direttiva l-ġdida proposta tistabbilixxi proċedura fil-każ li trid issir sostituzzjoni rapida ta’ laneċ ro-ro jew ta’ inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri minħabba ċirkostanzi mhux previsti (l-Artikolu 4(3)), il-KESE jipproponi li jkun hemm proċedura speċifika għal bastiment ta’ sostituzzjoni għal perjodu limitat, meta ma jkunx japplika l-paragrafu 1 tal-Artikolu 4, f’każ ta’ manutenzjoni skedata tal-bastiment fuq servizz regolari.

5.4.

Ir-regolarità taż-żewġ spezzjonijiet annwali kif mitluba skont l-Artikolu 5(1)(b) għandha tkun speċifikata wkoll skont l-Artikolu 14(a)(2) sabiex jiġi żgurat, fir-rigward taż-żmien, livell komuni ta’ sigurtà bejn din id-Direttiva u d-Direttiva 2009/16/KE. Barra minn hekk, ir-regolarità taż-żewġ spezzjonijiet annwali li għandhom jitwettqu fuq perjodu ta’ 12-il xahar mhijiex speċifikata għal bastimenti li joperaw fuq servizz staġjonali u għandha tiġi ċċarata aktar.

5.5.

Ir-referenza skont l-Artikolu 5(1)(b) għal “numru biżżejjed tal-oġġetti elenkati fl-Annessi I u II” li għandhom ikunu koperti mill-ispezzjoni waqt servizz regolari toħloq konfużjoni. Il-KESE jissuġġerixxi li l-ispettur għandu jeżerċita l-ġudizzju professjonali tiegħu sabiex jiddeċiedi liema oġġetti għandhom jiġu spezzjonati, u sa liema livell, sabiex tkun iċċekkjata l-kondizzjoni globali f’dawn l-oqsma u tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ elementi li setgħu kienu diġà obbligatorjament ikkontrollati skont regolamenti internazzjonali oħra. Huwa ssuġġerit li ssir l-istess emenda għall-Artikolu 14(a)(2)(b). Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(b) u l-Anness III jistgħu, għal raġunijiet ta’ ċarezza, jindikaw li din hija spezzjoni fis-servizz matul qsim regolari. B’mod partikolari, spezzjonijiet fis-servizz fuq rotot tal-baħar ta’ distanzi qosra ħafna għandhom jiġu kkunsidrati kemm f’termini prattiċi kif ukoll fiż-żmien limitat disponibbli matul il-vjaġġ.

5.6.

Filwaqt li huwa ċar li d-Direttiva l-ġdida proposta ġiet ispirata mill-Artikolu 19 dwar ir-rettifika u d-detenzjoni skont id-Direttiva 2009/16/KE, din għandha tispeċifika li “meta spezzjoni ssir taħt din id-Direttiva, għandhom isiru l-sforzi kollha possibbli biex ikun evitat li bastiment jinżamm jew jiddewwem għalxejn”.

5.7.

Billi l-laneċ ro-ro u l-bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri huma ddefiniti separatament skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva l-ġdida proposta, il-KESE jissuġġerixxi, għal finijiet ta’ ċarezza, li għandha dejjem u esklużivament issir referenza għal jirreferu għal “laneċ ro-ro u l-bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri”. Il-premessa (6) tal-proposta għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


Top